EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0226

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fid-9 ta’ Diċembru 2014.
Stefan Fahnenbrock et vs Hellenische Republik.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Wiesbaden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Notifika ta’ atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji — Regolament (KE) Nru 1393/2007 — Artikolu 1(1) — Kunċett ta’ ‘kwistjonijiet [materji] ċivili jew kummerċjali’ — Responsabbiltà tal-Istat għall-‘acta iure imperii’.
Kawża C-226/13.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2424

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fid-9 ta’ Diċembru 2014 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑226/13, C‑245/13, C‑247/13 u C‑578/13

Stefan Fahnenbrock (C‑226/13),

Holger Priestoph et (C‑245/13),

Rudolf Reznicek (C‑247/13),

Hans-Jürgen Kickler et (C‑578/13)

vs

Ir-Repubblika Ellenika

[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Wiesbaden u mil-Landgericht Kiel]

“Regolament (KE) Nru 1393/2007 — Notifika ta’ atti — Kunċett ta’ ‘kwistjonijiet [materji] ċivili u kummerċjali’ — Kawżi għall-eżekuzzjoni kuntrattwali u għad-danni introdotti kontra l-Istat Grieg minn detenturi ta’ bonds Griegi wara t-tnaqqis, mingħajr il-kunsens tagħhom, tal-valur ta’ dawn il-bonds”

1. 

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2007, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra‑ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 ( 2 ).

2. 

Ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi kontra l-Istat Grieg, fil-Kawża C‑226/13, S. Fahnenbrock, fil-Kawża C‑245/13, il-konjuġi Priestoph, fil-Kawża C‑247/13, R. Reznicek u, fil-Kawża C‑578/13, H. Kickler u Wöhlk kif ukoll iż-Zahnärztekammer Schleswig-Holstein, Versorgungswerk, bħala kawżi għad-danni kif ukoll għall-eżekuzzjoni kuntrattwali, dawn it-talbiet joffru l-okkażjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi l-kunċett ta’ “kwistjonijiet [materji] ċivili u kummerċjali” fil-kuntest tar‑Regolament Nru 1393/2007, li hija tistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tiegħu.

3. 

F’dawn il-konklużjonijiet, jiena ser nissottometti li l-kunċett ta’ “kwistjonijiet [materji] ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 ( 3 ), għandu jkun interpretat fis-sens li ma jinkludix kawża li permezz tagħha detentur individwali ta’ bonds maħruġa minn Stat Membru jipproċedi b’rikors għad-danni kontra dan l-Istat minħabba l‑iskambju ta’ dawn il-bonds b’oħrajn ta’ valur inqas, liema skambju kien impost fuq din il-persuna wara l-adozzjoni, mil-leġiżlatur nazzjonali, ta’ liġi li kienet unilateralment u retroattivament bidlet il‑kundizzjonijiet applikabbli għall-bonds billi inkludiet klawżola ta’ azzjoni kollettiva li tippermetti lil maġġoranza tad-detenturi ta’ dawn tal-aħħar jimponu tali skambju fuq il-minorità.

4. 

Jiena ser insostni, f’dan is-sens, li l-użu, minn Stat Membru li joħroġ bonds, tas-setgħa sovrana tiegħu permezz ta’ intervent leġiżlattiv li għandu speċifikament l-għan li jikkawża preġudizzju dirett għall‑valur tal-bonds maħruġa billi jimponi fuq id-detenturi minoritarji ta’ titoli l-obbligu li jissottomettu ruħhom għall-volontà tal‑maġġoranza huwa eżerċizzju ta’ setgħat li jmorru lil hinn mir-regoli applikabbli fir‑relazzjonijiet bejn individwi.

5. 

Minn dan ser niddeduċi li l-kawża eżerċitata mid-detenturi minoritarji kontra l-Istat Membru wara l-iskambju ta’ titoli neċessarjament tikkontesta r-responsabbiltà tal-Istat għal att imwettaq fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, anki meta dan l-iskambju, intenzjonat sabiex inaqqas il-valur nominali ta’ dawn it-titoli, allegatament kellu vot tal-maġġoranza.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

6.

