Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0340

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 16 ta' Ottubru 2014.
    bpost SA vs Institut belge des services postaux et des télécommunications (IBPT).
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour d'appel de Bruxelles - il-Belġju.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Servizzi postali - Direttiva 97/67/KE - Artikolu 12 - Fornitur tas-servizz universali - Tariffi speċjali - Applikazzjoni għall-intermedjarji li jiġbru flimkien oġġetti postali - Obbligu ta’ nondiskriminazzjoni.
    Kawża C-340/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2302

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SHARPSTON

    ippreżentati fis-16 ta’ Ottubru 2014 ( 1 )

    Kawża C‑340/13

    bpost SA

    vs

    Institut belge des services postaux et des télécommunications (IBPT)

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Bruxelles (il‑Belġju)]

    “Servizzi postali — Direttiva 97/67/KE — Relazzjonijiet bejn il-fornitur tas-servizzi universali u l-intermedjarji li jiġbru flimkien oġġetti postali — Tariffi speċjali — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni — Tnaqqis kwantitattiv”

    1. 

    bpost hija fornitura ta’ servizzi universali (iktar ’il quddiem “USP”) ( 2 ) attiva fis-settur postali fil-Belġju. Flimkien ma’ tariffi standard applikabbli għas-servizz ta’ posta ta’ ittri, bpost tapplika żewġ tipi ta’ tnaqqis ta’ prezzijiet. “Tnaqqis operattiv” jingħata meta klijent iħejji l-posta qabel ma tinħadem minn bpost (pereżempju, l-issortjar skont il-format, l-imballaġġar u l-piż jew il-kunsinna ta’ posta ssortjata minn qabel fl-uffiċċji tal-issortjar ta’ bpost). “Tnaqqis kwantitattiv” huwa kkalkolat biss skont id-dħul iġġenerat għal bpost minn klijent matul perijodu ta’ referenza. Qabel l-2010, intermedjarji (impriżi li jiġbru flimkien posta mingħand diversi mittenti) jistgħu jiġmgħu l-volum ta’ posta li jaħdmu biex jiksbu iktar tnaqqis kwantitattiv. Dik il-possibbiltà għebet fl-2010 meta bpost iddeċidiet li tnaqqis kwantitattiv jiġi kkalkolat skont il-volumi ta’ posta li kull mittent jiddeċiedi li jimposta.

    2. 

    L-awtorità regolatorja nazzjonali għas-servizzi postali fil-Belġju (l-Institut belge des services postaux et des télécommunications; iktar ’il quddiem l-“IBPT”), iddeċidiet f’Lulju 2011 li l-metodu l-ġdid ta’ kalkolazzjoni ta’ bpost ma kienx konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Belġjan li ttraspona l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-ħames inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali ( 3 ). Dik id-deċiżjoni kienet ibbażata, essenzjalment, fuq il-fatt li kien hemm differenza fit-trattament bejn intermedjarji u mittenti individwali bil-kwantità minħabba li, għal kull volum ta’ posta kkonsenjata lil bpost, mittent individwali bil-kwantità kien intitolat għal tnaqqis kwantitattiv ogħla minn intermedjarju. bpost appellat mid-deċiżjoni quddiem il-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell; iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”), biex titlob gwida dwar, l-ewwel, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ħames inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali u, it-tieni, jekk intermedjarji u mittenti individwali bil-kwantità kinux f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward ta’ tnaqqis kwantitattiv. F’dak il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiċċara l-kamp ta’ applikazzjoni tar-raġunament tagħha f’Deutsche Post et ( 4 ), fejn iddeċidiet li jekk USP jagħti tnaqqis operattiv lil mittenti individwali, l-intermedjarji wkoll kellhom igawdu minn tnaqqis bħal dan bl-istess kundizzjonijiet.

    Il-leġiżlazzjoni

    3.

    Id-Direttiva tal-1997 tat bidu għall-proċess tal-liberalizzazzjoni gradwali tas-suq tas-servizzi postali. Dik id-direttiva stabbiliet regoli komuni b’mod partikolari dwar il-provvista ta’ servizz universali postali fil-Komunità u l-prinċipji ta’ tariffi għall-provvista ta’ servizz universali ( 5 ).

    4.

    Skont id-Direttiva dwar is-Servizzi Postali, “netwerk postali” huwa sistema ta’ organizzazzjoni u ta’ riżorsi ta’ kull xorta użati mill-fornitur/i ta’ servizz universali għall-iskopijiet b’mod partikolari ta’ kklerjar ta’ oġġetti postali koperti b’obbligazzjoni ta’ servizz universali minn punti ta’ aċċess mat-territorju kollu, ir-routing u l-ġarr ta’ dawk l-oġġetti mill-punt ta’ aċċess tan-netwerk postali għaċ-ċentru ta’ tqassim, u t-tqassim lill-indirizzi murija fuq l-oġġetti ( 6 ). It-terminu “USP” jirreferi għall-entità pubblika jew privata li tipprovdi servizz universali postali jew partijiet minnhom fi Stat Membru, li l-identità tagħha tkun ġiet innotifikata lill-Kummissjoni Ewropea ( 7 ). Il-“mittenti” huwa kull persuna fiżika jew ġuridika responabbli għall-oriġini ta’ oġġetti postali ( 8 ).

    5.

    Il-premessa 26 tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali tindika li t-tariffi applikati għas-servizz postali universali għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u konsistenti man-nefqa, sabiex tiġi żgurata l-amministrazzjoni soda tas-servizz universali u sabiex jiġi evitat xkiel fil-kompetizzjoni. Dawk il-prinċipji huma riflessi fl-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali. Fil-verżjoni oriġinali introdotta bid-Direttiva tal-1997, dik id-dispożizzjoni kienet taqra hekk:

    “L-Istati Membri għandhom jieħu passi biex jiżguraw li t-tariffi għal kull wieħed mis-servizzi li jagħmlu parti mill-provvista ta’ servizz universali jkunu jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin:

    il-prezzijiet għandhom ikunu jistgħu jintlaħqu u għandhom ikunu tali li l-konsumaturi kollha jkollhom aċċess għas-servizzi provduti,

    il-prezzijiet għandhom ikunu jirriflettu l-ispejjeż; l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li tariffa uniformi tiġi applikata mat-territorju kollu tagħhom,

    l-applikazzjoni ta’ tariffa uniformi ma teskludix id-dritt ta’ fornitur/i ta’ servizz universali li jikkonkludi kuntratti individwali dwar prezzijiet mal-konsumaturi,

    it-tariffi għandhom ikunu trasparenti u mhux diskriminatorji.”

    6.

    Fil-proposta tagħha li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva tal-2002, il-Kummissjoni indikat li l-emendi proposti għad-Direttiva tal-1997 kienu maħsuba biex “jiġu stabbiliti direzzjoni u skeda ta’ żmien ċari għall-ftuħ ulterjuri tas-settur postali tal-Komunità, iżda b’mod ordnat li jippermetti żmien biżżejjed għas-suq kollu kemm hu, u għall-fornituri ta’ servizzi universali b’mod partikolari, biex jitlesta l-proċess ta’ modernizzar u għal adattament għall-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ikbar f’ambjent regolatorju stabbli u previdibbli” ( 9 ).

    7.

    Il-Kummissjoni osservat f’dak il-kuntest li, filwaqt li kienu offruti tariffi speċjali “lil ħafna klijenti u intermedjarji bil-kwantità jew fin-negozju relatati biex jiġu evitati spejjeż mill-[USP]”, kienu qamu ċerti lmenti f’dan il-qasam kontra għadd ta’ operaturi fil-kariga u li, għaldaqstant, kien meħtieġ li jiġi ċċarat “li l-prinċipji tat-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni għandhom dejjem jiġu osservati fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawn it-tariffi speċjali u tal-kundizzjonijiet kollha assoċjati” ( 10 ). Il-Kummissjoni, għalhekk, ipproponiet li ddaħħal inċiż ġdid fl-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-1997 (li hija parti mill-Kapitolu 4 li jittratta l-“Kundizzjonijiet li jirregolaw il-provvista ta’ servizi mhux riżervati u aċċess għal netwerk”), billi saħqet dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-kuntest ta’ tariffi speċjali.

    8.

    L-inċiż propost kien adottat mingħajr emenda, għalkemm fl-aħħar nett iddaħħal mhux fl-Artikolu 9 iżda fl-Artikolu 12 (li huwa fil-Kapitolu 5 dwar “Prinċipji tat-tariffi u trasparenza tal-kontabilità”). Il-premessa 29 tad-Direttiva tal-2002 tadotta l-kliem tal-Proposta tal-2000 tal-Kummissjoni li tgħid li “[i]l-provdituri tas-servizz universali normalment jipprovdu servizzi, per eżempju lil klijenti kummerċjali, intermedjarji ta’ posta għal klijenti differenti u għal dawk li jibagħtu l-posta bl-ingrossa, u jippermettulhom jidħlu fil-proċess tal-posta f’punti differenti u taħt kondizzjonijiet differenti b’ mas-servizz standard ta’ l-ittri”, u li “[b]’, [huma] għandhom jikkonformaw mal-prinċipji ta’ trasparenza u non-diskriminazzjoni, kemm bħal bejn partijiet terzi u kemm bħal bejn partijiet terzi u provdituri tas-servizz universali li jipprovdu servizzi ekwivalenti […]”.

    9.

    Fil-verżjoni li tirriżulta mill-emenda bid-Direttiva tal-2002, il-ħames inċiż ġdid tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali, għalhekk, kien jgħid:

    “[K]ull meta provdituri tas-servizz universali japplikaw tariffi speċjali, per eżempju għal servizzi għal negozji, dawk li jibagħtu l-posta f’ammont kbir jew intermedjarji ta’ posta minn klijenti differenti, għandhom japplikaw il-prinċipji ta’ trasparenza u nondiskriminazzjoni fir-rigward ta’ kemm it-tariffi u kemm il-kondizzjonijiet assoċjati. It-tariffi għandhom jieħdu kont ta’ spejjeż evitati, meta pparagunati mas-servizz standard li jkopri l-firxa kompleta ta’ fatturi offerti għall-ikklerjar, it-trasport, l-organizzazzjoni u l-kunsinna ta’ oġġetti postali individwali u, flimkien mal-kondizzjonijiet assoċjati, għandhom japplikaw ugwalment kemm bħal bejn partijiet terzi u kemm bħal bejn partijiet terzi u provvedituri tas-servizz universali li jfornu servizzi ekwivalenti. Dawn it-tariffi għandhom ukoll ikunu disponibbli għal kijenti privati li jimpustaw taħt kondizzjonijiet simili.”

