EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0261

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Jääskinen, ippreżentati fis-17 ta’ Lulju 2014.
Peter Schönberger vs Il-Parlament Ewropew.
Appell — Petizzjoni indirizzata lill-Parlament Ewropew — Deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward tal-petizzjoni — Rikors għal annullament — Kunċett ta’ ‘att li jista’ jiġi kkontestat’.
Kawża C‑261/13 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2107

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fis-17 ta’ Lulju 2014 ( 1 )

Kawża C‑261/13 P

Peter Schönberger

vs

Il-Parlament Ewropew

“Appell — Dritt ta’ petizzjoni lill-Parlament Ewropew — Artikoli 20 TFUE u 227 TFUE — Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Nuqqas ta’ kompetenza tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet li jiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet imqajma — Deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward tal-petizzjoni — Rikors għal annullament — Att li jipproduċi effetti legali vinkolanti li jaffettwaw is-sitwazzjoni legali ta’ persuna — Artikolu 263 TFUE”

I – Introduzzjoni

1.

Skont rapport tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem il-“Kumitat tal-Petizzjonijiet”), “il‑petizzjoni hija għodda importanti peress li tippermetti lill-individwu li jsemma’ leħnu b’mod uffiċjali u sabiex is-suġġetti li jinkwetawh jiġu eżaminati fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-[Unjoni]. Hija għalhekk rabta diretta bejnna, rappreżentanti eletti, u dawk li tagħhom għandna niddefendu l‑interessi” ( 2 ). Kif turi l-istatistika tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet, dan l‑istrument kien effettivament suċċess kbir. Fl-2013, in-numru ta’ petizzjonijiet irreġistrati ma’ dan il-Kumitat qabeż it-3 000, li juri żieda ta’ iktar minn 45 % meta mqabbel mas-sena 2012 u rdoppjar meta mqabbel mas-sena 2011 ( 3 ).

2.

Permezz tal-appell tiegħu, P. Schönberger (iktar ’il quddiem l‑“appellant”) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑Unjoni Ewropea Schönberger vs Il‑Parlament (T‑186/11, EU:T:2013:111, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li ddikjarat bħala inammissibbli r-rikors għal annullament tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Jannar 2011 li waqqfet l-eżami tal-petizzjoni ppreżentata mir-rikorrent fit-2 ta’ Ottubru 2010 ( 4 ) (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”).

3.

Din il-kawża għalhekk tittratta l-interpretazzjoni tal-portata tad‑dritt ta’ petizzjoni, skont l-Artikoli 20 TFUE u 227 TFUE, kif ikkonfermat mill-Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il‑“Karta”). Għall-ewwel darba, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat tal-Petizzjonijiet humiex suġġetti għal stħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 263 TFUE.

4.

Fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu għalhekk jiġi eżaminat l-eżerċizzju tad-dritt ta’ petizzjoni fid-dawl tal-ġurisprudenza mogħtija sa issa dwar dan is-suġġett mill-Qorti Ġenerali, billi din titqabbel mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ att li jista’ jiġi kkontestat. Fil-fatt, is-sentenza appellata tirrappreżenta applikazzjoni fidila tas-sentenza Tegebauer vs Il‑Parlament ( 5 ) li fiha l-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni fis-sens li l-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ petizzjoni għandha tkun suġġetta għal stħarriġ ġuridiku, minħabba l-fatt li deċiżjoni ta’ inammissibbiltà jew li ma tittiħidx azzjoni ta’ petizzjoni taffettwa s-sustanza tad-dritt ta’ petizzjoni u tikkostitwixxi, minħabba f’hekk, deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE ( 6 ).

5.

Qabel kollox, nikkunsidra li, fis-sentenza Tegebauer vs Il‑Parlament (EU:T:2011:466), il‑Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ att li jista’ jiġi kkontestat u dan l-iżball huwa bbażat, fl-opinjoni tiegħi, fuq interpretazzjoni wiesgħa tal-portata tad-dritt ta’ petizzjoni. Fl-opinjoni tiegħi, id-dritt ta’ petizzjoni huwa għodda ta’ djalogu politiku dirett, l‑espressjoni ta’ interazzjoni demokratika bejn iċ-ċittadin u r‑rappreżentati eletti li għandha, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, tibqa’ ’l bogħod mill-intervent tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni.

6.

Konsegwentement, f’dawn il-konklużjonijiet, għandi l-ħsieb nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-ġurisprudenza Tegebauer vs Il‑Parlament (EU:T:2011:466), li tikkostitwixxi l-bażi tas-sentenza appellata. Fi kwalunkwe każ, sabiex tiżgura ċ-ċertezza legali tal-partijiet fil-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-kuntest ta’ dan l-appell, tadotta pożizzjoni espressa dwar il‑ġurisprudenza Tegebauer vs Il‑Parlament (EU:T:2011:466), jew tannullaha jew tikkonfermaha. Jekk ikun il-każ li tiġi kkonfermata, l-appell jiġi ttrattat mingħajr diffikultà.

II – Il-kuntest ġuridiku

7.

Id-dritt ta’ petizzjoni huwa rrikonoxxut mill‑Artikoli 20(d) TFUE u 227 TFUE, bħala espressjoni partikolari taċ-ċittadinanza Ewropea.

8.

L-Artikolu 44 tal-Karta jipprovdi li:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandu d-dritt ta’ petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew.” ( 7 )

9.

L-ipproċessar tal-petizzjonijiet ġie rregolat mit-Titolu VIII tar‑Regolament tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Intern”). Id-dispożizzjonijiet applikabbli ratione temporis f’din il-kawża huma l-Artikoli 191 sa 193 tar-Regolament Intern ( 8 ). Madankollu, għandu jiġi nnotat li, wara l-emenda tar-Regolament Intern, li saret fl-2011, dawn id-dispożizzjonijiet ġew emendati u kienu jinsabu fl-Artikoli 201 sa 203 tar-Regolament Intern (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Intern emendat”) ( 9 ). Fl-aħħar nett, wara emenda li saret fl‑Lulju 2014, id-dritt għal petizzjoni huwa attwalment irregolat permezz tal-Artikoli 215 sa 218 tar-Regolament Intern emendat fil-kuntest tat‑tmien leġiżlatura ( 10 ). Madankollu, din l-aħħar emenda ma kellhiex effett fuq il-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti fir-rigward tar-Regolament Intern emendat.

10.

Skont l-Artikolu 191 tar-Regolament Intern intitolat “Dritt ta’ Petizzjoni”:

“1.   Kull ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea u kull persuna naturali jew ġuridika li tkun residenti jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat fi Stat Membru għandha d-dritt li tindirizza, b’mod individwali jew flimkien ma’ ċittadini jew persuni oħrajn, petizzjoni lill-Parlament dwar xi kwistjoni li taqa’ taħt l-oqsma ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea u li tkun taffetwah jew taffetwaha direttament.

[…]

6.   Petizzjonijiet dikjarati inammissibbli mill-kumitat għandhom jiġu arkivjati; min jagħmel il-petizzjoni għandu jkun infurmat bid-deċiżjoni u bil-motivazzjonijiet għaliha.

[…]”

11.

L-Artikolu 192 tar-Regolament Intern intitolat “Eżami ta’ Petizzjonijiet”, jipprovdi:

“1.   Il-kumitat responsabbli jista’ jiddeċiedi li jagħmel rapport jew b’xi mod ieħor jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar petizzjonijiet li jkun iddikjara bħala inammissibbli. Il-kumitat jista’, b’mod partikolari fil-każ ta’ petizzjonijiet li jfittxu li jkun hemm tibdil f’liġijiet eżistenti, jitolbu opinjonijiet minn kumitati oħra skond l-Artikolu 46.

[…]

3.   Meta jkun qed jikkunsidra petizzjonijiet jew jistabbilixxi fatti, il‑kumitat jista’ jorganizza smiegħ ta’ min jagħmel il-petizzjonijiet jew smiegħ ġenerali jew jibgħat membri sabiex jistabilixxu l-fatti tas-sitwazzjoni in situ.

[…]

7.   Il-President għandu jinforma lil min jagħmel il-petizzjonijet bid‑deċiżjonijiet meħuda u l-motivazzjonijiet għalihom.”

12.

Skont l-Artikolu 201(7) tar-Regolament Intern emendat, il‑petizzjonijiet li jiddaħħlu fir-reġistru jintbagħtu mill-President tal-Parlament quddiem il-kumitat kompetenti, li jistabbilixxi jekk il‑petizzjonizzjonijiet humiex ammissibbli jew le skont l-Artikolu 227 TFUE.

13.

L-Artikolu 201(8) tar-Regolament Intern jipprovdi:

“Petizzjonijiet dikjarati inammissibbli mill-kumitat għandhom jiġu arkivjati; il-petizzjonant għandu jkun mgħarraf bid-deċiżjoni u bir-raġunijiet li wasslu għaliha. Meta jkun possibbli, jistgħu jiġu rrakkomandati mezzi ta’ riparazzjoni alternattivi.”

14.

L-Artikolu 203a tar-Regolament Intern emendat fil-verżjoni tiegħu li jirriżulta mid-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat‑22 ta’ Mejju 2012 ( 11 ), jirregola wkoll it-trattament tal-inizjattiva taċ-ċittadini.

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

15.

L-appellant, ex uffiċjal tal-Parlament Ewropew, ikkontesta l‑punti ta’ mertu li ngħataw lilu fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni tas-sena 2005. Wara l-ilment imressaq fil‑15 ta’ Novembru 2008 mill-appellant, l-Ombudsman Ewropew ikkonkluda, permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Lulju 2010, li kien hemm att ta’ amministrazzjoni ħażina mill-Parlament inkwantu l-President tal-Parlament kellu jiddeċiedi dwar l-ilment tal-appellant.

16.

Fit-2 ta’ Ottubru 2010, l-appellant ressaq, abbażi tal‑Artikolu 227 TFUE, petizzjoni lill-Parlament, li fiha talab li l‑Parlament jieħu miżuri sabiex jirrimedja l-konstatazzjoni tal‑Ombudsman.

17.