Il-premessi 2, 6 u 9 tar-Regolament Nru 1393/2007 jipprovdu:

“(2)

Il-funzjonament xieraq tas-suq intern jimplika l-ħtieġa ta’ titjib u tħaffif fit-trasmissjoni tad-dokumenti ġudizzjarji u extra‑ġudizzjarji fi kwistjonijiet civili jew kummerċjali għas‑servizz [għan-notifika] bejn l-Istati Membri.

[...]

(6)

L-effiċjenza u l-ħeffa fi proċeduri ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jeħtieġu li d-dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji jiġu trasmessi b’mod dirett u mħaffef bejn il-korpi lokali maħtura mill-Istati Membri [...]

[...]

(9)

Is-servizz ta’ dokument [In-notifika ta’ att] għandu jitwettaq malajr kemm jista’ jkun, u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar minn meta jkun wasal id-dokument għand l-aġenzija li tirċievi.”

7.

L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kif ġej:

“Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fejn dokument ġudizzjarju jew extra-ġudizzjarju jrid ikun trasmess minn Stat Membru għal ieħor għal servizz [notifika] hemmhekk. Dan m’għandux jinkludi, b’mod partikolari, kwistjonijiet fiskali, doganali jew amministrattivi jew ir-responsabbiltà ta’ l-Istat għal atti jew ommissjonijiet fl-eżerċiżżju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat (‘acta iure imperii’).”

8.

L-Artikolu 3 tal-istess regolament jipprovdi li:

“Kull Stat Membru għandu jaħtar korp ċentrali li jkun responsabbli għal:

a)

il-forniment ta’ informazzjoni lill-aġenziji li jibagħtu;

b)

it-tiftix ta’ soluzzjonijiet għal kwalunkwe diffikultà li tista’ tinqala’ waqt it-trasmissjoni tad-dokumenti li jridu jkunu nnotifikati;

c)

it-trasmissjoni, f’każijiet eċċezzjonali, fuq talba ta’ l-aġenzija li tibgħat, ta’ rikjesta għal servizz [talba għal notifika] lill-aġenzija kompetenti li tirċievi.

[...]”

9.

Skont l-Artikolu 6(3) tal-imsemmi regolament:

“Jekk it-talba għas-servizz [għan-notifika] tkun għal kollox ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew jekk in-nuqqas ta’ konformità mal-kondizzjonijiet formali mitluba jagħmel is-servizz [in-notifika] impossibbli, it-talba u d-dokumenti mibgħuta għandhom jintbagħtu lura malli jkunu waslu lill-aġenzija li tibgħat, flimkien ma’ avviż ta’ restituzzjoni permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness I.”

10.

L-avviż ta’ restituzzjoni li l-formula standard tiegħu tinsab fl‑Anness I tar-Regolament Nru 1393/2007 jipprovdi, fil-punt 9.1, bħala raġuni li għaliha att qed jiġi rritornat il-fatt li “it-talba għas-servizz tkun għal kollox ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir‑Regolament”, b’mod partikolari minħabba l-fatt li “l-att la huwa ta’ natura ċivili u lanqas kummerċjali” ( 4 ).

B – Id-dritt Grieg

11.

Il-Liġi Nru 4050/2012, tat-23 ta’ Frar 2012, intitolata “Regoli dwar il-modifika tat-titoli, maħruġa jew iggarantiti mill-Istat Grieg bi ftehim mad-detenturi ta’ bonds” ( 5 ), tistabbilixxi l-modalitajiet tar-ristrutturazzjoni tal-bonds ta’ dan l-Istat. Din il-liġi tipprovdi, essenzjalment, is-sottomissjoni ta’ offerta ta’ ristrutturazzjoni lid‑detenturi ta’ ċerti bonds maħruġa jew iggarantiti mill-imsemmi Stat u l-introduzzjoni ta’ klawżola ta’ ristrutturazzjoni li tippermetti li jiġu imposti fuq id-detenturi kollha ta’ bonds il-kundizzjonijiet tar‑ristrutturazzjoni proposti fl-offerta la darba dawn ikunu ġew aċċettati minn maġġoranza kkwalifikata.