    10.

    Id-Direttiva tal-2008 kienet maħsuba biex tlesti l-proċess tal-liberalizzazzjoni li nbeda bid-Direttiva tal-1997 u biex tikkonferma d-data finali għat-tlestija kompleta tas-suq intern għas-servizzi postali ( 11 ).

    11.

    Fil-proposta tagħha li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva tal-2008, il-Kummissjoni nnotat b’mod partikolari li flessibbiltà iktar fil-prezz għall-USPs kienet vitali biex huma jkunu jistgħu jirreaġixxu għall-espożizzjoni ikbar tagħhom għall-kompetizzjoni — speċjalment fl-oqsma tal-ikbar profitt fis-suq bħal posta għan-negozju — li rriżultat mil-liberalizzazzjoni sħiħa tas-swieq postali, imbagħad, biex tillimita kull riskju għall-ekwilibriju finanzjarju tas-servizz universali fl-ambjent il-ġdid ( 12 ). Flessibbiltà bħal din kienet, għalhekk, meqjusa bħala għodda essenzjali biex ikun iggarantit il-finanzjament tas-servizz universali, kwistjoni ewlenija tul il-proċess leġiżlattiv kollu li wassal għall-adozzjoni tad-Direttiva tal-2008. Konsegwentement, it-tieni sentenza tat-tieni inċiż tal-Artikolu 12 kienet ifformulata mill-ġdid biex tillimita l-uniformità fit-tariffi imposta mill-Istat l-iktar għal oġġetti suġġetti għal tariffi bil-biċċa (pereżempju bolol) ( 13 ).

    12.

    Il-ħtieġa għal flessibbiltà iktar fil-prezz hija wkoll riflessa fl-ewwel sentenza tal-premessa 39 tad-Direttiva tal-2008, li tgħid li “[g]ħall-forniment ta’ servizzi għall-utenti kollha, inklużi n-negozji, dawk li jibagħtu l-posta bl-ingrossa u intermedjarji ta’ posta minn utenti differenti, il-fornituri ta’ servizz universali jistgħu jgawdu iktar flessibbiltà fil-prezz f’konformità mal-prinċipju tal-kost-orjentazzjoni”.

    13.

    Barra dan, referenza għall-obbligu tal-USPs biex “iqisu l-ispejjeż evitati” fil-kuntest ta’ tariffi speċjali tħassret mill-ħames inċiż tal-Artikolu 12, li issa jaqra kif ġej:

    “kull fejn il-fornituri tas-servizz universali japplikaw tariffi speċjali, per eżempju għal servizzi għal negozji, dawk li jibagħtu l-posta bl-ingrossa jew intermedjarji ta’ posta minn utenti differenti, huma għandhom japplikaw il-prinċipji tat-trasparenza u n-non-diskriminazzjoni rigward it-tariffi u l-kondizzjonijiet assoċjati. It-tariffi, flimkien mal-kondizzjonijiet assoċjati, għandhom japplikaw ugwalment kemm bejn partijiet terzi differenti u kemm bejn partijiet terzi u l-fornituri tas-servizz universali li jfornu servizzi ekwivalenti. Kwalunkwe tariffa bħal din għandha tkun ukoll disponibbli għall-utenti, b’mod partikolari utenti individwali u impriżi żgħar u ta’ daqs medju, li jużaw il-posta taħt kondizzjonijiet simili.”

    Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

    14.

    Kif indikat iktar qabel, hemm żewġ kategoriji ta’ tnaqqis tal-prezzijiet mogħtija lill-USPs fis-settur postali.

    15.

    “Tnaqqis operattiv” jippremja d-depożitu ta’ posta ssortjata minn qabel (iktar minn volum minimu speċifikat) mal-USP. Huwa maħsub biex iqisu l-ispejjeż iffrankati li minnhom jibbenefika l-USP b’riżultat tal-ikklerjar u l-issortjar ta’ posta bħal din skont, pereżempju, il-format, l-imballaġġar u l-piż u l-kunsinna ta’ din il-posta lill-uffiċċji tal-issortjar tal-USP. Tnaqqis operattiv is-soltu jeħtieġlu “aċċess downstream” għan-netwerk postali tal-USP, partikolarment l-issortjar u/jew il-faċilitajiet ta’ kunsinna tiegħu.

    16.

    It-“tnaqqis kwantitattiv” jippremja volumi kbar ta’ posta meta dawn jintbagħtu matul perijodu ta’ referenza partikolari, irrispettivament minn jekk dik il-posta tkunx issortjata minn qabel jew le meta tiġi kkonsenjata lill-USP. Huwa purament ta’ natura kummerċjali. L-għan tiegħu huwa li tiżdied id-domanda għas-servizzi postali.

    17.

    bpost tapplika tliet kategoriji ta’ tariffi għal servizzi postali: (i) it-tariffa standard, li tirrappreżenta prezz għal kull oġġett; (ii) tariffi mnaqqsa jew preferenzjali mogħtija lil klijenti li jiddepożitaw kwantitajiet minimi ta’ posta ssortjata minn qabel, li, għalhekk, jistgħu jitqiesu bħala tnaqqis operattiv; u (iii) “tariffi kuntrattwali” li huma maħsuba għal volumi kbar ħafna ta’ posta (iktar ’il quddiem “posta bil-kwantità”) u li jiġu miftiehma bejn bpost u l-klijenti tagħha.

    18.

    It-tariffi kuntrattwali ta’ bpost, li għandhom x’jaqsmu l-iktar ma’ “posta diretta” u “posta amministrattiva” ( 14 ), jistgħu mbagħad ikunu bbażati fuq tliet tipi ta’ kuntratti: (i) kuntratti “Klijent Dirett” konklużi direttament ma’ mittenti fin-negozju; (ii) kuntratti “Prokura” konklużi ma’ intermedjarji fdati minn mittenti bl-immaniġġar esklużiv tal-posta tagħhom; u (iii) kuntratti “Intermedjarju” konklużi ma’ intermedjarji li jikkonsenjaw lil bpost posta bil-kwantità li tkun ġejja minn diversi mittenti mhux speċifikati meta jiġi konkluż il-kuntratt. Il-Kummissjoni ddefiniet l-“intermedjarju” (sinonimu għal intermedjarju) fis-settur postali bħala “kull operatur [ekonomiku] li jaġixxi bejn il-mittent u l-[USP], billi jikklerja d-direzzjoni u/jew jissortja minn qabel oġġetti postali, qabel ma jgħaddihom fin-netwerk postali tal-istess pajjiż jew ta’ pajjiż ieħor” ( 15 ).

    19.

    Fl-2010, it-tnaqqis kwantitattiv ta’ bpost għal oġġetti jiżnu inqas minn 50 gramma kien mifrux fuq minn 10.4 % (tnaqqis ta’ klassi 1) sa 39.7 % (tnaqqis ta’ klassi 11), filwaqt li tnaqqis kwantitattiv għal oġġetti jiżnu iktar minn 50 gramma kien mifrux fuq minn 9.7 % (tnaqqis ta’ klassi 1) sa 50.4 % (tnaqqis ta’ klassi 12) ( 16 ). It-tnaqqis applikat kien jiddependi mid-dħul iġġenerat għal bpost mill-volum ta’ posta kkonsenjata lilha matul perijodu ta’ referenza ( 17 ), u kien indipendentement mit-tip ta’ kuntratt ta’ tariffa ( 18 ).

    20.

    Sal-2010, bpost ħalliet ikun hemm “aggregazzjoni” fil-kuntest ta’ tnaqqis kwantitattiv. B’hekk, intermedjarju seta’ jiġbor flimkien il-volumi ta’ posta maħduma għal diversi klijenti biex jirċievi rati ogħla ta’ tnaqqis kwantitattiv.

    21.

    Fl-2010, bpost bidlet din is-sistema b’mudell “per mittent” li bih intermedjarju ikun intitolat għal tnaqqis kwantitattiv ikkalkolat abbażi tal-volumi ta’ posta rispettivi ta’ kull wieħed mill-klijenti tagħha meħuda separatament. bpost tindika li din il-bidla kienet maħsuba biex tindirizza l-prattika ta’ għadd limitat ta’ intermedjarji li kienu jiġbru flimkien posta li kienet toriġina minn diversi mittenti fuq bażi purament ammistrattiva (jiġifieri mingħajr ma jagħmlu ebda xogħol ta’ tħejjija), biex jibbenefikaw “artifiċjalment” mill-ogħla livelli ta’ tnaqqis kwantitattiv.

    22.

    Biex tidher id-differenza bejn iż-żewġ mudelli, assumi li intermedjarju jiġbor flimkien posta mingħand tliet mittenti differenti. Skont is-sistema ta’ qabel l-2010, huwa seta’ jikseb tnaqqis ta’, ngħidu aħna, 20 % għall-posta tagħhom miġbura flimkien matul perijodu ta’ referenza partikolari, anki għalkemm il-volum ta’ posta mingħand kull mittent kien jikkwalifika għal tnaqqis ta’ 10 % biss jekk kien jintbagħat separatament. Skont is-sistema tal-2010, l-istess intermedjarju kien jikkwalifika għal tnaqqis ta’ 10 % biss għall-posta ta’ kull mittent.

    23.

    Fl-20 ta’ Lulju 2011, l-IBPT qatagħha li l-mudell “per mittent” ġab miegħu differenza ta’ trattament bejn mittenti bil-kwantità individwali u intermedjarji għall-kalkolazzjoni ta’ tnaqqis kwantitattiv, għalkemm iż-żewġ kategoriji kienu f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tas-servizzi postali kkonsenjati minn bpost. Għalhekk huwa impona multa ta’ EUR 2 250 000 fuq bpost talli din kisret il-leġiżlazzjoni Belġjana meta ttrasponiet ir-regola tan-nondiskriminazzjoni li hemm fil-ħames inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali.

    24.

    bpost appellat minn dik id-deċiżjoni quddiem il-Cour d’appel de Bruxelles, li ssospendiet il-proċeduri u talbet deċiżjoni preliminari dwar id-domandi li ġejjin:

    “1.

    Il-ħames inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 1997/67/KE, kif emendat bid-Direttivi 2002/39/KE 2 u 2008/06/KE 3, għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi obbligu ta’ nondiskriminazzjoni, b’mod partikolari fir-relazzjonijiet bejn il-fornitur tas-servizz universali u l-intermedjarji, fejn f’dak li jikkonċerna t-tnaqqis operattiv mogħti minn dan il-fornitur, it-tnaqqis esklużivament kwantitattiv jibqa’ suġġett għall-applikazzjoni tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 12?

    2.

    Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija pożittiva, it-tnaqqis esklużivament kwantitattiv jissodisfa l-obbligu ta’ nondiskriminazzjoni previst fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 12 meta d-differenza fil-prezz li huwa jistabbilixxi hija bbażata fuq fattur oġġettiv fir-rigward tas-suq ġeografiku u ta’ servizzi rilevanti u li hija ma għandhiex effett ta’ esklużjoni jew li tinkoraġġixxi l-fedeltà?

    3.

    Jekk ir-riposta għall-ewwel domanda hija negattiva, it-tnaqqis kwantitattiv mogħti lill-intermedjarju jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst mill-ħames inċiż tal-Artikolu 12, meta d-daqs tiegħu ma jkunx ugwali mat-tnaqqis li jingħata lil kunsinnatur li jiddepożita numru ta’ oġġetti postali ekwivalenti, iżda mat-tnaqqis kollu li jingħata lill-kunsinnaturi kollha abbażi tan-numru ta’ oġġetti postali ta’ kull wieħed minn dawn il-kunsinnaturi li l-intermedjarju jkun ġabar l-oġġetti postali tiegħu?”

    25.

    Osservazzjonijiet bil-miktub kienu sottomessi minn bpost, il-Belġju, l-Italja, l-Isvezja u l-Kummissjoni. Fis-seduta tal-11 ta’ Ġunju 2014, bpost, il-Belġju, Franza u l-Kummissjoni għamlu osservazzjonijiet orali.

    Evalwazzjoni

    26.

    Nibda billi niddiskuti liema hija l-verżjoni rilevanti tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali għall-finijiet ta’ din ir-referenza. Imbagħad neżamina jekk il-ħames inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali jirregolax tnaqqis kwantitattiv qabel ma ngħaddi għall-kwistjoni ewlenija dwar jekk il-mudell “per mittent” huwiex konsistenti mal-prinċipju li tariffi għas-servizz postali universali għandhom ikunu mhux diskriminatorji.

    Il-verżjoni rilevanti tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali

    27.

    Filwaqt li l-qorti tar-rinviju titlob gwida dwar l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali kif emendata bid-Direttiva tal-2002 u bid-Direttiva tal-2008, bpost targumenta li l-verżjoni li tirriżulta mid-Direttiva tal-2002 (li għad għandha referenza għal “spejjeż evitati”) tapplika fil-proċeduri ewlenin.

    28.

    L-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-2008 kienet fil-31 ta’ Diċembru 2010, u d-Direttiva kienet trasposta kif imiss fid-dritt nazzjonali tal-Belġju f’dik id-data. Meqjus li l-proċeduri ewlenin jikkonċentraw fuq tnaqqis kwantitattiv mogħti minn bpost fl-2010, jidhirli li formalment din it-tilwima hija rregolata mill-verżjoni tal-Artikolu 12 li tirriżulta mid-Direttiva tal-2002.

    29.

    Iżda d-Direttiva tal-2008 daħlet fis-seħħ fis-27 ta’ Frar 2008. Kif l-IBPT korrettement issuġġerixxa fid-deċiżjoni kkontestata fil-proċeduri ewlenin, dik iċ-ċirkustanza ma tistax ma titqiesx meta jiġi evalwat liema verżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali għandha titqies mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-proċeduri. Huwa tabilħaqq stabbilit fil-ġurisprudenza li matul il-perijodu preskritt għal traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri li lilhom tkun indirizzata għandhom iżommu milli jieħdu kull miżura li x’aktarx tkun tikkomprometti serjament il-kisba tar-riżultat preskritt minn dik id-direttiva ( 19 ). Isegwi li mid-data li fiha direttiva tkun daħlet fis-seħħ, il-qrati tal-Istati Membri għandhom iżommu kemm jista’ jkun milli jinterpretaw id-dritt intern b’mod li jkun jista’ jikkomprometti serjament, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, il-kisba tal-għan segwit minn dik id-direttiva ( 20 ).

    30.

    Minħabba li d-Direttiva tal-2008 kienet diġà daħlet fis-seħħ meta seħħew il-fatti li taw lok għall-proċeduri ewlenin, l-interpretazzjoni mitluba mill-Cour d’appel de Bruxelles, li għandha rabta mal-verżjoni tal-Artikolu 12 li tirriżulta minn dik id-direttiva, għandha titqies siewja għal dik il-qorti biex hija tkun tista’ tiddeċiedi l-każ quddiemha f’konformità mal-obbligu li jien għadni kif semmejt ( 21 ).

    31.

    Inqis, għalhekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domandi preliminari abbażi ta’ dik il-verżjoni.

    Domanda 1: il-kamp ta ’ applikazzjoni tal-ħames inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali

    32.

    Bl-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju titlob gwida dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ħames inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali u kif jirrelata mal-prinċipju ġenerali stabbilit fir-raba’ inċiż, li tariffi għal servizzi postali universali għandhom ikunu mhux diskriminatorji.

    33.

    Għandi nindika mill-bidu nett li, kif naraha jien, ir-risposta għall-ewwel domanda ma għandhiex rilevanza għall-kwistjoni tad-diskriminazzjoni mressqa mill-qorti tar-rinviju fit-tieni u fit-tielet domanda tagħha. Dan huwa minħabba li r-raba’ inċiż tal-Artikolu 12 jagħmilha ċara li t-tariffi kollha għas-servizz universali applikati mill-USPs għandhom ikunu f’kull każ mhux diskriminatorji.

    34.

    Filwaqt li l-verżjoni oriġinali tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali diġà kellha l-prinċipju ġenerali li tariffi għal servizzi postali universali għandhom ikunu mhux diskriminatorji, ma kienx qabel l-emenda introdotta bid-Direttiva tal-2002 li l-ħames inċiż dwar “tariffi speċjali” żdied mal-Artikolu 12. Dak l-inċiż jeżiġi li USPs josservaw il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni meta japplikaw “tariffi speċjali” bħal dawk. Id-Direttiva dwar is-Servizzi Postali ssemmi, bħala illustrazzjoni, servizzi għal negozji, dawk li jimpostaw ittri bil-kwantità jew intermedjarji ta’ posta mingħand persuni differenti li jużaw dawk is-servizzi.

    35.

    F’Deutsche Post et ( 22 ), il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li l-ħames inċiż tal-Artikolu 12 huwa speċifikatament maħsub biex jirregola sitwazzjoni fejn USP jagħti lil xi wħud mill-klijenti tiegħu, “b’mod iktar liberali milli teżiġi [d-Direttiva dwar is-Servizzi Postali] l-aċċess għan-netwerk [tiegħu] f’punti differenti minn dawk ta’ aċċess tradizzjonali u [j]offrilhom, għal dan il-għan, tariffi speċjali”. Konsegwentement, tnaqqis operattiv mogħti lil klijenti li jkunu qed jagħmlu xogħol ta’ tħejjija ta’ posta u, għalhekk, ikunu qed ifittxu aċċess għall-katina postali taħt kundizzjonijiet u f’punti different minn dawk li japplikaw għas-servizz tradizzjonali għal posta ta’ ittri, huwa kopert b’dik id-dispożizzjoni.

    36.

    Iżda Deutsche Post et kienet tikkonċerna esklużivament tnaqqis operattiv. Il-kwistjoni hawn hija jekk il-ħames inċiż tal-Artikolu 12 japplikax indaqs għal tnaqqis kwantitattiv. Dan huwa inkluż fil-kunċett ta’ “tariffi speċjali”?

    37.

    Dik id-domanda tqum b’mod partikolari minħabba li skont il-verżjoni tal-Artikolu 12 li rriżultat mid-Direttiva tal-2002, tariffi speċjali bħal dawn “għandhom jieħdu kont ta’ spejjeż evitati, meta pparagunati mas-servizz standard li jkopri l-firxa kompleta ta’ fatturi offerti għall-clearance, it-trasport, l-organizzazzjoni u l-kunsinna ta’ oġġetti postali individwali”. Barra dan, għalkemm id-Direttiva tal-2008 ħassret dik is-sentenza mill-Artikolu 12, il-premessa 39 ta’ dik id-direttiva kienet għadha tgħid li “it-tariffi għandhom jieħdu kont ta’ l-ispejjeż evitati, meta mqabbla mas-servizz standard li jkopri l-firxa kompleta ta’ karatteristiċi offruti għall-awtorizzazzjoni, l-issortjar, it-trasport, u t-tqassim ta’ oġġetti postali individwali”.

    38.

    bpost u l-Gvern Franċiż sustanzjalment isostnu li r-referenza għall-“ispejjeż evitati” kemm fil-verżjoni tal-2002 tal-ħames inċiż tal-Artikolu 12, kif ukoll fil-premessi tad-Direttiva tal-2008 turi li dak l-inċiż għandu jinqara bħala li japplika esklużivament għal tnaqqis operattiv, li jingħata biex jippremja t-tħejjija ta’ posta qabel ma tiġi ddepożitata u b’riżultat tal-ispejjeż iffrankati mill-USP. B’kuntrast ma’ dan, il-Gvern Belġjan, Taljan u Svediż kif ukoll l-Kummissjoni jissottomettu li tnaqqis kwantitattiv bl-istess mod jimplika l-għoti ta’ “tariffi speċjali” mill-USP: kemm it-tnaqqis operattiv, kif ukoll dak kwantitattiv imorru lil hinn mit-tariffi “normali” applikabbli għas-servizz tradizzjonali għal posta ta’ ittri. Għall-Gvern Belġjan ir-referenza għal “spejjeż evitati” fl-Artikolu 12 innifsu u/jew fil-premessi tad-Direttiva tal-2008 hija maħsuba biss biex tirrifletti l-prinċipju ta’ orjentazzjoni tal-ispejjeż fil-kuntest ta’ tnaqqis operattiv. Ma tistax tkun interpretata bħala li tillimita l-kunċett ta’ “tariffi speċjali”.

    39.

    Id-Direttiva dwar is-Servizzi Postali ma tiddefinixxix “tariffi speċjali”. It-tliet illustrazzjonijiet mogħtija fil-ħames inċiż tal-Artikolu 12 ma jixħtux xi dawl partikolari. Huwa minnu li r-referenza għal “negozji, dawk li jibagħtu l-posta bl-ingrossa jew intermedjarji ta’ posta minn utenti differenti” tissuġġerixxi li tariffi speċjali jikkonċernaw dawk li jużaw is-servizzi biex jibagħtu volumi ikbar ta’ posta mis-soltu. Iżda, kif diġà spjegajt iktar qabel, il-kwantità ta’ posta kkonsenjata lill-USP hija fattur li — anki jekk b’mod differenti ħafna — għandu l-parti tiegħu fil-kalkolazzjoni kemm tat-tnaqqis operattiv, kif ukoll tat-tnaqqis kwantitattiv ( 23 ).