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-President tal-Kumitat tal‑Petizzjonijiet indirizza lill-appellant b’dan il-mod: “[P]ermezz tal‑preżenti ninformak li l-Kumitat eżamina l-petizzjoni tiegħek u ddikjaraha ammissibbli skont ir-Regolament tal-Parlament Ewropew inkwantu hija taqa’ fl-oqsma tal-attività tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-Kumitat tal-Petizzjonijiet ma huwiex f’pożizzjoni li jittratta l-petizzjoni tiegħek fuq il-mertu u għalhekk ħa nota tal‑kummenti tiegħek. Il-petizzjoni tiegħek ser tintbagħat lid-Direttur Ġenerali tal-persunal sabiex jieħu l-miżuri xierqa. Nitolbok tinnota wkoll li l-eżami tal-petizzjoni tiegħek huwa għalhekk komplet”. Konsegwentement, l-eżami tal-petizzjoni ngħalaq.

18.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Marzu 2011, P. Schönberger talab l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-fatt li tterminat l-ipproċessar tal-petizzjoni tiegħu mingħajr ma pproċediet b’eżami dwar il-mertu.

19.

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli. Filwaqt li bbażat ruħha fuq is-sentenza Tegebauer vs Il‑Parlament (EU:T:2011:466), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, peress li l-petizzjoni tar-rikorrent tqieset li hija ammissibbli, id-deċiżjoni kkontestata ma pproduċietx effetti legali vinkolanti li jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent. Għal iktar dettalji, irreferiet għas-sentenza appellata.

IV – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja

20.

Permezz tal-appell tiegħu, P. Schönberger jitlob lill-Qorti tal‑Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tilqa’ r-rikors ippreżentat fl‑ewwel istanza, tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lill‑Parlament għall-ispejjeż.

21.

Fir-risposta tiegħu, il-Parlament jitlob lill-Qorti tal‑Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

V – Fuq it-trattament tal-appell

22.

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka sitt ilmenti ( 12 ), ibbażati, l-ewwel nett, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-fatti ( 13 ), it-tieni nett, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt fundamentali ta’ petizzjoni ( 14 ), it-tielet nett, fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni u n-nuqqas ta’ loġika li jivvizjaw is-sentenza appellata ( 15 ), ir-raba’ nett, fuq żball ta’ evalwazzjoni minħabba applikazzjoni żbaljata tas-sentenza Tegebauer vs Il‑Parlament (EU:T:2011:466) ( 16 ), il-ħames nett, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni minħabba l-fatt li ma ġiex eżaminat in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ( 17 ) u, is-sitt nett, fuq l-eżami inkomplet tal-fatti ( 18 ).

23.

F’dan ir-rigward, nipproponi li l-imsemmija kritiki jinġabru taħt żewġ aggravji, skont ir-rabta li tista’ tiġi stabbilita bejniethom. L-ewwel aggravju jinkludi l-ilmenti relatati mal-portata tad-dritt ta’ petizzjoni (ibbażati fuq it-tieni, it-tielet u r-raba’ lmenti tal-appell). It-tieni aggravju jinkludi l-ilmenti ta’ natura proċedurali (ibbażati fuq l-ewwel, il-ħames u s-sitt ilmenti tal-appell).

24.

Peress li r-risposta għall-argumenti relatati mas-sustanza tad-dritt ta’ petizzjoni kif ukoll dwar il-portata tas-sentenza Tegebauer vs Il‑Parlament (EU:T:2011:466) hija determinanti għal dan l-appell, nipproponi li nibda bl-eżami ta’ dan l-aggravju.

VI – Fuq il-portata tad-dritt ta ’ petizzjoni (l-ewwel aggravju li jinkludi t-tieni, it-tielet u r-raba ’ lmenti tal-appell)

A – L-argumenti tal-partijiet

25.

Permezz tal-kritiki miġbura taħt l-ewwel aggravju, l-appellant jikkontesta l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ petizzjoni. L-ewwel nett, fir-rigward tal-punt 18 tas-sentenza appellata, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet li hija biss deċiżjoni li tiddikjara petizzjoni bħala inammissibbli li tista’ tillimita l-eżerċizzju tad-dritt ta’ petizzjoni. B’hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ petizzjoni ġie limitat b’mod żbaljat fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-petizzjonijiet. Issa, il‑Parlament għandu jeżamina mhux biss l-ammissibbiltà ta’ petizzjoni, iżda għandu janalizza wkoll il-mertu tal-petizzjonijiet li jitqiesu li huma ammissibbli. Ir-rifjut ta’ pproċessar ta’ petizzjoni fuq il-mertu jipprekludi l-eżerċizzju tal-imsemmi dritt inkwantu l-persuna li tressaq petizzjoni tiġi mċaħħda mill-possibbiltà li tikkontribwixxi għat-titjib tad-dritt tal-Unjoni u li tipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni fis-sens tal‑Artikoli 10(3) TUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE.

26.

It-tieni nett, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali minħabba raġunament illoġiku inkwantu ddikjarat, minn naħa, li, fir‑rigward tal-petizzjonijiet, il-Parlament qatt ma jadotta atti vinkolanti, u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni li għaliha petizzjoni hija ddikjarata inammissibbli jew ma tittiħidx azzjoni fir-rigward tagħha tista’ tkun is‑suġġett ta’ rikors għal annullament ( 19 ). It-tielet nett, l-appellant jikkontesta l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tas-sentenza Tegebauer vs Il‑Parlament (EU:T:2011:466) fil-punti 16, 17 u 19 tas-sentenza appellata.

27.

Min-naħa tiegħu, il-Parlament jiċħad l-ilmenti kollha mressqa. Huwa jenfasizza, b’mod partikolari, li, fir-rigward tan-natura extra-ġudizzjarja tad-dritt ta’ petizzjoni, dan jiggarantixxi biss dritt li jadixxi lill-Parlament, filwaqt li jippreżerva l-libertà politika ta’ dan tal‑aħħar dwar jekk jipproċedix jew le b’petizzjoni. Il-Parlament isostni li la d-dritt ta’ petizzjoni stabbilit bid-dritt primarju u lanqas id‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Intern ma jippermettu li jiġi konkluż li l-persuna li tressaq petizzjoni għandha drittijiet proċedurali speċifiċi għall-finijiet tal-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ petizzjoni. Barra minn hekk, huwa jaqbel mal-analiżi li tirriżulta mill-ġurisprudenza Tegebauer vs Il‑Parlament (EU:T:2011:466).

B – Fuq id-dritt ta ’ petizzjoni fid-dritt tal-Unjoni

1. Fuq l-eżerċizzju tad-dritt ta’ petizzjoni

28.

Kif diġà spjegajt, il-fakultà li tippreżenta petizzjoni tikkostitwixxi strument ta’ parteċipazzjoni diretta fil-funzjonijiet politiċi eżerċitati mir-rappreżentanti tal-popli tal-Unjoni. Madankollu, sa fejn hija l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tanalizza d-dritt ta’ petizzjoni fit-totalità tiegħu, jidhirli utli li nippreżenta analiżi ddettaljata ta’ dan l-istrument.

29.

Minkejja l-fatt li d-dritt ta’ petizzjoni lill-Parlament ma huwiex previst mit-trattati fundaturi ( 20 ), wara l-ewwel elezzjoni b’votazzjoni bi dritt universali, fl-1981 il-Parlament emenda r-Regoli tal‑Proċedura tiegħu u uffiċjalment irrikonoxxa l-fakultà li jiġu ppreżentati petizzjonijiet ( 21 ), fakultà li sussegwentement issaħħet permezz ta’ dikjarazzjoni interistituzzjonali fl-1989 ( 22 ). Kien biss bid‑dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Masstricht li d-dritt ta’ petizzjoni lill‑Parlament ġie rrikonoxxut fit-Trattat u ngħata l-istatus ta’ dritt fundamentali inkorporat fl-Artikolu 44 tal-Karta ( 23 ).

30.

Id-dritt ta’ petizzjoni ( 24 ) għalhekk inizjalment kien ikkonċepit bħala strument marbut maċ-ċittadinanza Ewropea ( 25 ). Id-dritt li tressaq petizzjoni lill-Parlament, stabbilit bl-Artikolu 20(d) TFUE, bit-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE u bl-Artikolu 227 TFUE, u d-dritt li tressaq ilment lill-Ombudsman, skont l-Artikolu 228 TFUE, jikkostitwixxu mezzi li jippermettu liċ-ċittadini Ewropej jeżerċitaw id‑drittijiet ċiviċi demokratiċi diretti tagħhom. L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej stabbilita bit-Trattat ta’ Lisbona bis-saħħa tal-paragrafu 4 tal‑Artikolu 11 TUE ( 26 ), tikkostitwixxi għodda paragunabbli.

31.

Indispensabbli għall-eżerċizzju, miċ-ċittadini, tal-parteċipazzjoni u tal-istħarriġ demokratiku, id-dritt ta’ petizzjoni jsaħħah għalhekk il‑komunikazzjoni bejn il-Parlament u ċ-ċittadini u residenti tal-Unjoni, filwaqt li jirrappreżenta, għal dawn il-persuni, mekkaniżmu miftuħ, demokratiku u trasparenti li jippermetti li tinkiseb, meta din tkun leġittima u ġġustifikata, soluzzjoni extra-ġudizzjarja għat-talba tagħhom ( 27 ).

32.

Huwa veru li l-ebda att ma ddefinixxa l-petizzjoni bħala tali. Madankollu, il-Parlament għamel diversi sforzi f’dan is-sens, u ppropona li din tal-aħħar tkopri “kull ilment, konsultazzjoni, talba ta’ intervent, reazzjoni għar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament jew għad‑deċiżjonijiet ta’ istituzzjonijiet jew organi Komunitarji oħra, li jintbagħtu lilu minn individwi jew assoċjazzjonijiet” ( 28 ). Minkejja li tali definizzjoni ma ġietx adottata uffiċjalment, fir-rapporti tal-Kumitat tal‑Petizzjonijiet, il-petizzjonijiet huma intiżi bħala “talbiet ta’ intervent, ta’ azzjoni jew ta’ bidla ta’ politika jew ta’ konsultazzjonijiet, ippreżentati fil-Parlament”. Fl-aħħar nett, ninnota li, f’rapport tal‑2001 ( 29 ), ġew ippreżentati proposta għal tisħiħ tad-dritt ta’ petizzjoni u modifika tat-Trattat, iżda ma kien hemm l-ebda segwitu partikolari tagħhom.

