This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62013CC0333
Opinion of Advocate General Wathelet delivered on 20 May 2014.#Elisabeta Dano and Florin Dano v Jobcenter Leipzig.#Request for a preliminary ruling from the Sozialgericht Leipzig.#Reference for a preliminary ruling — Free movement of persons — Citizenship of the Union — Equal treatment — Economically inactive nationals of a Member State residing in the territory of another Member State — Exclusion of those persons from special non-contributory cash benefits under Regulation (EC) No 883/2004 — Directive 2004/38/EC — Right of residence for more than three months — Articles 7(1)(b) and 24 — Condition requiring sufficient resources.#Case C‑333/13.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fl-20 ta’ Mejju 2014.
Elisabeta Dano u Florin Dano vs Jobcenter Leipzig.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis- Sozialgericht Leipzig.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Ċittadinanza tal-Unjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Ċittadini ta’ Stat Membru mingħajr attività ekonomika residenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor – Esklużjoni ta’ dawn il-persuni mill-benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus abbażi tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 – Direttiva 2004/38/KE – Dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur – Artikoli 7(1)(b) u 24 – Kundizzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti.
Kawża C‑333/13.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fl-20 ta’ Mejju 2014.
Elisabeta Dano u Florin Dano vs Jobcenter Leipzig.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis- Sozialgericht Leipzig.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Ċittadinanza tal-Unjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Ċittadini ta’ Stat Membru mingħajr attività ekonomika residenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor – Esklużjoni ta’ dawn il-persuni mill-benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus abbażi tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 – Direttiva 2004/38/KE – Dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur – Artikoli 7(1)(b) u 24 – Kundizzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti.
Kawża C‑333/13.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:341
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WATHELET
ippreżentati fl-20 ta’ Mejju 2014 ( 1 )
Kawża C‑333/13
Elisabeta Dano,
Florin Dano
vs
Jobcenter Leipzig
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sozialgericht Leipzig (il-Ġermanja)]
“Regolament (KE) Nru 883/2004 — Direttiva 2004/38/KE — Ċittadinanza tal-Unjoni — Ugwaljanza fit-trattament — Ċittadini tal-Unjoni mingħajr attività ekonomika li jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi għall-esklużjoni ta’ dawn il-persuni mill-benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus, jekk id-dritt ta’ residenza tagħhom ikun ibbażat biss fuq l-Artikolu 20 TFUE”
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, fis-sustanza, tqajjem il-kwistjoni dwar jekk Stat Membru jistax jeskludi mill-benefiċċji għall-għajxien li ma humiex kontributorji, fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali ( 2 ), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009 ( 3 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004” jew ir-“Regolament”), lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jinsabu fil-bżonn, biex jevita li dawn il-benefiċċji jkunu ta’ piż mhux raġonevoli għalih, u dan anki jekk dawn jingħataw liċ-ċittadini nazzjonali li jinsabu fl-istess sitwazzjoni. |
2. |
Id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju jwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex għal darba oħra tiddeċiedi fuq ir-relazzjoni bejn ir-Regolament Nru 883/2004 u d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE ( 4 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/38” jew id-“Direttiva”) u fuq il-kunċetti, minn naħa, tal-“benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus” imsemmija fir-Regolament Nru 883/2004 u, min-naħa l-oħra, tal-“benefiċċji ta’ għajnuna soċjali” fis-sens tad-Direttiva 2004/38. |
3. |
Konsegwentement, għalkemm id-domandi preliminari ma jirrigwardawx espressament il-kwalifika tal-benefiċċji inkwistjoni fil-kawża prinċipali taħt dawn iż-żewġ leġiżlazzjonijiet, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tevita li tagħmel dan jekk hija tixtieq tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju. |
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
1. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
4. |
Skont l-Artikolu 1 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), bit-titolu “I[d]-dinjità tal-bniedem”, “[i]d-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Hija għandha tkun irrispettata u protetta”. |
5. |
L-Artikolu 20 tal-Karta, intitolat “L-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi”, jipprovdi li “[k]ull persuna hija ugwali f’għajnejn il-liġi”. |
2. Ir-Regolament Nru 883/2004
6. |
Il-premessi 16 u 37 tar-Regolament Nru 883/2004 huma fformulati kif ġej:
[…]
|
7. |
Filwaqt li jirregola l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 883/2004, l-Artikolu 2(1) tar-regolament imsemmi jipprovdi li: “Dan ir-Regolament għandhu japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom”. |
8. |
Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 883/2004 jinsab, min-naħa tiegħu, deskritt fl-Artikolu 3: “1. Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali: […]
[…] 2. Sakemm l-Anness XI ma jgħidx mod ieħor, dan ir-Regolament għandu japplika għal skemi ġenerali u speċjali ta’ sigurtà soċjali, kemm jekk kontributorji u kemm jekk le, u għal skemi marbutin ma’ l-obbligi ta’ min iħaddem jew ta’ sid il-vapur. 3. Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal benefiċċji speċjali, li mhumiex kontributorji, li jingħataw fi flus u li huma koperti mill-Artikolu 70. […] 5. Dan ir-Regolament ma għandux japplika:
|
9. |
Skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament bit-titolu “Trattament ugwali” |
“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru”.
10. |
Il-kapitolu 9 tat-titolu III tar-Regolament Nru 883/2004 huwa ddedikat għall-“Benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus”. Huwa magħmul mill-Artikolu 70 biss, li għandu t-titolu “Dispożizzjoni ġenerali”, u jipprovdi li: “1. Dan l-Artikolu għandu japplika għal benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus taħt il-leġislazzjoni li, minħabba l-ambitu personali, objettivi u/jew kondizzjonijiet dwar l-intitolar, għandha karatteristiċi kemm tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1) u kemm ta’ assistenza soċjali. 2. Għall-għanijiet ta’ dan il-Kapitolu, “benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus” tfisser dawn il-benefiċċji li:
u
u
3. L-Artikolu 7 l-kapitoli l-oħra ta’ dan it-Titolu ma għandhomx japplikaw għall-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. 4. Il-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jingħataw biss fl-Istat Membru fejn il-persuni konċernati għandhom ir-residenza tagħhom u skond il-leġislazzjoni ta’ dan l-Istat Membru. Dawn il-benefiċċji għandhom jingħataw u għandhom jitħallsu mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza”. |
11. |
L-Anness X tar-Regolament Nru 883/2004, li jirregola l-“benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus”, fih il-preċiżazzjoni segwenti fid-daħla “Il-Ġermanja”: “[…]
|
3. Id-Direttiva 2004/38
12. |
Il-premessi 10, 16 u 21 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdu li:
[…]
[…]
|
13. |
L-Artikolu 6(1) bit-titolu “Dritt ta’ residenza sa tliet xhur”, jipprovdi li: “Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur mingħajr xi kondizzjonijiet jew formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi”. |
14. |
L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi: |
“Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:
a) |
ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew |
b) |
għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; […] |
[…]”
15. |
L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/38, bit-titolu “Formalitajiet amministrattivi għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 4 tiegħu: |
“L-Istati Membri jistgħu ma jistabbilixxux ammont fiss li huma jikkunsidraw bħala ‘riżorsi suffiċjenti’, imma għandhom iqisu s-sitwazzjoni personali tal-persuna kkonċernata. Fil-każijiet kollha, dan l-ammont m’għandux ikun ogħla mil-limitu li taħtu ċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru ospitanti jkunu eliġibbli għal għajnuna soċjali, jew, fejn ma tapplikax din il-kriterja, ogħla mill-pensjoni minima soċjali mħallsa mill-Istat Membru ospitanti.”
16. |
L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/38 huwa ddedikat għaż-“Żamma tad-dritt ta’ residenza”. Skont din id-dispożizzjoni: |
“1. Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikolu 6, sakemm ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.
[…]
3. Miżura ta’ tkeċċija m’għandhiex tkun konsegwenza awtomatika meta ċittadin ta’ l-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu jirrikorru għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.
4. Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2 u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu VI, m’għandha fl-ebda każ tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew kontra membri tal-familja tagħhom jekk:
a) |
iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom, jew |
b) |
iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni daħlu fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu impjieg. F’dan il-każ, iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom m’għandhomx jitkeċċew sakemm iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jistgħu jipprovdu evidenza li qed ikomplu jfittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh”. |
17. |
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 24, bit-titolu “Trattament ugwali”, jipprovdi li: |
“1. Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.
2. B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom”.
B – Id-dritt Ġermaniż
1. Il-kodiċi soċjali
18. |
L-Artikolu 19a(1) li jinsab fil-ktieb I tal-kodiċi soċjali (Sozialgesetzbuch Erstes Buch, iktar ’il quddiem l-“SGB I”), jiddeskrivi ż-żewġ tipi ta’ benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika għall-dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol b’dan il-mod: |
“(1) Taħt id-dritt għall-assigurazzjoni bażika ta’ dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol jistgħu jintalbu:
1. |
benefiċċji li jinvolvu d-dħul f’xogħol, |
2. |
benefiċċji li jinvolvu li jiġi żgurat l-għajxien. |
[…]”.
19. |
Fil-ktieb II tal-kodiċi soċjali (Sozialgesetzbuch Zweites Buch, iktar ’il quddiem is-“SGB II” ), l-Artikolu 1 tiegħu, bit-titolu “Funzjoni u għan tal-assigurazzjoni bażika għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 3: |
“(1) L-assigurazzjoni bażika għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol hija intiża li tippermetti lill-benefiċjarji tagħha li jgħixu ħajja li tixraq lid-dinjità tal-bniedem.
[…]
(3) L-assigurazzjoni bażika għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol tinvolvi benefiċċji
1. |
intiżi li jtemmu jew li jnaqqsu l-istat ta’ bżonn, b’mod partikolari billi jinstab ix-xogħol u |
2. |
intiżi li jiżguraw l-għajxien”. |
20. |
L-Artikolu 7 tas-SGB II, bit-titolu, “Benefiċjarji”, jipprovdi: |
“(1) Il-benefiċċji skont dan il-ktieb huma intiżi għall-persuni li
1. |
laħqu l-età ta’ 15-il sena u għadhom ma laħqux il-limitu tal-età msemmi fl-Artikolu 7a, |
2. |
huma kapaċi jaħdmu, |
3. |
jinsabu fil-bżonn u |
4. |
jirrisjedu abitwalment fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (benefiċjarji kapaċi li jaħdmu). Huma esklużi |
1. il-barranin, nisa u rġiel, li ma humiex impjegati jew ħaddiema li jaħdmu għal rashom fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u li ma għandhomx id-dritt għall-moviment liberu skont l-Artikolu 2(3) tal-liġi dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (Freizügigkeitsgesetz/EU, iktar ’il quddiem il-“FreizügG/EU”), u l-membri tal-familja tagħhom, matul l-ewwel tliet xhur tal-perijodu ta’ residenza tagħhom
2. il-barranin, nisa u rġiel, li d-dritt ta’ residenza tagħhom huwa ġġustifikat biss minħabba li qegħdin ifittxu xogħol, u l-membri tal-familja tagħhom,
[…]
It-tieni sentenza, punt 1, ma japplikax għall-barranin, nisa u rġiel, li jirrisjedu fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja taħt permess ta’ residenza maħruġ skont il-kapitolu 2, taqsima 5 tal-liġi dwar id-dritt ta’ residenza. Id-dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dritt ta’ residenza jibqgħu japplikaw.