    40.

    Lanqas ir-regola li hemm fil-verżjoni tal-2002 tal-ħames inċiż li tariffi speċjali “għandhom jieħdu kont ta’ spejjeż evitati, meta pparagunati mas-servizz standard li jkopri l-firxa kompleta ta’ fatturi offerti għall-clearance, it-trasport, l-organizzazzjoni u l-kunsinna ta’ oġġetti postali individwali” ma tagħti ħjiel deċiżiv. Dik is-sentenza tista’ tinqara jew bħala li tiġbor fiha l-kunċett ta’ “tariffi speċjali” nnifishom — f’liema każ tariffi speċjali jikkonċernaw tnaqqis operattiv biss — jew sempliċiment bħala li tenfasizza l-prinċipju ta’ orjentazzjoni tal-ispejjeż fil-qasam tat-tnaqqis operattiv, mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tal-ħames inċiż għal tnaqqis kwantitattiv. L-istess huwa minnu dwar ir-referenza għal “spejjeż evitati” fil-premessi tad-Direttiva tal-2008.

    41.

    Iżda x-xogħol preparatorju tad-Direttiva tal-2002 ( 24 ) jindika li “tariffi speċjali” jikkonċernaw biss is-sitwazzjoni fejn USP jevita spejjeż billi jgħin lill-klijenti tiegħu li jkunu wettqu parti mill-immaniġġar postali huma nnifishom biex ikollhom aċċess għall-katina postali f’punti barra minn dawk fejn oġġetti postali s-soltu jiġu depożitati fin-netwerk postali pubbliku, bħal uffiċċji tal-issortjar. Jidher mill-proposta tal-2000 tal-Kummissjoni li ż-żieda tal-ħames inċiż fl-Artikolu 12 tqieset meħtieġa biex tiġi indirizzata l-prattika ta’ għadd ta’ USPs li ttrattaw diversi kategoriji ta’ klijenti b’mod differenti fir-rigward ta’ tnaqqis operattiv. L-objettiv tal-emenda kien, għalhekk, li jagħmilha ċara li, meta jagħtu tnaqqis bħal dan, USPs ikollhom jagħmlu hekk fuq bażi mhux diskriminatorja, partikolarment bejn mittenti u intermedjarji. Bl-istess mod il-ħames inċiż jeżiġi li kundizzjonijiet assoċjati ma’ tnaqqis operattiv — pereżempju, il-kwantitajiet minimi jew massimi ta’ posta ssortjata minn qabel li jagħtu lok għal tnaqqis jew l-imballaġġar tagħhom — japplikaw irrispettivament mill-identità tal-klijent ( 25 ).

    42.

    Il-fatt li l-inċiż il-ġdid ma ddaħħalx fil-Kapitolu 4 (“Kondizzjonijiet li jirregolaw il-provvista ta’ servizzi mhux riżervati u aċċess għan-netwerk”), kif kienet ipproponiet il-Kummissjoni, iżda ddaħħal fil-Kapitolu 5 (“Prinċipji tat-tariffi u trasparenza tal-kontabilità”) ma jaffettwax, fil-fehma tiegħi, dik il-konklużjoni. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara f’Deutsche Post et, id-dispożizzjoni l-ġdida ma kinitx maħsuba biex tirregola aċċess għan-netwerk postali bħala tali billi tobbliga USPs biex jagħtu aċċess għall-katina postali taħt kundizzjonijiet u f’punti differenti minn dawk li japplikaw għas-servizz tradizzjonali għal posta ta’ ittri ( 26 ). Aktarx li l-għan kien li tiġi evitata diskriminazzjoni minħabba tariffi meta USP jiddeċiedi li jagħti aċċess bħal dan. Kif naraha jien, dik setgħet tkun ir-raġuni għaliex il-membri Franċiżi u Portugiżi tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar Servizzi Postali kienu tal-fehma li l-inċiż il-ġdid “seta’ jitqiegħed aħjar” fl-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali milli fl-Artikolu 9 ( 27 ).

    43.

    Inqis, għalhekk, li, fil-verżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali li tirriżulta mid-Direttiva tal-2002, il-ħames inċiż tal-Artikolu 12 jirregola esklużivament tnaqqis operattiv.

    44.

    Dik il-konklużjoni, li ġiet ikkonfermata mill-ġdid bil-premessa 29 tad-Direttiva tal-2002, ma tiddgħajjifx bl-argument tal-Gvern Belġjan u Taljan, sostnut mill-Kummissjoni, li tnaqqis kwantitattiv huwa wara kollox kopert minn dik id-dispożizzjoni, minħabba li l-immaniġġar ta’ volumi ikbar ta’ posta jfisser spejjeż iffrankati għal USPs fl-għamla ta’ ekonomiji ta’ skala.

    45.

    Huwa fatt magħruf li l-immaniġġar u t-tqassim ta’ volumi ikbar ta’ posta, li huma stimulati minn tnaqqis kwantitattiv, jgħinu lil USPs biex jibbenefikaw minn ekonomiji ta’ skala billi jifirxu spejjeż fissi fuq għadd ikbar ta’ oġġetti postali. M’iniex konvint iżda li ekonomiji ta’ skala kważi awtomatiċi bħal dawn jaqgħu fil-kunċett ta’ “spejjeż evitati” fid-Direttiva dwar is-Servizzi Postali.

    46.

    Kif għidt, ir-referenza għal “spejjeż evitati” fil-verżjoni tal-2002 tal-ħames inċiż hija relatata mat-tħaddim ta’ parti mill-katina tal-immaniġġar postali minn partijiet terzi. L-ekonomiji ta’ skala jirriżultaw minn żidiet fil-volumi totali ta’ posta maħduma mill-USP milli minn modifika tas-servizz tradizzjonali għal posta ta’ ittri kkonsenjati minn dak l-USP. Barra dan, ma huwiex faċli jkun antiċipat b’mod preċiż kif id-domanda għal servizzi postali tista’ tevolvi b’riżultat ta’ tnaqqis kwantitattiv. Ekonomiji ta’ skala attwali jistgħu jitkejlu biss b’referenza għal volum totali ta’ posta maħduma mill-USP. Jidhirli, għalhekk li huwa diffiċli jekk mhux impossibbli li tiġi kkalkolata minn qabel (meta jiġu ffissati “tariffi speċjali”) liema parti ta’ ekonomiji bħal dawn (u, għalhekk, spejjeż evitati) tista’ tkun speċifikatament relatata ma’ żidiet fid-domanda għal servizzi postali li tirriżulta minn tnaqqis kwantitattiv. B’kuntrast, huwa iktar faċli jitkejlu l-ispejjeż evitati mill-USP meta parti terza taħdem parti mill-katina tal-immaniġġar postali.

    47.

    It-tneħħija tar-referenza għal “spejjeż evitati” fil-ħames inċiż tal-Artikolu 12 bid-Direttiva tal-2008 bidlet il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni?

    48.

    Hawnhekk ninnota li l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni għal dik li kellha tkun id-Direttiva tal-2008 ma ssuġġerietx emenda bħal dik. F’dak il-kuntest il-Kummissjoni osservat li, fir-rigward tal-“parti tal-issortjar u l-kunsinna tan-netwerk […], l-Istati Membri għandhom ikomplu jkunu konformi mal-ħames inċiż tal-Artikolu 12, u jistgħu, meqjusa kundizzjonijiet nazzjonali, jintroduċu miżuri oħra biex jiżguraw aċċess għan-netwerk postali pubbliku taħt kundizzjonijiet li jkunu trasparenti u mhux diskriminatorji” ( 28 ). Fil-fehma tiegħi, dak jikkonferma (għalkemm impliċitament) li l-Kummissjoni ma kinitx qed taħseb biex tiddefinixxi mill-ġdid il-kunċett ta’ “tariffi speċjali” fil-ħames inċiż biex tkopri tnaqqis kwantitattiv.

    49.

    Ma nara ebda raġuni għaliex għandi nqis li t-tneħħija aħħarija tar-referenza għal “spejjeż evitati” fl-Artikolu 12 kienet timplika definizzjoni mill-ġdid bħal dik.

    50.

    L-ewwel, kif bpost u l-Gvern Franċiż korrettement innotaw, il-premessa 39 tad-Direttiva tal-2008 tkompli tirreferi għall-“ispejjeż evitati” b’rabta ma’ servizzi mogħtija mill-USP, kif imqabbla mas-servizz standard li jkopri l-firxa kompleta ta’ karatteristiċi offruti għall-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ oġġetti postali individwali.

    51.

    It-tieni, ix-xogħol preparatorju tad-Direttiva tal-2008 ( 29 ) ma jagħti l-ebda indikazzjoni li r-referenza għal “spejjeż evitati” kienet tneħħiet mill-ħames inċiż tal-Artikolu 12 biex ikun aċċertat li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tkun għall-ġejjieni tkopri kemm tnaqqis operattiv kif ukoll kwantitattiv.

    52.

    Kif naraha jien, ix-xogħol preparatorju aktarx isostni s-sottomissjoni magħmula mill-Gvern Franċiż waqt is-smigħ, li l-abbozz il-ġdid tal-ħames inċiż jirrifletti kompromess dwar il-flessibbiltà li USPs għandhom igawdu minnha meta jiffissaw it-tariffi tagħhom.

    53.

    Dak il-Gvern spjega li, fil-kuntest ta’ iktar liberalizzazzjoni ta’ swieq postali, għadd ta’ USPs kienu saħqu dwar il-ħtieġa għal iktar flessibbiltà fit-tariffi (jiġifieri inqas restrizzjonijiet imposti minn awtoritajiet pubbliċi) biex ikunu jistgħu jadattaw għal kompetizzjoni li kienet qed tikber.

    54.

    Filwaqt li għamlet tagħha dak it-tħassib, il-Proposta tal-2006 tal-Kummissjoni ma ssuġġerietx li tkun abbandunata r-regola li tariffi speċjali għandhom iqisu l-ispejjeż evitati mill-USP jekk il-klijent jaħdem parti mill-katina tal-immaniġġar postali. F’dawn iċ-ċirkustanzi għadd ta’ USPs setgħu beżgħu li ma kinux ser jitħallew jaġġustaw it-tariffi speċjali tagħhom għal kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni li kienu qed jinbidlu, inkluż fejn kien meħtieġ permezz tal-għoti ta’ tnaqqis operattiv ogħla minn dak li kien jirriżulta b’mod mekkaniku meta jkunu riflessi spejjeż evitati ( 30 ). Huwa f’dak il-kuntest li l-Parlament Ewropew issuġġerixxa li tiddaħħal premessa addizzjonali fid-Direttiva tal-2008, billi saħaq li “huwa meħtieġ li l-provvista, minn [USPs] ta’ servizzi għal negozji, għal dawk li jimpustaw ittri bil-kwantità u għal intermedjarji ta’ posta mingħand klijenti differenti, tkun suġġetta għal kundizzjonijiet iktar flessibbli fit-tariffi” ( 31 ).

