EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0266

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Cruz Villalón, ppreżentati fis-16 ta’ Ottubru 2014.
L. Kik vs Staatssecretaris van Financiën.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni – Ċittadin ta’ Stat Membru, li fih jirrisjedi, impjegat bħala ħaddiem impjegat fuq vapur li jinstalla pajpijiet li jtajjar il-bandiera ta’ Stat ieħor terz – Ħaddiem impjegat inizjalment minn impriża stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi u, sussegwentement, minn impriża stabbilita fl-Isvizzera – Xogħol imwettaq suċċessivament fuq il-blata kontinentali maġenb Stat terz, fl-ibħra internazzjonali u fil-parti tal-blata kontinentali maġenb ċerti Stati Membri – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-imsemmi regolament – Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli.
Kawża C-266/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2300

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fis-16 ta’ Ottubru 2014 ( 1 )

Kawża C‑266/13

L. Kik

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Ħaddiem impjegat fuq bastiment li jinstalla pajpijiet fl-ibħra internazzjonali u fuq il-blata kontinentali maġenb żewġ Stati Membri — Obbligu ta’ affiljazzjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli”

1. 

Għal darb’oħra l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tieħu deċiżjoni dwar ir-regoli għad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli li jinsabu fir-Regolament Nru 1408/71 ( 2 ). F’dan il-każ, fil-kuntest ta’ kawża fejn tiġi indirizzata wkoll il-kwistjoni tan-natura ġuridika tal-blata kontinentali u t-tifsira u l-portata tal-estensjoni funzjonali tas-sovranità tal-Istati Membri fuq dak l-ispazju. Fi kwalunkwe każ, l-interess reali ta’ din il-kawża jinsab fid-diffikultà evidenti li d-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-regolament jiġu applikati għal stat ta’ fatt li, fl-opinjoni tal-partijiet, jippermetti biss soluzzjoni bbażata fuq analoġija. Kif se nipprova nuri, ir-Regolament stess, madankollu, fih ir-risposta.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt internazzjonali

2.

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay (il-Ġamajka) fl-10 ta’ Diċembru 1982, li daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994, ġiet irrattifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fit-28 ta’ Ġunju 1996 u ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 ( 3 ).

3.

L-Artikolu 60 tagħha, intitolat “Gżejjer artifiċjali, stallazzjonijiet u strutturi fiż-żona ekonomika esklussiva”, jipprovdi li:

“1.   Fiż-żona ekonomika esklussiva, l-Istat kostali għandu jkollu d-dritt esklussiv li jibni u li jawtorizza u jirregola l-kostruzzjoni, l-oprazzjoni u l-użu ta’:

a)

gżejjer artifiċjali;

b)

stallazzjonijiet u strutturi għall-iskopijiet li hemm provvediment dwarhom fl-Artikolu 56 u għal skopijiet ekonomiċi oħrajn;

c)

stallazzjonijiet u strutturi li jistgħu ifixxklu fl-eżerċitar tad-drittijiet ta’ l-Istat kostali f’dik iż-żona.

2.   L-Istat kostali għandu jkollu l-ġurisdizzjoni esklussiva fuq dawk il-gżejjer artifiċjali, stallazzjonijiet u strutturi, inkluża l-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-liġijiet u r-regolament doganali, fiskali, tas-saħħa, tas-sigurtà u ta’ l-immigrazzjoni.

[…]”

4.

Taħt it-titolu “Id-drittijiet ta’ l-Istat kostali fuq is-sikka [blata] kontinentali”, l-Artikolu 77 tal-Konvenzjoni jipprovdi dan li ġej:

“1.   L-Istat kostali jeżerċita fuq is-sikka [blata] kontinentali drittijiet sovrani għall-iskop ta’ l-esplorazzjoni tagħha u ta’ l-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali tagħha.

2.   Id-drittijiet msemmija fil-paragrafu 1 huma esklussivi fis-sens li jekk Stat kostali ma jesplorax is-sikka kontinentali jew ma jutilizzax ir-riżorsi tagħha, ħadd ma jkun jista jidħol għal dawn l-attivitajiet mingħajr il-kunsens espliċitu ta’ l-Istat kostali.

3.   Id-drittijiet ta’ l-Istat kostali fuq is-sikka kontinentali ma jiddependux mill-okkupazzjoni, effettiva jew mistħajjla, jew fuq xi proklama espressa.

[…]”

5.

L-Artikolu 79 tal-Konvenzjoni, intitolat “Fili u pajpijiet sottomarini fuq is-sikka [blata] kontinentali” jistabbilixxi kif ġej:

“1.   L-Istati kollha huma ntitolati li jqiegħdu fili u pajpijiet sottomarini fuq is-sikka [blata] kontinentali, b’konformità mad-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

2.   Bla ħsara għad-dritt li jieħdu miżuri raġjonevoli għall-esplorazzjoni tas-sikka kontinentali, l-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali tagħha u tal-prevenzjoni, t-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġiż minn pajpijiet, l-Istat kostali ma jistax jimpedixxi it-tqegħid jew il-manteniment ta’ fili jew pajpijiet bħal dawk.

3   Il-delineazzjoni tal-korsa għat-tqegħid ta’ pajpijiet bħal dawk fuq is-sikka kontinentali hija suġġetta għall-kunsens ta’ l-Istat kostali.

4.   Xejn f’din il-parti ma jaffettwa d-dritt ta’ l-Istat kostali li jistabbilixxi kondizzjonijiet dwar il-fili u l-pajpijiet li jidħlu fit-territorju jew fl-ibħra territorjali tiegħu, jew tal-ġurisdizzjoni tiegħu fuq il-fili u l-pajpijiet kostruwiti jew użati b’konnessjoni ma l-esplorazzjoni tas-sikka kontinentali jew l-esplorazzjoni tar-riżorsi tagħha jew ta’ l-operazzjonijiet ta’ gżejjer artifiċjali, stallazzjonijiet u strutturi taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu.

[…]”

6.