33.

Bħala paragun, skont l-informazzjoni li għandi, id-dritt ta’ petizzjoni f’diversi Stati Membri huwa dritt Kostituzzjonali (Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, ir-Rumanija) jew fundamentali (ir-Repubblika Ċeka, il‑Ġermanja ( 30 )). Madankollu huwa diffiċli tagħti definizzjoni ġenerali tad-dritt ta’ petizzjoni. Skont it-tradizzjonijiet nazzjonali, il-petizzjoni tista’ tinkorpora suġġeriment jew informazzjoni, inizjattiva, li tesprimi sottomissjonijiet jew ilmenti ( 31 ). Minkejja li ċerti Stati Membri ma kellhomx strumenti li jippermettu liċ-ċittadini jadixxu lill-Parlament bi kwalunkwe kwistjoni (ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja), dawn tal-aħħar għandhom mezzi oħra sabiex jikkuntattjaw lid-deputati, bħal permezz ta’ ittri indirizzati lill-Parlament ( 32 ).

34.

Fid-dritt tal-Unjoni, l-eżerċizzju tad-dritt ta’ petizzjoni nfetaħ għar-residenti kollha tal-Unjoni u għall-persuni ġuridiċi kollha li għandhom is-sede legali tagħhom fi Stat Membru. Madankollu, wara emenda tar-Regolament Intern li saret fl-2011, ir-rikors għall‑petizzjonijiet twessa’ wkoll għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma humiex ċittadini tal-Unjoni u li ma jirrisjedux jew ma għandhomx is‑sede soċjali tagħhom fi Stat Membru ( 33 ). Konsegwentement, il‑petizzjoni ma għadhiex strettament marbuta maċ-ċittadinanza tal‑Unjoni ( 34 ). Barra minn hekk, il-petizzjonijiet jistgħu jiġu ffirmati minn diversi miljuni ta’ persuni li għandhom ikunu rrapreżentati minn persuna li tressaq petizzjoni ( 35 ).

35.

Madankollu, skont l-Artikolu 227 TFUE, il-possibbiltà li titressaq petizzjoni hija limitata għall-oqsma li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, id-dritt ta’ petizzjoni għandu rwol fil‑kuntest tal-konċepiment u tal-istħarriġ tal-osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

36.

Minn naħa, il-petizzjonijiet jispiraw ix-xogħol ta’ kumitati oħra tal-Parlament, kompetenti fuq il-mertu sabiex jirrediġu atti leġiżlattivi f’oqsma partikolari. Il-Parlament jista’ wkoll sussegwentement jadotta riżoluzzjonijiet f’oqsma varji u politikament sensittivi ( 36 ).

37.

Min-naħa l-oħra, il-petizzjoni hija forma ta’ stħarriġ tal‑applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni a posteriori miċ-ċittadini tal‑Unjoni. Fil-fatt, il-petizzjonijiet huma sors importanti ta’ informazzjoni sabiex isiru magħrufa nuqqasijiet tad-dritt tal-Unjoni ( 37 ), speċjalment fl-oqsma tal-ambjent, tas-suq intern, fl-oqsma marbuta mar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, is-settur tas-servizzi finanzjarji ( 38 ) u fuq kollox fil-qasam ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ( 39 ). F’ħafna każijiet, il-preżentata ta’ petizzjoni li tikkoinċidi mat-tressiq ta’ lment fl-istess ħin lill-Kummissjoni Ewropea tista’ twassal għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jew ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni ( 40 ). L-istatistika turi li bejn kwart u terz tal-petizzjonijiet huma marbutin, jew iwasslu għal, proċeduri ta’ ksur ( 41 ). Madankollu, il-problematika ta’ kif wieħed għandu jipproċedi kemm fir-rigward tal‑ilmenti kif ukoll tal-petizzjonijiet ma humiex parti mis-suġġett ta’ din il-proċedura ( 42 ).

2. Fuq il-proċedura ta’ eżami tal-petizzjonijiet

38.

Il-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt ta’ petizzjoni huma rregolati bl-Artikoli 201 sa 203 tar-Regolament Intern emendat ( 43 ) (fl‑aħħar verżjoni tiegħu) ( 44 ). Fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jidhirli li ma huwiex ikkontestat li l-Parlament jipprova mill-aħjar li jista’ sabiex jistabbilixxi proċedura trasparenti u ekwa li tippermetti lil kulħadd jeżerċita d-dritt ta’ petizzjoni tiegħu ( 45 ).

39.

Skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ, it-talbiet ta’ petizzjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni formali ( 46 ) jiddaħħlu fir-reġistru ġenerali, fl-ordni li fih jaslu. Il-petizzjonijiet li ma jissodisfawx il‑kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 201(2) tar-Regolament Intern emendat jitqiesu li huma magħluqa u l-persuni li jressqu l-petizzjoni jiġu informati bir-raġunijiet għaliex ma tkunx ittieħdet azzjoni. Filwaqt li huwa aċċettat li l-petizzjonijiet li ma jiġux irreġistrati u dawk li huma inammissibbli jaqgħu f’żewġ kategoriji distinti ( 47 ), id-differenza bejn it‑tnejn ma hijiex stabbilita faċilment fid-dawl tar-rapporti tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet ( 48 ).

40.

It-talbiet irreġistrati jintbagħtu lill-Kumitat tal-Petizzjonijiet li jivverifika l-ammissibbiltà materjali tagħhom fid-dawl tal‑Artikolu 227 TFUE, li minnu jirriżulta li kull persuna tista’ tressaq petizzjoni dwar suġġett li jaqa’ fl-oqsma ta’ attività tal-Unjoni u li jikkonċernah jew jikkonċernaha b’mod dirett.

41.

Il-petizzjonijiet li jiġu ddikjarati inammissibbli f’dan l-istadju jingħalqu. Ir-Regolament Intern emendat jipprovdi wkoll għal vot fil‑każ fejn il-membri tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet ma jilħqux kunsens dwar l-ammissibbiltà tal-petizzjoni. Fi kwalunkwe każ, deċiżjoni ta’ inammissibbiltà motivata tintbagħat lill-persuna li tressaq il-petizzjoni, ħafna drabi flimkien ma’ suġġeriment sabiex tiġi indirizzata lill-korp nazzjonali jew internazzjonali kompetenti ( 49 ). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 201(8) jipprovdi l-possibbiltà li jiġu rrakkomandati rimedji alternattivi.

42.

Fost it-talbiet ammissibbli, hemm it-talbiet magħluqa b’risposta immedjata jew dawk mibgħuta għal analiżi lil istituzzjonijiet oħra jew lil korpi oħra, għal parir jew informazzjoni. Il-Kumitat tal-Petizzjonijiet ġeneralment imbagħad jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħtih kull informazzjoni rilevanti jew il-parir tagħha fuq il-punti mqajma mill‑persuna li tressaq il-petizzjoni.

43.

Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-eżami tal‑petizzjonijiet, huwa ċar li l-kompetenzi tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet huma fir-realtà kemmxejn limitati. Fil-fatt il-Kumitat “ma huwiex organu ġuridiku awtorizzat sabiex jiddikjara x’inhu ġust u x’ma huwiex f’kawża partikolari u lanqas li jiddikjara jekk deċiżjoni politika meħuda mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru hijiex xierqa jew le, u lanqas jekk għandhiex setgħa ta’ koerċizzjoni” ( 50 ).

44.

Min-naħa l-oħra, huwa ċar li l-Kumitat tal-Petizzjonijiet għandu libertà ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-azzjoni wara petizzjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ petizzjoni jista’ wkoll ikollha natura diskrezzjonali, minkejja r-rabta stabbilita mal‑Artikolu 227 TFUE. Ċertament, huwa veru li din l-aħħar dispożizzjoni titlob li sabiex petizzjoni tkun ammissibbli hija għandha tkun fuq suġġett li jaqa’ fl-oqsma ta’ attività tal-Unjoni u għandha tirrigwarda lill-persuna li tressaq il-petizzjoni b’mod dirett. Madankollu, lil hinn mill-imsemmija rekwiżiti formali, mill-Artikolu 201(7) tar-Regolament Intern emendat jirriżulta li, jekk il-Kumitat tal-Petizzjonijiet ma jkollux kunsens dwar l-ammissibbiltà tal-petizzjoni, din tista’ tiġi ddikjarata ammissibbli fuq talba ta’ mill-inqas kwart tal-membri tal-imsemmi Kumitat.

45.

Finalment, infakkar li l-Kumitat tal-Petizzjonijiet jikkunsidra li “il-proċedura ta’ petizzjoni tista’, u għandha, tibqa’ kumplimentari ma’ mekkaniżmi ta’ rimedji oħra [f’sens wiesa’] li minnhom jistgħu jibbenefikaw iċ-ċittadini, bħall-ilmenti lill-Kummissjoni jew lill‑Ombudsman Ewropew” ( 51 ). Flimkien ma’ korpi oħra, istituzzjonijiet u strumenti li huma l-Kumitati ta’ inkjesta, l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej u l-Ombudsman, il-Kumitat tal-Petizzjonijiet għandu rwol awtonomu u ddefinit b’mod ċar bħala punt ta’ kuntatt għal kull ċittadin ( 52 ).

46.

Dan iwassalni sabiex neżamina l-kwistjoni tal-kunċett ta’ att li jista’ jiġi kkontestat, kif interpretat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Tegebauer vs Il‑Parlament (EU:T:2011:466) u li wassalha sabiex fis-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli minħabba l-fatt li, skont id-deċiżjoni kkontestata, il‑petizzjoni kienet ġiet ikkwalifikata bħala ammissibbli.

C – Fuq l-effetti legali tal-eżerċizzju tad-dritt ta ’ petizzjoni fid-dawl tal-Artikolu 263 TFUE

1. Fuq il-kunċett ta’ att li jipproduċi effetti legali

47.

Skont ġurisprudenza stabbilita, jista’ jiġi ppreżentat rikors għal annullament kontra kwalunkwe miżura meħuda mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħha, li jkollha l-għan li tipproduċi effetti legali. B’mod partikolari, jitqiesu li huma atti li jistgħu jiġu kkontestati, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, dawk il-miżuri kollha li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar‑rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tiegħu ( 53 ). Għall-kuntrarju, ma humiex ammissibbli r-rikorsi ppreżentati kontra atti li jikkostitwixxu biss miżuri interni għall-amministrazzjoni u li, konsegwentement, ma jiġġeneraw l-ebda effett barra minnha ( 54 ).

