EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0328

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Cruz Villalón - 3 ta' Ġunju 2014.
Österreichischer Gewerkschaftsbund vs Wirtschaftskammer Österreich - Fachverband Autobus-, Luftfahrt- und Schifffahrtsunternehmungen.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberster Gerichtshof - l-Awstrija.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 2001/23/KE - Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, ta’ negozju jew ta’ partijiet minn impriżi jew minn negozju - Obbligu għaċ-ċessjonarju li jżomm il-kundizzjonijiet ta’ xogħol miftiehma minn ftehim kollettiv sad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim kollettiv ieħor - Kunċett ta’ ftehim kollettiv - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li ftehim kollettiv rexiss ikompli jipproduċi effetti sad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim ieħor.
Kawża C-328/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:909

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fit-3 ta’ Ġunju 2014 ( 1 )

Kawża C‑328/13

Österreichischer Gewerkschaftsbund

vs

Wirtschaftskammer Österreich ‐ Fachverband Autobus-, Luftfahrt- und Schifffahrtsunternehmungen

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l‑Awstrija)]

“Politika soċjali — Direttiva 2001/23 — Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ ċessjoni ta’ impriżi — Artikolu 3(3) — Rexissjoni tal-ftehim kollettiv applikabbli għaċ-ċedent u għaċ-ċessjonarju — Żamma tal-effetti [ultra-actividad] tal-ftehim kollettiv — Effetti fuq iċ-ċessjonarju”

1. 

L-Oberster Gerichtshof (Qorti Suprema) Awstrijaka għamlet żewġ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 ( 2 ). Speċifikament, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ftehim kollettiv li l-validità tiegħu hija estiża taħt ċertu kundizzjonijiet ta’ żmien, insegwitu għar-rexissjoni tiegħu [ftehim li jżomm l-effetti (“ultra-activo”)], huwiex “ftehim kollettiv” fis-sens ta’ din id-direttiva. Din id-domanda tirriżulta mill-fatt doppju li fl-Awstrija dawn il-ftehimiet ta’ żamma tal-effetti jibqgħu validi sal-adozzjoni ta’ ftehim speċjali bejn il-persuna li timpjega u l-ħaddiema, jew l-adozzjoni ta’ ftehim ġdid.

2. 

Kif inhu magħruf, il-ħaddiema huma intitolati taħt id-Direttiva 2001/23 li jżommu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom insegwitu għal ċessjoni ta’ impriża. Għaldaqstant, jirriżulta determinanti li jiġi ċċarat jekk ftehim kollettiv li jżomm l-effetti tiegħu [ultra-activo] fis-sens indikat huwiex estensjoni naturali tal-ftehim kollettiv li kien diġà fis-seħħ, jew jekk, għall-kuntrarju, għandux jiġi kkunsidrat bħala ftehim kollettiv ġdid, ċirkustanza li tippresupponi l-impossibbiltà li jinżammu l-kundizzjonijiet tax-xogħol li kienu qabel previsti għall-ftehim kollettiv preċedenti.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

Id-Direttiva 2001/23 tistabbilixxi sistema komuni ta’ drittijiet u ta’ obbligi tal-impriża ċedenti u tal-ħaddiema ta’ din l-impriża fil-kuntest ta’ ċessjoni. Għall-finijiet ta’ din il-kawża, huma partikolarment rilevanti l-paragrafi 1, 3 u 4 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, li jgħidu:

“L-Artikolu 3

1.   Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment [iċ-ċessjoni] ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, wara d-data tat-trasferiment, min jagħmel it-trasferiment u min lilu jsir it-trasferiment għandhom ikunu impenjati konġuntement u separatament għar-rigward ta’ obbliġi li kienu kkawżati qabel id-data ta’ trasferiment minn kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment.

[…]

3.   Wara t-trasferiment, min lilu jsir it-trasferiment għandu jkompli josserva t-termini u l-kundizzjonijiet miftiehma f’kull ftehim kollettiv skond l-istess kondizzjonijiet applikabbli għal min jagħmel it-trasferiment taħt dak il-ftehim, sad-data li fiha l-ftehim kollettiv jispiċċa jew jiskadi jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-perijodu għall-osservazzjoni ta’ dawn it-termini w kundizzjonijiet bil-kundizzjoni li dan ma jkunx anqas minn sena wahda.

a)

Sakemm l-Istati Membri ma jipprovdux xort’ oħra, il-paragrafi 1 u 3 m’ għandhomx japplikaw in konnessjoni mad-drittijiet ta’ l-impjegati għall-benefiċċji tax-xjuħija, l-invalidità jew tas-superstiti taħt skemi ta’ pensjoni supplementari tal-kumpanniji jew ta’ bejn il-kumpanniji barra l-iskemi statutorji tas-sigurtà soċjali fl-Istati Membri.

b)

Ukoll meta ma jipprovdux skond is-subparagrafu (a) li l-paragrafi 1 u 3 japplikaw inkonnessjoni ma’ dawn id-drittijiet, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ l-impjegati u ta’ persuni li ma jkunux għadhom impjegati fin-negozju ta’ min jagħmel it-trasferiment fil-ħin tat-trasferiment għar-rigward tad-drittijiet li jtuhom intitolament immedjat jew prospettiv għal benefiċċji tax-xjuħija, inklużi l-benefiċċji tas-superstiti, taħt skemi supplimentari msemmija fis-subparagrafu (a).”

4.

Id-dispożizzjonijiet li għadhom kif ġew iċċitati ma jostakolawx lill-Istati Membri milli jadottaw miżuri iktar protettivi għall-ħaddiema, hekk kif stabbilit mid-Direttiva 2001/23 fl-Artikolu 8 tagħha:

“L-Artikolu 8

Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma aktar favorevoli għall-impjegati jew li jippromwovu jew jippermettu ftehim kollettiv jew ftehim bejn imsieħba soċjali aktar favorevoli għall-impjegati.”