Skont l-Artikolu 80 (“Gżejjer artifiċjali, stallazzjonijiet u strutturi fis-sikka [blata] kontinentali”), “[l]-Artikolu 60 japplika mutatis mutandis għal gżejjer artifiċjali, stallazzjonijiet u strutturi fis-sikka [blata] kontinentali.”

B – Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament Nru 1408/71

7.

Il-premessi tar-Regolament Nru 1048/71 li huma ta’ interess, għal dan il-każ huma dawn li ġejjin:

“Billi d-dispożizzjonijiet għall-koordinament tal-leġislazzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali jaqgħu fl-ambitu tal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema li huma ċittadini ta’ l-Istati Membri u għandhom jikkontribwixxu għat-titjib fil-livell tal-għixien u tal-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg;

[…]

Billi d-differenzi konsiderevoli li jeżistu bejn il-leġislazzjonijiet nazzjonali dwar il-persuni li għalihom japplikaw jagħmluha preferibbli li jistabbilixxu l-prinċipju li r-Regolament japplika għall-persuni kollha assigurati taħt l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u għal dawk li jaħdmu għal rashom jew permezz tat-tfittxija ta’ l-impjieg jew ta’ l-impjieg għal rashom;

Billi huwa meħtieġ li jkunu rispettati l-karatteristiċi speċjali tal-leġislazzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali u biex titwaqqaf biss sistema ta’ koordinazzjoni;

[…]

Billi l-persuni impjegati u dawk impjegati għal rashom li qegħdin jiċċaqilqu fil‑Komunità għandhom ikunu suġġetti għall-iskema tas‑sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss biex ikun evitat t-taħwid fil-leġislazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l-kumplikazzjonijiet li jirriżultaw minħabba f’hekk;

[…]

Billi minħabba l-garanzija ta’ l-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema kollha okkupati fit-territorju ta’ l-Istat Membru jkun effettiv kemm jista’ jkun, huwa sewwa li tkun determinata bħala l-leġislazzjoni applikabbli, bħala regola ġenerali, dik ta’ l-Istat Membru li fih il-persuna kkonċernata tfittex impjieg jew impjieg għal rasha;

Billi f’ċerti sitwazzjonijiet li jiġġustifikaw kriterja oħra ta’ applikabbiltà, huwa possibbli li tidderoga mir-regola ġenerali;

[…]”

8.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Definizzjonijiet”, jgħid kif ġej:

“Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament:

a)

persuna impjegata u persuna li taħdem għal rasha jfissru rispettivament:

i)

kull persuna li hija assigurata, mingħajr għażla jew fuq bażi volontarja kontinwa, għal kontinġenza waħda jew aktar koperti minn fergħat ta’ skema ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom jew bi skema speċjali għal persuni fis-servizz ċivili.

[…]”

9.

Taħt it-titolu “Il-persuni koperti” l-Artikolu 2 jistipula fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għall-ħaddiema li huma jew kienu soġġetti għall-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar u li huma ċ-ċittadini nazzjonali ta’ wieħed mill-Istati Membri jew li huma persuni mingħajr Stat jew rifuġjati li jirrisjedu ġewwa t-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll għall-membri tal-familja tagħhom u s-superstiti tagħhom.”

10.

It-Titolu II tar-Regolament, intitolat “Determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli”, jibda bl-Artikolu 13 (“Regoli Ġenerali”), li jipprovdi kif ġej:

“1.   Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

2.   Suġġetti [Bla ħsara] għall-Artikoli 14 sa 17:

a)

persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[…]

(ċ)

persuna impjegata abbord vapur li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat;

[…]

f)

persuna li għaliha tispiċċa li tkun valida il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, mingħajr ma ssir applikabbli għaliha leġislazzjoni ta’ Stat ieħor skond waħda mir-regoli stipulata fis-sottoparagrafi li għaddew jew skond waħda mill-eċċezzjonijiet jew dispożizzjonijiet speċjali stipulati fl-Artikoli 14 u 17 tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tabita skond id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-leġislazzjoni biss.”

11.

L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71 (intitolat “Regoli speċjali applikabbli għall-persuni, minbarra l-baħrin, ingaġġati fi mpieg imħallas”) jistipula kif ġej:

“L-Artikolu 13(2)(a) japplika suġġett għall-eċċezzjonijiet u ċ-ċirkustanzi li ġejjin:

[…]

2.

Persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar tkun suġġetta għal-leġislazzjoni li tkun determinata kif ġej:

a)

Persuna li tifforma parti minn “personnel” vjaġġanti jew tat-titjir ta’ impriża li, b’kera jew b’għoti jew inkella minn jedda, topera servizzi ta’ trasport internazzjonali għall-passiġġieri jew għall-merċa bit-tren, fuq it-triq, bl-ajru jew fuq il-kanali u li għandha l-uffiċċju tagħha reġistrat jew post tan-negozju fit-territorju ta’ Stat Membru tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat ta’ l-aħħar, bir-restrizzjonijiet li ġejjin:

i)

fejn l-imsemmija impriża jkollha fergħa jew rappreżentazzjoni permanenti fit-territorju ta’ Stat Membru għajr dak li fih għandha l-uffiċċju reġistrat jew il-post tan-negozju, persuna impjegata minn tali fergħa jew rappreżentazzjoni permanenti tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu rinsab it-tali fergħa jew rappreżentazzjoni permanenti;

ii)

fejn persuna hija impjegata prinċipalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru li fih tabita, hija tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat, anke jekk l-impriża li timpjegah m’għandha ebda uffiċċju reġistrat jew post tan-negozju jew fergħa jew rappreżentazzjoni permanenti fit-territorju;

b)

Persuna għajr dik li hemm referenza għaliha f(a) tkun suġġetta:

i)

għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fih tabita, jekk twettaq l-attività tagħha parzjalment fit-territorju jew jekk hija marbuta ma diversi impriżi u diversi persuni li jimpjegawha li għandhom l-uffiċċji reġistrati jew il-postijiet tan-negozju tagħhom fit-territorju ta’ Stati Membri differenti;

ii)

għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab l-uffiċċju reġistrat jew post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegaha, jekk ma tabitax fit-territorju ta’ kwalunkwe Stati Membri fejn hija tkun qed twettaq l-attività tagħha.