48.

Peress li, f’dan il-każ, qed tiġi ttrattata l-kwistjoni ta’ att adottat mill-Parlament, għandu jitfakkar li, fis-sentenza Les Verts vs Il‑Parlament, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li rikors għal annullament jista’ jsir kontra l-atti tal‑Parlament, intiżi sabiex jipproduċu effetti legali fil‑konfront ta’ terzi ( 55 ). Skont ġurisprudenza stabbilita, atti li jirrigwardaw biss l-organizzazzjoni interna tax-xogħol tal-Parlament ma jistgħux, madankollu, jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament ( 56 ).

49.

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-konstatazzjoni tal‑President tal-Parlament li l-proċedura baġitarja kienet intemmet tirriżulta mill-atti li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi ( 57 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li rikors kontra l‑leġiżlazzjoni dwar il-kumpens tranżitorju meta jispiċċa l-mandat lil deputati tal-Parlament ( 58 ) huwa ammissibbli. L-istħarriġ ġudizzjarju ġie wkoll ammess fil‑każ ta’ riżoluzzjoni tal-Parlament li kienet tinnomina l-persunal inkarigat minn ċerti attivitajiet ( 59 ).

50.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-atti relatati mal-kostituzzjoni tal-Kumitati ta’ inkjesta tal-Parlament jikkonċernaw biss l-organizzazzjoni interna tax-xogħol tal-Parlament ( 60 ). Bl‑istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-delegazzjonijiet interparlamentari għandhom biss kompetenza ta’ informazzjoni u ta’ kuntatt u li l-atti relatati man-nomina tal-membri tagħhom u l-elezzjoni tal-president tagħhom ma humiex atti li jistgħu jiġu kkontestati ( 61 ). Il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li ittra ta’ istituzzjoni mibgħuta bħala risposta għal talba magħmula minn min bagħatha ma kinitx tikkostitwixxi att li setgħet tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament ( 62 ). Il-Qorti tal‑Ġustizzja għaqqdet ukoll flimkien mal-mertu l-eżami tal‑ammissibbiltà ta’ rikors kontra l-atti tal-Parlament ( 63 ).

51.

Fir-rigward tal-każ inkwistjoni, fir-rigward tal-karatteristiċi tad-dritt ta’ petizzjoni bħala strument tad-djalogu politiku li jaqa’ fir-responsabbiltà tal-Parlament Ewropew, jista’ jiġi ammess li d-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat tal-Petizzjonijiet huma, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, simili għal atti ta’ organizzazzjoni interna tal-Parlament, adottati fil-kuntest tax-xogħol politiku tiegħu. Fir-rigward ta’ din il-konstatazzjoni, madankollu għandhom jiġu eżaminati l-effetti tad-deċiżjonijiet tal‑Kumitat tal-Petizzjonijiet fir-rigward ta’ terzi, kif jirriżulta mis‑sentenza Tegebauer vs Il‑Parlament (EU:T:2011:466).

2. Fuq l-effetti tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet

a) Fuq is-sentenza Tegebauer vs Il‑Parlament

52.

Qabel kollox, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tal-appellant, huwa paċifiku li s-sentenza Tegebauer vs Il‑Parlament (EU:T:2011:466) ma tagħtix lid-deċiżjonijiet kollha tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet il-kwalità ta’ deċiżjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati, ħaġa li tagħti r-rimedju ta’ stħarriġ mill-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni.

53.

Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet f’din is-sentenza li, “jekk l-azzjonijiet meħuda mill-Parlament wara petizzjoni ddikjarata ammissibbli ma jaqgħux fil-qasam tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni, bil-Parlament jirriserva f’dan ir-rigward libertà assoluta ta’ evalwazzjoni ta’ natura politika, l-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ petizzjoni għandha madankollu tkun suġġetta għal stħarriġ ġuridiku, peress li dan huwa l-uniku garanzija tal-effettività tad-dritt ta’ petizzjoni stabbilit bl-Artikolu 194 KE. Fil-fatt, deċiżjoni ta’ inammissibbiltà u ta’ twaqqif mingħajr ma tittieħed azzjoni ta’ petizzjoni mill-Kumitat tal‑Petizzjonijiet hija tali li taffettwa s-sustanza stess tad-dritt taċ‑ċittadini li jippreżentaw petizzjoni kif stabbilit bit-Trattat u tikkostitwixxi minħabba f’hekk deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament”.

54.

F’dan il-każ, mis-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali applikat il-prinċipju li jitlob li huma biss id-deċiżjonijiet tal‑Kumitat tal-Petizzjonijiet li jikkwalifikaw it-talbiet bħala inammissibbli li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament.

55.

Issa, skont l-appellant, tali konklużjoni hija vvizzjata minn żball ta’ loġika peress li, minn naħa, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali tħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ dwar il-fondatezza tal-petizzjonijiet u l-azzjonijiet li jittieħdu warajhom, u, min-naħa l-oħra, tagħti lil numru minn dawn id-deċiżjonijiet in-natura ta’ att li jista’ jiġi kkontestat, fis‑sens tal-Artikolu 263 TFUE.

56.

Fil-fatt, kemm fir-rigward tar-raġunijiet diġà esposti dwar il‑karatteristiċi tal-istrument ta’ petizzjoni fid-dritt tal-Unjoni kif ukoll għar-raġunijiet li ġejjin, naħseb li l-ġurisprudenza Tegebauer vs Il‑Parlament (EU:T:2011:466) hija vvizzjata b’kontradizzjoni. Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, l-ebda tip ta’ deċiżjoni tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet ma tista’ tbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tal-persuna li tressaq petizzjoni.

b) Fuq id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “dritt” ta’ petizzjoni

57.

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-analiżi tal‑effetti legali ta’ kwalunkwe att tad-dritt tal-Unjoni, għandu jsir riferiment qabel kollox għas-sustanza u għan-natura tiegħu, u mhux għall‑isem jew il-forma tiegħu. Hekk għandu jkun ukoll il-każ tad-dritt ta’ petizzjoni. Għalhekk huwa żbaljat li wieħed jitlaq mill-prinċipju li l-użu tat-terminu “dritt” ifisser awtomatikament l-eżistenza ta’ dritt suġġettiv.

58.

F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna l-fatt li d-dritt ta’ petizzjoni jinsab fil-Karta u jikkostitwixxi dritt fundamentali, jeħtieġ sempliċement li jsir riferiment għall-Artikolu 52 tal-Karta li jistabbilixxi, fil-paragrafu 5 tiegħu, distinzjoni bejn drittijiet u prinċipji ( 64 ). Madankollu, minkejja l‑isem tagħhom fil-Karta, ċerti “drittijiet” li jinsabu fiha ma jitqiesux li huma drittijiet individwali. Kif turi s-sentenza Association de médiation sociale ( 65 ), “id‑dritt ta’ l-informazzjoni u l-konsultazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 27 tal-Karta ġie stabbilit bħala “prinċipju” fis-sens tal-Karta. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tiddefinixxix sitwazzjoni legali individwali, iżda tordna lill-awtoritajiet pubbliċi jistabbilixxu kontenut oġġettiv (informazzjoni u konsultazzjoni mal-ħaddiema) u ċerti għanijiet (effettività tal-informazzjoni, rappreżentattività skont il-livelli, u dan f’ħin effettiv) ( 66 ).

59.

Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni jinkludi diversi strumenti extra-ġudizzjarji li jissejħu “drittijiet” li ma humiex suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.

60.

B’hekk iċ-ċittadini għandhom id-dritt jintroduċu lment jekk jidhrilhom li l-Kummissjoni Ewropea ma tirrispettax il-kodiċi ta’ kondotta amministrattiva tajba ( 67 ). L-uniku rimedju previst hija l-fakultà għal min qed jagħmel l-ilment li jitlob lis-Segretarju Ġenerali tal‑Kummissjoni li jerġa’ jeżamina mill-ġdid l-ilment tiegħu. Dan il‑kodiċi jipprovdi wkoll il-possibbiltà li tmur għand Ombudsman Ewropew. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbilixxiet ukoll il-prinċipji ġenerali u r‑regoli minimi applikabbli għall-konsultazzjonijiet tal-pubbliku ( 68 ), mingħajr ma tħallathom, għall-benefiċċju tal-individwi, mad-dritt li jikkontestaw quddiem il-qrati d-deċiżjonijiet adottati bi ksur ta’ dawn il‑prinċipji u regoli.

61.

Barra minn hekk, minkejja li dan id-dritt ma huwiex irregolat minn xi att legali partikolari, iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jirrapportaw mal-Kummissjoni ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru. Huwa paċifiku, għall-kuntrarju, li l-individwi ma jistgħux jikkontestaw rifjut tal-Kummissjoni li tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru ( 69 ). Jekk persuna li għandha lment tqis li, fit-trattament tal-ilment tagħha, kien hemm tħaddim ħażin tal-amministrazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, hija tista’ tippreżenta rikors quddiem l-Ombudsman ( 70 ).

62.

F’dan ir-rigward, fl-appell li qed jiġi eżaminat, l-appellant iqajjem ir-riskju ta’ ksur ta’ dritt fundamentali jew, fi kwalunkwe każ, tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt mill-perspettiva tal-garanziji proċedurali li minnhom deher li kien akkumpanjat. Tali ksur jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tal-persuna li tressaq il-petizzjoni.

63.

Fil-fatt, huwa paċifiku li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 ( 71 ), u li reġa’ ġie kkonfermat ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta.

64.

Madankollu nirrileva li dan il-prinċipju għandu l-oriġini tiegħu mill-konstatazzjoni li “l-eżistenza ta’ rimedju ta’ natura ġudizzjarja kontra kull deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li tirrifjuta l-benefiċċju ta’ dritt hija essenzjali sabiex tiżgura lill-individwu l-protezzjoni effettiva tad-dritt tiegħu” ( 72 ). L-assenza ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tfisser għalhekk ksur ta’ dritt garantit.

65.