B – Id-dritt nazzjonali

5.

L-Artikolu 8 tal-Liġi dwar ir-relazzjonijiet ta’ xogħol u l-organizzazzjoni soċjali tal-impriżi (Arbeitsverfassungsgesetz, BGBl. 22/1974) jiddefinixxi s-suġġetti tal-ftehimiet kollettivi kif ġej:

“Fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali, materjali u personali għall-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv, u sakemm mhux previst mod ieħor, ikunu partijiet:

1.   Il-persuni li jimpjegaw u l-ħaddiema li huma parti minn dan il-ftehim fil-mument li fih ġie adottat jew iktar ’il quddiem;

2.   Il-persuni li jimpjegaw li huma ċessjonarji ta’ impriża jew ta’ parti minn impriża, fejn iċ-ċedent ikun wieħed mill-persuni li jimpjegaw imsemmi fil-paragrafu 1.”

6.

L-Artikolu 13 ta’ din l-istess liġi jipprovdi għall-possibbiltà li l-effetti tal-ftehim kollettiv jkomplu wara li jiġi xolt, taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

“Wara li jiġi xolt il-ftehim kollettiv l-effetti legali tiegħu għandhom jinżammu fir-rigward tar-relazzjonijiet ta’ xogħol koperti minnu qabel ma ġie xolt, sakemm għal dawk ir-relazzjonijiet ta’ xogħol ma jkunx hemm ftehim kollettiv ġdid applikabbli jew sakemm ma jkunx intlaħaq ftehim individwali ġdid mal-ħaddiema effettwati”.

7.

L-Artikolu 4.1 tal-Liġi dwar l-adattament tar-regoli tal-kuntratt ta’ xogħol (Arbeitsvertragsrechtsanpassungsgesetz, BGBl. 459/1993), jittrasponi l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23, kif ġej:

“Wara t-trasferiment, iċ-ċessjonarju għandu jkompli josserva l-kundizzjonijiet tax-xogħol miftiehma fi ftehim kollettiv, skont l-istess termini applikabbli għaċ-ċedent sad-data li fiha l-ftehim kollettiv jiġi xolt jew jiskadi, jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor.”

II – Il-fatti

8.

Il-Wirtschaftskammer Österreich, Fachverband der Autobus-, Luftfahrt- und Schifffahrtsunternehmungen (iktar ’il quddiem il-“Wirtschaftskammer”) u l-Österreichischer Gewerkschaftsbund (iktar ’il quddiem il-“Gewerkschaftsbund”), innegozjaw u ftiehmu, f’isem impriża li tappartjeni għal grupp iddedikat għat-trasport bl-ajru, ftehim kollettiv applikabbli għall-impriżi kollha tal-grupp li ma humiex esklużivament iddedikati għat-trasport reġjonali (iktar ’il quddiem il-“ftehim tal-kumpannija parent”). Il-Wirtschaftskammer u l-Gewerkschaftsbund qablu wkoll dwar ftehim kollettiv ieħor, applikabbli biss għal sussidjarja tal-grupp (iktar ’il quddiem, il-“ftehim tal-kumpannija sussidjarja”).

9.

Bħala riżultat tat-telf serju li sofra l-grupp, fit-30 ta’ April 2012, l-amministrazzjoni tal-kumpannija parent qablet li ċċedi l-operazzjonijiet ta’ titjiriet lill-kumpannija sussidjarja. Għal dan il-għan, kien hemm ċessjoni ta’ impriża favur il-kumpannija sussidjarja bl-iskop li l-ħaddiema li huma marbuta mal-operazzjonijiet ta’ titjiriet jibqgħu suġġetti għall-kundizzjonijiet tax-xogħol inqas favorevoli li jirriżultaw mill-ftehim kollettiv tal-kumpannija sussidjarja.

10.

B’effett mill-istess data taċ-ċessjoni, il-Wirtschaftskammer irrexxindiet il-ftehim tal-kumpannija parent. Skont l-Artikolu 13 tal-Arbeitsverfassungsgesetz, il-ftehim rexiss ikompli jipproduċi effetti bħal qabel ir-rexissjoni, biż-żamma tal-effetti [ultra-actividad] tal-ftehim sal-adozzjoni ta’ ftehim ġdid jew ta’ ftehim espress bejn il-partijiet.

11.

Wara ċ-ċessjoni tal-impriża u r-rexissjoni tal-ftehim, il-persuna li timpjega l-ġdida bdiet timplementa unilateralment linji gwida fis-settur tan-negozju, li permezz tagħhom seħħ deterjorament kunsiderevoli fil-kundizzjonijiet salarjali tal-ħaddiema li ġew ċeduti. Kif intqal fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-ħaddiema li ġew impjegati mill-impriża qabel l-1 ta’ April 2004 tnaqqsulhom is-salarji tagħhom b’40 % sa 54 %, għalkemm l-Wirtschaftskammer tikkontesta dawn il-figuri.

12.

Il-Gewerkschaftsbund, li tirrappreżenta l-ħaddiema ċeduti, ma hijiex issodisfatta bid-deċiżjoni tal-kumpannija sussidjarja u titlob iż-żamma tal-effetti tal-ftehim rexiss, bħala riżultat tan-natura tiegħu ta’ ftehim li jżomm l-effetti [ultra-actividad]. Minflok, il-Wirtschaftskammer, f’isem il-kumpannija sussidjarja, fissret li l-ftehim li jżomm l-effetti tiegħu [ultra-activo] ma huwiex “ftehim kollettiv” fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 u lanqas tal-Artikolu 4(1) tal-Arbeitsvertragsrechtsanpassungsgesetz. Dan huwa s-suġġett tal-kawża quddiem l-Oberster Gerichtshof Awstrijaka li, min-naħa tiegħu, wassal għal din id-domanda preliminari.

III – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.

Fis-17 ta’ Ġunju 2013, fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja ġiet irreġistrata t-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberster Gerichtshof, li tagħmel iż-żewġ domandi li ġejjin:

“1)

Il-kliem li jinsab fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23/KE, li jgħid li l-“kundizzjonijiet [tax-xogħol]” miftiehma fi ftehim kollettiv u applikabbli għal min jagħmel it-trasferiment [iċ-ċedent] huma miżmuma “skont l-istess kondizzjonijiet applikabbli”“sad-data li fiha l-ftehim kollettiv jispiċċa jew jiskadi”, għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu wkoll taħtu l-kundizzjonijiet tax-xogħol li ġew stabbiliti permezz ta’ ftehim kollettiv u li, skont id-dritt nazzjonali, minkejja r-rexissjoni ta’ dan il-ftehim, ikomplu jipproduċu l-effetti tagħhom mingħajr limitazzjoni fiż-żmien, sakemm ftehim kollettiv ieħor ma jkunx applikabbli jew sakemm il-ħaddiema kkonċernati ma jkunux ikkonkludew ftehim individwali ġodda?

2)

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li “l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor” ta’ ċessjonarju, għandu wkoll jinftiehem fis-sens li jinkludi ż-żamma tal-effetti tal-ftehim kollettiv ta’ ċessjonarju, fis-sens indikat hawn fuq, li jkun huwa wkoll rexiss?”

14.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Ellenika, kif ukoll il-Kummissjoni, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-mitlub.

IV – Analiżi

A – Fuq l-ammissibbiltà

15.

Il-Wirtschaftskammer qajmet diversi oġġezzjonijiet għall-ammissibbiltà tad-domanda preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof.

16.

L-ewwel nett, il-Wirtschaftskammer tikkunsidra li ma humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet mitluba mill-Artikolu 267 TFUE, sa fejn il-qorti tar-rinviju ma tqajjimx kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-Direttiva 2001/23, iżda dwar l-applikazzjoni tagħha. It-tieni nett, il-Wirtschaftskammer hija tal-fehma li l-qorti tar-rinviju ma tistax tevalwa l-fatti u lanqas ma tista’ tiżgura l-prinċipju ta’ kontradittorju, li għaldaqstant iċaħħduha mill-istatus ta’ “qorti”. It-tielet nett, il-Wirtschaftskammer tikkunsidra li d-domanda magħmula hija ipotetika u irrilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima.

17.

Fir-rigward tal-fatt li d-domandi magħmula jirreferu għall-applikazzjoni u mhux għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/23, nifhem li din l-oġġezzjoni hija infondata. Id-domanda magħmula mill-Oberster Gerichtshof, mingħajr dubju tikkonċerna kwistjoni ta’ interpretazzjoni relatata mal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva. Il-qorti tar-rinviju tiddubita jekk it-terminu “ftehim kollettiv” imsemmi fl-imsemmija dispożizzjoni jkoprix wkoll ftehimiet kollettivi li jżommu l-effetti [“ultra-activos”]. Din hija kwistjoni b’portata limitata, kif jirriżulta mill-interpretazzjoni tad-dritt Ewropew, peress li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti sentenza preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.

18.

Fir-rigward tal-argumenti li l-qorti tar-rinviju ma tistax tevalwa l-fatti, jew tar-riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju fil-kawża prinċipali, jien tal-fehma li dawn ukoll huma infondati. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tevalwa fis-sentenza Österreichischer Gewerkschaftsbund ( 3 ) jekk l-Oberster Gerichtshof, fl-eżerċizzju tal-poteri konsultattivi tagħha dwar il-qasam tax-xogħol, tistax taġixxi bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Huwa minnu li f’din il-kawża il-Qorti tal-Ġustizzja ma rreferietx espressament għall-fatt li l-qorti tar-rinviju ma tistax tevalwa l-fatti u li l-prinċipju ta’ kontradittorju huwa limitat. Madankollu, ma naħsibx li dawn iż-żewġ karatteristiċi tal-kawża prinċipali jiġġustifikaw approċċ differenti minn dak adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża fl-1998.

19.

Huwa fatt magħruf li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat b’mod wiesa’ l-kriterji mitluba sabiex qorti tagħmel domanda preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE. L-għan ta’ dan l-approċċ huwa biss li tiġi żgurata uniformità massima fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-garanzija effettiva tad-drittijiet li din is-sistema tagħti lill-individwu. Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża De Coster, l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer, espona b’mod ċar ir-raġunijiet ta’ politika ġudizzjarja li ġġustifikaw dan l-approċċ għall-kompetenza skont l-Artikolu 267 TFUE ( 4 ).

20.

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, ir-rekwiżit ta’ proċedura kontenzjuża taħt l-Artikolu 267 TFUE huwa intiż sabiex jiġi żgurat minimu ta’ kunflitt bejn il-partijiet fil-kawża, sabiex l-approċċ tad-domanda preliminari jirrifletti fedelment kwistjoni li tkun qamet fil-kuntest tal-kawża ( 5 ). Dan il-minimu ta’ kunflitt wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrikonoxxi kompetenza li tagħti sentenza preliminari lill-kumitat Federali Ġermaniż ta’ verifika tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 6 ), jew lill-qrati ekonomiċi u amministrattivi Spanjoli, li t-tnejn kemm huma huma organi fejn il-prinċipju ta’ kontradittorju jieħu karatteristiċi differenti għal dawk li għandu f’kawża regolari.

21.