[…]”

12.

Skont l-Artikolu 14b (“Applikazzjoni ta’ regoli speċjali għan-nies tal-baħar”):

“L-Artikolu 13(2)(ċ) jkun japplika suġġett għall-eċċezzjonijiet u ċirkustanzi segwenti:

[…]

4)

Persuna impjegata abbord vapur li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru u li mħallsa għal tali impieg minn impriża jew persuna li l-uffiċċju reġistrat tagħha jew il-post tan-negozju jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-aħħar Stat kemm-il darba hija residenti fit-territorju ta’ dak l-Istat; l-impriża jew persuna li jħallsu r-rimunerazzjoni tkun ikkunsidrata bħala dik li tħaddem għall-iskop ta’ l-imsemmija leġislazzjoni.”

13.

L-Artikolu 15 tar-Regololament (“Regoli li jikkonċernaw s-sigurtà voluntarja jew is-sigurtà b’għażla kontinwata”) jinqara kif ġej:

“1.   L-Artikoli 13 sa 14d ma japplikawx għas-sigurtà voluntarja jew għas-sigurtà b’għażla kontinwata kemm-il darba, fejn tidħol waħda mill-friegħi li għalihom saret riferenza fl-Artikolu 4, teżisti f’xi Stat Membru skema ta’ sigurtà voluntarja biss.

2.   Fejn l-applikazzjoni tal-leġislazzjonijiet ta’ tnejn jew iktar Stati Membri tinvolvi aktar minn assigurazzjoni waħda:

taħt skema ta’ assigurazzjoni bilfors u waħda jew iktar voluntarji jew skema ta’ assigurazzjoni b’għażla kontinwata, il-persuna kkonċernata tkun suġġetta esklussivament għall-iskema ta’ assigurazzjoni ta’ bilfors,

[…]”

C – Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera ( 4 )

14.

Skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera:

“Il-partijiet kontraenti għandhom jipprovdu, b’mod konformi mal-Anness II, għall-koordinament tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali bil-għan partikolari li jiżguraw:

a)

jiġi żgurat trattament ugwali;

b)

tiġi ddeterminata l-leġislazzjoni applikabbli;

ċ)

tinħoloq aggregazzjoni, sabiex jiġi miksub u miżmum id-dritt għall- benefiċċji, u jiġu kkalkolati tali benefiċċji, b’kont meħud, mil-liġijiet nazzjonali tal-pajjiżi kkonċernati, tal-perjodi kollha;

d)

jitħallsu l-benefiċċji lill-persuni residenti fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti;

e)

titrawwem assistenza u koperazzjoni amministrattiva reċiproka bejn l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet.”

15.

L-Anness II tal-Ftehim KE-Svizzera, l-Artikolu 1:

“1.   Il-partijiet kontraenti jaqblu, fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali, li japplikaw bejniethom l-atti legali tal-Unjoni Ewropea li għalihom qiegħda ssir referenza u kif emendati, bis-Sezzjoni A ta’ dan l-Anness, jew ir-regoli ekwivalenti għal dawn l-atti.

2.   It-terminu ‘Stat(i) Membru/i’ inkluż fl-atti legali msemmija fis-sezzjoni A ta’ dan l-Anness għandu jinftiehem li jinkludi lill-Isvizzera flimkien mal-Istati koperti mill-atti legali rilevanti tal-Unjoni Ewropea.”

16.

Is-Sezzjoni A tal-imsemmi Anness II tirreferi għar-Regolament Nru 1408/71, li ġie ssostitwit bir-Regolament [KE] Nru 883/2004 ( 5 ), applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2010. L-Anness II nnifsu tal-Ftehim KE-Svizzera ġie aġġornat bid-Deċiżjoni Nru 1/2012 tal-Kumitat Konġunt stabbilit taħt dan il-Ftehim ( 6 ), b’effett mill-1 ta’ April 2012. Il-verżjoni l-ġdida tal-Anness II tirreferi għar-Regolament Nru 883/2004. Madankollu, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolament 883/2004, u l-Anness II, Sezzjoni A, il-paragrafu 3, tal-Ftehim KE-Svizzera, kif emendat, l-avvenimenti qabel l-1 ta’ April 2012, huma rregolati mir-Regolament Nru 1408/71.

D – Il-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi

17.

Skont id-digriet tar-rinviju ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar is-sigurtà soċjali, ir-regola ġenerali hija li r-residenti tal-Pajjiżi l-Baxxi huma assigurati b’mod obbligatorju u għandhom iħallsu l-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjonijiet previsti mil-liġi. B’eċċezzjoni għal dan u skont l-Artikolu 12(1) tal-Besluit uitbreiding en beperking kring verzekerden volksverzekeringen 1999 (Digriet li jestendi u jillimita l-grupp ta’ persuni affiljati mas-sigurtà soċjali tal-1999), persuna li tgħix fil-Pajjiżi l-Baxxi ma għandhiex tkun affiljata mas-sigurtà soċjali jekk taħdem esklużivament barra mill-Pajjiżi l-Baxxi għal perijodu kontinwu ta’ mill-inqas tliet xhur, sakemm dan ix-xogħol ma jitwettaqx abbażi ta’ relazzjoni ta’ servizz ma’ persuna li timpjega residenti jew domiċiljat fil-Pajjiżi l-Baxxi.

18.

Skont il-Besluit verzekeringsplicht zeevarenden (Digriet dwar l-obbligu ta’ affiljazzjoni tal-baħħara), meta baħri li jirrisjedi fi Stat Membru jaħdem fuq vapur li jtajjar il-bandiera ta’ Stat terz li ma huwiex Stat li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea għal persuna li timpjega stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, tapplika l-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar l-assigurazzjonijiet soċjali tal-impjegati.