Dan ma huwiex il-każ tad-dritt ta’ petizzjoni. Fil-fatt, fil-każ fejn petizzjoni tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ inammissibbiltà, ta’ twaqqif, ta’ trasferiment lejn istituzzjoni oħra jew ta’ għeluq tal-proċedura permezz ta’ risposta, ma tqumx il-kwistjoni ta’ limitazzjoni jew ta’ rifjut milli persuna tibbenefika minn dritt rikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni li ġġib magħha l-ħtieġa ta’ protezzjoni ġudizzjarja. Għall-kuntrarju, f’każ simili, id-dritt li teżerċita d-dritt ta’ petizzjoni huwa rrispettat kompletament sa fejn ir-rikorrent seta’ jressaq it-talba tiegħu, kien informat bl-istadji proċedurali fi ħdan il-Parlament u rċieva risposta għat-talba tiegħu.

66.

Ninnota, fl-istess sekwenza, li jekk ma tkunx intlaqgħet it‑talba tagħha, il-persuna li tressaq il-petizzjoni tista’ terġa’ tressaq talba ta’ petizzjoni quddiem il-Parlament li — wara evalwazzjoni politika differenti, jekk ikun il-każ — jista’ liberament jadotta deċiżjoni differenti fuq din il-petizzjoni. F’dan il-kuntest għandu jitfakkar li l-Parlament wessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-petizzjonijiet ammissibbli meta mqabbel mat-trattat. Barra minn hekk, huwa jista’, b’mod ġenerali, jieħu pożizzjoni politika fuq suġġetti li ma jaqgħux fil-kompetenza tal‑Unjoni. Issa, it-teħid ta’ pożizzjoni tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet ma għandhom ebda res judicata negattiva jew pożittiva. Barra minn hekk, huwa wkoll possibbli għall-persuna li tressaq il-petizzjoni li sussegwentement tindirizza lill-Ombudsman jew lill-Kummissjoni.

c) Fuq il-ġurisprudenza dwar l-ilmenti

67.

It-tieni nett, sabiex jiġu identifikati l-oriġini tal-iżball li bih jidhirli li hija vvizzjata d-distinzjoni stabbilita mill-Qorti Ġenerali fis‑sentenza Tegebauer vs Il‑Parlament (EU:T:2011:466) u li ġiet applikata fis-sentenza hawn appellata, għandu jsir riferiment għar-regoli dwar is-setgħat tal-awtoritajiet aditi minn talbiet informali jew ilmenti fid-dritt tal-Unjoni.

68.

B’hekk, minn naħa, l-eżempju l-iktar klassiku jista’ jkun fil-ġurisprudenza dwar il-kompetenzi tal-Kummissjoni, li għandha setgħat vinkolanti fil-qasam tal-ilmenti fid-dritt tal-kompetizzjoni. Fil‑fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, filwaqt li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur tar‑regoli tal-kompetizzjoni u lanqas li tinvestiga lment imressaq quddiemha bis-saħħa tar-Regolament [Nru 17, li sar 1/2003 ( 73 )], hija madankollu obbligata tevalwa b’attenzjoni l-punti ta’ fatt u ta’ liġi mqajma mill‑persuna li qed tressaq l-ilment sabiex tivverifika l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv. Barra minn hekk, meta ma ttieħed l-ebda azzjoni, il‑Kummissjoni hija obbligata timmotiva d-deċiżjoni tagħha sabiex tippermetti lill-Qorti Ġenerali tivverifika jekk hija kkommettietx żball ta’ fatt jew ta’ liġi jew kienx hemm użu ħażin ta’ poter ( 74 ).

69.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li istituzzjoni, li għandha s-setgħa tikkonstata u tissanzjona ksur u li quddiemha jista’ jitressaq ilment minn individwu, kif inhu l-każ tal‑Kummissjoni fid-dritt tal-kompetizzjoni, neċessarjament tadotta att li jipproduċi effetti legali meta hija tipproċedi għat-twaqqif totali jew parzjali ta’ dan l-ilment ( 75 ) (enfasi miżjuda minni).

70.

Issa, huwa evidenti li, fid-dawl tal-għan verament distint tal‑leġiżlazzjoni ekonomika inkwistjoni kif ukoll tar-rwol tal‑Kummissjoni f’dan il-kuntest, il-ġurisprudenza fil-qasam tal‑kompetizzjoni ma tistax tkun punt ta’ riferiment fil-qasam tad-dritt tal-petizzjoni. Id-distinzjoni stabbilita mis-sentenza Tegebauer vs Il‑Parlament (EU:T:2011:466) tidher madankollu li ssegwi din il-loġika. Barra minn hekk, ir-riferiment mill‑appellant għas-sentenza Rendo et vs Il‑Kummissjoni ( 76 ) fil-qasam tal-kompetizzjoni ma huwiex biss inapplikabbli fil-qasam tal-petizzjonijiet, iżda wkoll żbaljat fis-sens li s-sentenza Rendo ma kkonfermatx li kull limitazzjoni ta’ dritt neċessarjament tipproduċi effetti legali ( 77 ).

71.

Min-naħa l-oħra, l-eżempju totalment kuntrarju huwa dak tal‑kompetenzi tal-Ombudsman li ma għandux is-setgħa li jieħu miżuri vinkolanti ( 78 ). Filwaqt li huwa ammess li din il-ġurisprudenza ma tissodisfax kompletament il-kwistjonijiet imqajma f’dan il-każ, ikun utili li jkun hemm paragun bejn l-evalwazzjoni tad-deċiżjonijiet meħudin mill-Kumitat tal-Petizzjonijiet u l-atti adottati mill‑Ombudsman fil-kuntest tal-eżami tal-ilmenti li huma indirizzati lejh bis-saħħa tal-Artikolu 228 TFUE.

72.

B’mod partikolari, ġie deċiż li r-rapport tal-Ombudsman li jikkonstata li kien hemm każ ta’ amministrazzjoni ħażina ma jipproduċix, bħala prinċipju, xi effetti legali fir-rigward ta’ terzi, fis‑sens tal-Artikolu 230 KE, u lanqas ma jivvinkola lill-Parlament li huwa liberu li jiddeċiedi, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilu bit-Trattat, dwar l-azzjoni li għandha tittieħed. L-istess huwa l-każ, a fortiori, tar-rapport annwali li l-Ombudsman għandu jippreżenta lill‑Parlament fi tmiem kull sessjoni annwali u li jinkludi r-riżultati kollha tal-investigazzjonijiet tiegħu ( 79 ). B’hekk, deċiżjoni motivata tal‑Ombudsman li tagħlaq l-eżami dwar il-mertu ta’ lment sabiex ma tittieħed l-ebda azzjoni ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat permezz ta’ rikors għal annullament, sa fejn tali deċiżjoni ma tipproduċix effetti legali fil-konfront tat-terzi ( 80 ).

73.

Fid-dawl tal-kompetenzi tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet, huwa għalhekk iġġustifikat li jiġi kkunsidrat li dan ma għandu ebda obbligu li jikseb riżultat, bħal fil-każ tal-Ombudsman ( 81 ). Fuq kollox, fid-dawl tal‑karatteristiċi tad-dritt ta’ petizzjoni hawn fuq esposti, dan il-prinċipju għandu jiġi applikat għad-deċiżjonijiet ta’ inammissibbiltà jew ta’ twaqqif mingħajr evalwazzjoni tal-petizzjoni.

d) Fuq il-kontenut tad-dritt ta’ petizzjoni

74.

It-tielet nett, ma naħsibx li d-dritt ta’ petizzjoni tal-Unjoni jista’ jirrifletti jew għandu jkun ispirat mill-mudell tal-petizzjonijiet fis‑seħħ f’diversi Stati Membri. Fid-dawl ta’ informazzjoni li għandi, huma biss ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ( 82 ), ir-Renju ta’ Spanja ( 83 ) u t-territorji barranin kollettivi Franċiżi ( 84 ) li pprovdew stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet adottati wara petizzjoni. Madankollu, skont l-informazzjoni li għandi, anki fid‑dritt Ġermaniż, id-deċiżjonijiet adottati bħala risposta għal petizzjoni ma jitqiesux li huma “atti amministrattivi” għaliex ma għandhomx effett legali fuq il-persuna li tressaq petizzjoni ( 85 ).

75.

Issa, id-dritt ta’ petizzjoni fid-dritt tal-Unjoni għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu u, peress li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 263 TFUE, għandu jissodisfa l-kriterji tal-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ att li jista’ jaffettwa s-sitwazzjoni legali tal‑persuna li tressaq petizzjoni b’mod sinjifikattiv. Barra minn hekk, infakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità bbażat fuq l-Artikoli 263 TFUE u 265 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni ma hijiex kompetenti sabiex tagħti ordnijiet lill-istituzzjonijiet jew organi tal-Unjoni ( 86 ).

76.

Fil-fatt, l-istabbiliment tad-dritt ta’ petizzjoni jirriżulta, bħala regola, mir-responsabbiltà ewlenija tal-Parlament, peress li jiżgura l‑interessi tal-eletturi tiegħu. Nixtieq nenfasizza li l-eżerċizzju tad‑dritt ta’ petizzjoni quddiem il-Parlament ma jidħolx fil-kuntest tal‑attivitajiet ta’ korp amministrattiv, iżda jaqa’ taħt l-attivitajiet ta’ korp politiku. Dan ifisser li ċ-ċittadini jistgħu jikkontrollaw u jissanzjonaw id-deċiżjonijiet adottati mill-Parlament waqt l-elezzjonijiet Ewropej.

77.

It-tipi differenti ta’ risposti li l-Kumitat tal-Petizzjonijiet jista’ jadotta fir-rigward ta’ petizzjoni, inkluż it-trasferiment lil korp ieħor minħabba l-limitazzjonijiet tal-mandat tiegħu, ma jistgħux għalhekk jiġu mxebbha ma’ rifjut ta’ korp amministrattiv peress li l-Kumitat tal-Petizzjonijiet huwa parti minn korp rappreżentattiv ta’ natura politika.

78.