Għalhekk, il-fatt li ż-żewġ partijiet fil-kawża quddiem l-Oberster Gerichtshof, fil-kuntest ta’ proċedura konsultattiva dwar ix-xogħol kif ippreżentat f’din il-kawża, kellhom l-opportunità li jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub f’sitwazzjonijiet ugwali huwa suffiċjenti għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni dwar in-natura kontradittorja tal-kawża prinċipali. L-argument imqajjem mill-Wirtschaftskammer, li l-fatti li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jikkonformawx mar-realtà, mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li twieġeb dwar dan fil-kawża prinċipali, ma kinitx ċirkustanza li toġġezzjona għall-istatus ta’ qorti tal-Oberster Gerichtshof fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

22.

It-tielet u l-aħħar oġġezzjoni tikkonċerna n-natura allegatament ipotetika tad-domandi magħmula. Dan il-motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-qorti tar-rinviju bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq fatti li l-veraċità tagħhom hija kkontestata mill-Wirtschaftskammer, kif ukoll in-natura konsultattiva u mhux vinkolanti tar-riżoluzzjonijiet tal-Oberster Gerichtshof fi proċess konsultattiv tax-xogħol.

23.

Nifhem li l-ilment ma għandux jiġi milqugħ. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija kategorika meta tgħid li d-domanda preliminari hija inammissibbli “meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika, jew meta il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli d-domandi magħmula lilha.” ( 7 ) Dawn il-kundizzjonijiet dejjem ġew interpretati b’mod strett.

24.

Minn din il-perspettiva, huwa diffiċli li jiġi affermat li d-domandi preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof ma għandhom l-ebda rapport mar-realtà, li huma ipotetiċi, jew li ma jipprovdux il-fatti neċessarji.

25.

Għall-kuntrarju, il-fatt li l-proċedura quddiem l-Oberster Gerichtshof hija ta’ natura konsultattiva ma ċċaħħadx lid-domanda preliminari mill-konnessjoni tagħha mal-kawża. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tikkunsidra l-ammissibbiltà ta’ domanda preliminari magħmula fil-kuntest tal-istess proċedura nazzjonali fil-kawża l-oħra Österreichscher Gewerkschaftsbund, u n-natura tal-proċedura ma kinitx raġuni suffiċjenti sabiex teskludi l-ammissibbiltà tar-rinviju.

26.

Barra minn hekk, huwa ċar li din ma hijiex kwistjoni ipotetika. Hemm fil-fatt tilwima bejn impriża u l-ħaddiema tagħha, kwistjoni li tat lok għal żewġ proċeduri, inkluża l-kawża li fil-kuntest tagħha ġiet magħmula d-domandi preliminari.

27.

Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li, anki jekk jiġi ammess li ċerti fatti li jirrigwardaw d-domanda preliminari ma humiex eżatti, dan ma huwiex, f’dan il-każ speċifiku, raġuni suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li d-domanda ma tipprovdix fatti suffiċjenti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi. L-ammont eżatt tat-tnaqqis fis-salarju sostnut mill-ħaddiema f’din il-kawża ma huwiex fatt rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. F’din il-proċedura għal domanda preliminari qed issir biss domanda dwar l-impatt li għandu ftehim li jżomm l-effetti tiegħu [ultra-activo] u l-pożizzjoni dwar dan taħt id-Direttiva 2001/23, jiġifieri kwistjoni ta’ interpretazzjoni li l-ammont eżatt tat-tnaqqis fis-salarji bl-ebda mod ma jaffettwa l-kriterji li trid tipprovdi l-Qorti tal-Ġustizzja.

28.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara d-domanda preliminari ammissibbli.

B – Fuq il-mertu

1. Osservazzjonijiet preliminari

29.

Preliminarjament, jien navża sa minn issa li ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għaż-żewġ domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju. Ir-risposta għall-ewwel domanda indirettament issolvi t-tieni waħda, b’mod li huwa suffiċjenti li tingħata risposta ddettaljata għall-ewwel domanda, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni, iżda, il-kwistjoni li tiġġustifika t-tieni domanda.

30.

B’mod ġenerali, il-Wirtschaftskammer targumenta li ftehim kollettiv li jibqa’ validu skont il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi nazzjonali [ftehim li jżomm l-effetti (“ultra-activo”)] ma huwiex “ftehim kollettiv” taħt id-dritt tax-xogħol Awstrijak, u għalhekk lanqas ma huwa taħt it-tifsira tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23. Fid-difiża tagħha hija tuża l-kriterju ta’ prattika li tintuża f’settur duttrinali, li jgħid li ż-żamma tal-effetti [ultra-actividad] ta’ ftehim kollettiv ma timplikax li dan il-ftehim jibqa’ fis-seħħ, għalkemm tammetti li ma hemmx qbil fuq din l-interpretazzjoni. Barra minn hekk, il-Wirtschaftskammer tenfasizza li ż-żamma tal-effetti [ultra-actividad] f’dan il-każ speċifiku bdiet biss mal-bejgħ tal-impriża, li jipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23, li jirreferi biss għall-ftehimiet kollettivi li kienu eżistenti fid-data taċ-ċessjoni.

31.

Il-Gewerkschaftsbund sostniet il-pożizzjoni opposta, l-istess bħall-Gvern Federali Ġermaniż, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni. Kemm il-Gvern Federali Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw li huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina l-eżistenza ta’ ftehim kollettiv, irrispettivament mill-kwistjoni tal-effetti tal-ftehim fil-kuntest ta’ ċessjoni ta’ impriża li tikkostitwixxi qafas irregolat mid-dritt tal-Unjoni. Minn din il-perspettiva, iż-żamma tal-effetti ta’ ftehim rexiss tikkostitwixxi mekkaniżmu li, taħt l-għan imfittex mill-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23, għandu jitqies li jaqa’ fl-ambitu ta’ din id-dispożizzjoni. Dan l-approċċ ikun ifisser li l-ftehim li jżomm l-effetti tiegħu [ultra-activo], billi jestendi l-effetti tal-ftehim rexiss taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, jikkostitwixxi kontinwità li għandha tiġi rrispettata miċ-ċessjonarju, għall-inqas fil-limiti minimi stabbiliti minn dan l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23.