[…]”
21. |
L-Artikolu 8 tas-SGB II, iddedikat għall-kunċett ta’ “Kapaċi għall-ħidma”, jipprovdi li: |
“(1) Hija kapaċi li taħdem kull persuna li ma hijiex inkapaċi matul perijodu speċifiku, minħabba mard jew diżabbiltà, li teżerċita attività professjonali tal-inqas tliet sigħat kuljum fil-kundizzjonijiet abitwali tas-suq tax-xogħol.
[…]”
22. |
L-Artikolu 9 tas-SGB II jipprovdi: |
“(1) Hija fil-bżonn kull persuna li ma tistax tiżgura l-għajxien tagħha, jew li tiżgurah b’mod suffiċjenti, abbażi tad-dħul jew tal-patrimonju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni u ma tirċevix l-għajnuna neċessarja minn persuni oħra, b’mod partikolari mill-membri tal-familja tagħha jew mill-benefiċjarji ta’ benefiċċji soċjali oħra. […]
[…]”
23. |
L-Artikolu 20 tas-SGB II jipprovdi dispożizzjonijiet kumplimentari fuq il-bżonnijiet bażiċi għall-għajxien; l-Artikolu 21 tas-SGB II fuq il-bżonnijiet supplimentari, u l-Artikolu 22 tas-SGB II fuq il-bżonnijiet tal-akkomodazzjoni u l-provvista tas-sħana. Fl-aħħarnett, l-Artikoli 28 sa 30 tas-SGB II jirrigwardaw il-benefiċċji ta’ taħriġ u parteċipazzjoni. |
24. |
Fil-ktieb XII tal-kodiċi soċjali (Sozialgesetzbuch Zwölftes Buch, iktar ’il quddiem is-“SGB XII”), l-Artikolu 1 tiegħu, li jittratta l-għajnuna soċjali, jipprovdi li: “Il-funzjoni tal-għajnuna soċjali hija dik li tippermetti lill-benefiċjarji tagħha li jgħixu ħajja li tixraq lid-dinjità tal-bniedem. […]” |
25. |
L-Artikolu 21 tas-SGB XII jipprovdi li: “Il-benefiċċji għall-għajxien ma jingħatawx lill-persuni li huma benefiċjarji ta’ benefiċċji skont il-ktieb II sa fejn dawn ikunu kapaċi jaħdmu jew minħabba r-rabta familjari tagħhom. […]” |
26. |
L-Artikolu 23 tas-SGB XII, bit-titolu “Għajnuna soċjali għall-barranin, nisa u rġiel”, jipprovdi kif ġej: |
“(1) L-għajnuna għall-għajxien, l-għajnuna għall-morda, l-għajnuna għan-nisa tqal u l-għajnuna tal-maternità kif ukoll l-għajnuna għall-aċċess għall-kura skont dan il-ktieb għandhom jingħataw lill-barranin li jirrisjedu b’mod effettiv fit-territorju nazzjonali. Id-dispożizzjonijiet tar-raba’ kapitolu ma humiex affettwati. Mill-bqija, l-għajnuna soċjali tista’ tingħata meta din tkun iġġustifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi individwali. Ir-restrizzjonijiet tal-ewwel sentenza ma japplikawx għall-barranin li ma għandhomx permess ta’ residenza għal żmien indefinit [‘Niederlassungserlaubnis’] jew permess ta’ residenza għal żmien definit [‘befristeter Aufenthaltstitel’] u li jkunu jixtiequ jirrisjedu b’mod permanenti fit-territorju federali. Id-dispożizzjonijiet li bis-saħħa tagħhom il-benefiċċji tal-għajnuna soċjali, li ma humiex dawk imsemmija fl-ewwel sentenza, għandhom jew ser ikollhom jitħallsu ma humiex affettwati.
[…]
(3) Il-barranin li daħlu fit-territorju nazzjonali sabiex jiksbu l-għajnuna soċjali jew li d-dritt ta’ residenza tagħhom joħroġ mill-għan ewlieni tat-tiftix tax-xogħol ma għandhomx dritt għall-għajnuna soċjali, l-istess bħall-membri tal-familja tagħhom. Jekk huma jkunu daħlu fit-territorju nazzjonali biex jikkuraw jew itaffu xi marda, l-għajnuna lill-persuni morda tista’ titħallas biss biex tirrimedja l-istat kritiku perikoluż għall-ħajja jew biex tingħata kura għal xi marda serja jew kontaġġjuża li tirriżulta li hija kemm indispensabbli u kif ukoll urġenti.
(4) Il-barranin li jibbenefikaw mill-għajnuna soċjali għandhom ikunu informati bil-programmi ta’ ripatrijazzjoni u ta’ rinstallazzjoni li japplikaw għalihom; fil-każijiet meħtieġa, għandu jiġi żgurat li l-barranin ikkonċernati jibbenefikaw minn dawn il-programmi.
[…]”
2. Il-FreizügG/EU
27. |
Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FreizügG/EU huwa stabbilit fl-Artikolu 1 ta’ din il-liġi: “Din il-liġi tirregola d-dħul u r-residenza taċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea (ċittadini tal-Unjoni) u tal-membri tal-familja tagħhom”. |
28. |
L-Artikolu 2 tal-FreizügG/EU jipprovdi, għal dak li jikkonċerna d-dritt tad-dħul u ta’ residenza: |
“(1) Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jibbenefikaw mill-moviment liberu u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt li jidħlu u li jirrisjedu fit-territorju federali skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.
(2) Għandhom jibbenefikaw mill-moviment liberu taħt id-dritt Komunitarju:
1. |
iċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu jixtiequ jirrisjedu bħala ħaddiema, sabiex ifittxu impjieg jew biex jieħdu taħriġ professjonali. |
[…]
5. |
iċ-ċittadini tal-Unjoni mingħajr attività professjonali, b’mod konformi għall-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4, |
6. |
il-membri tal-familja, skont il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 4, |
[…]”
29. |
L-Artikolu 4 tal-FreizügG/EU jipprovdi, fir-rigward tal-persuni li jibbenefikaw mill-moviment liberu li ma jeżerċitawx attività professjonali li: “Iċ-ċittadini tal-Unjoni mingħajr attività professjonali u l-membri tal-familja tagħhom li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom, għandhom jibbenefikaw mid-dritt previst fl-Artikolu 2(1) jekk huma jkollhom assigurazzjoni tal-mard suffiċjenti u mezzi ta’ għajxien suffiċjenti. Jekk ċittadin tal-Unjoni jirrisjedi fit-territorju federali taħt l-istat ta’ student, għandhom jibbenefikaw minn dan id-dritt biss il-konjuġi jew sieħeb/sieħba tiegħu/tagħha u t-tfal tiegħu/tagħha, li l-għajxien tagħhom ikun żgurat”. |
II – Il-fatti tal-kawża prinċipali
30. |
E. Dano, li twieldet fl-1989, u binha Florin, li twieled fit-2 ta’ Lulju 2009 f’Sarrebruck (il-Ġermanja), it-tnejn huma ta’ nazzjonalità Rumena. Skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, E. Dano daħlet fil-Ġermanja għall-aħħar darba fl-10 ta’ Novembru 2010. |
31. |
Fid-19 ta’ Lulju 2011, il-belt ta’ Leipzig tat lil E. Dano permess ta’ residenza għal żmien indefinit intiż għaċ-ċittadini tal-Unjoni, filwaqt li stabbilixxiet bħala d-data tad-dħul fit-territorju Ġermaniż is-27 ta’ Ġunju 2011. Fit-28 ta’ Jannar 2013, intbagħtitilha wkoll kopja dduplikata ta’ dan il-permess. |
32. |
E. Dano u binha ilhom minn meta waslu f’Leipzig jgħixu fl-appartament ta’ oħt E. Dano, li kienet tipprovdi l-ikel tagħhom. |
33. |
E. Dano tirċievi, għal binha Florin, allowance għall-ulied dipendenti (“Kindergeld”), li titħallas mill-fond tal-allowances familjari ta’ Leipzig f’isem l-Aġenzija Federali għax-Xogħol, fl-ammont ta’ EUR 184 fix-xahar. Id-dipartiment tal-assistenza soċjali għaż-żgħażagħ u għat-tfal ta’ Leipzig iħallas ukoll manteniment fl-ammont ta’ EUR 133 fix-xahar għal dan it-tifel. |
34. |
E. Dano attendiet l-iskola għal tliet snin fir-Rumanija u ma għandha ebda ċertifikat tat-tmiem tal-istudji. Hija tifhem il-Ġermaniż u hija kapaċi li tesprimi ruħha b’mod sempliċi f’dik il-lingwa. Min-naħa l-oħra, ma hijiex kapaċi tikteb f’dik il-lingwa u ma hijiex kapaċi taqra testi miktuba bil-Ġermaniż ħlief b’mod limitat. Hija ma għandhiex kwalifiki professjonali u sallum ma eżerċitat ebda attività professjonali la fil-Ġermanja u lanqas fir-Rumanija ( 5 ). |
35. |
E. Dano u binha (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) ppreżentaw l-ewwel talba għall-għoti ta’ benefiċċji skont is-SGB II. Il-Jobcenter Leipzig ċaħditha permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2011, abbażi tal-punt 2 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kkontestawx din id-deċiżjoni, li saret res judicata. |
36. |
Ir-rikorrenti msemmija ressqu talba ġdida fil-25 ta’ Jannar 2012. Wara li din it-tieni talba ġiet miċħuda mill-Jobcenter Leipzig, ir-rikorrenti appellaw minn din id-deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2012. L-appell tagħhom kien ibbażat fuq l-Artikoli 18 TFUE u 45 TFUE u fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Vatsouras u Koupatantze ( 6 ). Madankollu, din l-oppożizzjoni ġiet miċħuda b’deċiżjoni tal-1 ta’ Ġunju 2012. |
37. |
Huwa kontra din l-aħħar deċiżjoni li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors quddiem is-Sozialgericht Leipzig (qorti li tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali ta’ Leipzig, il-Ġermanja) fl-1 ta’ Lulju 2012. F’dak il-kuntest, huma talbu mill-ġdid l-għoti tal-assigurazzjoni bażika għal min ifittex xogħol, jiġifieri, il-benefiċċju tal-għajxien, l-għajnuna soċjali u l-parteċipazzjoni fl-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u l-provvista tas-sħana (iktar ’il quddiem il-“benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika”), skont is-SGB II, għall-perijodu li beda fil-25 ta’ Jannar 2012. |
III – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
38. |
Is-Sozialgericht Leipzig tikkunsidra li, skont il-punt 2 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II u tal-Artikolu 23(3) tas-SGB XII, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma għandhomx dritt għall-benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika. Madankollu, dik il-qorti tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 18 TFUE u d-dritt ta’ residenza ġenerali li jirriżulta mill-Artikolu 20 TFUE jipprekludux id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali Ġermaniż imsemmija iktar ’il fuq. |
39. |
Konsegwentement, b’deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ġunju 2013, is-Sozialgericht Leipzig iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tgħamel lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, id-domandi preliminari li ġejjin:
|
40. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-Gvern Ġermaniż u mill-Gvern Awstrijak (fir-rigward tat-tieni domanda biss), mill-Irlanda, mill-Gvern Britanniku kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. |
41. |
Barra minn hekk, dawn kollha esprimew ruħhom waqt is-seduta li nżammet fit-18 ta’ Marzu 2014. Ir-rappreżentanti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll tal-Gvern Daniż u tal-Gvern Franċiż, li ma kinux ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, setgħu wkoll jesponu l-argumenti tagħhom waqt din is-seduta. |
IV – Analiżi