12.

Skont l-Artikolu 1(4) tal-Liġi Nru 4050/2012, il-modifika tat-titoli kkonċernati titlob l-osservanza ta’ kworum ugwali għal nofs it-total tal-ammont tal-investiment tal-bonds ikkonċernati u l-ftehim ma’ maġġoranza kkwalifikata li tirrappreżenta tal-inqas iż-żewġ terzi tal‑kapital.

13.

L-Artikolu 1(9) tal-Liġi Nru 4050/2012 jipprovdi li d-deċiżjoni adottata fi tmiem din il-proċedura tiġi applikata erga omnes, hija vinkolanti għall-kredituri tal-bonds kollha kkonċernati u tħassar kull liġi ġenerali jew speċifika, kull deċiżjoni amministrattiva u kull kuntratt li jmorru kontra tagħha. Skont din id-dispożizzjoni, f’każ ta’ skambju tat‑titoli eliġibbli, il-ħruġ ta’ titoli ġodda jġib miegħu l-annullament tat‑titoli l-antiki.

II – Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

14.

Fix-xahar ta’ Frar 2012, skont il-Liġi Nru 4050/2012, l-Istat Grieg għamel lil F. Fahnenbrock, lill-konjuġi Priestoph, lil R. Reznicek,u lil H. Kickler u Wöhlk u lil Zahnärztekammer Schleswig‑Holstein, Versorgungswerk, ilkoll detenturi ta’ bonds maħruġa minn dan l-Istat, offerta ta’ skambju tagħhom b’bonds ġodda ta’ valur nominali mnaqqas b’mod sinjifikattiv.

15.

Minkejja li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ma aċċettawx din l‑offerta, l-Istat Grieg madankollu xorta pproċeda bl-iskambju tat-titoli li huma kellhom inizjalment b’titoli ta’ valur inqas sinjifikattivament mill-valur nominali tagħhom u li tagħhom sar l-iskambju.

16.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għalhekk ippreżentaw kawżi sabiex jiksbu kemm ir-restituzzjoni tat-titoli inizjali abbażi tal‑Artikoli 858, 861, 869 ( 6 ) u 985 ( 7 ) tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch) ( 8 ), kif ukoll il-ħlas tad-danni abbażi tal‑Artikoli 280(3) u 281 tal-BGB ( 9 ) u tal-Artikolu 826 tal-BGB ( 10 ). Ir‑rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑578/13 talbu wkoll l-eżekuzzjoni kuntrattwali tal-bonds oriġinali li kienu skadew.

17.

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ notifika tal-atti promoturi tal-kawża lill-Istat Grieg, qamet il-kwistjoni dwar jekk it-talba tar-rikorrenti fil‑kawżi prinċipali kellhiex bħala suġġett att jew ommissjoni tal-Istat, f’dan il-każ, l-Istat Grieg, imwettaq fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1393/2007.

18.

B’mod partikolari, fil-Kawżi C‑226/13, C‑245/13 u C‑247/13, il‑Bundesamt für Justiz (uffiċċju federali tal-ġustizzja) wera dubji dwar il-possibbiltà li r-rikorsi jiġu kkunsidrati bħala materji ċivili u kummerċjali, fis-sens tal-imsemmi regolament, u ssuġġetta t-tkomplija tal-proċedura ta’ notifika għall-kundizzjoni li l-Landgericht Wiesbaden (il-Ġermanja) jiddeċiedi preliminarjament dwar in-natura tal-kawża.

19.