Konsegwentement, nipproponi li għandu jkun ikkunsidrat li s-sustanza tad-dritt ta’ petizzjoni tinsab fil-possibbiltà li jitressqu b’mod uffiċjali ċerti kwistjonijiet għall-konoxxenza tal-Parlament, mingħajr ma l-persuna li tressaq il-petizzjoni ma tkun qed tuża d-dritt li titlob b’mod dirett protezzjoni ġuridika. Dan ma huwiex dritt individwali intiż sabiex jipproduċi effetti legali fir-rigward tas‑sitwazzjoni tal-persuna li tressaq petizzjoni, iżda għodda politika ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika.

79.

Fil-fatt, il-possibbiltà għaċ-ċittadini li jibagħtu ittri jew dokumenti oħra lill-Parlament u lid-deputati ma tiddependix fuq dritt formali ta’ petizzjoni. Għal din ir-raġuni, naħseb li, minn perspettiva kostituzzjonali, il-funzjoni ta’ dan l-istrument hija ekwivalenti għal awtorizzazzjoni għall-Parlament li jiġi adit formalment minn inizjattivi li ma jirriżultaw la mill-Kummissjoni u lanqas mid‑deputati, grupp jew kumitati tiegħu ( 87 ).

80.

Il-korollarju tad-dritt ta’ petizzjoni jikkorrispondi għalhekk mal‑obbligu għall-Parlament li jistabbilixxi mekkaniżmi li jippermettu lil persuni li jressqu petizzjoni jkollhom aċċess għall-Parlament skont proċeduri effiċjenti u trasparenti. Huwa biss it-twaqqif ta’ dawn il‑mekkaniżmi li għalhekk jista’ jaqa’ taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni permezz ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 265 TFUE.

81.

F’dan ir-rigward, jiena pjuttost naħseb li l-istħarriġ tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni japplika biss fil-każ fejn il-Parlament jadotta attitudni li tirrifletti ksur gravi u persistenti tad-dritt ta’ petizzjoni, li jqiegħed inkwistjoni l-applikazzjoni tal-istrument tal-petizzjonijiet bħala tali, b’mod partikolari fil-każ ta’ rifjut li jintlaqgħu petizzjonijiet jew fil-każ ta’ nuqqas ta’ risposta għal petizzjonijiet. Fil-fatt, tali attitudni tikkostitwixxi ksur tal-obbligu li jaqa’ fuq il-Parlament bis-saħħa tal‑Artikoli 20 TFUE u 227 TFUE u 44 tal-Karta. F’dan il-każ, wara lment ta’ individwu, il-Kummissjoni, bħala gwardjana tat-Trattati, għandha tintervjeni skont l-Artikolu 265 TFUE.

82.

Fi kwalunkwe każ, ma huwiex eskluż li b’analoġija tiġi applikata s-soluzzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja spjegat fil-kuntest tal-ġurisprudenza dwar id-deċiżjonijiet tal-Ombudsman, minkejja l-approċċ li d-dritt ta’ petizzjoni ma jikkostitwixxix dritt suġġettiv. Skont din il-ġurisprudenza, f’ċirkustanzi verament eċċezzjonali, ċittadin jista’ juri li l-Kumitat tal‑Petizzjonijiet ikkommeta ksur suffiċjentement sinjifikattiv tad-dritt tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, li jikkawża dannu liċ‑ċittadin ikkonċernat ( 88 ).

83.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, inqis li s-sentenza Tegebauer vs Il‑Parlament (EU:T:2011:466) hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-portata tad-dritt ta’ petizzjoni fis-sens tal‑Artikoli 20 TFUE u 227 TFUE inkwantu hija tikklassifika deċiżjonijiet ta’ inammissibbiltà jew ta’ twaqqif ta’ petizzjoni bħala deċiżjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati.

84.

Konsegwentement, billi applikat din il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fis-sentenza appellata.

85.

Madankollu, dan l-iżball ma għandux implikazzjonijiet fuq id‑dispożittiv tas-sentenza appellata. Fil-fatt, l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali ma jwassalx għall-annullament tas-sentenza appellata jekk id-dispożittiv tagħha jkun jidher fondat fid-dawl ta’ raġunijiet oħra ta’ dritt ( 89 ). Nipproponi għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi sabiex tissostitwixxi r-raġunijiet, fis-sens li l-istħarriġ ġudizzjarju fir-rigward ta’ kull deċiżjoni tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament għandu jiġi eskluż sakemm dawn ma jikkostitwixxux atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal‑Artikolu 263 TFUE.

VII – Fuq it-tieni aggravju (l-ewwel, il-ħames u s-sitt ilmenti tal-appell)

86.

Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet preċedenti, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-kumplament tal-ilmenti tal-appell, li huma, barra minn hekk, ikkunsidrati fis-sottomissjonijiet tal-Parlament bħala manifestament inammissibbli. L-analiżi li ġejja għalhekk qed tiġi sottomessa b’mod sussidjarju.

87.

Permezz tal-ewwel ilment, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli injorat il-fatt li l-petizzjoni tal-appellant ma ġietx eżaminata fuq il-mertu mill-Kumitat tal-Petizzjonijiet. Tali żnaturament tal-fatti wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi b’mod żbaljat li d-dritt ta’ petizzjoni ma kienx miksur f’din il-kawża.

88.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, jekk, fil-kuntest ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali aċċettat insostenn ta’ dawn il-fatti, is-setgħa ta’ stħarriġ tal-Qorti Ġenerali fuq il-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali jestendu, b’mod partikolari, għall-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet li jirriżultaw mid-dokumenti tal-proċess, għall-iżnaturament tal-provi, għall-klassifikazzjoni legali tagħhom u għall-kwistjoni dwar jekk ir‑regoli dwar l-oneru u l-amministrazzjoni tal-prova ġewx osservati ( 90 ).

89.

Issa, il-paragun bejn il-punt 3 tas-sentenza appellata u r-risposta li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermettix li jiġi kkonstatat li kien hemm xi żnaturament jew xi ineżatezza materjali. Minkejja li l-Qorti Ġenerali ma rriproduċietx testwalment l-ittra tal-President tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet, mis-sentenza appellata jista’ jiġi dedott b’mod ċar li l‑Kumitat ma eżaminax it-talba tal-appellant. Fi kwalunkwe każ, mis‑sentenza appellata kollha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali korrettament aċċettat il-petizzjoni inkwistjoni bħala ammissibbli, ħaġa li wasslitha sabiex korrettament tfakkar li l-azzjoni wara petizzjoni taqa’ kompletament fid-diskrezzjoni tal-Parlament li ma huwiex obbligat jadotta att speċifiku fil-konfront tal-persuna li tressaq petizzjoni. Konsegwentement, dan l-argument huwa manifestament infondat.

90.

Permezz tal-ħames ilment tal-appell, l-appellant jikkritika lill‑Qorti Ġenerali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni. Skont l-appellant, huwa żbaljat li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx, fis-sentenza appellata, jekk waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament kienx kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni minkejja l-ilment imqajjem fl-ewwel istanza mill-appellant. Issa, peress li qed nipproponi li jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, kwalunkwe analiżi f’dan is-sens huwa superfluwu u dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

91.

Permezz tas-sitt ilment tal-appell, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma wettqitx eżami komplet tal-fatti peress li hija ma vverifikatx jekk l-appellant kellux l-okkażjoni li jesponi l-każ tiegħu quddiem il-Kumitat tal-Petizzjonijiet. Fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din il-kritika għandha tiġi miċħuda bħala manifestament inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, peress li nipproponi li r-rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata jiġi ddikjarat bħala inammissibbli, peress li l-Qorti Ġenerali bbażat ukoll b’mod korrett is-sentenza appellata fuq l-inammissibbiltà tat-talba tal‑appellant, hija ma kellhiex l-obbligu li teżamina kif imxiet il‑proċedura quddiem il-Kumitat tal-Petizzjonijiet.

VIII – Konklużjoni

92.

Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell, filwaqt li tipproċedi għal sostituzzjoni tal-motivi tas-sentenza appellata,

tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż u lill-Parlament Ewropew ibati l-ispejjeż tiegħu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Rapport dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet matul is-sena parlamentari 1999/2000, A5‑0162/2000, http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=‑//EP//NONSGML+REPORT+A5‑2000‑0162+0+DOC+PDF+V0//FR.

( 3 ) Rapport dwar l-attivitajiet tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet matul is-sena 2013 [2014/2008(INI)], paġna 17.

( 4 ) Petizzjoni Nru 1188/2010.

( 5 ) T‑308/07, EU:T:2011:466.

( 6 ) Sentenza Tegebauer vs Il‑Parlament (EU:T:2011:466, punt 21).

( 7 ) Skont l-ispjegazzjonijiet tal-Karta, id-dritt iggarantit b’dan l-artikolu huwa d-dritt iggarantit bl-Artikoli 20 TFUE u 227 TFUE. Skont l-Artikolu 52(2) tal-Karta, dan japplika skont il-kundizzjonijiet previsti f’dawn iż-żewġ artikoli.

( 8 ) Verżjoni tax-xahar ta’ Lulju 2004 (ĠU L 44, p.1).

( 9 ) Emenda tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament li jirregola d-dritt ta’ petizzjoni permezz tal-verżjoni tas-7 leġiżlatura tax-xahar ta’ Marzu 2011 (ĠU 2011, L 116). Din tinkludi essenzjalment ir-reviżjoni, intermedjarja biss, tar-regolament intern adottat skont id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas‑6 ta’Mejju 2009 [2006/2209(REG)] (ĠU 2010, C 212 E, p. 140).

( 10 ) http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+RULES-EP+20140701+TOC+DOC+XML+V0//MT.

( 11 ) Proposta ta’ emenda tar-Regolament tal-Parlament Ewropew (B7‑0732/2011) kif ukoll Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tat- 22 ta’ Mejju 2012, dwar l-emenda tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (2011/2302(REG)) (ĠU 2013, C 264 E, p. 98).

( 12 ) Peress li dawn ma humiex argumenti awtonomi u lanqas awto-suffiċjenti, nipproponi li ma jintużax it-terminu “aggravju” sabiex jiddeskrivi kull wieħed minnhom.

( 13 ) Skont l-appellant, fl-espożizzjoni tal-fatti, il-Qorti Ġenerali tinjora l-fatt li l‑President tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet indika, mingħajr ebda ġustifikazzjoni, li minkejja l-ammissibbiltà tagħha, il-petizzjoni ma setgħetx tiġi eżaminata fil-mertu. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti billi kkunsidrat li l-petizzjoni kienet ġiet eżaminata.