A – In-natura tal-benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika fid-dawl tar-Regolament Nru 883/2004 u tad-Direttiva 2004/38
42. |
Kif indikajt fil-parti introduttiva tiegħi, id-domandi preliminari ma jirrigwardawx espressament il-kwalifika tal-benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika inkwistjoni fil-kawża prinċipali taħt ir-Regolament Nru 883/2004 u d-Direttiva 2004/38. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tas-sistema Ġermaniża fir-rigward, b’mod partikolari, tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament imsemmi fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament u tal-kriterju tar-riżorsi suffiċjenti stabbilit fl-Artikolu 24(2) tad-direttiva msemmija. Issa, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ leġiżlazzjonijiet jiddependi min-natura tal-miżuri inkwistjoni, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tevita li tagħmel dan l-eżerċizzju jekk hija tixtieq tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju. |
43. |
Għaldaqstant, ser nipprova, fl-ewwel lok, nistabbilixxi n-natura tal-benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali qegħdin jitolbu u li r-raġunijiet għar-rifjut tagħhom wasslu biex tressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari. |
1. Il-benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus fid-dawl tar-Regolament Nru 883/2004
a) Il-kunċett teoretiku
44. |
Il-kunċett ta’ benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus iddaħħal fid-dritt tal-Unjoni mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1247/92, tat-30 ta’ April 1992, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta skemi ta’ sigurtà soċjali lill-persuni mpjegati, lill-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità ( 7 ), u dan sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li ċerti benefiċċji pprovduti taħt liġijiet nazzjonali jistgħu jaqgħu simultanjament fil-kategoriji kemm ta’ sigurtà soċjali kif ukoll tal-għajnuna soċjali ( 8 ). |
45. |
Għaldaqstant, il-kunċett, li huwa frott il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex ġdid u d-definizzjoni tiegħu hija llum-il ġurnata stabbilita. Benefiċċju speċjali mhux kontributorju u li jingħata fi flus jiġi ddefinit skont l-għan tiegħu. Fl-ewwel lok, dan għandu jingħata minflok jew flimkien ma’ benefiċċju ta’ sigurtà soċjali, filwaqt li jibqa’ distint minnu, u fit-tieni lok, għandu jkollu n-natura ta’ għajnuna soċjali ġġustifikata minn raġunijiet ekonomiċi u soċjali u, fit-tielet lok, għandu jkun deċiż minn liġi li tistabbilixxi kriterji oġġettivi ( 9 ). Barra minn hekk, dan għandu, fir-raba’ lok, ikollu natura mhux kontributorja, fis-sens li l-benefiċċju inkwistjoni ma għandux ikun iffinanzjat, direttament jew indirettament minn kontribuzzjonijiet soċjali iżda għandu jiġi żgurat minn fondi pubbliċi ( 10 ), u, fil-ħames lok, skont l-Artikolu 70(2(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004, għandu jkun imsemmi fl-Anness X tal-istess regolament. |
46. |
Din id-definizzjoni għandha tiġi mxebbha mal-prinċipju mislut mill-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-influwenza tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3) u li skontu “id-dispożizzjonijiet li jidderogaw min-natura trasponibbli tal-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali, previsti fl-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 1408/71, għandhom jiġu interpretati b’mod strett. [Dan ifisser, konsegwentement, li d]in id-dispożizzjoni tista’ tolqot biss il-benefiċċji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2a) tal-istess regolament, jiġifieri l-benefiċċji li huma kemm ta’ natura speċjali u mhux kontributorja u kif ukoll li jissemmew fl-Anness IIa tar-regolament imsemmi” ( 11 ). |
47. |
Id-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament Nru 883/2004, jiġifieri l-Artikoli 3(3) u 70, kif ukoll l-Anness X tiegħu, ma humiex tali li jaffettwaw din l-evalwazzjoni ( 12 ). |
48. |
Biex nikkonkludi, kif kien ġabarha fil-qosor perfettament l-Avukat Ġenerali Wahl fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 tal-konklużjonijiet li huwa ppreżenta fil-kawża Brey, “tali benefiċċju [speċjali mhux kontributorju li jingħata fi flus] għandu jkun ta’ natura solidali fir-rigward ta’ wieħed mir-riskji msemmija fl-Artikolu 3(1) [tar-Regolament Nru 883/2004]. Dan irid jipprovdi lill-benefiċjarju bi dħul bażiku, li l-ammont tiegħu jiġi stabbilit fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istat Membru kkonċernat. Dan irid jiġi wkoll iffinanzjat permezz tat-tassazzjoni ġenerali pjuttost milli permezz tal-kontribuzzjonijiet mill-benefiċjarji. Fl-aħħar nett, dan irid ikun inkluż fl-Anness X għar-Regolament […]” ( 13 ). |
b) Il-benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika tas-SGB II
49. |
Il-benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika previsti fis-SGB II jinkludu l-benefiċċji ta’ għajxien lil E. Dano kif ukoll l-allowances soċjali u parteċipazzjoni fl-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni tal-provvista tas-sħana għal binha. |
50. |
Il-partijiet kollha jaqblu li jikklassifikawhom bħala benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004. |
51. |
Fil-fatt, jekk nieħdu l-ħames kundizzjonijiet elenkati fil-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn jissemmew fl-Anness X tar-Regolament Nru 883/2004 (il-ħames kundizzjoni). In-natura mhux kontributorja tagħhom hija stabbilita (ir-raba’ kundizzjoni) ( 14 ) u mill-Artikoli 7 (determinazzjoni tal-benefiċjarju), 8 (definizzjoni tal-kapaċità li wieħed jaħdem), 9 (definizzjoni ta’ persuna li tinsab fil-bżonn) u 1(1) u (3) (funzjoni u għanijiet tal-assigurazzjoni bażika) tas-SGB II jirriżulta li huma jistgħu jitqiesu bħala li għandhom in-natura ta’ għajnuna soċjali ġġustifikata minn raġunijiet ekonomiċi u soċjali (it-tieni kundizzjoni) u jiġu deċiżi permezz ta’ leġiżlazzjoni li tistabbilixxi kriterji oġġettivi fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata iktar ’il fuq (it-tielet kundizzjoni) ( 15 ). |
52. |
L-ewwel kundizzjoni, jiġifieri n-natura awżiljari ta’ dawn il-benefiċċji meta mqabbla ma’ wieħed mir-riskji elenkati b’mod limitat fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004 tidher, min-naħa l-oħra, li hija inqas ċara biex tiġi stabbilita. |
53. |
Skont il-Kummissjoni, il-benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika jirrigwardaw il-benefiċċji mogħtija lil persuni li ma humiex impjegati fis-sens tal-Artikolu 3(1)(h) tar-Regolament Nru 883/2004. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, dawn huma benefiċċji intiżi li jissostitwixxu s-salarju li l-persuna li tkun qiegħda ma tkunx qed tirċievi biex tmantni lilha nfisha, filwaqt li tkun kapaċi taħdem. |
54. |
Il-Gvern Ġermaniż isostni, min-naħa l-oħra, li l-assigurazzjoni bażika prevista fis-SGB II ma tistax tiġi kklassifikata f’waħda mill-fergħat ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004. Skont dan il-Gvern, is-sistema tal-assigurazzjoni bażika ma hijiex marbuta mar-riskju tal-qgħad, iżda tagħti benefiċċji lil persuni li, filwaqt li huma kapaċi jaħdmu, isibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ bżonn. Madankollu, dan ma jipprekludihix milli jikklassifikahom bħala benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus ( 16 ). |
55. |
Niftakar spjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Ġermaniż li l-iskema stabbilita mis-SGB II hija r-riżultat tal-fużjoni ta’ żewġ skemi preċedenti (l-għajnuna tal-qgħad, minn naħa, u l-għajnuna soċjali, min-naħa l-oħra) u li hija intiża għal persuni kapaċi li jaħdmu u għall-membri tal-familja tagħhom. |
56. |
Nirrileva wkoll li l-Gvern Ġermaniż jippreċiża li biswit is-SGB II, għadha teżisti skema oħra ta’ għajnuna soċjali, jiġifieri l-għajnuna soċjali fis-sens strett iddefinit fis-SGB XII. |
57. |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li n-natura mħallta tal-iskema stabbilita mis-SGB II (frott il-fużjoni ta’ żewġ skemi preċedenti li waħda minnhom kienet iddedikata esklużivament għall-għajnuna tal-qgħad), iż-żamma ta’ skema ta’ għajnuna soċjali distinta mis-SGB II u l-inklużjoni tal-assigurazzjoni bażika fl-Anness X tar-Regolament Nru 883/2004 jwassluni li nagħraf ukoll f’din l-iskema benefiċċju speċjali mhux kontributorju li jingħata fi flus. |
2. Benefiċċju ta’ għajnuna soċjali taħt id-Direttiva 2004/38
a) Il-kunċett teoretiku: indipendenza mir-Regolament Nru 883/2004
58. |
Ma huwiex minħabba li benefiċċju ma jkunx, taħt ir-Regolament Nru 883/2004, benefiċċju ta’ għajnuna soċjali li dan ma jkunx jista’ jaqa’ taħt is-sistema ta’ għajnuna soċjali fis-sens tad-Direttiva 2004/38. |
59. |
Il-possibbiltà li benefiċċju speċjali mhux kontributorju li jingħata fi flus fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004 jista’ jaqa’ wkoll taħt il-kunċett ta’ “għajnuna soċjali” fis-sens tad-Direttiva 2004/38 kienet ukoll, barra minn hekk, fil-qalba tal-kawża Brey ( 17 ). |
60. |
L-Avukat Ġenerali Wahl, li eżamina l-għanijiet taż-żewġ strumenti (li l-ewwel wieħed minnhom jirrigwarda, essenzjalment, is-sigurtà soċjali filwaqt li t-tieni wieħed jirrigwarda, globalment, il-moviment liberu, in-nondiskriminazzjoni u ċ-ċittadinanza tal-Unjoni), wasal għall-konklużjoni li l-kunċett ta’ “għajnuna soċjali”, seta’ ma kienx l-istess fiż-żewġ testi ( 18 ). |
61. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet dan l-approċċ meta sostniet li “l-kunċett ta’ ‘sistema ta’ l-għajnuna soċjali’ li jidher fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 ma jistax jiġi ridott […] għall-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali li, abbażi tal-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament” ( 19 ). |
62. |