Fil-Kawża C‑578/13, il-Landgericht Kiel (il-Ġermanja), filwaqt li ddeċieda li r-Regolament Nru 1393/2007 ma kienx applikabbli f’din il‑kawża, ordna lill-Bundesministerium für Justiz (ministeru federali tal-ġustizzja) jinnotifika r-rikors permezz ta’ mezzi diplomatiċi. Madankollu dan irrinvija t-talba ta’ notifika mingħajr ma eżegwixxiha billi rrefera għad-domandi preliminari fil-Kawżi C‑226/13, C‑245/13 u C‑247/13.

20.

Iż-żewġ qrati tar-rinviju jistaqsu, għalhekk, jekk il-kwistjonijiet fil-kawżi prinċipali jistgħux jiġu kkunsidrati bħala materji ċivili u kummerċjali, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1393/2007. Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħhom, huma jiddikjaraw li l-Qorti tal‑Ġustizzja għadha ma rrispondietx id-domanda dwar jekk l‑interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett tiddependix esklużivament fuq il‑bażi legali tat-talbiet jew aħjar fuq dak li huwa “fil-qalba” tal-kwistjoni jew li huwa “l-essenza” tagħha. Filwaqt li josservaw li l‑kawżi jinvolvu l-evalwazzjoni tal-effikaċja u tal-legalità tal-Liġi Nru 4050/2012, it-tnejn huma inklinati li jeskludu l-applikazzjoni tar‑Regolament Nru 1393/2007 billi jikkunsidraw li l-kawżi jikkontestaw, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, ir-responsabbiltà tal-Istat għal atti mwettqa fl‑eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

21.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Wiesbaden, fil-Kawżi C‑226/13, C‑245/13 u C‑247/13, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti, li hija magħmula f’termini identiċi fit-tliet kawżi:

“L-Artikolu 1 tar-Regolament […] Nru 1393/2007 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jiġi kkunsidrat bħala ‘materji ċivili [u] kummerċjali’, fis-sens ta’ dan ir-regolament, rikors li permezz tiegħu, f’sitwazzjoni fejn ir-rikorrent ma jkunx aċċetta proposta magħmula mill-konvenuta fi tmiem ix-xahar ta’ Frar 2012 sabiex jibdel bonds maħruġa mill-konvenuta, mixtrija mir-rikorrent u miżmuma ma’ depożitarju tat-titoli [mal-bank tiegħu], ir-rikorrent jitlob li jiġi kkumpensat id-differenza fil-valur li rriżultat wara l-iskambju ekonomikament żvantaġġuż li minkejja dan ġie impost fuqu f’Marzu 2012?”

22.

Il-Landgericht Kiel, fil-Kawża C‑578/13, ukoll iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 1 tar-Regolament […] Nru 1393/2007 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li kawża, li fiha x-xerrej ta’ titoli [bonds] tal‑Gvern tal-konvenuta jressaq talba għal ħlas fil-forma ta’ prestazzjoni u fil-forma ta’ talba għal danni kontra l-konvenuta, għandha tiġi kkunsidrata bħala li tikkonċerna ‘materja ċivili [u] kummerċjali’ fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) ta’ [dan ir-]Regolament jekk ix-xerrej ma jkunx aċċetta l-offerta ta’ skambju magħmula fl-aħħar ta’ Frar 2012 mill-konvenuta, kif huwa possibbli permezz tal-Liġi […] Nru 4050/2012 […]?

2)

Meta titressaq kawża li tkun essenzjalment ibbażata fuq l-invalidità jew fuq in-nullità [tal-Liġi Nru 4050/2012], din il‑kawża tkun tikkonċerna r-responsabbiltà tal-Istat għal atti jew ommissjonijiet fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-Istat [pubblika] fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 1(1) tar-[R]egolament [Nru 1393/2007]?”

23.

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 2013, il-Kawżi C‑226/13, C‑245/13 u C‑247/13 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas‑sentenza. Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Diċembru 2013, il-Kawża C‑578/13 ukoll ingħaqdet ma’ dawn il-kawżi għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

III – Il-kunsiderazzjonijiet tiegħi

A – Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

24.