II – Il-Fatti

19.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda kawża bejn is-sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi u L. Kik, ċittadin Olandiż residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, impjegat ma’ impriża Svizzera fuq bastiment li jinstalla l-pajpijiet li, taħt il-bandiera tal-Panama, ħadem sal-31 ta’ Mejju 2004 fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi (affiljat b’mod obbligatorju mas-sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi) u bejn l-1 ta’ Ġunju u l-24 ta’ Awwissu 2004 għamel dan b’mod konsekuttiv fuq il-blata kontinentali tal-Istati Uniti, f’ibħra internazzjonali u fuq il-parti tal-blata kontinentali tal-Pajjiżi l-Baxxi, tar-Renju Unit u mill-ġdid tal-Pajjiżi l-Baxxi.

20.

Il-kwistjoni diskussa fil-kawża a quo hija jekk L. Kik kienx obbligat jew le li jikkontribwixxi għas-sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Ġunju u l-24 ta’ Awwissu 2004.

21.

Il-qrati nazzjonali kienu tal-opinjoni (fl-ewwel istanza u fl-appell) li r-risposta għandha tkun fl-affermattiv, peress li l-Liġi nazzjonali tipprovdi li r-residenti tal-Pajjiżi l-Baxxi huma assigurati b’mod obbligatorju u għandhom iħallsu l-kontribuzzjonijiet meħtieġa.

22.

L. Kik ressaq appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden, li hija l-Qorti li qed tressaq din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

III – It-talba mressqa

23.

It-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa fil-15 ta’ Mejju 2013, hija kif ġej:

“1.

a. Ir-regoli dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-regoli li jiddeterminaw il-portata territorjali tar-regoli ta’ determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli li jinsabu fit-Titolu II ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ir-regoli ta’ determinazzjoni huma applikabblli f’każ bħal dan inkwistjoni, li jikkonċerna (a) ħaddiem residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi li (b) għandu nazzjonalità Olandiża, (c) f’kull każ, kien preċedentement obbligatorjament affiljat fil-Pajjiżi l-Baxxi, (d) huwa impjegat bħala baħri minn persuna li timpjega stabbilita fl-Isvizzera, (e) itwettaq xogħlu abbord bastiment li jqiegħed il-pajpijiet li jtajjar il-bandiera Panamiża u (f) iwettaq dawn l-attivitajiet, l-ewwel, barra mit-territorju tal-Unjoni (madwar tliet ġimgħat ’il fuq mill-pjattaforma kontinentali tal-Istati Uniti u madwar ġimagħtejn fl-ibħra internazzjonali) u, sussegwentement ’il fuq mill-pjattaforma kontinentali tal-Pajjiżi l-Baxxi (perijodi ta’ xahar u ta’ madwar ġimgħa) u tar-Renju Unit (perijodu ta’ ftit iktar minn ġimgħa), filwaqt li (g) id-dħul li huwa hekk qala’ kien ġie suġġett għall-ġbir tat-taxxa fuq id-dħul Olandiża?

1. b.

Jekk ir-risposta tkun fl-affermattiv, ir-Regolament KEE Nru 1408/71 japplika biss fil-jiem li matulhom il-persuna kkonċernata taħdem ’il fuq mill-pjattaforma kontinentali ta’ Stat Membru tal-Unjoni, jew huwa applikabbli wkoll fil-perijodu preċedenti, li matulu hija ħadmet xi mkien ieħor, barra mit-territorju tal-Unjoni?

2.

Jekk ir-Regolament KEE Nru 1408/71 japplika fir-rigward ta’ ħaddiem bħal dak imsemmi fid-domanda 1.a, dan ir-regolament liema leġiżlazzjoni jew leġiżlazzjonijiet jiddetermina bħala li huma applikabbli?” (Dispożittiv tad-digriet tar-rinviju).

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24.

Fil-proċedura dehru, billi ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, L. Kik, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni. Kollha kemm huma dehru fis-seduta pubblika, li nżammet fit-3 ta’ Lulju 2014, fejn ġew mistiedna mill-Qorti tal-Ġustizzja biex jiffokaw l-argumenti tagħhom fuq it-tieni domanda magħmula mill-Hoge Raad.

V – L-osservazzjonijiet

A – L-ewwel domanda

25.

Il-partijiet kollha jaqblu fuq il-konstatazzjoni li r-Regolament Nru 1408/71 japplika fiċ-ċirkustanzi tal-każ. B’mod partikolari, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkunsidra li r-regolament inkwistjoni japplika għall-perijodu ta’ żmien ikkonċernat kollu.

B – It-tieni domanda

26.

L. Kik u l-Kummissjoni jemmnu li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, u skont il-ġurisprudenza stabbilita fil-kawża Aldewereld ( 7 ), il-ġurisdizzjoni hija tal-Istat ta’ stabbiliment tal-persuna li timpjega, jiġifieri tal-Konfederazzjoni Svizzera.

27.

Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkunsidra li, skont l-Artikoli 13(2)(f), u 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, l-Istat li għandu l-ġurisdizzjoni huwa dak tar-residenza tal-impjegat.

VI – Evalwazzjoni

28.

Il-Hoge Raad tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ir-Regolament Nru 1408/71 japplikax fiċ-ċirkustanzi tal-każ ippreżentat fil-kawża prinċipali u, jekk iva, liema hija l-leġiżlazzjoni nazzjonali li jirreferu għaliha r-regoli ta’ kunflitt ta’ dan ir-regolament, fejn kemm fl-opinjoni tagħha kif ukoll skont l-opinjoni tal-partijiet, dawn ir-regoli ma jkoprux b’mod speċifiku sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ.

29.

Għall-formulazzjoni korretta ta’ din il-kwistjoni, għandu jiġi stabbilit b’mod preċiż liema huma eżattament iċ-ċirkustanzi tal-każ.

A – Iċ-ċirkustanzi tal-impjieg ta ’ L. Kik fil-perijodu li jsir riferiment għalih fit-talba għal deċiżjoni preliminari

30.

L. Kik huwa Olandiż u jgħix fil-Pajjiżi l-Baxxi. Sal-31 ta’ Mejju 2004 huwa ħadem għal impriża stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi u kien assigurat b’mod obbligatorju f’dan l-Istat Membru.

31.