Min-naħa l-oħra, fil-fehma tagħha, il-kunċett ta’ “sistema ta’ l-għajnuna soċjali” fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi stabbilit skont l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni u mhux fid-dawl ta’ xi kriterji formali ( 20 ). Għaldaqstant, dan għandu jiġi interpretat “bħala li jirreferi għas-sistemi kollha ta’ għajnuna stabbiliti minn awtoritajiet pubbliċi, kemm jekk fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jirrikorri għalihom l-individwu li ma għandux riżorsi suffiċjenti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet elementari tiegħu kif ukoll dawk tal-familja tiegħu u li, minħabba dan il-fatt, hemm perikolu li jsir, matul ir-residenza tiegħu, piż fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali ta’ għajnuna li tista’ tingħata minn dan l-Istat” ( 21 ). |
63. |
Madankollu, mis-sentenza Vatsouras u Koupatantze ( 22 ) jirriżulta li l-benefiċċji ta’ natura finanzjarja li, indipendentement mill-kwalifika tagħhom fil-liġi nazzjonali, huma intiżi sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol ma jistgħux jitqiesu, min-naħa l-oħra, bħala “benefiċċji ta’ għajnuna soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38. |
64. |
Jidhirli li din il-preċiżazzjoni hija importanti inkwantu l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer kien esprima, fil-konklużjonijiet tiegħu, opinjoni eżattament opposta fejn qal li “jista’ jkun hemm miżuri ta’ ‘għajnuna soċjali’, kif maħsub fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, li jippromwuovi l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol” ( 23 ). |
b) Il-benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika tas-SGB II
65. |
Fil-punt 43 tas-sentenza tagħha Vatsouras u Koupatantze ( 24 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ħarġet bl-ipoteżi li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 7(1) tas-SGB II (fejn persuna trid tkun f’pożizzjoni li teżerċita attività professjonali biex tibbenefika mill-benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika tas-SGB II) tista’ tikkostitwixxi ħjiel li l-benefiċċji inkwistjoni huma intiżi biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-impjieg. |
66. |
Kieku dan kien il-każ, il-benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika tas-SGB II ma jkunux jistgħu, fid-dawl tal-preċiżazzjoni magħmula fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jitqiesu bħala benefiċċji ta’ għajnuna soċjali fis-sens tad-Direttiva 2004/38. |
67. |
Madankollu, minix ċert li l-kriterju tal-kapaċità li wieħed jeżerċita attività professjonali għandu jitqies bħala li jiddetermina, minnu nnifsu, il-klassifikazzjoni tal-benefiċċji taħt din id-direttiva. |
68. |
Fil-fatt, skont il-kriterju metodoloġiku adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Brey, il-kunċett ta’ “sistema ta’ l-għajnuna soċjali” fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi ddeterminat skont l-għan imfittex minn dik id-dispożizzjoni u mhux fid-dawl tal-kriterji formali ( 25 ). |
69. |
F’dan ir-rigward, għalkemm l-Artikolu 19a tas-SGB I jipprovdi li kemm il-benefiċċji intiżi li jiżguraw l-għajxien kif ukoll il-benefiċċji intiżi għall-inklużjoni fix-xogħol jistgħu jintalbu bħala dritt għall-assigurazzjoni bażika għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu x-xogħol, l-Artikolu 1(1) tas-SGB, fit-tieni ktieb, intitolat “Funzjoni u għan tal-assigurazzjoni bażika għal min ifittex xogħol”, jippreċiża li “l-assigurazzjoni bażika għal min ikun qiegħed ifittex xogħol hija intiża li tippermetti lill-benefiċjarji tagħha li jgħixu ħajja li tixraq lid-dinjità tal-bniedem”. |
70. |
L-Artikolu 1(3) tas-SGB, fit-tieni ktieb, ifakkar huwa wkoll li l-assigurazzjoni bażika għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol tinkludi l-benefiċċji intiżi li jtemmu jew inaqqsu l-istat tal-bżonn, b’mod partikolari permezz tal-inklużjoni fix-xogħol, u biex jiżguraw l-għajxien. |
71. |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 19 tas-SGB II, il-benefiċċji inkwistjoni jkopru “il-bżonnijiet bażiċi, il-bżonnijiet supplimentari u l-bżonnijiet ta’ akkomodazzjoni u tal-provvista tas-sħana”. Il-benefiċċji ta’ għajnuna għall-inklużjoni fix-xogħol li huma involuti fil-kuntest tal-assigurazzjoni bażika għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol huma, min-naħa l-oħra, essenzjalment deskritti fil-kuntest tal-ktieb III tal-kodiċi soċjali (Sozialgesetzbuch Drittes Buch). Issa, skont il-qorti tar-rinviju, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex is-suġġett ta’ din il-kawża peress li t-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jikkonċernawx il-benefiċċji ta’ għajnuna għall-aċċess għall-impjieg. |
72. |
Jidhirli, għaldaqstant, li l-benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkorrispondu għad-definizzjoni tas-“sistema ta’ għajnuna soċjali” fis-sens tad-Direttiva 2004/38, adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Brey, jiġifieri s-sistema ta’ għajnuna stabbilita minn awtorità pubblika li jirrikorri għaliha l-individwu li ma għandux riżorsi suffiċjenti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet elementari tiegħu kif ukoll dawk tal-familja tiegħu u li, minħabba dan il-fatt, jirriskja li jsir, matul il-perijodu ta’ residenza tiegħu, piż fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali ta’ għajnuna li tista’ tingħata minn dan l-Istat ( 26 ). |
3. Konklużjoni intermedjarja fir-rigward tan-natura tal-benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika
73. |
Fi tmiem din l-analiżi preliminari, wasalt għall-konklużjoni li l-benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika jikkostitwixxu, minn naħa, benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004 u, min-naħa l-oħra, benefiċċji ta’ għajnuna soċjali fis-sens tad-Direttiva 2004/38. |
74. |
Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tinterpreta, min-naħa l-oħra, il-benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika bħala benefiċċji ta’ “għajnuna soċjali” fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004, u tiċħad għaldaqstant il-klassifikazzjoni tal-benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus, ikun allura inutli li tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari. Fil-fatt, dik id-domanda tirrigwarda biss l-applikabbiltà tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament għall-benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ utilità tar-risposta toħroġ iktar inkwantu l-Artikolu 3(5) tar-regolament imsemmi jeskludi espressament il-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. |
B – Fuq l-ewwel domanda preliminari
75. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 japplikax għall-benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus fis-sens tal-Artikoli 3(3) u 70 ta’ dak ir-regolament. |
76. |
L-Artikolu 3 tar-Regolament imsemmi jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tiegħu. Fil-paragrafu 3 tiegħu, dan jippreċiża li “japplika wkoll għal benefiċċji speċjali, li mhumiex kontributorji, li jingħataw fi flus u li huma koperti mill-Artikolu 70”. |
77. |
Dak l-Artikolu 70 jinkludi erba’ paragrafi. L-ewwel wieħed jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi artikolu billi jagħti definizzjoni tal-benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus. It-tieni wieħed jippreċiża d-definizzjoni billi jelenka l-elementi kostituttivi meħtieġa. Ir-raba’ wieħed jistabbilixxi l-prinċipju li abbażi tiegħu dawn il-benefiċċji jingħataw fl-Istat ta’ residenza tal-persuna kkonċernata u skont il-leġiżlazzjoni tiegħu. It-tielet wieħed jistabbilixxi fl-aħħar nett li “[l]-Artikolu 7 u l-kapitoli l-oħra ta’ dan it-Titolu ma għandhomx japplikaw għall-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu”. |
78. |
Għaldaqstant, mill-Artikoli 3(3) u 70(3) tar-Regolament Nru 883/2004 jirriżulta inkontestabbilment li l-Artikolu 4 tal-istess regolament japplika għall-benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus. |
79. |
Fil-fatt, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi, espressament u mingħajr ebda eċċezzjoni, li dan ir-regolament japplika għall-benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus imsemmija fl-Artikolu 70. Issa, għalkemm dak l-artikolu jrendi inapplikabbli għall-istess benefiċċji, b’eċċezzjoni, ċerti dispożizzjonijiet tar-regolament imsemmi, l-Artikolu 4 ma huwiex wieħed minnhom. |
80. |
Din l-interpretazzjoni tikkorrispondi, barra minn hekk, għar-rieda tal-leġiżlatur kif tinsab espressa fis-seba’ premessa tar-Regolament Nru 1247/92, li kif spjegajt qabel, emenda r-Regolament Nru 1408/71 biex idaħħal fih id-dispożizzjonijiet dwar il-benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus. |
81. |
Skont dik il-premessa, il-benefiċċji li għandhom kemm mis-sigurtà soċjali kif ukoll mill-għajnuna soċjali fl-istess ħin, jiġifieri l-benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus “imisshom jingħataw, […] biss skond il-leġislazzjoni tal-pajjiż tar-residenza tal-persuna kkonċernata jew ta’ membri tal-familja tiegħu jew tagħha […] u mingħajr diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ nazzjonalità” ( 27 ). |
82. |
Konsegwentement, ikun kontra mhux biss kliem ir-Regolament Nru 883/2004 iżda wkoll kontra r-rieda tal-leġiżlatur li mill-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jiġu esklużi l-benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus. |
83. |
Peress li, biex nuża l-kliem tal-Artikolu 4 tar-Regolament imsemmi, ma hemm xejn fih li jippermetti li jiġi affermat li huwa “jgħid[] mod ieħor”, jidhirli li, fil-prinċipju, “persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji [speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus] u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru”. |
84. |
Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 jinkludi l-persuni li jitolbu benefiċċju speċjali mhux kontributorji li jingħata fi flus fis-sens tal-Artikoli 3(3) u 70 tar-Regolament Nru 883/2004. |
85. |
Madankollu, nippreċiża mill-ewwel li din il-konklużjoni ma tfissirx bilfors li d-diskriminazzjoni invokata fil-kawża prinċipali tmur kontra l-prinċipju tal-ugwaljanza kif previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004. |
86. |