Il-Kummissjoni Ewropea tqajjem, prinċiparjament, l‑inammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari fil-Kawżi C‑226/13, C‑245/13 u C‑247/13 billi tinvoka d-deskrizzjoni insuffiċjenti tal-kuntest fattwali li jirrigwarda, b’mod partikolari, il‑modalitajiet tal-offerta ta’ skambju u ċ-ċirkustanzi li fihom sar dan l‑iskambju. Filwaqt li turi li l-Bundesamt für Justiz, fil-kwalità tagħha ta’ entità ċentrali, irrifjutat li tipproċedi bit-trażmissjoni tal-atti promoturi tal-kawża bis-saħħa tar-Regolament Nru 1393/2007 minħabba dubji li hija kellha dwar jekk it-talbiet setgħux jitqiesu bħala materja ċivili, hija ssostni, barra minn hekk, li d-domandi magħmula huma irrilevanti għad-deċiżjoni tal-kawżi prinċipali peress li ma hijiex il-Bundesamt für Justiz li għandha twaqqaf it-trażmissjoni tal-atti, filwaqt li żżid li, fin-nuqqas li jkun magħruf l-argument tal-konvenuta, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex l-informazzjoni neċessarja sabiex tiddeċiedi dwar in-natura ċivili u kummerċjali tal-kawżi u, għalhekk, dwar il-kwistjoni ta’ kompetenza.

25.

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument ibbażat fuq deskrizzjoni insuffiċjenti tal-kuntest fattwali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali titlob li din tiddefinixxi l‑kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jaqgħu d-domandi li tistaqsi jew li, tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi ( 11 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja tvarja l-livell ta’ preċiżjoni skont il‑kumplessità tas-sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jikkaratterizzaw l‑oqsma kkonċernati ( 12 ).

26.

L-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju trid, barra minn hekk, tagħti lill-Gvernijiet tal-Istati Membri u lill-partijiet l-oħra kkonċernati l-opportunità li jissottomettu osservazzjonijiet skont l‑Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ( 13 ).

27.

F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet tar-rinviju fil-Kawżi C‑226/13, C‑245/13 u C‑247/13 jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja punti ta’ fatt u ta’ dritt suffiċjenti u jindikaw ir-raġunijiet li għalihom il-Landgericht Wiesbaden waslet sabiex tagħmel domanda preliminari, filwaqt li juru b’mod ċar ir-rabta li teżisti bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom qed tintalab u l-kawżi prinċipali. Minkejja li sfortunatament id-deskrizzjoni tal-modalitajiet li fihom seħħ l-iskambju tal-bonds maħruġa mill-Gvern Grieg hija effettivament qasira, din ma tellfitx lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, lill-Gvern Grieg u lill‑Kummissjoni milli jieħdu pożizzjoni utli dwar id-domandi magħmula, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

28.

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, ir-rilevanza tad-domandi magħmula, għandu jiġi osservat, preliminarjament, li ma jidhirlix li huwa korrett li jiġi ddikjarat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l‑Bundesamt für Justiz waqqfet it-trażmissjoni tal-atti fil-kwalità tagħha ta’ entità ċentrali. Fil-fatt, mill-informazzjoni kkomunikata mir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1393/2007 ( 14 ), jirriżulta li dan l-Istat Membru ta r-rwol ta’ entità ċentrali lil xi awtoritajiet innominati mill-Gvern ta’ kull Land. Għalhekk l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li entità ċentrali, fis-sens tal‑Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, ma tistax topponi t-trażmissjoni tal-atti, ma jidhirlix li huwa fondat.

29.

Għall-kuntrarju, bħall-Kummissjoni, jiena għandi xi dubji dwar il-possibbiltà li twaqqaf, mill-bidu nett, il-proċess ta’ notifika ta’ atti fl‑esteru minħabba inċertezzi dwar il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament Nru 1393/2007. F’dan ir-rigward, jiena nistaqsi, b’mod iktar speċifiku, dwar l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari fir-rigward tar-rekwiżit ta’ kawża pendenti quddiem qorti nazzjonali, li tiddeċiedi skont l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha.