Mill-1 ta’ Ġunju 2004 huwa impjegat bħala baħħar minn kumpannija Svizzera u jaħdem fuq bastiment li jtajjar bandiera tal-Panama. Ma jidhirx li minn dan il-mument kien assigurat fl-Isvizzera, iżda li mill-25 ta’ Awwissu 2004 ma baqax ikun assigurat b’mod obbligatorju fil-Pajjiżi l-Baxxi, peress li, skont il-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-obbligu li jkun assigurat fil-pajjiż jispiċċa ladarba jkun ħadem kontinwament għal mill-inqas tliet xhur barra mill-Pajjiżi l-Baxxi u ma’ persuna li timpjega li ma tkunx residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi. Barra minn hekk, L. Kik ġie intaxxat għall-ħin kollu li kien fil-Pajjiżi l-Baxxi.

32.

Il-perijodu diskuss huwa bejn l-1 ta’ Ġunju u l-24 ta’ Awwissu 2004. Matul dan iż-żmien, L. Kik ħadem: a) tliet ġimgħat fuq il-blata kontinentali tal-Istati Uniti; b) ġimagħtejn fl-ibħra internazzjonali; c) xahar u ġimgħa fuq il-blata kontinentali tal-Pajjiżi l-Baxxi; d) ġimgħa fuq il-blata kontinentali tar-Renju Unit.

33.

Għalhekk, mit-total tat-tliet xhur inkwistjoni, L. Kik ħadem xahar u ġimgħa fuq il-blata kontinentali tal-Pajjiżi l-Baxxi. Ġimgħa minnhom għamilha fuq il-blata kontinentali tar-Renju Unit, b’tali mod li, mit-tliet xhur li huma ta’ interess hawnhekk, ħadem ħames ġimgħat f’territorju kompletament barra mill-Unjoni (l-ibħra internazzjonali u l-blata kontinentali ta’ Stat terz). Fi kliem ieħor, għal iktar minn nofs il-perijodu kkontestat huwa ħadem fuq il-blata kontinentali ta’ Stat Membru ( 8 ).

B – L-ewwel domanda

34.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, jekk ir-Regolament Nru 1408/71 japplikax għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ u, jekk iva, jekk dan japplikax biss matul il-jiem meta L. Kik ħadem fuq il-blata kontinentali ta’ Stat Membru jew jekk japplikax ukoll meta ħadem barra mit-territorju tal-Unjoni.

35.

Fil-fehma tiegħi, u bi qbil mal-fehmiet tal-partijiet kollha, ma hemmx dubju dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1408/71, billi l-Artikolu 2(1) tiegħu jipprovdi li “għandu japplika għall-ħaddiema li huma jew kienu soġġetti għall-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar u li huma ċ-ċittadini nazzjonali ta’ wieħed mill-Istati Membri”. F’dan il-każ, L. Kik kien suġġett għas-sistema ġenerali tas-sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi sal-25 ta’ Awwissu 2004, fejn jitqajjem dubju dwar jekk mill-1 ta’ Ġunju preċedenti kellux ikun attwalment suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ekwivalenti, u dan jeħtieġ li jsir riferiment għar-regoli tal-kunflitt tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 biex jiġi ddeterminat liema hija l-liġi nazzjonali applikabbli.

36.

Fl-opinjoni tiegħi ma tinħoloq l-ebda diffikultà dwar il-kwistjoni ta’ jekk ix-xogħol magħmul minn L. Kik fuq il-blata kontinentali maġenb il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit għandux jiġi kkunsidrat bħala li twettaq fit-territorju tal-Unjoni. Skont il-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2012, Salemink ( 9 ), ix-xogħol magħmul fuq il-blata kontinentali maġenb Stat Membru jagħmel parti funzjonalment mit-territorju sovran tiegħu u, għalhekk, ma tistax tiġi evitata l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan kien il-każ f’relazzjoni ma’ attività tax-xogħol imwettaq “fuq l-imsemmija sikka [blata] kontinentali, fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ esplorazzjoni u/jew sfruttament tar-riżorsi naturali [tagħhom]” ( 10 ). F’dan il-każ, L. Kik ħadem fuq bastiment li jqiegħed il-pajpijiet fuq il-blata kontinentali maġenb it-territorju tal-Unjoni, jiġifieri, wettaq attività li, bħala prinċipju, ma tistax titqies bħala “esplorazzjoni u/jew sfruttament tar-riżorsi naturali [...] tas-sikka [blata] kontinentali”.

37.

Ċertament, il-blata kontinentali tkompli tkun suġġetta għas-sovranità tal-Stat li jinstab maġenbha meta fuqha jitqiegħdu fili u pajpijiet sottomarini, barra minn hekk, skont l-Artikolu 79(3) tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar “[i]l-delineazzjoni tal-korsa għat-tqegħid ta’ pajpijiet bħal dawk fuq il-blata kontinentali hija suġġetta għall-kunsens ta’ l-Istat kostali”, bla ħsara, skont il-paragrafu 4 tal-istess Artikolu kemm għad-“dritt ta’ l-Istat kostali li jistabbilixxi kondizzjonijiet dwar il-fili u l-pajpijiet li jidħlu fit-territorju jew fl-ibħra territorjali tiegħu” kif ukoll għall-“ġurisdizzjoni tiegħu fuq il-fili u l-pajpijiet kostruwiti jew użati b’konnessjoni ma l-esplorazzjoni tas-sikka [blata] kontinentali jew l-esplorazzjoni tar-riżorsi tagħha jew ta’ l-operazzjonijiet ta’ gżejjer artifiċjali, stallazzjonijiet u strutturi taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu.”

38.