Dan il-ħsieb huwa l-qalba tat-tieni u tat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Għaldaqstant, ser neżaminahom flimkien. |
C – Fuq it-tieni u t-tielet domanda preliminari
1. Is-suġġett tat-tieni u tat-tielet domanda preliminari u r-regoli applikabbli
87. |
Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, id-domanda dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li biha ċ-ċittadini ta’ Stat Membru ieħor, ekonomikament inattivi, ikunu esklużi, totalment jew parzjalment, mill-benefiċċju ta’ ċerti benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004, filwaqt li dawn il-benefiċċji jkollhom jiġu ggarantiti liċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat li jkunu jinsabu fl-istess sitwazzjoni. |
88. |
Barra mill-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, il-qorti tar-rinviju tinvoka wkoll l-Artikolu 18 TFUE, is-subparagrafu (a) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) u t-tielet sentenza tal-Artikolu 20(2) TFUE kif ukoll l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38. |
89. |
L-Artikolu 18 TFUE jipprojbixxi kull diskriminazzjoni eżerċitata minħabba ċ-ċittadinanza “[f]il-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm”. It-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) TFUE tippreċiża espressament, min-naħa tagħha, li d-drittijiet li dan l-artikolu jagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom ikunu eżerċitati “skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom”. Inżid ngħid li l-Artikolu 21(1) TFUE jissuġġetta, huwa wkoll, id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri għall-osservanza tal-“limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq”. |
90. |
Issa, ir-Regolament Nru 883/2004 u d-Direttiva 2004/38 jikkostitwixxu tali kundizzjonijiet jew limitazzjonijiet, adottati biex jiġu implementati t-trattati jew biex jiżguraw l-applikazzjoni tagħhom ( 28 ). |
91. |
Konsegwentement, jidhirli li dawn huma l-uniċi strumenti utli biex tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domanda, ħlief li fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva msemmija ma huwiex rilevanti fil-każ inkwistjoni li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju. |
92. |
Fil-fatt, mill-proċess jidher li jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma daħlitx fil-Ġermanja biex tfittex xogħol u li ma hijiex qiegħda tipprova tfittex impjieg hemmhekk. Issa, l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jippermetti lill-Istati Membri li ma jagħtux id-dritt għall-benefiċċju ta’ għajnuna soċjali lil persuni “li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom” u dan matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew matul il-perijodu tat-tfittxija tax-xogħol jekk dan ikun itwal mill-ewwel perijodu msemmi ( 29 ). Peress li E. Dano ilha fil-Ġermanja għal iktar minn tliet xhur, ma hijiex qiegħda tfittex xogħol u ma daħlitx f’dak il-pajjiż biex issib xogħol, hija ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni tagħha hija kkontemplata fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, dwar ir-rekwiżit ta’ riżorsi suffiċjenti sabiex ma ssirx piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti. |
2. Il-portata tat-tieni u tat-tielet domanda preliminari fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
a) Il-possibbiltà li tiġi limitata l-portata tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament
93. |
L-eżistenza eventwali ta’ inugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni li jagħmlu użu mil-libertà tal-moviment u tar-residenza tagħhom u ċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti hija konsegwenza inevitabbli tad-Direttiva 2004/38. |
94. |
Kif irrileva diġà l-Avukat Ġenerali Wahl fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Brey “[f]ilwaqt li l-għan ġenerali tad-Direttiva huwa li jissimplifika u jsaħħaħ id-dritt taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għal-libertà tal-moviment u tar-residenza, l-għan partikolari tal-Artikolu 7(1)(b) [tal-istess direttiva] huwa li jiżgura li l-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal residenza ma jsirx piż irraġonevoli fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu inizjali ta’ residenza. Dan jindika li din id-dispożizzjoni tipprova tipprevjeni ċittadini tal-Unjoni li huma ekonomikament inattivi milli jużaw is-sistema tal-protezzjoni soċjali tal-Istat Membru ospitanti biex jiffinanzjaw l-għajxien tagħhom” ( 30 ). |
95. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-analiżi tal-Avukat Ġenerali Wahl. Hija ssostni fil-fatt, fil-punt 57 tas-sentenza tagħha ( 31 ), li “jekk ir-Regolament Nru 883/2004 huwa intiż li jiggarantixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni li użaw id-dritt ta’ moviment liberu tal-ħaddiema, iż-żamma tad-dritt għal ċerti benefiċċji ta’ sigurtà soċjali mogħtija mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, min-naħa tagħha, id-Direttiva 2004/38 tippermetti li l-Istat Membru ospitanti jimponi fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni, meta dawn ma jkollhomx jew ma għadx għandhom il-kwalità ta’ ħaddiema, restrizzjonijiet leġittimi f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ benefiċċji soċjali sabiex dawn ma jsirux piż mhux raġonevoli għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ dan l-Istat Membru”. |
96. |
F’dan il-kuntest, mir-rapport li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 bejn ir-rekwiżit ta’ riżorsi suffiċjenti bħala kundizzjoni għar-residenza, minn naħa, u r-rieda li ma jinħoloqx piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istati Membri, min-naħa l-oħra, tirriżulta neċessarjament possibbiltà ta’ inugwaljanza fit-trattament fl-għoti tal-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali, bejn iċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti u ċ-ċittadini l-oħra tal-Unjoni. |
97. |
Jidhirli, għaldaqstant, li l-kwistjoni fil-qalba ta’ din il-kawża hija dik tal-legalità, fid-dawl tad-Direttiva 2004/38 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ta’ esklużjoni ġenerali mill-benefiċċju tal-għajnuna soċjali taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li daħlu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti sabiex, fi kliem l-Artikolu 23(3) tas-SGB XII “jiksbu għajnuna soċjali jew li d-dritt ta’ residenza tagħhom joħroġ mill-għan waħdieni tat-tiftix tax-xogħol”. |
b) Eżerċizzju ta’ sinteżi tal-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja
98. |
Ikkonfrontata bi problema simili fil-kawża Brey — il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’dik il-kawża kienet tissuġġetta d-dritt għall-benefiċċju tal-għajnuna soċjali għal kundizzjoni ta’ residenza regolari fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru — l-Avukat Ġenerali Wahl kien kategoriku meta sostna li, “[s]kont id-Direttiva, jidher li huwa ġġustifikat għal Stat Membru li jipproteġi s-sistema tal-għajnuna soċjali tiegħu fir-rigward ta’ ċittadini inattivi tal-Unjoni li jkunu għadhom ma kisbux residenza permanenti. Madankollu, […] regoli li jagħmlu d-dritt għal residenza suġġett għall-kundizzjoni li ma jsirx użu mis-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti u li ma jipprovdux għal evalwazzjoni individwali tal-kapaċità ekonomika ta’ ċittadin tal-Unjoni, huma inkompatibbli mal-Artikoli 8(4) u 14(3) tad-Direttiva” ( 32 ). |
99. |
Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi din l-interpretazzjoni tad-direttiva 2004/38 meta hija ddeċidiet, fil-punt 77 tas-sentenza Brey ( 33 ), li “esklużjoni awtomatika mill-Istat Membru ospitanti taċ-ċittadini ekonomikament inattivi ta’ Stati Membri oħra mill-għoti ta’ benefiċċju soċjali partikolari, […] ma tippermettix li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, meta r-riżorsi tal-persuna kkonċernata jkunu inferjuri għall-ammont ta’ referenza għall-għoti ta’ dan il-benefiċċju, iwettqu, skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikoli 7(1)(b) u 8(4) ta’ din id-direttiva, kif ukoll mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, evalwazzjoni globali tal-piż li jirrappreżenta b’mod konkret l-għoti ta’ dan il-benefiċċju fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali fl-intier tagħha skont iċ-ċirkustanzi individwali li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata”. |
100. |
Il-konklużjoni li waslet għaliha s-sentenza Brey hija konformi mal-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni tal-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali. |
101. |
Fis-sentenza Grzelczyk ( 34 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li l-Artikoli 6 KE u 8 KE (li saru l-Artikoli 18 TFUE u 20 TFUE) jipprekludu li d-dritt għal benefiċċju soċjali, taħt sistema mhux kontributorja, ikun suġġett, għal dak li jikkonċerna ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra barra dawk ta’ l-Istat Membru ospitanti fejn jirrisjedu legalment dawn iċ-ċittadini, għall-kundizzjoni li dawn tal-aħħar jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, meta l-ebda kundizzjoni ta’ dan it-tip ma tapplika għaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti. |
102. |
L-iktar riżultat estrem ta’ din il-ġurisprudenza jinsab, bla ebda dubju fis-sentenza Trojani ( 35 ) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li affermat li ċittadin tal-Unjoni li ma jibbenefikax fl-Istat membru ospitanti minn dritt ta’ residenza taħt l-Artikoli 45 TFUE, 49 TFUE jew 56 TFUE jista’, sempliċiment bħala ċittadin tal-Unjoni, jibbenefika f’dak l-Istat minn dritt ta’ residenza bl-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 20(1) TFUE, żiedet tgħid li “malli jiġi vverifikat li persuna li tinstab f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għandha permess ta’ residenza, din il-persuna tista’ tinvoka l-Artikolu [18 TFUE] sabiex tingħata benefiċċju ta’ assistenza soċjali”. |
c) Tqabbil tal-ġurisprudenza mal-każ ineżami, mar-ratio legis u mat-test tad-Direttiva 2004/38
103. |