32.

Il-Gvern Grieg wasal għall-istess konklużjoni bħall-Kummissjoni u bħall-Gvern Federali Ġermaniż, iżda jinnota li l-għan tad-Direttiva huwa ż-żamma ta’ ċerti effetti fiż-żmien, irrispettivament mis-sors formali ta’ dawn l-effetti, kemm fil-każ ta’ ftehim kollettiv normali jew fil-każ ta’ ftehim kollettiv li jżomm l-effetti tiegħu [ultra-activo].

33.

Kif sejjer nesponi iktar ’il quddiem, nikkunsidra li d-Direttiva 2001/23 tirrikjedi li l-Istati Membri, fil-każ ta’ ċessjoni ta’ impriżi, iżommu l-effetti ta’ ftehim kollettiv anki meta dawn l-effetti jkunu r-riżultat ta’ regola nazzjonali li testendihom sal-adozzjoni ta’ ftehim kollettiv ġdid, jew sal-adozzjoni ta’ ftehimiet bilaterali bejn il-partijiet. Bħall-Kummissjoni, il-Gvern Federali Ġermaniż u l-Gvern Grieg, iqisu li dan ir-riżultat huwa l-iktar konsistenti mal-għan ta’ din id-direttiva, li huwa sempliċement li jiġi żgurat bilanċ bejn l-interessi tal-impriża u dawk tal-ħaddiema matul ċessjoni ta’ impriżi, sitwazzjoni fejn il-ħaddiema huma esposti għal sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà li d-direttiva ċċitata tfittex li tirrimedja.

2. Il-kunċett ta’ “ftehim kollettiv” fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23

34.

Biex tindirizza l-kwistjoni li tirreferilna l-Oberster Gerichtshof huwa neċessarju, l-ewwel nett, li l-portata tal-Artikolu 3(3) tkun limitata. Essenzjalment, meta din id-dispożizzjoni tirreferi għall-“[ftehimiet kollettivi]”, dan huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni jew, għall-kuntrarju, huwa kunċett li d-definizzjoni tiegħu għandha tiġi ddefinita mill-Istati Membri?

35.

Il-ġurisprudenza sostniet b’konsistenza li l-kunċetti użati fir-regoli tal-Unjoni għandhom, bħala regola ġenerali, natura awtonoma. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara hekk fil-parti l-kbira tal-każijiet, u li l-għan leġittimu intiż huwa dak li jiggarantixxi kemm jista’ jkun interpretazzjoni uniformi tar-regoli tal-Unjoni ( 8 ). Huwa biss f’każijiet fejn l-att tal-Unjoni jirreferi espressament għad-dritt tal-Istati Membri jew fejn it-terminu suġġett għall-interpretazzjoni ma jippermettix qari uniformi, li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta li tagħti interpretazzjoni awtonoma.

36.

Fil-każ tad-Direttiva 2001/23, kif ukoll tad-Direttiva ta’ qabilha, id-Direttiva 77/187, l-interpretazzjoni ta’ kunċetti awtonomi tindika natura speċifika, peress li ż-żewġ testi wettqu armonizzazzjoni parzjali u mhux kompluta f’dan il-qasam. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat f’okkażjonijiet diversi, sa mis-sena 1985 fil-kawża Mikkelsen, li d-Direttiva 2001/23, bħad-Direttiva ta’ qabilha, wettqet armonizzazzjoni parzjali u “ma kellhiex l-intenzjoni li tistabbilixxi livell uniformi ta’ protezzjoni għall-Komunità kollha bbażata fuq kriterji komuni” ( 9 ). Għaldaqstant, “id-Direttiva tista’ tiġi invokata biss biex tiżgura li l-ħaddiem ikkonċernat ikun protett fir-relazzjonijiet tiegħu maċ-ċessjonarju bl-istess mod kif kien maċ-ċedent, taħt il-leġislazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat” ( 10 ).

37.

In-natura parzjali tal-armonizzazzjoni hija evidenti, pereżempju, fit-trattament li għandu jingħata lid-definizzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol. Fil-kawża Wendelboe, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-eżistenza jew l-ineżistenza ta’ kuntratt ta’ xogħol jew ta’ relazzjoni ta’ xogħol fil-mument taċ-ċessjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, għandha tiġi stabbilita skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, bla ħsara, sakemm id-dispożizzjonijiet imperattivi tad-Direttiva huma osservati” ( 11 ). Għalhekk, id-Direttiva ma tiddeterminax il-kostituzzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, kwistjoni li għandha tiġi ddefinita mid-dritt nazzjonali u, konsegwentement, mill-qorti nazzjonali. Dak li fil-fatt tagħmel huwa li tiżgura regoli minimi komuni dwar l-effetti ta’ din ir-relazzjoni ta’ xogħol matul ċessjoni ta’ impriża.

38.

Din id-distinzjoni bejn il-kostituzzjoni u l-effetti ta’ relazzjoni ta’ xogħol tippermetti li jiġi spjegat kemm il-kontenut tad-Direttiva 2001/23 u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 3 tiegħu, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan is-sens. Id-deċiżjonijiet tal-qorti tal-Ġustizzja, qabel kollox, huma interessati f’li jingħata trattament minimu komuni lill-konsegwenzi li jirriżultaw minn ċessjoni ta’ impriżi, mingħajr ma jkun hemm neċessarjament il-bżonn li jiġu żviluppati kunċetti awtonomi tipiċi tad-dritt tax-xogħol. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja tiffoka fuq l-aspetti l-iktar prattiċi tad-Direttiva 2001/23, mingħajr waqfien eċċessiv fuq kwistjonijiet kunċettwali. Kif diġà għidt, dan l-approċċ huwa sostnut mid-dikjarazzjonijiet dwar id-Direttiva.