( 14 ) Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt fundamentali ta’ petizzjoni billi kkunsidrat, b’mod żbaljat, li huwa limitat għall-eżami tal-ammissibbiltà tal-petizzjoni. Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ petizzjoni jinkludi wkoll l-eżami materjali tal‑petizzjonijiet li huma ddikjarati ammissibbli kif ukoll id-deċiżjoni adottata dwar il-mertu (dritt għat-trattazzjoni tal-petizzjoni).

( 15 ) Skont l-appellant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx loġika meta ddikjarat li n-nuqqas ta’ eżami ta’ petizzjoni ammissibbli ma tipproduċix effetti legali, kuntrarjament għan-nuqqas ta’ eżami ta’ petizzjoni inammissibbli.

( 16 ) Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali tikkontradixxi s-sentenza Tegebauer vs Il‑Parlament li fiha ġie ddikjarat li meta l-kontenut tal-petizzjoni ma jiġix eżaminat, dan jista’ jikkawża preġudizzju għall-effettività tad-dritt ta’ petizzjoni.

( 17 ) Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali tinterpreta, b’mod żbaljat, li l-Parlament ikkommetta żball ta’ liġi meta ma mmotivax id-deċiżjoni tiegħu. Il-Qorti Ġenerali, minflok, issostitwiet il-motivazzjoni tagħha sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ pproċessar tal-petizzjoni.

( 18 ) Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali tinjora l-fatt li l-appellant ma ngħatax il‑possibbiltà li jesponi l-każ tiegħu b’mod oġġettiv quddiem il-Kumitat tal‑Petizzjonijiet.

( 19 ) Minkejja li l-appellant isemmi l-punt 17 tas-sentenza appellata, dan huwa l-punt 16 ta’ din is-sentenza.

( 20 ) Nosserva li l-preżentata u l-eżami ta’ petizzjonijiet lill-Assemblea kienu diġà previsti fir-Regolament tal-Assemblea Komuni tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA). Fis-sammit ta’ Pariġi fl-1977, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-għoti ta’ drittijiet speċjali liċ-ċittadini tal-Komunità Ewropea filwaqt li stieden lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej sabiex tikkunsidra tagħti prijorità lid-dritt ta’ petizzjoni liċ-ċittadini.

( 21 ) Ir-rikonoxximet tad-dritt ta’ petizzjoni liċ-ċittadini Ewropej ġie kkonfermat għall‑ewwel darba waqt il-Kunsill Ewropew fl-1984 bl-adozzjoni ta’ proposti tal‑Kumitat “Ewropa taċ-ċittadini”.

( 22 ) Ftehim iffirmat fit-12 ta’ April 1989 (ĠU C 120, p. 90).

( 23 ) Għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 52(2) tagħha, il-Karta tiggarantixxi d-dritt ta’ petizzjoni fil-limiti li jirriżultaw mill-Artikoli 20 TFUE u 227 TFUE. Id-dritt ta’ petizzjoni jissemma wkoll fl-Artikolu 24 TFUE.

( 24 ) Etimoloġikament, “petizzjoni” tfisser titlob (mil-Latin “petere” li tfisser “titlob”). Għal analiżi ara, H. Surrel, “Le ‘droit de pétition’ au Parlement européen”, RMC, Nru 335, Marzu 1990.

( 25 ) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet matul is-sena parlamentari 2003‑2004 [2004/2090(INI), ĠU 2005 C 320 E, p. 161].

( 26 ) Il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħha jinsabu fir-Regolament (UE) Nru 211/2011, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑16 ta’ Frar 2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU L 65, p. 1).

( 27 ) Rapport dwar l-attivitajiet tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet matul is-sena 2013, [2014/2008(INI), A7‑0131/2014].

( 28 ) Rappot dwar l-attivitajiet tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet matul is-sena parlamentari 1993/1994(A3‑0158/94).

( 29 ) Rapport tas-27 ta’ Novembru 2001 (A5‑0429/2001), dwar id-dritt ta’ petizzjoni taċ-ċittadin Ewropew: għat-tisħiħ tiegħu reviżjoni tat-Trattat KE, [2001/2137(INI)].

( 30 ) Id-dritt ta’ petizzjoni huwa stabbilit bl-Artikolu 17 tal-Liġi fundamentali, taħt it‑titolu “Drittijiet fundamentali”: http://www.bundestag.de/bundestag/aufgaben/rechtsgrundlagen/grundgesetz/gg_01/245122.

Bis-saħħa tal-Artikolu 45c tal-Liġi fundamentali nħoloq Kumitat ta’ Petizzjonijiet: http://www.bundestag.de/bundestag/aufgaben/rechtsgrundlagen/grundgesetz/gg_03/245126.

Il-funzjoni u l-poteri ta’ dan il-kumitat huma rregolati b’mod iktar iddettaljat permezz tal-liġi dwar il-kompetenzi tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet: http://www.bundestag.de/bundestag/ausschuesse18/a02/grundsaetze/petitionsausschuss_befugnisse/260546.

u permezz tar-Regolament Intern tal-Bundestag (paragrafi 108 et seq): http://www.bundestag.de/bundestag/aufgaben/rechtsgrundlagen/go_btg/go09/245168.

( 31 ) Għal analiżi iktar iddettaljata, ara r-rapport tal-Parlament “Id-dritt ta’ petizzjoni fil-pajjiżi tal-Unjoni” maħruġ fl-2001: http://www.uni‑mannheim.de/edz/pdf/dg4/POLI119_FR.pdf.

( 32 ) Ara r-rapport tal-Parlament Ewropew “Id-dritt ta’ petizzjoni fil-pajjiżi tal-Unjoni”, p. 140 u 141.

( 33 ) Il-Kumitat tal-Petizzjonijiet madankollu ma huwiex obbligat li jeżaminahom [ara l‑Artikolu 201(13) li jirriżulta mill-verżjoni tar-Regolament Intern, emendat].

( 34 ) Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 20(d) TFUE u t-tieni paragrafu tal‑Artikolu 24 TFUE u l-Artikolu 227 TFUE jsemmu espressament id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni.

( 35 ) Ara l-petizzjoni Nru 1038/96 kontra l-esperimenti fuq l-annimali fis-settur tal‑prodotti kosmetiċi, iffirmata minn 4 miljun persuna.

( 36 ) Ara, pereżempju, l-Impatt ambjentali tal-pajp tal-gass fil-baħar Baltiku sabiex jgħaqqad ir-Russja mal-Ġermanja P6_TA(2008)0336, riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Lulju 2008 dwar l-impatt ambjentali tal-proġett ta’ kostruzzjoni fil-baħar Baltiku tal-pajp tal-gass intiż sabiex jgħaqqad ir-Russja mal-Ġermanja (petizzjonijiet Nru 0614/2007 u Nru 0952/2006) [2007/2118(INI), ĠU 2009 C 294 E, p. 3].

( 37 ) Ara r-riżoluzzjoni 2003‑2004 [2004/2090(INI)], iċċitata iktar ’il fuq: “peress li l-Parlament Ewropew, bħala organu elett b’elezzjoni diretta li jirrapreżenta liċ-ċittadini Ewropej fil-livell Ewropew, għandu bħala obbligu u prerogattiva speċifikament li jiddefendi d-drittijiet taċ-ċittadini; peress li l-Parlament għandu madankollu jiddependi fuq l-għajnuna u l-kooperazzjoni tal-Kummissjoni, gwardjana tat-trattati, jekk irid ikun f’pożizzjoni li jsolvi l-problemi li jkunu wasslu liċ-ċittadini sabiex jitolbu l-għajnuna tiegħu”.

( 38 ) It-23 rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni: http://eur‑lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2006:0416:FIN:MT:PDF, p. 4.

( 39 ) Abbozz ta’ rapport dwar ir-Rapport Annwali 2012 dwar l-attività tal-Kumitat għall-Petitzzjonijiet [2013/2013(INI)]: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=‑//EP//NONSGML+COMPARL+PE‑508.200+03+DOC+PDF+V0//MT&language=MT.

( 40 ) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew: Id-dritt tal-Petizzjoni fil-bidu tas-seklu XXI [(2000/2026(INI)] (A5‑0088/2001, p. 11).

( 41 ) Ara t‑23 rapport tal-Kummissjoni ċċitat iktar ’il fuq.

( 42 ) Ara, it-talba tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet lill-Kummissjoni sabiex il-petizzjonijiet u l-ilmenti jiġu ttrattati bl-istess mod fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur; punt 17 tal‑Abbozz ta’ rapport tal-attivitajiet għas-sena 2013 fuq l-attivitajiet tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet iċċitat iktar ’il fuq, [2013/2013(INI)]: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=‑//EP//NONSGML+COMPARL+PE‑508.200+03+DOC+PDF+V0//MT&language=MT.

( 43 ) Kuntrarjament għall-inizjattiva taċ-ċittadini rregolata mir-Regolament Nru 211/2011.

( 44 ) Minkejja li ma humiex applikabbli għall-fatti tal-każ, dawn id-dispożizzjonijiet jibqgħu, essenzjalment, l-istess. Għall-emendi konsekuttivi, ara l-kuntest ġuridiku.

( 45 ) Il-Parlament eżamina wkoll il-bżonn li jirrevedi l-proċedura tal-petizzjoni kollha: Rapport dwar l-attivitajiet tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet matul is-sena 2013 [2014/2008(INI), p. 18].

( 46 ) Il-petizzjonijiet għandhom juru l-isem, in-nazzjonalità u l-indirizz permanenti ta’ kull min iressaq il-petizzjoni. Għandhom ikunu redatti f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Madankollu, skont l-Artikolu 201(5), il-petizzjonijiet redatti b’xi lingwa oħra jistgħu jkunu kkunsidrati jekk min iressaq il-petizzjoni jehmeż traduzzjoni.

( 47 ) Ara r-rapport dwar l-attivitajiet tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet matul is-sena 2012, 2012, [2013/2013(INI)] — Anness dwar l-istatistika li jinkludi l-kategoriji tat-talbiet.