    55.

    Is-soluzzjoni li pprevaliet fil-Kunsill — minkejja oppożizzjoni mill-Kummissjoni u ftit Stati Membri — kienet li titħassar ir-referenza għal “spejjeż evitati” fil-ħames inċiż tal-Artikolu 12, f’konformità ma’ iktar flessibbiltà fil-prezz li USPs kienu jgawdu ( 32 ). Iżda l-verżjoni finali tal-premessa 39 tad-Direttiva tal-2008, imqabbla mal-proposta tal-Parlament, tissuġġerixxi li dan it-tħassir kien parti minn kompromess: minn naħa, dik il-premessa tagħmilha ċara li USPs kellhom igawdu minn flessibbiltà fil-prezz għalkemm “f’konformità mal-prinċipju tal-orjentazzjoni tal-ispejjeż”; min-naħa l-oħra, it-tieni sentenza ta’ dik il-premessa tirriproduċi (b’modifiki żgħar biss) ir-referenza għal spejjeż evitati li qabel kien hemm fil-ħames inċiż tal-Artikolu 12 ( 33 ).

    56.

    Jien, għalhekk, nikkonkludi li t-tneħħija tar-referenza għal “spejjeż evitati” fil-ħames inċiż tal-Artikolu 12 b’riżultat tad-Direttiva tal-2008 ma bidlitx l-iskop materjali tal-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni li tikkonċerna tnaqqis operattiv biss.

    57.

    Ix-xogħol preparatorju msemmi hawn fuq ikompli jsaħħaħ fehmti li l-kwistjoni sustantiva ta’ diskriminazzjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju ma hijiex dwar jekk japplikax ir-raba’ jew (xi verżjoni ta’) il-ħames inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali. L-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-UE meta żied il-ħames inċiż għal dik id-dispożizzjoni kienet b’mod ċar li ma tinbidilx il-projbizzjoni ġenerali fuq id-diskriminazzjoni minħabba tariffi li diġà kienu hemm fil-verżjoni oriġinali tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali. Kif wieħed jista’ jikkonkludi mill-Proposta tal-2000 tal-Kummissjoni, l-objettiv kien aktarx li jkunu indirizzati prattiki diskriminatorji eżistenti ta’ USPs fil-kariga fir-rigward ta’ tnaqqis operattiv.

    58.

    Isegwi li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma fehmti u tikkonkludi li l-ħames inċiż japplika għal tnaqqis kwantitattiv, kif ukoll għal tnaqqis operattiv, ir‑risposta li nipproponi għad-Domanda 2 iktar ’il quddiem tista’ tkun applikata b’analoġija bħala risposta għad-Domanda 3.

    Domanda 2: il-kompatibbiltà tal-mudell “per mittent ” mal-prinċipju ta ’ nondiskriminazzjoni

    59.

    Nibda biex nosserva li din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna biss is-sistema ta’ tnaqqis kwantitattiv mogħti minn bpost fl-2010 ( 34 ). Bit-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tfittex li taċċerta fis-sustanza jekk il-mudell “per mittent” huwiex konsistenti mal-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali. Kif bpost tissottometti, ir-risposta għal dik id-domanda aktarx hija ta’ rilevanza diretta mhux biss fil-Belġju iżda wkoll f’għadd ta’ Stati Membri oħra fejn USPs jikkalkolaw tnaqqis kwantitattiv abbażi tal-volumi ta’ posta li kull mittent individwali jiddeċiedi li jimposta.

    60.

    Huwa stabbilit fil-ġuriprudenza li l-prinċipju ta’ trattament ugwali, li huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-UE, ifisser li sitwazzjonijiet komparabbli ma għandhomx ikunu ttrattati b’mod differenti sakemm trattament differenti bħal dan ma jkunx iġġustifikat b’mod oġġettiv, u li sitwazjonijiet li ma jkunux komparabbli ma għandhomx ikunu ttrattati bl-istess mod ( 35 ). Fl-evalwazzjoni tal-komparabbiltà ta’ sitwazzjonijiet, għandhom jitqiesu l-elementi kollha li jikkaratterizzawhom, inklużi l-prinċipji u l-objettivi tal-qasam li għalih l-att inkwistjoni tal-Unjoni jkun jirrelata ( 36 ).

    61.

    Jidhirli, l-ewwel, li kuntrarjament għas-sottomissjoni magħmula minn bpost, is-sistema ta’ tnaqqis kwantitattiv inkwistjoni fil-proċeduri ewlenin effettivamenmt ma timplikax differenza ta’ trattament bejn intermedjarji ta’ posta u mittent individwali bil-kwantità. Jekk nuża l-eżempju li tajt qabel ( 37 ), skont il-mudell “per mittent”, l-intermedjarju jikkwalifika biss għal tnaqqis ta’ 10 % fir-rigward tal-posta minn kull wieħed mit-tliet mittenti, filwaqt li mittent individwali bil-kwantità li jikkonsenja lill-USP l-istess volum eżatt ta’ posta — u, għalhekk, jiġġenera bħala prinċipju l-istess dħul għal dak l-USP — jikkwalifika għal tnaqqis ta’ 20 %.

    62.

    Il-kwistjoni ċentrali hawnhekk hija jekk mittenti (bil-kwantità) u intermedjarji jkunux f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward ta’ tnaqqis kwantitattiv, biex differenza bħal dik ta’ trattament tkun illegali.

    63.

    bpost u l-Gvern Franċiż jenfasizzaw f’dak ir-rigward li mittenti biss attwalment jiġġeneraw domanda għal servizzi postali. It-tnaqqis kwantitattiv huwa maħsub biex jistimula dik id-domanda. Huwa għalhekk ġustifikat li jiġi kkalkolat dak it-tnaqqis b’mod li d-deċiżjoni tal-mittenti biss li jibagħtu iktar posta tiġi ppremjata, milli l-ħila tal-intermedjarju li jiġbor volumi kbar ta’ posta mingħand diversi mittenti. B’kuntrast il-Gvern Belġjan, Taljan u Svediz u l-Kummissjoni jsostnu li mittenti u intermedjarji huma f’sitwazzjoni komparabbli minħabba li s-servizz mogħti lil kull wieħed minnhom minn bpost huwa l-istess.

    64.

    Għandi nagħmilha ċara mill-bidu nett li mhux konvint bl-argument tal-Gvern Belġjan, Taljan u Svediz kif ukoll tal-Kummissjoni li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Deutsche Post et ( 38 ) jista’ sempliċiment jiġi traspost hawnhekk.

    65.

    F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha taċċerta jekk id-Direttiva dwar is-Servizzi Postali pprekludietx lil Deutsche Post (l-USP fil-Ġermanja) milli tirrifjuta li tapplika għal negozji li kienu ġabru flimkien, fuq bażi kummerċjali u f’isimhom, għal oġġetti postali mingħand diversi mittenti t-tariffi speċjali li dak l-USP kien ta lil klijenti fin-negozju għad-depożitu ta’ kwantitajiet minimi ta’ posta ssortjata minn qabel fl-uffiċċji tal-issortjar tiegħu. Deutsche Post et, għalhekk, kienet tikkonċerna aċċess downstream għall-katina tal-immaniġġar postali taħt kundizzjonijiet u f’punti li kienu differenti minn dawk li japplikaw għas-servizz tradizzjonali għal posta ta’ ittri. Il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet fis-sustanza li, filwaqt li kien minnu li l-ħames inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali ma huwiex maħsub biex jiddetermina l-kwistjoni ta’ prinċipju jekk USP huwa jew ma huwiex obbligat jagħti aċċess bħal dak, ir-rifjut minn Deutsche Post li testendi lil intermedjarji s-sistema ta’ tnaqqis operattiv disponibbli għal mittenti (fin-negozju) ma kienx konsistenti mar-regola ta’ trattament ugwali li hemm f’dik id-dispożizzjoni ( 39 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, impliċitament iżda neċessarjament irrikonoxxiet li mittenti individwali u intermedjarji huma f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward ta’ tnaqqis operattiv.

    66.

    Fl-opinjoni tiegħi, it-traspożizzjoni ta’ dak ir-raġunament għal din il-kawża tammonta għal ċaħda li mittenti individwali u intermedjarji huma f’pożizzjoni differenti fir-rigward ta’ tnaqqis kwantitattiv, minħabba l-fatt li mittenti individwali biss jiġġeneraw domanda awtonoma għal posta ta’ ittri. Bħala eżempju ta’ dik id-differenza jkun siewi li wieħed jesplora l-effetti li x’aktarx ikun hemm tal-mudell “per mittent” fuq is-suq u li jqabbilhom mal-effetti li l-mudell ta’ “aggregazzjoni” ikun mistenni li jipproduċi.

    67.

    Nassumu li mittent individwali bil-kwantità A (pereżempju bank li jibgħat kwantità kbira ta’ posta amministrattiva) ikun intitolat għal tnaqqis kwantitattiv ta’ 10 %. Ejjew nimmaġinaw li A jiddeċiedi jafda eżattament l-istess volum ta’ posta lil intermedjarju X biex ikompli jikkonsenjaha lill-USP. Skont il-mudell “per mittent”, dik id-deċiżjoni ma jkollha ebda impatt hu x’inhu fuq it-tnaqqis kwantitattiv li għalih ikun hemm il-volum ta’ posta li joriġina mingħand A. X, għalhekk, ikun qed jirċievi tnaqqis ta’ 10 % għal dik il-posta. B’kuntrast ma’ dan, skont il-mudell ta’ “aggregazzjoni”, X ikun intitolat għal tnaqqis kwantitattiv għall-posta li toriġina mingħand A li tkun tikkorrispondi mal-volumi miġburin flimkien ta’ posta mingħand il-klijenti kollha tiegħu li huwa jikkonsenja matul il-perijodu ta’ referenza (pereżempju 20 %).

    68.