39.

L-ewwel ħaġa li jistħoqqilha attenzjoni fid-Direttiva 2001/23, huwa t-titolu tagħha. Fl-istess ħin, dan ma jinkludix il-kategoriji ta’ kuntratt ta’ xogħol jew ta’ ftehim kollettiv, iżda biss id-“drittijiet tal-ħaddiema”, li jispeċifika wkoll li l-għan tal-miżura huwa ż-“[żamma]” ta’ dawn id-drittijiet. Barra minn hekk, il-Kapitolu II tad-Direttiva 2001/23 huwa intitolat “Is-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati”, bl-intenzjoni li jfakkar li l-għan ta’ din id-direttiva huwa li jissalvagwardja il-kundizzjonijiet tax-xogħol matul ċessjoni ta’ impriża, jiġifieri, l-effetti li din iċ-ċessjoni tipproduċi fuq id-drittijiet tal-ħaddiema.

40.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva jkompli jsaħħaħ din l-idea billi jenfasizza l-importanza tad-“drittijiet u l-obbligi” tal-ħaddiema, waqt li jħalli fuq l-isfond is-sors ta’ dawn id-drittijiet u l-obbligi. Flimkien ma’ dan, fl-Artikolu 3(1), il-leġiżlatur jirreferi għad-drittijiet u għall-obbligi li jirriżultaw “minn kuntratt ta’ mpjieg” jew “minn relazzjoni ta’ mpjieg”. Il-fattur determinanti huwa l-eżistenza ta’ dritt jew ta’ obbligu, iżda mhux l-oriġini formali ta’ dawn.

41.

Dan l-approċċ għandu japplika wkoll għall-ftehimiet kollettivi. L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 juża sistema simili għal dik tal-paragrafu 1, fejn l-ewwel jenfasizza ż-żamma tal-“kundizzjonijiet [tax-xogħol]” li jirriżultaw minn ftehim kollettiv. Għal darb’oħra, din id-direttiva tenfasizza dak li huwa iktar rilevanti fil-Kapitolu II, iż-“żamma” tad-drittijiet. L-oriġini speċifika ta’ dawn id-drittijiet hija sekondarja.

42.

Il-prijorità mogħtija lill-effetti tad-drittijiet tal-ħaddiema, fuq il-kostituzzjoni tagħhom, tirriżulta wkoll mill-għanijiet tad-Direttiva 2001/23. Il-premessa 2 tenfasizza l-frekwenza u l-importanza li għandhom, fl-iżvilupp ekonomiku, il-bidliet fl-istruttura tal-impriżi, li fil-kuntest tagħhom isiru ċ-ċessjonijiet bejn iċ-ċentri ta’ attività tal-impriżi ( 12 ). Il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra neċessarju, kif iddikjarat fil-premessa 3 ta’ din id-direttiva, “l-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ li jinbidel min jimpjega” u, iżid “b’mod partikulari, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom ikunu salvagwardjati”.

43.

Għalhekk, u b’konformità ma’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nifhem li d-Direttiva 2001/23 ma fihiex kunċett awtonomu ta’ “ftehim kollettiv”. Bi qbil mas-sentenza Wendelboe, nikkunsidra li hekk kif sostniet il-Kummissjoni, l-eżistenza jew l-ineżistenza ta’ ftehim kollettiv għandha tiġi stabbilita skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali. Id-Direttiva 2001/23 tfittex li tiżgura, matul ċessjoni ta’ impriża, iż-żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema, li f’dan il-każ jirriżultaw minn ftehimiet kollettivi, irrispettivament minn liema hija s-sors formali li minnhom dawn joriġinaw. Wara li ġew stabbiliti d-drittijiet u d-dmirijiet tal-ħaddiema taħt id-dritt nazzjonali, dak li huwa mfittex mid-Direttiva 2001/23 huwa ż-żamma tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għat-twettiq ta’ ċessjoni ta’ impriża ( 13 ).

44.

Konsegwentement, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina jekk “il-kundizzjonijiet tax-xogħol miftiehma permezz ta’ ftehim kollettiv” li għalihom jirreferi l-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva, jinkludu l-kundizzjonijiet tax-xogħol li jirriżultaw minn ftehim li jżomm l-effetti tiegħu [ultra-activo], li hija kwistjoni li sejjer nittratta fil-parti li jmiss.

3. Il-kundizzjonijiet li jirriżultaw minn ftehim li jżomm l-effetti tiegħu [ultra-activo]

45.

Ftehim li jżomm l-effetti tiegħu [ultra-activo], kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet fil-każ tal-Awstrija, huwa estensjoni dgħajfa u temporanja tal-effetti tal-ftehim li kienu diġà jeżisti. Jiddgħajjef sal-punt li jista’ jkun hemm deroga individwali tiegħu bi qbil bejn il-partijiet tal-kontenut tiegħu. Huwa temporanju minħabba li l-effetti tiegħu jieqfu fil-mument li jiġi adottat ftehim kollettiv ġdid.

46.

Iżda mingħajr dubju, il-karatteristika l-iktar impressjonanti tal-ftehim li jżomm l-effetti tiegħu [ultra-activo] hija s-sistema legali tiegħu. Fl-Awstrija, kif jidher li huwa l-każ f’diversi Stati Membri tal-Unjoni, ftehim kollettiv ma jsirx ftehim li jżomm l-effetti tiegħu [ultra-activo], permezz ta’ deċiżjoni ta’ waħda mill-partijiet tar-relazzjoni ta’ xogħol jew tat-tnejn li huma. Il-ftehim kollettiv isir ftehim li jżomm l-effetti tiegħu [ultra-activo], peress li l-leġiżlatur espressament ipprovda f’ċirkustanzi elenkati b’mod eżawrjenti u bil-għan li tinżamm is-sigurtà ġuridika tar-relazzjoni ta’ xogħol, iż-żamma dgħajfa u temporanja tal-ftehim ( 14 ).