( 48 ) Mir-rapporti preċedenti tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet nosserva li t-talbiet mhux konformi mal-Artikolu 227 TFUE ma kinux irreġistrati bħala petizzjonijiet. Mir‑rapport tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet għas-sena 2013 jirriżulta li “[i]l-Kumitat irċieva, bejn l-2009 u issa, madwar 10000 petizzjoni li ġew irreġistrati, li minnhom madwar 60 % ġew iddikjarati ammissibbli għaliex jaqgħu fl-oqsma tal-attività tal‑Unjoni”. Id-distinzjoni bejn it-talbiet mhux irreġistrati u inammissibbli toħloq konfużjoni. Skont ir-rapport, “il-Kumitat irċieva total ta’ 2885 petizzjoni matul is‑sena 2013. Huwa rnexxielu jittratta madwar 989-il petizzjoni, li minnhom 654 ġew iddikjarati ammissibbli, 335 inammissibbli, u 538 ġew magħluqa. 199-il petizzjoni ġew iddikjarati ammissibbli, eżaminati u magħluqa”. Ma huwiex ċar jekk dawn id-deċiżjonijiet ġewx innotifikati u immotivati. Dan ma jidhirx li huwa l‑każ għat-talbiet li ma ġewx irreġistrati.

( 49 ) Skont il-Parlament, il-maġġoranza tal-petizzjonijiet iddikjarati inammissibbli ġew hekk iddikjarati minħabba konfużjoni persistenti bejn il-kompetenzi Ewropej u nazzjonali kif ukoll bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Kunsill tal-Ewropa jew il‑Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ara http://www.europarl.europa.eu/ftu/pdf/mt/FTU_2.1.4.pdf.

( 50 ) Rapport dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet matul is-sena parlamentari 1999/2000, (A5‑0162/2000).

( 51 ) Abbozz ta’ rapport fuq l-attivitajiet tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet matul is-sena 2012, [2013/2013(INI), punt J].

( 52 ) Idem.

( 53 ) Sentenzi IBM vs Il‑Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264, punt 9); Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni (C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 29); u Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni (C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 51).

( 54 ) Digriet Planet vs Il‑Kummissjoni (T‑320/09, EU:T:2011:172, punti 37 sa 39).

( 55 ) 294/83, EU:C:1986:166, sentenza kkodifikata permezz tal-Artikolu G punt 53 tat-Trattat ta’ Maastricht li jemenda l-Artikolu 173 tat-Trattat KE.

( 56 ) Sentenza Weber vs Il‑Parlament (C‑314/91, EU:C:1993:109, punti 9 u 10).

( 57 ) Sentenza Il‑Kunsill vs Il‑Parlament (34/86, EU:C:1986:291). Barra minn hekk, ġie speċifikat li l-att ibbażat fuq l-Artikolu 314(9) TFUE jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, inkwantu jagħti forza vinkolanti lill-baġit tal-Unjoni. Ara s-sentenza Il‑Kunsill vs Il‑Parlament (C‑77/11, EU:C:2013:559, punti 50, 54 sa 56, 60 u 63).

( 58 ) Sentenza Weber vs Il‑Parlament (EU:C:1993:109, punti 9 u 10).

( 59 ) Sentenza Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament (C‑213/88 u C‑39/89, EU:C:1991:449).

( 60 ) Digriet Groupe des droites européennes vs Il‑Parlament (78/85, EU:C:1986:227, punt 11).

( 61 ) Digriet Blot u Front national vs Il‑Parlament (C‑68/90, EU:C:1990:222, punt 12).

( 62 ) Ara, id-digriet Miethke vs Il‑Parlament (C‑25/92, EU:C:1993:32) dwar talba indirizzata lill-Parlament sabiex jiddikjara li l-mandati tad-deputati Ġermaniżi kienu tilfu l-validità tagħhom minħabba r-riunifikazzjoni tal-Ġermanja.

( 63 ) F’kawża reċenti, dwar talba għal annullament tad-deliberazzjonijiet tal-Parlament dwar il-kalendarju tal-perijodi ta’ sessjoni, is-sentenza Franza vs Il‑Parlament (C‑237/11 u C‑238/11, EU:C:2012:796).

( 64 ) Kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet tal-Karta, id-drittijiet suġġettivi għandhom jiġu rrispettati, filwaqt li l-prinċipji għandhom jiġu osservati. Barra minn hekk, huwa ppreċiżat li, f’ċerti każijiet, artikolu tal-Karta jista’ jkun fih elementi li jirriżultaw minn dritt u minn prinċipju.

( 65 ) C‑176/12, EU:C:2014:2.

( 66 ) Ara l-Konklużjonijiet Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2013:491, punt 54).

( 67 ) Kodiċi dwar imġiba tajba tal-Kummissjoni adottat fl-2000 http://ec.europa.eu/transparency/code/_docs/code_mt.pdf.

( 68 ) Lejn kultura msaħħa ta’ konsultazzjoni u ta’ djalogu, Prinċipji ġenerali u regoli minimi applikabbli għall-konsultazzjonijiet mibdija mill-Kummissjoni mal-partijiet ikkonċernati [COM(2002) 704 finali].

( 69 ) Ara, ex multis, id-digrieti Grúas Abril Asistencia vs Il‑Kummissjoni (C‑521/10 P, EU:C:2011:418, punt 29) u Altner vs Il‑Kummissjoni (C‑411/11 P, EU:C:2011:852, punt 8).

( 70 ) http://ec.europa.eu/eu_law/your_rights/your_rights_mt.htm6recours.

( 71 ) Sentenzi Johnston (222/84, EU:C:1986:206, punti 18 u 19); Heylens et (222/86, EU:C:1987:442, punt 14); Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑424/99, EU:C:2001:642, punt 45); Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill (C‑50/00 P, EU:C:2002:462, punt 39); u Eribrand (C‑467/01, EU:C:2003:364, punt 61).

( 72 ) Sentenza Heylens et (EU:C:1987:442, punt 14).

( 73 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

( 74 ) Sentenza Rend et vs Il‑Kummissjoni (C‑19/93 P, EU:C:1995:339, punt 27).

( 75 ) Sentenza SFEI et vs Il‑Kummissjoni (C‑39/93 P, EU:C:1994:253, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 76 ) T‑16/91, EU:T:1992:109, punti 54 sa 56.

( 77 ) Din is-sentenza, barra minn hekk, ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Rendo et vs Il‑Kummissjoni (EU:C:1995:339) u tat lok għas-sentenza Rendo et vs Il‑Kummissjoni (T‑16/91, EU:T:1996:189).

( 78 ) Ara s-sentenza Komninou et vs Il‑Kummissjoni (C‑167/06 P, EU:C:2007:633, punt 44).

( 79 ) Digriet Associazione delle Cantine Sociali Venete vs L‑Ombudsman u Il‑Parlament (T‑103/99, EU:T:2000:135, punt 50).

( 80 ) Ara d-digriet Srinivasan vs L‑Ombudsman (T‑196/08, EU:T:2008:470).

( 81 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza L‑Ombudsman vs Lamberts (C‑234/02 P, EU:C:2004:174, punti 48 sa 52, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 82 ) Bħala regola, dawn l-atti ma jitqiesux li huma “atti amministrattivi”, għaliex ma għandhomx effett ġudizzjarju fuq il-persuna li tressaq petizzjoni. Madankollu hemm il-possibbiltà ta’ “azzjoni ta’ infurzar amministrattiv” li tippermetti lill‑persuna li tressaq petizzjoni li tpoġġi deċiżjoni li ma tipproduċix effetti ġuridiċi għall-istħarriġ ġudizzjarju ta’ qorti amministrattiva. Jista’ jsir ukoll rikors kostituzzjonali wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji ġudizzjarji l-oħra kollha. Fil‑prattika, ara, pereżempju, http://www.bundesverfassungsgericht.de/entscheidungen/rk20121121_2bvr172012.html, fejn il-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat bħala inammissibbli rikors kostituzzjonali dwar deċiżjoni tal-Oberverwaltungsgericht Berlin‑Brandeburg tal-20 ta’ Ġunju 2012 li kienet toriġina minn deċiżjoni tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Bundestag li tirrifjuta l-eżami ta’ petizzjoni minħabba l-fatt li żewġ petizzjonijiet simili kienu diġà qed jiġu eżaminati mill-ministeri federali kompetenti.

( 83 ) Fid-dritt Spanjol, fir-rigward ta’ petizzjoni quddiem il-Parlament, f’każ fejn att tal‑Parlament jikser dritt fundamentali, hemm il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. F’dan il-każ, ir-rikors quddiem il-qrati amministrattivi huwa eskluż, peress li l-attività tal-Parlament hija ta’ natura kostituzzjonali.

( 84 ) Fir-rigward tad-dritt Franċiż, huma biss it-territorji barranin kollettivi li jibbenefikaw minn rikors quddiem il-qorti amministrattiva, iżda dan għal ċerti deċiżjonijiet biss.

( 85 ) Biex inkun iktar preċiż, l-istħarriġ permissibbli fid-dritt Ġermaniż huwa stħarriġ formali u mhux sostanzjali. B’hekk ċittadin jista’ jirrikorri għand qorti amministrattiva minħabba li l-Bundestag ma kkunsidrax il-petizzjoni tiegħu jew għax ma segwiex il-proċedura korretta. Għall-kuntrarju, il-qorti amministrattiva ma tistax tiddeċiedi dwar il-mertu.

( 86 ) Ara d-digriet Pevasa u Inpesca vs Il‑Kummissjoni (C‑199/94 P u C‑200/94 P, EU:C:1995:360, punt 24); sentenza Assurances du crédit vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑63/89, EU:C:1991:152, punt 30); id-digriet Victoria Sánchez vs Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni (EU:C:2011:693 punt 38); kif ukoll Mugraby vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑581/11 P, EU:C:2012:466, punt 75).

( 87 ) Infakkar il-pożizzjoni tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet li tinsab fil-punt 1 ta’ dawn il-Konklużjonijiet, li petizzjoni tippermetti lil individwu li jsemma’ leħnu b’mod uffiċjali (enfasi miżjuda minni).

( 88 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza L‑Ombudsman vs Lamberts (EU:C:2004:174, punt 52).

( 89 ) Sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni (C‑352/09 P, EU:C:2011:191, punt 136).

( 90 ) Sentenza Siemens et vs Il‑Kummissjoni (C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, EU:C:2013:866, punti 38 u 39, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

Top