    Ejja nassumu issa li A jikkonkludi kuntratt għall-immaniġġar u l-kunsinna tal-istess volum eżatt ta’ posta lill-USP ma’ intermedjarju Y, li jkun ikbar minn X. Skont il-mudell “per mittent”, Y jerġa’ jkun intitolat għal tnaqqis ta’ 10 % għall-volumi li joriġinaw mingħand A. Skont il-mudell ta’ “aggregazzjoni”, it-tnaqqis kwantitattiv li Y jirċievi għall-volum ta’ posta li toriġina mingħand A jkun ikkalkolat b’referenza għad-dħul gross totali ġġenerat għall-USP minn Y (pereżempju 30 %).

    69.

    Fl-aħħar nett, ejja nimmaġinaw kif tista’ tkun is-sitwazzjoni ta’ mittent individwali B, li ma jibgħatx posta biżżejjed biex jikkwalifika għal tnaqqis kwantitattiv. Skont il-mudell “per mittent”, ma jkunx hemm tnaqqis irrispettivament minn jekk B jiddeċidix li jikkonsenja huwa nnifsu l-posta tiegħu lill-USP jew li jafda intermedjarju b’dak ix-xogħol. Iżda s-sitwazzjoni tkun differenti ħafna skont il-mudell ta’ “aggregazzjoni”: il-volumi ta’ posta ġġenerati minn B imbagħad jagħtu lok għal tnaqqis kwantitattiv ta’ 20 % jekk huwa jiddeċiedi li jittratta ma’ intermedjarju X, u tnaqqis kwantitattiv ta’ 30 % jekk jiddeċiedi li jittratta ma’ intermedjarju Y.

    70.

    Nislet żewġ lezzjonijiet minn dawn l-eżempji.

    71.

    L-ewwel lezzjoni hija li huwa biss il-mudell “per mittent” li x’aktarx jistimula mittenti biex jibagħtu iktar posta u, għalhekk, jaqdi l-objettiv kummerċjali ta’ tnaqqis kwantitattiv. Il-mittenti huma finalment responsabbli għall-ġenerazzjoni ta’ posta. L-intermedjarji presumibbilment jiġġeneraw domanda awtonoma bħal dik biss sal-livell limitat li huma stess jisfaw mittenti ( 40 ). Is-sitwazzjoni tal-mittent individwali B tagħti eżempju ta’ dan il-punt: skont il‑mudell “per mittent”, jekk l-affarijiet l-oħra kollha jkunu ugwali, B ikun jista’ jikseb biss tnaqqis kwantitattiv billi jżid il-volum ta’ posta li huwa jibgħat ( 41 ).

    72.

    Kif naraha jien, l-inċentiv li tintbagħat iktar posta prattikament jgħib skont il-mudell ta’ “aggregazzjoni”: dak li jiswa mbagħad ma huwiex il-volum ta’ posta li l-mittent jiddeċiedi li jimposta iżda aktarx id-deċiżjoni li huwa jittratta ma’ intermedjarju, kif ukoll l-għażla bejn diversi intermedjarji. Tabilħaqq, għal volum ta’ posta mhux mibdul, B għandu inċentiv biex jittratta mal-intermedjarju li joffri l-aħjar prezz għal unità. Fl-eżempju tiegħi, dak l-intermedjarju aktarx ikun Y, li jikkwalifika għal livell ogħla ta’ tnaqqis kwantitattiv minn X u li jkun jista’ jagħti prezz għas-servizz tiegħu biex jaqla’ ’l barra lil X ( 42 ).

    73.

    Minħabba li l-pożizzjonijiet ta’ mittenti u intermedjarji fir-rigward ta’ tnaqqis kwantitattiv huma differenti, l-objettiv tal-USP biex iżid id-domanda għal servizzi postali jista’ jkun f’periklu mill-mudell ta’ “aggregazzjoni”. Jista’, b’mod partikolari, ikun hemm riskju li joħorġu fis-suq intermedjarji “purament amministrattivi”, li jimmaniġġaw l-ikbar volumi ta’ posta possibbli — inklużi oġġetti li joriġinaw mingħand mittenti żgħar — biex jibbenefikaw mill-ogħla livelli ta’ tnaqqis kwantitattiv ( 43 ).

    74.

    Kif bpost korrettement tissottometti, ir-riżultat jista’ jkun sitwazzjoni klassika ta’ “telfa”. Jekk l-USP jeħtieġlu japplika l-“mudell ta’ aggregazzjoni”, huwa jista’ jiġi mġiegħel jabbanduna s-sistema tiegħu ta’ tnaqqis kwantitattiv biex jipproteġi l-ekwilibriju finanzjarju tiegħu. Iżda l-abolizzjoni ta’ tnaqqis kwantitattiv tista’ aktarx tnaqqas id-domanda għal servizzi postali għall-benefiċċju ta’ metodi alternattivi ta’ komunikazzjoni, bħal faks, posta elettronika, xandir u l-internet ( 44 ). Imbagħad dan jista’ jolqot il-finanzjament tas-servizz universali, bi ħsara għall-USP.

    75.

    Ma nistax, għalhekk, naqbel mas-sottomissjoni tal-Gvern Belġjan li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 37 u 38 ta’ Deutsche Post et japplika għal din il-kawża. Il-Qorti tal-Ġustizzja hemmhekk ma aċċettatx l-argument ta’ Deutsche Post u tal-Gvern Ġermaniż li l-estensjoni tas-sistema ta’ tnaqqis operattiv lil intermedjarji tkun ta’ theddida għall-istabbiltà finanzjarja tal-USP (Deutsche Post). Il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li Deutsche Post setgħet tirriduċi t-tnaqqis operattiv tagħha għar-reċipjenti kollha “jekk jirriżulta li l-konċessjoni lill-intermedjarji tat-tnaqqis […] li […] huwa konċess biss lill-klijenti kummerċjali […] ikun eċċessiv meta mqabbel ma’ l-ispejjeż evitati […]” ( 45 ). Kif huwa ċar minn dan il-kliem, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja kellu rabta mill-qrib man-natura ta’ tnaqqis operattiv: minħabba li dan tal-aħħar jingħata biex jirrifletti l-ispejjeż evitati mill-USP, kif imqabbel mal-ispejjeż tas-servizz standard għal posta ta’ ittri, l-estensjoni tiegħu lil intermedjarji tidher li ma ġġibx riskju li tintlaqat l-istabbiltà finanzjarja tal-USP. Kif għadni kif spjegajt, ir-raġunament ma jistax ikun applikat għal tnaqqis kwantitattiv minħabba li jekk jitnaqqas jew jitneħħa aktarx li jħalli impatt negattiv fuq id-domanda għal posta ta’ ittri u, għalhekk, fuq l-ekwilibriju finanzjarju tal-USP.

    76.

    Inżid li l-impożizzjoni tal-mudell ta’ “aggregazzjoni” fil-kuntest ta’ tnaqqis kwantitattiv hija diffiċli tkun irrikonċiljata mal-flessibbiltà fil-prezz li l-leġiżlatura tal-Unjoni minn jeddha tat lil USPs b’kumpens għall-espożizzjoni ikbar tagħhom għall-kompetizzjoni, bla ħsara għal-limiti stabbiliti fl-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali u għal dawk li jirriżultaw b’mod iktar ġenerali mit-Trattati (pereżempju l-projbizzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti skont l-Artikolu 102 TFEU) ( 46 ).

    77.

    It-tieni lezzjoni hija dwar in-newtralità tal-mudell “per mittent” skont l-effett tiegħu fuq is-sitwazzjoni kompetittiva tad-diversi parteċipanti fis-suq postali.

    78.

    Meta jkun qed jiġi evalwat jekk sistema ta’ tnaqqis kwantitattiv bħal dik inkwistjoni fil-proċeduri ewlenin hijiex diskriminatorja jew le, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun iggwidata fil-fehma tiegħi mill-objettiv tal-ftuħ ta’ swieq postali għall-kompetizzjoni. Kif tikkonferma l-premessa 26 tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali, il-prinċipji li tariffi għas-servizz universali għandhom ikunu mhux diskriminatorji u li xkiel fil-kompetizzjoni għandu jkun evitat huma relatati mill-qrib. Jeħtieġ, għalhekk, li f’ambjent iktar kompetittiv, kemm li “l-Istati Membri […] joffru lill-fornituri biżżejjed libertà biex jadattaw ruħhom għall-kompetizzjoni u, fl-istess ħin, jiggarantixxu monitoraġġ xieraq ta’ l-imġiba ta’ l‑operatur li x’aktarx jiddomina, bil-għan li tiġi ssalvagwardjata kompetizzjoni effettiva” ( 47 ).

    79.

    F’dan l-isfond, jidhirli li l-mudell “per mittent” ma jistax ixekkel il-kompetizzjoni. Skont dak il-mudell il-livell ta’ tnaqqis kwantitattiv mogħti jiddependi esklużivament mid-dħul iġġenerat għall-USP minn kull mittent individwali matul perijodu ta’ referenza. B’riżultat ta’ dan, il-mudell “per mittent” la jinkuraġġixi u lanqas ma jżomm mittenti bil-kwantita milli jafdaw il-posta tagħhom lil intermedjarju.

    80.

    Kuntrarjament għas-sottomissjonijiet tal-Gvern Belġjan waqt is-smigħ, ma nara ebda raġuni biex nemmen li l-mudell “per mittent” ġeneralment jhedded il-vijabbiltà ta’ intermedjarji. Għalkemm dak il-mudell ma jħallix li jkun hemm intermedjarji purament amministrattivi, ma jolqotx l-interess potenzjali li mittent bil-kwantità jista’ jkollu meta juża intermedjarju “operattiv”. Dan huwa tipikament il-każ meta, għall-istess “tariffa ta’ stampar”, il-mittent seta biss iħejji, jissortja minn qabel u/jew jibgħat posta huwa nnifsu bi prezz ogħla mill-medja. Ikun hemm diversi fatturi meta jiġi biex ikun deċiż jekk dawn ix-xogħlijiet għandhomx jingħataw jew le biex isiru minn ħaddieħor, minħabba (nuqqas ta’) disponibbiltà ta’ infrastruttura interna u riżorsi umani, l-ispejjeż għal dawn ir-riżorsi, il-varjazzjonijiet perijodiċi fil-volumi ta’ posta li jkollhom jintbagħtu jew il-konvenjenza pura li jintuża intermedjarju. Il-fatt li skont il-mudell “per mittent” intermedjarju ma jistax jibbenefika minn livelli ogħla ta’ tnaqqis kwantitattiv (li jkun jista’ jew ma jistax jgħaddi lill-klijent) minn dak li jkun disponibbli għal kull mittent individwalment ma jċaħħadx ix-xogħol li jsir minn ħaddieħor mill-interess ekonomiku potenzjali tiegħu.

    81.