47.

Għalhekk, il-partijiet għal relazzjoni ta’ xogħol, fil-mument tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol suġġett għal ftehim kollettiv, huma informati bil-fatt li ż-żamma tal-effetti tiegħu [ultra-actividad] ma hijiex avveniment li jirriżulta mill-klawżoli tal-ftehim innifsu (jew mill-ftehim bejn il-partijiet), iżda għażla speċjalment prevista mil-leġiżlatur nazzjonali u maħsuba sabiex tiġi żgurata l-istabbilità fiż-żmien tar-relazzjoni ta’ xogħol. Kif għidt qabel, iż-żamma tal-effetti [ultra-actividad] tfittex biss żamma dgħajfa u temporanja tal-ftehim fl-interess taċ-ċertezza legali. Din għalhekk hija teknika ta’ żamma fis-seħħ tal-effetti tad-drittijiet u tal-obbligi li tagħraf lill-ħaddiema u lil persuna li timpjega.

48.

F’din il-perspettiva, il-fatt li l-ftehim li jżomm l-effetti [ultra-activo], “huwa” jew le formalment ftehim kollettiv skont id-dritt nazzjonali ma huwiex determinanti mill-perspettiva tad-Direttiva 2001/23. Wara kollox, dak li huwa mfittex huwa li tiġi żgurata ċerta żamma tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema matul ċertu perijodu ta’ żmien fil-kuntest ta’ ċessjoni ta’ impriża. Kif għidt qabel, ma huwiex tant is-sors tad-drittijiet, iżda l-effetti ta’ dawn li jiġġustifikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23.

49.

Id-drittijiet u l-obbligi ta’ ħaddiem, ikunu liema jkunu, previsti f’kuntratt ta’ xogħol jew ftehim kollettiv, għandhom jinżammu taħt il-kundizzjonijiet iffissati mid-Direttiva 2001/23. Madankollu, meta d-dritt nazzjonali jipprovdi li tali drittijiet u obbligi għandhom jinżammu, anki jekk fil-forma dgħajfa u temporanja li jien semmejt, sabiex tiġi evitata lakuna regolatorja, nifhem li din iż-żamma, konsistenti mal-Kapitolu II tad-Direttiva 2001/23 għandha tiġi interpretata bħala estensjoni naturali tad-drittijiet u tal-obbligi li kienu qabel miksuba mill-ħaddiem. Iż-żamma tal-effetti [ultra-actividad] hija qabel kollox għan ta’ garanzija oġġettiva, li sempliċement iżżomm l-istatus quo għall-fini taċ-ċertezza legali. F’dan il-każ, id-drittijiet u l-obbligi taħt ftehim li jżomm l-effetti [ultra-activo], sempliċi kontinwazzjoni tas-sitwazzjoni li kienet diġà teżisti, huma “l-kundizzjonijiet tax-xogħol miftiehma”.

50.

Din l-interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-sentenza Werhof iż-żamma tal-effetti ta’ klawżola kuntrattwali ta’ referenza dinamika għall-ftehimiet futuri ġiet miċħuda, bl-argument li “d-Direttiva [2001/23] ma kinitx maħsuba sabiex tipproteġi sempliċi aspettattivi u, għaldaqstant, il-benefiċċji ipotetiċi li jistgħu jirriżultaw minn bidliet futuri tal-ftehim kollettiv” ( 15 ). Jiġifieri, id-Direttiva 2001/23 ma hijiex maħsuba sabiex sitwazzjoni kuntrattwali tibqa’ tiġi pperpetwata fiż-żmien u anki jekk tali perpetwazzjoni tinkludi drittijiet mhux fil-preżent iżda fil-futur. Din hija t-tip ta’ żamma li toħloq żbilanċ fir-relazzjoni ta’ xogħol bejn persuna li timpjega u ħaddiem, ħaġa li hija eskluża mid-Direttiva 2001/23, kif ukoll mill-ġurisprudenza.

51.

L-eżistenza ta’ dispożizzjoni legali espressa fis-seħħ fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, li tistabbilixxi ż-żamma tad-drittijiet u tal-obbligi taħt il-ftehim kollettiv fil-forma dgħajfa u temporanja għall-finijiet taċ-ċertezza legali, hija ’l bogħod minn “sempliċi aspettattiva” jew “benefiċċju ipotetiku li jista’ jirriżulta minn bidliet futuri tal-ftehimiet kollettivi” ( 16 ). Il-partijiet għal relazzjoni ta’ xogħol f’dawn iċ-ċirkustanzi mhux qed jinkludu sempliċement aspettattiva fil-patrimonju tagħhom, iżda benefiċċju konkret u reali: iċ-ċertezza li l-ftehim kollettiv, sakemm ikun hemm ftehim ġdid jew ftehim espress, għandu jżomm l-effetti tiegħu għalkemm bil-karattri indikati.

52.

Din il-konklużjoni tista’ topponi l-argument litterali li jekk jinżammu l-kundizzjonijiet miftiehma permezz ta’ ftehim kollettiv dan huwa limitat skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23, “sad-data li fiha l-ftehim kollettiv jispiċċa jew jiskadi jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor”. Nifhem, madankollu, li din id-dispożizzjoni tirreferi għal sitwazzjonijiet ta’ xoljiment jew ta’ skadenza f’sens strett, fejn id-dritt nazzjonali ma jipprevedi l-ebda forma stabbilita minn qabel tal-ftehim għall-finijiet taċ-ċertezza legali. B’kuntrast, mal-każijiet fejn id-dritt nazzjonali espressament ippreveda, u dan qabel mal-ftehim ġie xolt jew skada, estensjoni tiegħu, l-Artikolu 3(3) għandu jiġi interpretat b’mod li jiggarantixxi l-bilanċ tar-relazzjoni ta’ xogħol, mhux biss fil-kontenut tal-benefiċċji taż-żewġ partijiet, iżda wkoll fil-validità temporali tagħhom.