Din it-traċċa, jekk wieħed irid isejħilha hekk, minima ta’ poter sovran garantit mill-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar tista’, prima facie, tkun biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li anki f’dan il-każ il-blata kontinentali hija, funzjonali u b’mod ristrett, territorju tal-Unjoni. Madankollu, fis-sentenza Salemink ġiet stabbilita relazzjoni ta’ neċessità bejn il-profitt ta’ “prerogattivi ekonomiċi ta’ esplorazzjoni u/jew sfruttament tar-riżorsi eżerċitati fuq il-parti tas-sikka [blata] kontinentali li tinsab maġenbu [Stat Membru]” u l-impossibbiltà li tiġi evitata “l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni intiżi sabiex jiggarantixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema li jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom fuq tali installazzjonijiet” ( 11 ). Għalhekk, jidher ċar li l-“funzjonalità” tas-sovranità tal-Istat Membru kostali fuq il-blata kontinentali tapplika biss meta din tal-aħħar tkun is-suġġett ta’ attività ta’ esplorazzjoni u/jew sfruttament li għaliha jkun meħtieġ l-l-użu ta’ ħaddiema, u mhux, għall-kuntrarju, meta din il-blata tkun biss l-ispazju li fuqha ssir attività separata mill-esplorazzjoni u/jew l-isfruttament tagħha, u li fir-rigward tagħha huwa l-Istat kostali biss li għandu fakultà ta’ kunsens u li l-eżerċizzju tagħha ma jeħtieġ ebda attività ta’ xogħol.

39.

Dak li ntqal iktar ’il fuq, madankollu, ma huwiex rilevanti għall-każ inkwistjoni, u għaldaqstant nemmen li r-Regolament Nru 1408/71 japplika anke fil-każ li jiġi kkunsidrat li L. Kik ħadem il-ħin kollu, matul il-perijodu inkwistjoni, barra mit-territorju tal-Unjoni.

40.

Fil-fatt, u skont ġurisprudenza stabbilita, din iċ-ċirkustanza ma hijiex rilevanti jekk ir-relazzjoni tax-xogħol ikollha rabta suffiċjentement stretta mat-territorju ta’ Stat Membru ( 12 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tal-fehma li, fil-każ ta’ ħaddiem li jaħdem fuq bastiment, rabta ta’ dan it-tip tista’ tirriżulta mill-post fejn l-impjegat ikun ġie ingaġġat, mil-liġi applikabbli għall-kuntratt tal-impjieg, mill-affiljazjoni għal sistema ta’ sigurtà soċjali u mill-post tat-tassazzjoni tas-salarji tiegħu ( 13 ). F’dan il-każ, fil-fehma tiegħi, hemm rabta suffiċjentement stretta mat-territorju tal-Unjoni peress li L. Kik jiġi intaxxat fil-Pajjiżi l-Baxxi u, skont l-osservazzjonijiet tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi ( 14 ), jirċievi l-paga tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi u fl-Isvizzera, u għalhekk jista’ jiġi preżunt – peress li L. Kik ma pproduċiex provi li jistgħu jwasslu għal konklużjoni differenti – li l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-kuntratt ta’ impjieg hija dik ta’ wieħed minn dawk l-Istati.

41.

Konsegwentement, u bħala l-ewwel konklużjoni intermedja, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizja għall-ewwel waħda mid-domandi preliminari magħmula mill-Hoge Raad tkun fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ir-Regolament Nru 1408/71 huwa applikabbli għall-perijodu kollu inkwistjoni, jiġifieri bejn l-1 ta’ Ġunju u l-24 ta’ Awwissu 2004.

C – It-tieni domanda

42.

Dan premess, issa għandu jiġi ddeterminat liema, skont ir-Regolament Nru 1408/71, għandha tkun il-liġi li tapplika għal impjegat fiċ-ċirkustanzi ta’ L. Kik matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

43.

Id-diffikultà ta’ din it-talba hija bbażata fuq il-fatt li ma jidhirx li r-Regolament Nru 1408/71 jinkludi fost ir-regoli tal-kunflitt tiegħu regola li tapplika speċifikament għal sitwazzjoni bħal dik f’din il-kawża. Għalhekk, għandna nivverifikaw l-eżattezza ta’ din l-ewwel impressjoni.

44.

Fost il-ħafna każijiet previsti fit-Titolu II (“Determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli”; l-Artikoli 13 sa 17a) tar-Regolament Nru 1408/71 hawnhekk jinteressawna biss dawk li jinsabu fl-Artikolu 13 (“Regoli Ġenerali”) u fl-Artikolu 14b (“Applikazzjoni ta’ regoli speċjali għan-nies tal-baħar”). ( 15 ) Minn dawn kollha, fl-opinjoni tiegħi, dawn li ġejjin ma humiex relatati maċ-ċirkustanzi ta’ L. Kik:

a)

Persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru [Artikolu 13(2)(a)], każ fejn tapplika l-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru u li ma huwiex il-każ ta’ L. Kik, li, kif rajna, ma jwettaqx l-attività tiegħu fit-territorju ta’ xi Stat Membru jew, jekk għall-finijiet tagħna l-blata kontinentali maġenb Stat Membru titqies bħala territorju tal-Unjoni, ma jkunx ħadem fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed, iżda f’dak ta’ żewġ Stati Membri (il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit).

b)

Persuna li taħdem għal rasha fit-territorju ta’ Stat Membru [Artikolu 13(2)(b)], li tapplika għaliha l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat u li b’mod ċar ma tikkorrispondix għall-profil ta’ L. Kik, li huwa impjegat.

c)

Persuna li teżerċita l-attività professjonali tagħha abbord bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru [Artikolu 13(2)(c)], każ fejn tapplika l-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru u li lanqas ma huwa applikabbli għal kawża preżenti, peress li L. Kik jaħdem fuq bastiment tal-Panama.

d)

Impjegat fis-servizz ċivili u persuni trattati ta’ hekk [Artikolu 13(2)(d)].

e)

Persunal fis-servizz militari jew fis-servizz ċivili [Artikolu 13(2)(e)].

f)

Persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata fis-servizz ta’ impriża li tiddependi fuqha normalment, kemm jekk fit-territorju ta’ Stat Membru kif ukoll abbord bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru u li hija kkollokata biex taħdem fuq bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru ieħor (Artikolu 14b(1)), każ fejn tapplika l-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru. Lanqas dan, ovvjament, ma huwa l-każ ta’ L. Kik, peress li la jirriżulta li “normalment jaħdem” mal-persuna li timpjega Svizzera, la li ħadem għaliha fit-territorju tal-Unjoni, u lanqas li għamel dan fuq bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru.