    In-newtralità tal-effetti tal-mudell “per mittent” fuq il-kompetittività ta’ intermedjarji hija f’kuntrast qawwi ħafna mal-effetti ta’ xkiel tal-prattika inkwistjoni f’Deutsche Post et ( 48 ). Hemmhekk, il-fatt li intermedjarji ma setgħux jibbenefikaw mit-tnaqqis operattiv li Deutsche Post kienet tagħti lil mittenti individwali għad-depożitu ta’ kwantitajiet minimi ta’ posta ssortjata minn qabel fl-uffiċċji tal-issortjar tagħha b’mod ċar kien iżomm l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-suq għall-ġbir flimkien tal-posta. Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża tat promozzjoni lill-objettiv ta’ liberalizzazzjoni ta’ swieq postali segwit mid-Direttiva dwar is-Servizzi Postali ( 49 ).

    82.

    Il-mudell “per mittent” huwa ugwalment newtrali fir-rigward tal-kompetittività ta’ intermedjarji differenti sakemm huwa jkun applikat b’mod konsistenti għalihom kollha ( 50 ). Jekk tnaqqis kwantitattiv ikun ibbażat biss fuq posta ġġenerata minn mittenti individwali, l-għażla ta’ mittent ta’ intermedjarju tkun tiddependi (jekk l-affarijiet l-oħra kollha jkunu ugwali) mill-kwalità tas-servizz li jkun offrut. Dik il-kwalità mbagħad x’aktarx tkun tirrifletti fatturi bħal dawn, bħall-affidabbiltà tal-intermedjarju, il-konvenjenza tal-metodu li juża biex jikklerja posta, kemm jimmaniġġa u jikkonsenja posta malajr lill-USP u kemm ikun jista’ u jrid jittratta, bi prezz raġonevoli għall-mittent, b’żidiet jew tnaqqis f’daqqa fil-volumi ta’ posta li jkollha tinħadem.

    83.

    B’kuntrast, x’aktarx li jinqala’ xkiel kompetittiv skont il-mudell ta’ “aggregazzjoni”.

    84.

    L-ewwel, dak il-mudell joħloq inċentivi għall-mittenti kważi kollha biex jafdaw il-posta tagħom lil intermedjarju ( 51 ). Ma hemmx dubju dwar dik il-konklużjoni minkejja l-fatt li ma hemmx garanzija li t-tnaqqis (sħiħ) miksub minn intermedjarju jgħaddi lill-klijenti. Anki jekk jitqabbad intermedjarju purament amministrattiv jista’ jkun ta’ vantaġġ ekonomiku għal mittent bil-kundizzjoni li l-offerta tal-intermedjarju tgħin lill-mittent jibgħat posta bi prezz (anki ftit iktar) baxx mill-medja milli bil-prezz li xort’oħra kien jintalab mill-USP. Pereżempju, nassumu li intermedjarju Y (li bis-saħħa tal-mudell ta’ “aggregazzjoni” jikkwalifika għal tnaqqis globali ta’ 30 %) joffri biss tnaqqis ta’ 12 % lil A li jimposta bil-kwantità; dan tal-aħħar ikun għad għandu inċentiv jittratta ma’ Y minħabba li A jibbenefika biss minn tnaqqis kwantitattiv ta’ 10 % jekk jikkonsenja l-posta tiegħu direttament lill-USP.

    85.

    It-tieni, il-mudell ta’ “aggregazzjoni” jaħdem għall-vantaġġ ta’ intermedjarji li jiġbru flimkien l-ikbar volumi ta’ posta u, għalhekk, jibbenefikaw mill-ogħla livelli ta’ tnaqqis ( 52 ). Dak jidher partikolarment ċar meta titqabbel is-sitwazzjoni kompetittiva tal-intermedjarji X u Y ( 53 ). Fl-eżempju li tajt iktar qabel, skont il-mudell ta’ aggregazzjoni, X ikkwalifika għal tnaqqis kwantitattiv ta’ 20 %, filwaqt li Y ikkwalifika għal tnaqqis kwantitattiv ta’ 30 %. Jekk l-affarijiet l-oħra kollha jkunu ugwali, dan ifisser li, għall-istess servizz Y igawdi vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv fuq X biex jattira mittenti. Y ukoll igawdi flessibbiltà operattiva ikbar minn X. Y jista’ (pereżempju) joffri servizz inqas elaborat iżda tnaqqis ħafna iktar aħjar; jew l-istess servizz bi tnaqqis ftit iktar aħjar u jagħmel iktar qligħ.

    86.

    Barra dan, jekk l-USP ma jistax juża l-mudell “per mittent”, huwa jista’ fl-aħħar nett ma jkollu ebda għażla ħlief li jabolixxi s-sistema ta’ tnaqqis kwantitattiv għalkollox biex jiżgura l-vijabbiltà finanzjarja tiegħu ( 54 ). Dak jista’ aktarx ikollu konsegwenzi negattivi għal dawk li jużaw is-servizzi postali b’mod ġenerali.

    87.

    Xkiel bħal dan fil-kompetizzjoni u l-effetti kollaterali tiegħu jidher minnu nnifsu li ma huwiex konsistenti mal-objettivi dikjarati tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali.

    88.

    L-inkuraġġiment għall-kompetizzjoni ma’ operaturi fil-kariga tqies mill-leġiżlatur tal-UE bħala li kien kritiku biex jinkiseb is-suq għas-servizzi postali ( 55 ). Deutsche Post et ( 56 ) turi r-rwol li kellu l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali biex ikun segwit dak l-objettiv. Iżda, naqsam il-fehma tal-Gvern Franċiż li d-Direttiva ma teħtieġx li USP jistabbilixxi tariffi b’mod li jiffavorixxi intermedjarji kbar flok intermedjarji iżgħar u/jew lill-USP innifsu ( 57 ). Għall-kuntrarju, diskriminazzjoni pożittiva favur intermedjarji kbar tista’ verament tikser ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 12, li jeżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li tariffi għal servizzi postali ma jiffavorixxux ċerti (kategoriji ta’) klijenti.

    89.

    Kif naraha jien wkoll, il-kalkolazzjoni ta’ tnaqqis kwantitattiv b’mod li jinħoloq vantaġġ kompetittiv għall-ikbar intermedjarji aktarx tikkontribwixxi biex ikun hemm u jiżviluppaw b’suċċess intermedjarji li — irrispettivament mid-daqs tagħhom — joffru l-aħjar servizz għal dawk li finalment jużawh. F’dak is-sens, il-mudell “per mittent” jidher li huwa konformi mal-objettivi tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali biex titjieb il-kwalità tas-servizz postali fl-UE u biex tinġieb ’il quddiem it-tlestija ta’ suq intern li jiffunzjona għas-servizzi postali ( 58 ).

    90.

    Jien, għalhekk, nikkonkludi li, minħabba li mittenti u intermedjarji huma b’mod oġġettiv f’sitwazzjonijiet differenti fir-rigward ta’ tnaqqis kwantitattiv, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali għandu jkun interpretat bħala li ma jipprekludix USP milli jikkalkola t-tnaqqis kwantitattiv mogħti lil intermedjarju abbażi tal-volumi ta’ posta ta’ kull wieħed mill-klijenti tal-intermedjarju meħuda separatament matul perijodu ta’ referenza, milli abbażi tal-volumi ta’ posta miġbura flimkien u kkonsenjati minn dak l-intermedjarju lill-USP matul dak il-perijodu.

    91.

    Għar-raġunijiet li diġà tajt ( 59 ), ma jenħtieġx li tingħata risposta separata għat-tielet domanda.

    Konklużjoni

    92.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi kif ġej b’risposta għad-domandi magħmulin mill-Cour d’appel de Bruxelles (il-Belġju):

    (1)

    Il-ħames inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, kif emendata, ma japplikax għal tnaqqis kwantitattiv mogħti minn fornitur tas-servizzi universali skont il-volum ta’ oġġetti kkonsenjati minnu mingħand mittent matul perijodu ta’ referenza u maħsub biex joħloq inċentiv għal mittenti biex iżidu d-domanda tagħhom għal servizzi postali.

    (2)

    Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67 ma jipprekludix fornitur tas-servizzi universali milli jikkalkola tnaqqis kwantitattiv mogħti lil intermedjarju abbażi tal-volumi ta’ posta ta’ kull wieħed mill-klijenti tal-intermedjarju meħuda separatament matul perijodu ta’ referenza, milli abbażi tal-volumi ta’ posta miġbura flimkien u kkonsenjati minn dak l-intermedjarju lill-fornitur tas-servizzi universali matul dak il-perijodu.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Ara l-punt 4 iktar ’il quddiem.

    ( 3 ) Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71). Nirreferi għall-verżjoni oriġinali ta’ dik id-direttiva bħala “id-Direttiva tal-1997”. Dik id-Direttiva kienet emendata bid-Direttiva 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Ġunju 2002, li temenda d-Direttiva 97/67/KE fir-rigward tal-ftuħ ulterjuri għal kompetizzjoni tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 316) (iktar ’il quddiem “id-Direttiva tal-2002”) u bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008, li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU L 52, p. 3) (iktar ’il quddiem “id-Direttiva tal-2008”). Nirreferi għad-Direttiva tal-1997 kif emendata bid-Direttiva tal-2002 u bid-Direttiva tal-2008 bħala “id-Direttiva dwar is-Servizzi Postali”. Ir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jadatta għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE id-dispożizzjonijiet dwar kumitati li jassistu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha stabbiliti fi strumenti suġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 1) emenda wkoll id-Direttiva dwar is-Servizzi Postali, iżda biss fir-rigward tal-komitoloġija.

    ( 4 ) C‑287/06 sa C‑292/06, EU:C:2008:141.

    ( 5 ) Artikolu 1 tad-Direttiva tal-1997.

    ( 6 ) Artikolu 2(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali.

    ( 7 ) Artikolu 2(13).

    ( 8 ) Artikolu 2(16).

    ( 9 ) Sezzjoni 2.1 tal-Memorandum ta’ spjegazzjoni għall-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 97/67/KE fir-rigward tal-ftuħ ulterjuri għal kompetizzjoni tas-servizzi postali Komunitarji, COM(2000) 319 finali (il-“Proposta tal-Kummissjoni tal-2000”, ĠU 2000, C 337E, p. 220).

    ( 10 ) Sezzjoni 2.9.4 tal-Memorandum ta’ spjegazzjoni għall-Proposta tal-Kummissjoni tal-2000, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.

    ( 11 ) Ara l-premessi 12, 13 u 16.

    ( 12 ) Sezzjoni 3.2.2 tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji, COM(2006) 594 finali (iktar ’il quddiem il-“Proposta tal-2006 tal-Kummissjoni”), p. 5.