53.

Fil-fatt, il-bilanċ bejn il-persuna li timpjega u l-ħaddiem huwa tħassib li kien preżenti kemm fid-dikjarazzjonijiet tad-Direttiva 2001/23 kif ukoll fil-ġurisprudenza ( 17 ). Huwa fl-interess ta’ dan il-bilanċ li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fittxet li tkun evitata interruzzjoni netta tal-qafas regolamentari li jirregola r-relazzjoni ta’ xogħol. Sa fejn il-kundizzjonijiet li jien qabel elenkajt, jiġifieri li dan jiġi espressament iddeterminat bil-quddiem, kif ukoll iż-żamma xierqa tal-effetti tal-ftehim, jiġu ssodisfatti, jien nikkunsidra li mhux talli ma ġiex żnaturat il-bilanċ imsemmi iktar ’il fuq, iżda fil-fatt dan jikkontribwixxi sabiex tinkiseb il-garanzija tagħha.

54.

Fl-aħħar nett, għall-finijiet ta’ bilanċ fir-relazzjoni ta’ xogħol, id-Direttiva 2001/23 ipprovdiet għall-possibbiltà li l-Istati Membri jillimitaw il-perijodu taż-żamma tal-kundizzjonijiet tax-xogħol previsti fil-ftehim kollettiv, sakemm din il-limitazzjoni ma tkunx inqas minn sena. F’dawn iċ-ċirkustanzi huwa raġonevoli li ftehim li jżomm l-effetti [ultra-activo] iżomm il-kundizzjonijiet tax-xogħol li kienu jeżistu fit-termini dgħajfa u temporanji diġà msemmija. Il-prattika ta’ kull Stat Membru, jiġifieri f’dawk fejn teżisti iż-żamma tal-effetti [ultra-actividad], tiddetermina fid-dawl tal-esperjenza fir-relazzjonijiet tax-xogħol jekk ikunx xieraq li tiġi limitata fiż-żmien iż-żamma tal-effetti. Din il-kwistjoni, naturalment, għandha tiġi deċiża minn kull Stat Membru.

55.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 fis-sens li l-kundizzjonijiet tax-xogħol miftiehma permezz ta’ ftehim kollettiv jinkludu wkoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol miżmuma matul iż-żmien permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali qabel ma ġie xolt il-ftehim kollettiv, li fir-rigward tiegħu qed tiġi ggarantita ż-żamma ta’ dan il-ftehim kollettiv, f’forma dgħajfa u temporanja, wara li jiġi xolt.

V – Konklużjoni

56.

Fid-dawl tal-argumenti esposti, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof tkun is-segwenti:

“L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment [ċessjoni] ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet tax-xogħol miftiehma permezz ta’ ftehim kollettiv jinkludu wkoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol miżmuma matul iż-żmien permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali qabel ma ġie xolt il-ftehim kollettiv, li fir-rigward tiegħu qed tiġi ggarantita ż-żamma ta’ dan il-ftehim kollettiv, f’forma dgħajfa u temporanja, wara li jiġi xolt.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment [ċessjoni] ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98).

( 3 ) Sentenza tat-30 ta’ Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C‑195/98, ECLI:EU:C:2000:655).

( 4 ) Konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża De Coster (ECLI:EU:C:2001:366), punti 73 u 74.

( 5 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Mejju 1994, Corsica Ferries (C‑18/93, EU:C:1994:195, punt 12); Job Centre (C‑111/94, EU:C:1995:340, punt 9) u Dorsch Consult (C‑54/96, EU:C:1997:413), kif ukoll id-digrieti fil-kawżi Borker (138/80, EU:C:1980:162, punt 4) u Greis Unterweger (318/85, EU:C:1986:106, punt 4).

( 6 ) Sentenza Dorsch Consult, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31, kif ukoll Pardini (C‑338/85,EU:C:1988:194) u Corbiau (C‑24/92, EU:C:1993:118).

( 7 ) Ara s-sentenzi Melki y Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 27); Della Rocca (C‑290/12, EU:C:2013:235, punt 29), u Marquez Samohano (C‑190/13, EU:C:2014:146 punt 35).

( 8 ) Ara s-sentenzi Ekro (327/82, EU:C:1984:11, punt 11); SENA (C‑245/00, EU:C:2003:68, punt 23); A (C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 34), u Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 32).

( 9 ) Sentenza C‑105/84, EU:C:1985:331, punt 16.

( 10 ) Daddy’s Dance Hall (C‑324/86, EU:C:1988:72, punt 16); Martin et (C‑4/01, EU:C:2003:594, punt 41), u Juuri (C‑396/07, EU:C:2008:656, punt 23).

( 11 ) Sentenza Wendelboe (C‑19/83, EU:C:1985:54, punt 16).

( 12 )

( 13 ) Ara P. Rodière, Droit social de l’Union Européenne, it-tieni edizzjoni, LGDJ, Pariġi, p. 432.

( 14 ) Artikolu 13 tal-Arbeitsverfassungsgesetz, BGBl. 22/1974.

( 15 ) Sentenza Werhof (C‑499/04, EU:C:2006:168, punt 29).

( 16 ) Ibidem.

( 17 ) Hekk kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, “id-Direttiva 77/187 ma tfittix biss li tissalvagwarda l-interessi tal-impjegati meta tiġi ttrasferita [ċeduta] impriża, iżda tfittex ukoll li tiżgura bilanċ ġust bejn l-interessi tal-impjegati, minn naħa, u dawk taċ-ċessjonarju, min-naħa l-oħra” (sentenza Alemo-Herron, C‑426/11, EU:C:2013:521, punt 25).

Top