g)

Persuna li normalment taħdem għal rasha, kemm jekk fit-territorju ta’ Stat Membru, jew jekk abbord bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru (Artikolu 14b(2)), ċirkustanzi li ma jseħħux fil-każ li jinteressa lilna.

h)

Persuna li twettaq xogħol fl-ibħra territorjali jew f’xi port ta’ Stat Membru (Artikolu 14c(3)), peress li L. Kik ma ħadem f’ebda wieħed minn dawn iż-żewġ spazji.

i)

Persuna impjegata abbord bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru u li titħallas għal dan l-impjieg minn impriża jew minn persuna li l-uffiċċju rreġistrat jew il-post tan-negozju tagħha jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (Artikolu 14b(4)): il-leġiżlazzjoni tal-aħħar Stat Membru tapplika jekk l-impjegat ikun jirrisjedi f’dak l-Istat Membru. (Dan ma huwiex il-każ ta’ L. Kik, peress li l-ewwel kundizzjoni hija nieqsa minħabba li jaħdem fuq bastiment tal-Panama).

45.

Minħabba l-impossibilità li jintużaw is-soluzzjonijiet previsti fil-każijiet esposti iktar ’il fuq, tista’ tiġi kkunsidrata l-opportunità li jintużaw, b’analoġija, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 ta’ dak ir-regolament. Fil-fatt, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jissuġġerixxi li jiġi applikat b’analoġija l-Artikolu 14(2)(b), li jirrigwarda l-każ fejn persuna impjegata li normalment teżerċita attività fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar u li ma tkunx parti minn “personnel” vjaġġanti jew tat-titjir ta’ impriża li twettaq trasport internazzjonali.

46.

L-użu tal-analoġija jkun, ovvjament, soluzzjoni leġittima fil-każ fejn ir-regoli li japplikaw immedjatament għal dawk li jaħdmu fuq il-baħar, bħal L. Kik, ma jippermettux li tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli għal każ inkwistjoni.

47.

Madankollu, dispożizzjoni li hija parti mir-Regolament, u li għaliha jagħmel riferiment f’mument partikolari l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, tneħħi n-neċessità li jsir sforz biex tinstab soluzzjoni f’termini ta’ analoġija. Dan huwa, fil-fatt, l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71 li jgħid li “persuna li għaliha tispiċċa li tkun valida il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, mingħajr ma ssir applikabbli għaliha leġislazzjoni ta’ Stat ieħor skond waħda mir-regoli stipulata fis-sottoparagrafi li għaddew [...] tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tabita skond id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-leġislazzjoni biss”. L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal dan il-każ tqajmet waqt is-seduta u, fl-opinjoni tiegħi, taqbel eżattament mal-każ ta’ L. Kik.

48.

Fil-fatt, skont dak li ġie stabbilit u li huwa paċifiku bejn il-partijiet, L. Kik kien suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi sal-31 ta’ Mejju 2004. Minn dik id-data, dik il-leġiżlazzjoni ma baqgħetx tapplika, bħala prinċipju, peress li ebda waħda mir-regoli stabbiliti fir-Regolament Nru 1408/71 u diskussi hawn fuq ma twassal għall-applikazzjoni tal-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, dawk ir-regoli lanqas ma jiddeterminaw l-applikazzjoni tal-liġi ta’ Stat Membru ieħor, peress li ċ-ċirkustanzi tal-impjieg ta’ L. Kik ma jaqblu mal-ebda wieħed minn dawk il-każijiet.

49.

F’sitwazzjoni bħal din, jiġifieri, in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-liġi li sa issa dejjem ġiet applikata u n-nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ xi liġi oħra – eżattament il-każ tal-fatt imsemmi fl-Artikolu 13(2)(f) –, ir-Regolament Nru 1408/71, b’mod ġenerali, juża l-kriterju tar-residenza tal-impjegat biex jiddetermina l-leġiżlazzjoni applikabbli. Skont dan il-kriterju, L. Kik, residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, għandu jkun suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru.

50.

Ċertament, il-bidu tar-regola (“persuna li għaliha tispiċċa li tkun valida il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru[...]”) intuwittivament jissuġġerixxi li r-riżultat diffiċilment jista’ jkun l-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni li preċiżament ma għadhiex applikabbli. Fi kliem ieħor, jekk il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi ma baqgħetx valida għall-każ ta’ L. Kik sa mill-31 ta’ Mejju 2004, jista’ jidher xokkanti li r-Regolament Nru 1408/71 jistipula li għandha tiġi applikata dik l-istess leġiżlazzjoni, li ma għadhiex applikabbli b’konsegwenza, preċiżament, tal-istess regolament.

51.

Madankollu, peress li fil-fatt, hija l-istess leġiżlazzjoni – dik tal-Pajjiżi l-Baxxi – li ma tibqax tapplika mill-31 ta’ Mejju 2004 u li, bħala riżultat ta’ dan, terġa’ ssir applikabbli permezz tar-Regolament Nru 1408/71, fi kwalunkwe każ, it-titolu legali huwa differenti u għalhekk din il-leġiżlazzjoni tirriżulta, konsekuttivament, inapplikabbli u ta’ applikazzjoni obbligatorja.

52.