It-tqabbil tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mal-każ ineżami, kif ukoll mar-ratio legis u mat-test tad-Direttiva 2004/38 huwa importanti ( 36 ). |
104. |
Id-Direttiva 2004/38 tissuġġetta espressament id-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma huwiex ħaddiem (impjegat jew li jaħdem għal rasu) għall-kundizzjoni doppja li dan ikollu, għalih u għall-membri tal-familja tiegħu, riżorsi suffiċjenti bil-għan li ma jsirux piż għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul ir-residenza tiegħu kif ukoll li jkollhom assigurazzjoni għall-mard kompluta fl-Istat Membru ospitanti ( 37 ). |
105. |
Mingħajr ma tiġi kkontestata l-validità tad-direttiva msemmija fid-dawl tal-Artikoli 18 TFUE, 20 TFUE u 21 TFUE, jidhirli li hu, għaldaqstant, leġittimu li Stat Membru jkun jista’ jirrifjuta l-għoti ta’ benefiċċji ta’ għajnuna soċjali lil ċittadini li jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom bil-għan biss li jiksbu l-benefiċċju tal-għajnuna soċjali ta’ Stat Membru ieħor minkejja li ma jkollhomx riżorsi suffiċjenti biex jitolbu l-benefiċċju ta’ dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur. |
106. |
Ir-rifjut ta’ dan id-dritt lilhom iwassal għall-konsegwenza li ċittadin ta’ Stat Membru li, mal-wasla tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ma jkollux ir-riżorsi suffiċjenti biex ilaħħaq mal-bżonnijiet tiegħu, ikollu dawn, awtomatikament u de facto, permezz tal-għoti ta’ benefiċċju speċjali mhux kontributorju li jingħata fi flus li l-għan tiegħu huwa li jiżgura l-għajxien tal-benefiċjarju billi jippermettilu li jgħix ħajja li tixraq lid-dinjità tal-bniedem. |
107. |
L-applikazzjoni kumulattiva taż-żewġ leġiżlazzjonijiet tad-dritt sussidjarju li huma r-Regolament Nru 883/2004 u d-Direttiva 2004/38 twassal, jekk jiġu interpretati bħala li jipprekludu l-esklużjoni ġenerali taċ-ċittadini tal-Istati Membri li ma humiex l-Istat Membru ospitanti mill-benefiċċju ta’ għajnuna soċjali ta’ dan it-tip, biex tiġi miċħuda r-rieda murija mil-leġiżlatur fid-direttiva msemmija. |
108. |
Fil-fatt, skont il-premessa 10 tad-direttiva 2004/38, għandu jiġi evitat li l-persuni li jeżerċitaw id-dritt ta’ residenza tagħhom isiru piż mhux raġonevoli għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti, ħaġa li timplika li “id-dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom, għal perjodi li jaqbżu t-tliet xhur għandu jkun bla ħsara għal kondizzjonijiet”. Il-premessa 21 iżżid tgħid li għandu jkun l-Istat Membru ospitanti “li jiddeċiedi [għaldaqstant] jekk jagħtix għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza, jew għal perjodu itwal f’każ ta’ dawk li qed ifittxu xogħol, liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għajr dawk li huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom jew li jżommu dan l-istatus jew lill-membri tal-familja tagħhom”. |
109. |
Inżid ngħid li għalkemm l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2004/38 jippermetti d-dritt ta’ residenza liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom, matul l-ewwel tliet xhur ( 38 ), “sakemm ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti”, l-Artikolu 7(1)(b) tiegħu jimponi, min-naħa tiegħu, fuq iċ-ċittadin tal-Unjoni, li eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu u li jixtieq jibqa’ fit-territorju tal-Istat ospitanti għal iktar minn tliet xhur, il-kundizzjoni li jkollu riżorsi suffiċjenti sabiex ma jsirx piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti mingħajr ma jeżiġi li dan ikun “mhux raġonevoli”. |
110. |
Il-premessa 16 tad-Direttiva 2004/38, li tespliċita l-idea li fuqha hija bbażata l-kundizzjoni tar-riżorsi suffiċjenti neċessarji għaż-żamma tad-dritt ta’ residenza, tassoċja wkoll l-espressjoni “piż mhux raġonevoli” mal-“benefiċjarji tad-dritt ta’ residenza” kollha. Dawn tal-aħħar huma, għaldaqstant, ikkontemplati kollettivament. |
111. |
F’dan ir-rigward, naqbel mal-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Wahl meta dan jikkonstata li “[s]empliċi talba għall-għajnuna soċjali ma tistax minnha nnifisha tikkostitwixxi piż sproporzjonat fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali ta’ Stat Membru u tikkawża t-telf tad-dritt għal residenza” ( 39 ). Fil-fatt, huwa diffiċli li wieħed jaċċetta li l-għajnuna mogħtija lil applikant wieħed tista’ tkun insupportabbli għal Stat Membru, tant kemm tkun żgħira. Għaldaqstant, neċessarjament li f’moħħu l-leġiżlatur kellu l-konsegwenza globali eventwali tat-talbiet individwali kollha meta ppermetta lill-Istati Membri li jeżiġu minn kull applikant għar-residenza li huwa jipprova li għandu riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni għall-mard kompluta biex jirrisjedi għal iktar minn tliet xhur fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak li huwa ċittadin tiegħu. |
112. |
Konsegwentement, insib ċerta diffikultà li nirrikonċilja dawn il-kunsiderazzjonijiet mal-idea, li ġiet żviluppata fl-istess punt tal-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Brey, li biha, “regoli li jagħmlu d-dritt għal residenza suġġett għall-kundizzjoni li ma jsirx użu mis-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti u li ma jipprovdux għal evalwazzjoni individwali tal-kapaċità ekonomika ta’ ċittadin tal-Unjoni, huma inkompatibbli ma[…]d-Direttiva [2004/38]”. |
113. |
Fil-fatt, jidhirli li dan ir-raġunament jista’ jwassal għal ostaklu. Id-Direttiva 2004/38 tissuġġetta d-dritt ta’ residenza għall-kundizzjoni oġġettiva doppja li wieħed ikollu riżorsi suffiċjenti u wkoll assigurazzjoni għall-mard kompluta. Żewġ affarijiet: jew iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu riżorsi biżżejjed u allura jista’ jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru tal-għażla tiegħu u ma jkollux bżonn, sempliċiment għax għandu riżorsi suffiċjenti, li jirrikorri għal benefiċċji ta’ għajnuna soċjali li l-għan tagħhom huwa li jiżgura l-minimu għall-għajxien, jew inkella ma għandux riżorsi suffiċjenti u allura jkun jissodisfa, teoretikament, il-kundizzjoni li jikseb il-benefiċċji ta’ dan it-tip ta’ benefiċċju ta’ għajnuna soċjali, iżda huwa ma jkunx jista’ jirrisjedi fi Stat Membru differenti minn dak li huwa ċittadin tiegħu fid-dawl tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38. Li l-Istati Membri jiġu preklużi milli jeskludu dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet mill-benefiċċju tal-għajnuna soċjali jwassal biex il-kundizzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti tkun artifiċjalment issodisfatta fil-każ ta’ ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq bil-għan biss li jikseb l-għajnuna soċjali ta’ Stat Membru differenti minn dak li huwa ċittadin tiegħu. |
114. |
L-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u tad-Direttiva 2004/38 skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 40 ), jidhirli li tista’ wkoll twassal għal sitwazzjoni paradossali fid-dawl tal-Artikolu 24(2) ta’ din id-direttiva. |
115. |
Għalkemm l-Artikolu 24(1) tad-direttiva msemmija jsemmi l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, il-paragrafu 2 jidderoga minn dan il-prinċipju inkwantu jawtorizza, espressament, lill-Istat Membru ospitanti biex jirrifjutaw id-dritt għall-benefiċċju tal-għajnuna soċjali lil dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol. |
116. |
Konsegwentement, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, naslu f’sitwazzjoni fejn iċ-ċittadin ta’ Stat Membru li jkun uża d-dritt għall-moviment liberu tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni, mingħajr ir-rieda li jintegra ruħu fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti, jsib ruħu f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn dik ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jkun telaq mill-pajjiż tal-oriġini tiegħu biex ifittex xogħol fi Stat Membru ieħor. Fil-fatt, it-tieni wieħed jista’ jiġi rrifjutat lilu l-benefiċċju tal-għajnuna soċjali abbażi ta’ leġiżlazzjoni adottata skont l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, filwaqt li l-ewwel wieħed jista’ jiġi rrifjutat lilu biss wara eżami approfondit tas-sitwazzjoni personali tiegħu ( 41 ). |
117. |
Ser nikkonkludi dawn il-ħsibijiet dwar il-koerenza tas-sistema implementata mid-Direttiva 2004/38 billi nsemmi l-idea li l-għoti ta’ benefiċċju ta’ għajnuna soċjali jkun neċessarjament ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali. Fil-fatt, din il-konsegwenza toħroġ mid-definizzjoni stess tas-sistema ta’ għajnuna soċjali adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja, fejn l-istess Qorti interpretatha bħala “[s]-sistemi kollha ta’ għajnuna stabbiliti minn awtoritajiet pubbliċi, kemm jekk fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jirrikorri għalihom l-individwu li ma għandux riżorsi suffiċjenti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet elementari tiegħu kif ukoll dawk tal-familja tiegħu u li, minħabba dan il-fatt, hemm perikolu li jsir, matul ir-residenza tiegħu, piż fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali ta’ għajnuna li tista’ tingħata minn dan l-Istat” ( 42 ). |
118. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi mill-benefiċċju speċjali mhux kontributorju li jingħata fi flus fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004 (li huwa kostituttiv ukoll ta’ benefiċċju ta’ għajnuna soċjali fis-sens tad-Direttiva 2004/38), lill-persuni li jidħlu fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru bil-għan biss li jibbenefikaw minn din il-miżura jew biex ifittxu impjieg, ma tidhirlix li tmur kontra l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u lanqas kontra s-sistema implementata mid-Direttiva 2004/38. |
119. |
Min-naħa l-oħra, hija tippermetti li jiġi evitat, kif jitlob l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, li ċittadin tal-Unjoni jsir “ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali” inkwantu ma jkollux riżorsi suffiċjenti biex ilaħħaq, bil-mezzi tiegħu stess, mal-bżonnijiet tiegħu. |