    ( 13 ) Dak l-inċiż issa jaqra kif ġej: “Kull meta jkun meħtieġ għal raġunijiet relatati ma’ l-interess pubbliku, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li tariffa uniformi għandha tkun applikata għat-territorju nazzjonali kollu tagħhom u/jew transkonfini għal servizzi pprovduti b’tariffa bil-biċċa u għal oġġetti postali oħra”.

    ( 14 ) Fit-terminoloġija postali, “posta diretta” tirreferi għal riklamar indirizzat, filwaqt li “posta amministrattiva” tirreferi għal posta bil-kwantità li jkollha informazzjoni individwali, bħal dikjarazzjonijiet ta’ kontijiet mogħtija minn banek lill-klijenti tagħhom.

    ( 15 ) Ara l-Avviż mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ regoli tal-kompetizzjoni lis-settur postali u dwar l-istima ta’ ċerti miżuri statali dwar is-servizzi postali (ĠU 1998, C 39, p. 2).

    ( 16 ) bpost ikkonfermat waqt is-smigħ li mittenti bil-kwantità jew intermedjarji setgħu jibbenefikaw minn tnaqqis kwantitattiv u tnaqqis operattiv kumulattivament fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ tariffi.

    ( 17 ) Fl-2010, il-perijodu ta’ referenza kien ta’ sena għal oġġetti ta’ inqas minn 50 gramma u ta’ tliet xhur għal oġġetti ta’ iktar minn 50 gramma.

    ( 18 ) Bl-eċċezzjoni tal-“Indirect Channel Rebate” mogħti fil-kuntest ta’ kuntratti “Intermedjarju”. Iżda dak it-tnaqqis huwa maħsub li jirrifletti l-ispejjeż evitati minn bpost minħabba l-fatt li l-intermedjarju (milli bpost) iżomm relazzjonijiet kummerċjali ma’ mittenti individwali. Għalhekk għandu jitqies bħala tnaqqis operattiv milli tnaqqis kwantitattiv.

    ( 19 ) Sentenzi Inter-Environnement Wallonie (C‑129/96, EU:C:1997:628, punt 45); ATRAL (C‑14/02, EU:C:2003:265, punt 58); u Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 57).

    ( 20 ) Ara b’mod partikolari s-sentenza Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punti 122 u 123).

    ( 21 ) Ara b’analoġija s-sentenza VTB-VAB u Galatea (C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, il-punt 40).

    ( 22 ) EU:C:2008:141, punti 42 u 43.

    ( 23 ) Ara l-punti 15 u 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 24 ) Ara l-punti 6 sa 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 25 ) Skont l-aħħar sentenza tal-ħames inċiż tal-verżjoni tal-2002, “tariffi [speċjali] għandhom ukoll ikunu disponibbli għal klijenti privati li jimpustaw taħt kondizzjonijiet simili”.

    ( 26 ) EU:C:2008:141, punt 41.

    ( 27 ) Rapport tal-laqgħa tat-8 ta’ Settembru 2000, Dokument tal-Kunsill 11249/00, 15 ta’ Settembru 2000, p. 3.

    ( 28 ) Sezzjoni 3.3.2 tal-Proposta tal-2006 tal-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, p. 7.

    ( 29 ) Ara l-punti 10 sa 13 iktar ’il fuq.

    ( 30 ) Jekk USPs ikollhom ikunu iktar esposti għall-kompetizzjoni tul il-katina kollha tal-immaniġġar tal-posta (inkluż, pereżempju, it-tqassim ta’ oġġetti postali), huma forsi jkunu jixtiequ joffru parti minn dak l-immaniġġar bi prezz kompetittiv kif imqabbel mal-prezz mitlub minn kompetituri għal servizz ekwivalenti.

    ( 31 ) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew meħuda fl-ewwel qari fil-11 ta’ Lulju 2007 bil-għan li tkun adottata direttiva li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU 2008 C 175E, p. 355) (ara l-premessa 34 fil-verżjoni emendata proposta mill-Parlament).

    ( 32 ) Il-Grupp ta’ Ħidma dwar Servizzi Postali, tħejjija tal-Kunsill tat-Trasport/Telekomunikazzjonijiet u Enerġija tal-1 u tat-2 ta’ Ottubru 2007, Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji – Ftehim politiku, dokument tal-Kunsill Nru 12864/07, 14 ta’ Settembru 2007, p. 32 (ara speċjalment in-nota ta’ qiegħ il-paġna 40).

    ( 33 ) Dokument tal-Kunsill Nru 12864/07, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, p. 16 (nota ta’ qiegħ il-paġna 25). Il-Kummissjoni opponiet b’suċċess il-proposta minn għadd ta’ Stati Membri biex tinbidel “għandhom iqisu l-ispejjeż evitati” bi “jistgħu jqisu l-ispejjeż evitati”.

    ( 34 ) B’hekk, dan ir-rinviju ma jikkonċernax kwistjonijiet oħra mqajma fil-kawża prinċipali, bħall-allegat ksur minn bpost tal-obbligu tagħha li tapplika tariffi mhux diskriminatorji billi teżiġi li intermedjarji jidentifikaw il-klijenti individwali tagħhom biex jibbenefikaw minn nuqqas kwantitattiv, jew billi jikkalkolaw it-tnaqqis operattiv mogħti lil intermedjarji abbażi tal-kwantitajiet ta’ posta issortjata minn qabel li toriġina mingħand il-klijenti tagħhom meħuda separatament.

    ( 35 ) Sentenzi Ruckdeschel et (117/76 u 16/77, EU:C:1977:160, punt 7); Edeka Zentrale (245/81, EU:C:1982:277, punt 11); u Schaible (C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 76).

    ( 36 ) Ara b’analoġija s-sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et, (C‑127/07, EU:C:2008:728, punti 25 u 26, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

    ( 37 ) Ara l-punt 22 iktar ’il fuq.

    ( 38 ) EU:C:2008:141.

    ( 39 ) EU:C:2008:141, punti 41 u 44.

    ( 40 ) Pereżempju, il-korrispondenza mal-impjegati u mal-klijenti ta’ intermedjarju ma’ sottokuntratturi jew ma’ awtoritajiet pubbliċi.

    ( 41 ) Ċertament dak jista’ ma jseħħx jekk, pereżempju, l-evoluzzjoni tal-attivitajiet ta’ B twassal għal riduzzjoni fil-korrispondenza tagħha, jew jekk taqleb għal użu ta’ mezzi oħra ta’ komunikazzjoni possibbilment ta’ inqas spejjeż bħal messaġġi li jintbagħtu elettronikament.

    ( 42 ) Ara wkoll il-punt 85 iktar ’il quddiem.

    ( 43 ) Tabilħaqq, bpost tissottometti li kien preċiżament biex tindirizza dan il-fenomenu li hija kienet iddeċidiet li tintroduċi l-mudell “permezz ta’ mittent” fl-2010. Ara l-punt 21 iktar ’il fuq.

    ( 44 ) Rapport indipendenti mħejji fuq talba tas-Segretarju tal-Istat tar-Renju Unit għan-Negozju, Impriża u Riforma Regolatorja jitfa’ dawl fuq l-elastiċità tal-prezzijiet li kienet qed tiżdied għal servizzi postali b’riżultat ta’ (b’mod partikolari) alternattivi irħas għall-posta. Ara R. Hooper, D. Hutton, I.R. Smith, “The challenges and opportunities facing UK postal services. An initial response to evidence”, Mejju 2008, p. 26 (https://www.berr.gov.uk/files/file46075.pdf). Ara wkoll is-Sezzjonijiet 1.2.5 u 1.3 tal-Memorandum ta’ spjegazzjoni għall-Proposta tal-Kummissjoni tal-2000, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.

    ( 45 ) Sentenza Deutsche Post et, EU:C:2008:141, punt 38.

    ( 46 ) Ara l-punti 11 u 12 u 52 sa 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-Kummissjoni enfasizzat li bħala prinċipju ma hemmx kontradizzjoni bejn li jinżamm u jitjieb is-servizz universali u bil-mod il-mod tiddaħħal il-kompetizzjoni, “bil-kundizzjoni li l-[USP] ikollu l-flessibbiltà kummerċjali u fl-ipprezzar biex iwieġeb fil-limiti tal-liġi tal-kompetizzjoni”. Ara s-Sezzjoni 1.3 tal-Memorandum ta’ spjegazzjoni għall-Proposta tal-2000 tal-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.

    ( 47 ) Sezzjoni 3.3.3 tal-Proposta tal-2006 tal-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, p. 7.

    ( 48 ) EU:C:2008:141.

    ( 49 ) Ara b’mod partikolari l-premessa 8 tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali; il-premessi 2 u 12 sa 15 tad-Direttiva tal-2002; il-premessi 12, 16 u 38 tad-Direttiva tal-2008.

    ( 50 ) Sa fejn nista’ ngħid jien, dak jidher li huwa l-każ hawnhekk; bpost tindika b’mod partikolari li t-tnaqqis kwantitattiv tagħha għall-2010 kien applikat bl-istess kundizzjonijiet għas-sussidjarja tagħha stess ta’ ġbir flimkien tal-posta (Speos).

    ( 51 ) Ara l-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Iżda dak l-inċentiv ma jeżistix għal dawk il-mittenti bil-kwantità li wara kollox ikunu intitolati għall-ogħla livell ta’ tnaqqis.

    ( 52 ) Ara f’dak is-sens, Avis no 07-A-17 du Conseil de la concurrence (France) relatif à une demande d’avis de l’Autorité de régulation des communications électroniques et des postes (ARCEP) sur le dispositif de remises commerciales de La Poste, 20 ta’ Diċembru 2007, Bulletin officiel de la concurrence, de la consommation et de la répression des fraudes, 23 ta’ April 2008, p. 313.

    ( 53 ) Ara l-punti 67 u 68 iktar ’il fuq.

    ( 54 ) Ara l-punt 74 iktar ’il fuq.

    ( 55 ) Ara f’dan ir-rigward, pereżempju, is-Sezzjoni 2.7 tal-Memorandum ta’ spjegazzjoni għall-Proposta tal-Kummissjoni tal-2000, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.

    ( 56 ) EU:C:2008:141.

    ( 57 ) B’mod iktar ġenerali, anki wara l-emendi tal-2002 u l-2008, id-Direttiva dwar is-Servizzi Postali fil-fatt ma teżiġix li l-Istati Membri jilħqu xi livell minimu speċifikat ta’ kompetizzjoni effettiva fis-settur postali.

    ( 58 ) Ara b’mod partikolari l-premessi 1, 19, 30, 31, 32 u 35 tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali.

    ( 59 ) Ara l-punti 33, 57 u 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    Top