Fil-fatt, il-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi kienet applikabbli sal-31 ta’ Mejju 2004 peress li sa dik id-data L. Kik kien jaħdem ma’ kumpannija b’uffiċċju rreġistrat fil-Pajjiżi l-Baxxi, fejn huwa kien ukoll jgħix, jaħdem u jħallas it-taxxi. Skont il-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi, din ma baqgħetx tkun applikabbli minn meta L. Kik għalaq tliet xhur kontinwi jaħdem barra mill-Pajjiżi l-Baxxi u ma’ persuna li timpjega residenti fl-Isvizzera. F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li ġiet issodisfatta l-kundizzjoni li “tispiċċa li tkun valida il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru” skont kif prevista fl-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71 (u “mingħajr ma ssir applikabbli għaliha leġislazzjoni ta’ Stat ieħor”), il-kriterju determinanti, skont din id-dispożizzjoni, biex tiġi identifikata l-leġiżlazzjoni li għandha tiġi applikata huwa dak tar-residenza tal-impjegat. Inċidentalment, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, dan il-kriterju jerġa’ jindika l-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, jiġifieri, l-istess liġi li l-inapplikabbiltà tagħha rrendiet neċessarja t-tfittxija ta’ leġiżlazzjoni applikabbli oħra. Issa, għalkemm fil-fatt materjalment din hija l-istess liġi, l-inapplikabbiltà tagħha hija dovuta għal raġuni legali differenti: spiċċat tkun applikabbli meta nbidlu ċ-ċirkustanzi tal-impjieg ta’ L. Kik (fil-31 ta’ Mejju 2004) u reġgħet bdiet tkun applikabbli meta dan ġie impost mill-kriterju ta’ identifikazzjoni tal-liġi applikabbli previst fir-Regolament Nru 1408/71 għall-każ ta’ L. Kik wara l-31 ta’ Mejju 2004. Fl-ewwel każ, il-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi kienet applikabbli minħabba li L.Kik għex u ħadem fil-Pajjiżi l-Baxxi għal kumpannija stabbilita f’dak l-Istat Membru u fit-tieni każ minħabba li, wara li ma baqgħetx applikabbli minħabba bidla f’dawn iċ-ċirkustanzi, kienet il-liġi tal-post tar-residenza tiegħu.

53.

Fl-aħħar nett, mingħajr ma jkun hemm bżonn li ssir l-applikazzjoni b’analoġija tad-dispożizzjonijiet fir-Regolament Nru 1408/71 li ma humiex maħsuba għal każ bħal dak li jikkonċerna lilna hawn, nemmen li l-imsemmi Artikolu 13(2)(f), jipprovdi, b’mod immedjat u prinċipali, ir-risposta għad-domanda dwar il-liġi applikabbli għal dan il-każ.

54.

Għalhekk, u bħala t-tieni konklużjoni intermedja, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni domanda tkun fis-sens li, skont l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlazzjoni applikabbli għal L. Kik hija dik tal-Pajjiżi l-Baxxi, peress li dan huwa t-territorju tar-residenza tiegħu.

VII – Konklużjoni

55.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula tkun is-segwenti:

“1.

Fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1048/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, huwa applikabbli għall-perijodu kollu inkwistjoni.

2

Skont l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, il-leġiżlazzjoni applikabbli għal impjegat fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa residenti l-imsemmi impjegat.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1048/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), li min-naħa tiegħu ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98, tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 308) u bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 307/1999, tat-8 ta’ Frar 1999 (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 335) (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 1408/71”).

( 3 ) ĠU L 179, p. 1.

( 4 ) Ftehim dwar iċ-ċirkolazzjoni libera tal-persuni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999, approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tal-4 ta’ April 2002, dwar il-ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 89). Minn hawn ’il quddiem, “Ftehim KE-Svizzera”).

( 5 ) Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

( 6 ) Id-Deċiżjoni Nru 1/2012 tal-kumitat konġunt stabbilit skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni tal- 31 ta’ Marzu 2012 li tissostitwixxi l-Anness II ta’ dak il-Ftehim dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali (ĠU L 103, p. 51).

( 7 ) Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1994 (C‑60/93, EU:C:1994:271).

( 8 ) Wara l-25 ta’ Awwissu 2004 u sal-31 ta’ Diċembru 2004, L. Kik ma ħadimx fil-Pajjiżi l-Baxxi u għamel dan biss għal tmintax-il jum fit-territorju ta’ Stat Membru. L-impjieg tiegħu f’dan il-perijodu (ingaġġat mill-istess persuna li timpjega Svizzera) sar fil-perijodi li ġejjin: a) bejn il-25 ta’ Awwissu u l-14 ta’ Settembru: tlett ijiem f’ibħra internazzjonali u tmintax-il jum fuq il-blata kontinentali Spanjola; b) bejn il-21 ta’ Ottubru u s-17 ta’ Novembru: sebat ijiem f’ibħra internazzjonali u wieħed u għoxrin jum f’ibħra territorjali Awstraljani; c) bejn il-15 u l-31 ta’ Diċembru: sbatax-il jum f’ibħra territorjali Awstraljani.

( 9 ) Kawża C‑347/10 (UE:C:2012:17), punti 35 sa 37.

( 10 ) Salemink, punt 35.

( 11 ) Salemink, punt 36.

( 12 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1984, Prodest (237/83, EU:C:1984:277), punt 6.

( 13 ) Sentenza tas-27 ta’ Settembru 1989, Lopes da Veiga (9/88, EU:C:1989:346), punt 17.

( 14 ) Il-punt 27 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.

( 15 ) Minħabba ċ-ċirkustanzi ta’ L. Kik l-Artikoli 14 u 14 a (“Regoli speċjali applikabbli għall-persuni, barra dawk li jaħdmu fuq il-baħar […]”) huma ovvjament inapplikabbli, l-Artikolu 14 c (“Regoli applikabbli għall-persuni li simultanjament jaħdmu bħala impjegati u jaħdmu għal rashom […]”), l-Artikolu 14 d (“Dispożizzjonijiet oħra”, li jirrigwardaw każijiet imsemmija fl-Artikoli 14, 14a, 14c u l-każ ta’ pensjonant li jirċievi pensjoni jew dħul), l-Artikoli 14e u 14f (“Regoli partikolari applikabbli għal […] nies tas-servizz ċivili […]”), l-Artikolu 15 (“Regoli li jikkonċernaw s-sigurtà voluntarja jew is-sigurtà b’għażla kontinwata”), l-Artikolu 16 (“Regoli speċjali fejn jidħlu persuni impjegati minn missjonijiet diplomatiċi […]”), l-Artikolu 17 (“Eċċezzjonijiet […]” stabbiliti bi qbil bejn l-Istati Membri) u l-Artikolu 17a (“Regoli speċjali li jikkonċernaw dawk li jirċievu l-pensjoni […]”).

Top