3. Huwa possibbli li wieħed jiddistingwi l-kawża Brey mill-kawża prinċipali?
120. |
F’din il-kawża, id-diskussjoni ffokat fuq il-konsegwenzi tas-sentenza Brey. Fid-dawl tal-ħsibijiet preċedenti, huwa xieraq li wieħed jiddistingwi bejn iż-żewġ kawżi? |
121. |
Fil-kawża Brey, il-liġi Awstrijaka kienet tissuġġetta l-benefiċċju ta’ għajnuna soċjali għall-kundizzjoni li r-residenza trid tkun regolari, li timponi, lil hinn mill-ewwel tliet xhur, kif fakkart iktar ’il fuq, li wieħed ikun ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu fl-Istat Membru ospitanti, jew li jkollu riżorsi suffiċjenti biex ma jsirx ta’ piż għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul ir-residenza tiegħu, kif ukoll li jkollu assigurazzjoni għall-mard kompluta fl-Istat Membru ospitanti ( 43 ). |
122. |
F’din l-ipoteżi, ir-rekwiżit ta’ eżami individwali jkun meħtieġ fid-dawl tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, ikun kontra l-istess direttiva li tiġi awtorizzata esklużjoni awtomatika minn benefiċċju soċjali b’riferiment ġenerali u astratt għar-regolarità tar-residenza filwaqt li, biex tiġi evalwata tali regolarità, l-Artikolu 8 tad-direttiva msemmija jipprojbixxi espressament lill-Istati Membri milli jiffissaw l-ammont tar-riżorsi li huma jqisu suffiċjenti u jimponilhom li jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali tal-persuna kkonċernata u li l-Artikolu 14(3) tagħha jippreċiża li l-użu tas-sistema ta’ għajnuna soċjali minn ċittadin tal-Unjoni ma jistax iwassal għal miżura ta’ tkeċċija awtomatika. |
123. |
Min-naħa l-oħra, il-punt 2 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II u l-Artikolu 23(3) tas-SGB XII, ma jagħmlux riferiment għar-regolarità tar-residenza tal-applikant iżda jirrifjutaw l-għoti ta’ benefiċċji ta’ għajnuna soċjali lil persuni li d-dritt ta’ residenza tagħhom jirriżulta mill-għan waħdieni li jfittxu impjieg jew li jiksbu l-għajnuna soċjali. |
124. |
L-għoti ta’ benefiċċju ta’ għajnuna soċjali huwa, b’din il-leġiżlazzjoni, indipendenti mir-regolarità tar-residenza tal-applikant fid-dawl tad-Direttiva 2004/38. Biex nuża kliem is-sentenza Grzelczyk ( 44 ), huwa ma jiddependix, stricto sensu, mill-kundizzjoni li dan irid jaqa’ taħt il-“kamp ta’ applikazzjoni” tad-Direttiva 2004/38. |
125. |
Jidhirli madankollu li għalkemm mhux artifiċjali, din id-distinzjoni hija tal-inqas dgħajfa. Fil-fatt, għalkemm, kif ikkonferma r-rappreżentant tal-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma torbotx formalment ir-regolarità tar-residenza mal-benefiċċju ta’ għajxien, huwa madankollu probabbli li r-residenza tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tiġi reża prekarja f’każ li huma jiġu esklużi mill-benefiċċju ta’ għajxien. |
4. Ir-rekwiżit leġittimu ta’ rabta reali mal-Istat Membru ospitanti
126. |
Madankollu, jidhirli li għandha ssir analiżi finali fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, wieħed għandu jistaqsi dwar ir-relazzjoni li tgħaqqad il-kriterju ġenerali użat mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża u l-eżistenza ta’ rabta “reali” bejn il-persuni milquta mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u l-Istat Membru ospitanti. |
127. |
Nikkonstata li, fil-qasam tal-ispejjeż għall-manteniment tal-istudenti, pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, diversi drabi, li għalkemm l-Istati Membri, fl-organizzazzjoni u fl-applikazzjoni tas-sistemi tal-għajnuna soċjali tagħhom, kellhom juru ċerta solidarjetà finanzjarja maċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, huwa permissibbli li huma jiżguraw ruħhom li l-għoti ta’ tali għajnuna lil studenti minn Stati Membri oħrajn ma jsirx piż irraġonevoli li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali tal-għajnuna li tista’ tingħata minn dan l-Istat. Minn dan il-lat, il-Qorti tal-Ġustizzja deherilha li kien leġittimu li Stat Membru jagħti din it-tip ta’ għajnuna biss lill-istudenti li wrew ċerta livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dak l-Istat ( 45 ). |
128. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat attitudni simili f’dak li jikkonċerna allowances ta’ stennija mogħtija liż-żgħażagħ li jkunu qegħdin ifittxu l-ewwel impjieg jew l-allowance għat-tfittix tal-impjieg. F’dawn il-każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien leġittimu wkoll għal-leġiżlatur nazzjonali li jkun irid jiżgura l-eżistenza ta’ rabta reali bejn l-applikant għall-allowances u s-suq ġeografiku tax-xogħol inkwistjoni ( 46 ). |
129. |
Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li d-dritt għall-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali taċ-ċittadini tal-Unjoni, li jkunu ekonomikament inattivi, jeżiġi b’mod ġenerali ċerta livell ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti. |
130. |
Dan it-tħassib leġittimu huwa rifless fil-premessi 10 u 21 tad-Direttiva 2004/38, imfakkra iktar ’il fuq, fejn jingħad li, minn naħa “[d]awk il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza m’għandhomx, madankollu, ikunu ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu inizjali ta’ residenza” u min-naħa l-oħra, li l-Istat Membru ospitanti għandu jkun liberu “li jiddeċiedi jekk jagħtix għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza, jew għal perjodu itwal f’każ ta’ dawk li qed ifittxu xogħol, liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għajr dawk li huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom jew li jżommu dan l-istatus jew lill-membri tal-familja tagħhom”. |
131. |
F’dan il-każ, bil-fatt li tirrifjuta l-benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika lil persuni li jidħlu fil-Ġermanja bil-għan biss li jibbenefikaw mis-sistema tal-għajnuna soċjali ta’ dak l-Istat Membru u li bl-ebda mod ma jfittxu li jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol, il-leġiżlazzjoni nazzjonali jidhirli li hija konformi mar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Hija tippermetti li jiġi evitat li l-persuni li jeżerċitaw il-moviment liberu tagħhom mingħajr ma jkunu jridu jintegraw ruħhom hemmhekk isiru piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali. Hija wkoll konformi mal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri f’dan il-qasam. Fi kliem ieħor, hija tippermetti li jiġi evitat l-abbuż u ċerta forma ta’ “turiżmu soċjali” ( 47 ). |
132. |
Nirrileva wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm f’qasam differenti, iddeċidiet li “bħala regola ġenerali ma jistax jiġi mistenni li miżura […] timponi t-twettiq ta’ eżami individwali ta’ kull każ partikolari […] sa fejn il-ġestjoni tal-iskema kkonċernata għandha tibqa’ vijabbli mil-lat tekniku u ekonomiku” ( 48 ). Hija aċċettat ukoll li r-riskju ta’ preġudizzju serju lill-bilanċ finanzjarju ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali tista’ tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika ċerti ostakli għal-libertajiet fundamentali ( 49 ). Hija wkoll din l-idea li fuqha hija bbażata l-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri li jiżguraw li l-għoti ta’ għajnuna intiża li tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment tal-istudenti li ġejjin minn Stati Membri oħra ma jsirx piż irraġonevoli li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali ta’ għajnuna li tista’ tingħata minn dan l-Istat ( 50 ). |
133. |
Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tagħtix informazzjoni b’mod preċiż fuq l-eżistenza ta’ dan ir-riskju, hija tinvoka madankollu l-limiti tas-sistemi ta’ assigurazzjoni bażika ffinanzjata mill-kontribuzzjonijiet fiskali fid-dawl tal-ammonti involuti, li jistgħu jikkostitwixxu inċentiv ta’ immigrazzjoni għaċ-ċittadini tal-Unjoni li d-dħul medju tagħhom huwa ħafna iktar baxx. |
134. |
Barra minn hekk, huwa probabbli li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-użu tas-sistema ta’ għajnuna soċjali ma jkunx temporanju iżda jitwal b’mod indefinit fid-dawl tal-assenza totali tat-tiftix tax-xogħol. |
135. |
Biex nikkonkludi, il-kriterju magħżul mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali — jiġifieri li wieħed irid jidħol fit-territorju Ġermaniż bil-għan waħdieni li jfittex impjieg jew li jibbenefika mill-għajnuna soċjali — huwa tali li juri n-nuqqas ta’ rabta reali mat-territorju tal-Istat Membru ospitanti u ta’ integrazzjoni fih. Huwa jippermetti li tiġi żgurata l-vijabbiltà ekonomika tas-sistema u li ma jipperikolax il-bilanċ finanzjarju tagħha. Il-leġiżlazzjoni għandha, għaldaqstant, għan leġittimu fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq. |
136. |
Jidhirli barra minn hekk li l-kundizzjoni magħżula hija proporzjonata mal-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali. |
137. |
Biex jirrifjutaw l-għoti tal-benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika, l-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom neċessarjament jeżaminaw, sa ċertu punt, is-sitwazzjoni personali tal-applikant sabiex jiddeterminaw jekk huwa jaqax fl-eċċezzjoni prevista fil-punt 2 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II jew fl-Artikolu 23(3) tas-SGB XII. |
138. |
Il-kamp ta’ applikazzjoni limitat ta’ din l-eċċezzjoni jevita wkoll ir-riskju ta’ miżura ta’ tkeċċija awtomatika minħabba t-talba waħdanija għal benefiċċju ta’ għajnuna soċjali, miżura pprojbita mill-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2004/38. |
139. |
Konsegwentement, fid-dawl ta’ dak li għadu kif ingħad, jidhirli li r-risposta għat-tieni u t-tielet domanda preliminari għandha tkun li r-Regolament Nru 883/2004 u d-Direttiva 2004/38 ma jipprekludux l-għażla ta’ leġiżlatur nazzjonali li jeskludi minn benefiċċju speċjali mhux kontributorju li jingħata fi flus, liċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra abbażi ta’ kriterju ġenerali, bħalma hija r-raġuni tal-wasla fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, li tista’ turi n-nuqqas ta’ rabta reali ma’ dak l-Istat, u dan sabiex jiġi evitat piż mhux raġonevoli għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tiegħu. |
140. |
Għal kull buon fini, nerġa’ nippreċiża li din il-konstatazzjoni ma taffettwax il-fakultà tal-Istati Membri li jagħtu, jekk ikunu jridu, benefiċċji bħalma huma dawk previsti mill-assigurazzjoni bażika inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taħt kundizzjonijiet iktar favorevoli. |
D – Fuq ir-raba ’ domanda preliminari
141. |
Permezz tar-raba’ u l-aħħar domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, jekk l-Artikoli 1, 20 u 51 tal-Karta jimponux fuq l-Istati Membri li jagħtu liċ-ċittadini tal-Unjoni benefiċċji mhux kontributorji li jingħataw fi flus tali li jrendu possibbli r-residenza permanenti. |
142. |
L-Artikolu 1 tal-Karta jsemmi l-invjolabbiltà tad-dinjità tal-bniedem, u l-Artikolu 20 l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi. |
143. |
Għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rinviju preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-ġurisdizzjoni mogħtija lill-Unjoni Ewropea ( 51 ). |
144. |
Issa, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi “għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6(1) TUE, li jrendi l-Karta bħala vinkolanti, dan ma joħloq ebda ġurisdizzjoni ġdida għall-Unjoni u ma jbiddilx il-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar ( 52 ). |
145. |
F’dan il-każ, kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Brey, l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ benefiċċju speċjali mhux kontributorju li jingħata fi flus, “ma għandhiex l-għan li tiddetermina r-rekwiżiti sostantivi tal-eżistenza tad-dritt għal [tali] benefiċċji […] Bħala prinċipju[, min-naħa l-oħra] hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina dawn ir-rekwiżiti” ( 53 ). L-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi biss “regola ta’ kunflitt” ( 54 ). |
146. |
Għalkemm l-Istati Membri għandhom il-ġurisdizzjoni biex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus, jidhirli li huma għandhom ukoll il-ġurisdizzjoni biex jiddefinixxu l-portata tal-kopertura soċjali assigurata b’dan it-tip ta’ benefiċċji. |
147. |
Konsegwentement, meta l-Istati Membri jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u l-portata tal-benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus, huma ma jkunux qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. |
148. |
Minn dan isegwi li ma ġiex stabbilit li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni biex tirrispondi għar-raba’ domanda preliminari. |
149. |
Barra minn hekk, il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament imsemmi fl-Artikolu 20 tal-Karta huwa wkoll stabbilit fl-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE. Kif semmejt fil-punt 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-Regolament Nru 883/2004 u d-Direttiva 2004/38 jippreċiżaw is-sens u l-portata tal-prinċipju ta’ ugwaljanza stabbilit f’dawn id-dispożizzjonijiet. |
150. |
Skont l-Artikolu 52(2) tal-Karta, id-drittijiet li hija tirrikonoxxi u li huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet fit-trattati, jiġu eżerċitati fil-kundizzjonijiet u l-limiti ddefiniti minnhom. |
151. |
Peress li t-tieni u t-tielet domanda preliminari jirrigwardaw il-leġiżlazzjonijiet ta’ dritt sussidjarju li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet u l-limiti tad-drittijiet protetti mill-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE, l-analiżi tagħhom jidhirli li hija suffiċjenti biex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju ( 55 ). |
V – Konklużjoni
152. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mis-Sozialgericht Leipzig bil-mod li ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 5, p. 72.
( 3 ) ĠU L 284, p. 43.
( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 5, p. 46.
( 5 ) Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li E. Dano kienet ġiet ikkundannata għal piena ta’ detenzjoni ta’ massimu ta’ sentejn sospiżi għal reati kontra l-proprjetà. Madankollu nqis li dawn il-preċiżazzjonijiet fattwali ma għandhom ebda impatt fuq ir-risposti li għandhom jingħataw lid-domandi preliminari magħmula.
( 6 ) C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344.
( 7 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 2, p. 41.
( 8 ) Ara, f’dan is-sens, it-tielet premessa tar-Regolament Nru 1247/92.
( 9 ) Ara, fost diversi eżempji, is-sentenzi Skalka (C‑160/02, EU:C:2004:269, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑299/05, EU:C:2007:608, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Skalka (EU:C:2004:269, punt 28) u, għal eżempju ta’ applikazzjoni, is-sentenza Jauch (C‑215/99, EU:C:2001:139, punt 33).
( 11 ) Sentenzi Jauch (EU:C:2001:139, punt 21) u Skalka (EU:C:2004:269, punt 19).
( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 36).
( 13 ) C‑140/12, EU:C:2013:337, nota ta’ qiegħ il-paġna 8. Enfasi miżjuda minni.
( 14 ) Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż, dawn il-benefiċċji jingħataw indipendentement mit-twettiq ta’ attività preċedenti jew ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet.
( 15 ) Ara, l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 16 ) B’mod xi ftit paradossali, il-Gvern Ġermaniż ikkonkluda li għalkemm il-benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika jistgħu jingħataw lil persuni mingħajr impjieg u jippreżentaw għaldaqstant, a priori, il-karatteristiċi tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004, dawn ikunu fir-realtà benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus fis-sens tal-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament.
( 17 ) Sentenza Brey (EU:C:2013:565).
( 18 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Brey (EU:C:2013:337, punt 56).
( 19 ) Sentenza Brey (EU:C:2013:565, punt 58).
( 20 ) Ibidem (punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 21 ) Ibidem (punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 22 ) Sentenza Vatsouras u Koupatantze (EU:C:2009:344, punt 45).
( 23 ) Konklużjonijiet fil-kawża Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:150, punt 57).
( 24 ) C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344.
( 25 ) EU:C:2013:565, punt 60.
( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Brey (EU:C:2013:565, punt 61).
( 27 ) Enfasi miżjuda minni.
( 28 ) Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 21 TFUE u tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, is-sentenza Brey (EU:C:2013:565, punti 46 u 47).
( 29 ) L-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jirreferi għall-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-Direttiva li bih iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ miżura ta’ tkeċċija (b’riżerva għal-limitazzjonijiet tad-dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ ordni pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika msemmija fil-Kapitolu VI tad-direttiva msemmija) meta huma jkunu daħlu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu impjieg hemm, u dan jekk huma jkunu jistgħu jipproduċu prova li qed ikomplu jfittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh.
( 30 ) EU:C:2013:337. Enfasi miżjuda minni.
( 31 ) Sentenza Brey (EU:C:2013:565).
( 32 ) (EU:C:2013:337, punt 81).
( 33 ) (EU:C:2013:565).
( 34 ) C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 46.
( 35 ) C‑456/02, EU:C:2004:488, punt 46. Għalkemm is-sentenza ngħatat wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2004/38, il-fatti inkwistjoni f’dik il-kawża u t-talba għal deċiżjoni preliminari saru ħafna qabilha.
( 36 ) Id-dottrina ttrattat ukoll dan is-suġġett. Fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikoli 18 TFUE u 21 TFUE u d-Direttiva 2004/38, O. Golynker kiteb b’mod partikolari li: “[t]he peculiar consequence of this line of reasoning is that once the construct of lawful residence becomes disjointed from the requirement to meet the conditions to which the right of residence is subject, the conditional nature of the right to residence under Art. [21 TFEU] becomes neutralised by the right to equal treatment under Art. [18 TFEU]. As a result, the coherence of the concept of the right to free movement and residence in Community law is called into question. The Court’s generous interpretation of the right to equal treatment for Union citizens lawfully resident in the territory of another Member State seems to be in conflict with the conditional nature of the right to free movement and residence under Art.[21 TFEU]” [Golynker, O., “Jobseekers’ rights in the European Union: challenges of changing the paradigm of social solidarity”, European Law Review, 2005, 30 (1), p. 111 sa 122, speċjalment p. 120].
( 37 ) Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38.
( 38 ) L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2004/38 jirreferi fil-fatt għall-Artikolu 6 tagħha, li jirregola d-dritt ta’ residenza sa tliet xhur.
( 39 ) EU:C:2013:337, punt 81, enfasizzat mill-Avukat Ġenerali Wahl.
( 40 ) Essenzjalment preċedenti għall-adozzjoni tad-Direttiva 2004/38.
( 41 ) Fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (b’mod iktar partikolari s-sentenza Collins, C‑138/02, EU:C:2004:172), O. Golynker kiteb “[t]he above provision is not in tune with the ruling in Collins and shows that the generous interpretation by the Court of Justice of the consequences of Union citizenship for social solidarity in general and the rights of jobseekers in particular does not accord with what the Member States assumed when they signed the Maastricht Treaty” (O. Golynker, op. cit., p. 119; Enfasi miżjuda minni).
( 42 ) Sentenza Brey (EU:C:2013:565, punt 61). Il-korsiv huwa tiegħi.
( 43 ) Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38.
( 44 ) EU:C:2001:458, punt 46.
( 45 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Bidar (C‑209/03, EU:C:2005:169, punti 56 u 57), kif ukoll Förster (C‑158/07, EU:C:2008:630, punti 48 u 49).
( 46 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Collins (C‑138/02, EU:C:2004:172, punt 67) kif ukoll Vatsouras u Koupatantze (EU:C:2009:344, punt 38).
( 47 ) “In essence, this requirement of genuine integration is used by Union institutions to manage tension between the right of migrant citizens to transnational solidarity and the power of Member States to shape their social security system and prevent ‘abuses of host law’ in the form of benefit tourism” (A. Sayde, “One Law, two Competitions: An Enquiry into the Contradictions of Free Movement Law”, f’Cambridge Yearbook of European Legal Studies, 2010-2011, Vol. 13, p. 365 et seq, speċjalment p. 395).
( 48 ) Sentenza Dansk Jurist- og Økonomforbund (C‑546/11, EU:C:2013:603, punt 70). F’dan il-każ, kien hemm skema ta’ ħlas għad-disponibbiltà li l-uffiċjali li jkunu laħqu l-età li tippermettilhom jibbenefikaw minn pensjoni tal-irtirar kienu esklużi minnha minħabba dan il-fatt biss.
( 49 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kohll (C‑158/96, EU:C:1998:171, punt 41).
( 50 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Bidar (EU:C:2005:169, punt 59) kif ukoll Förster (EU:C:2008:630, punt 48).
( 51 ) Ara, f’dan is-sens u fost numru kbir ta’ eżempji, id-digriet Vino (C‑161/11, EU:C:2011:420, punti 25 u 37).
( 52 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 17 u 23).
( 53 ) Sentenza Brey (EU:C:2013:565, punt 41).
( 54 ) Ibidem (punt 39).
( 55 ) Ara f’dan is-sens, fir-rigward tal-impatt fuq ir-risposta li għandha tingħata lil talba għal deċiżjoni preliminari fuq id-dedikazzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema mill-Artikolu 15(2) tal-Karta u l-Artikolu 45 TFUE, is-sentenza Gardella (C‑233/12, EU:C:2013:449, punti 39 u 41).