30.

Minn ġurisprudenza stabbilita, mibdija bis-sentenza Job Centre ( 15 ), jirriżulta fil-fatt, li l-qrati nazzjonali jistgħu jressqu talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk ikun hemm kawża pendenti quddiemhom u jekk jintalbu sabiex jagħtu deċiżjoni fil-kuntest ta’ proċedura intiża li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja ( 16 ).

31.

B’hekk meta taġixxi bħala awtorità amministrattiva mingħajr fl‑istess ħin ma tkun mitluba tiddeċiedi kawża, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju ma tistax titqies li qed teżerċita funzjoni ġudizzjarja. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ qrati, fis-sens tad-dritt nazzjonali, li, mingħajr ma jintalbu li fl-istess ħin jiddeċiedu kwistjoni, huma inkarigati biż-żamma ta’ reġistru, bħar‑reġistru tal-kummerċ ( 17 ), l-evalwazzjoni ta’ talba għal reġistrazzjoni fir-Reġistru tal-Artijiet ( 18 ) jew mitluba jieħdu deċiżjoni amministrattiva dwar l-istat ċivili ( 19 ).

32.

Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ talbiet għal notifika ta’ atti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Roda Golf & Beach Resort ( 20 ), iddikjarat ruħha kompetenti sabiex tirrispondi domandi preliminari dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1348/2000 ( 21 ) billi bbażat ruħha fuq il-fatt li, differenti mir-reġistratur li ssirlu talba għal notifika ta’ atti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji skont ir-Regolament Nru 1348/2000, li jkun jaġixxi bħala awtorità amministrattiva mingħajr fl-istess ħin ma huwa mitlub jiddeċiedi fuq kawża, il-qorti mitluba tiddeċiedi fuq ir-rikors ippreżentat kontra r-rifjut ta’ dan ir-reġistratur li jipproċedi għan‑notifika mitluba kienet adita b’kawża u kellha funzjoni ġudizzjarja ( 22 ).

33.

It-traspożizzjoni tal-ġurisprudenza mibdija b’din is-sentenza għat‑talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa fil-Kawżi C‑226/13, C‑245/13 u C‑247/13 jistgħu jwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara ruħha inkompetenti minħabba li l-qorti tar-rinviju, adita preċedentement bin-notifika tal-atti promoturi tal-kawża, teżerċita funzjonijiet purament amministrattivi mingħajr ma tkun, f’dan l-istadju, adita b’kawżi bejn il-partijiet dwar il-modalitajiet tan-notifika.

34.

Madankollu, fis-sentenza tagħha Weryński ( 23 ), dwar l‑interpretazzjoni tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 1206/2001, tat‑28 ta’ Mejju 2001, dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali ( 24 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett “li jagħtu s-sentenza”, fis-sens tal‑Artikolu 267(2) TFUE għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa, fis-sens li jinkludi “l-proċess kollu tal-għoti tas-sentenza” ( 25 ), u kkunsidrat li talba għal deċiżjoni preliminari tista’ titqies ammissibbli anki jekk tittratta kwistjoni oħra minn dik ta’ bejn il-partijiet fil-kawża.

35.

Barra minn hekk, mis-sentenza Corsica Ferries ( 26 ) jirriżulta li, it‑talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex suġġetta għan-natura kontradittorja tal-proċeduri li matulhom il-qorti nazzjonali tifformula d‑domandi preliminari ( 27 ).

36.

F’dan il-każ, id-domandi magħmula fil-Kawżi C‑226/13, C‑245/13 u C‑247/13, li huma dwar il-forma li għandu jkollha n‑notifika tal-atti promoturi tal-kawża lill-konvenut, jikkostitwixxu kwistjonijiet preliminari li d-deċiżjoni dwarhom hija meħtieġa għad‑deċiżjoni tal-kawżi prinċipali. Kuntrarjament għal dak li ssostni l‑Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, b’ċerta kontradizzjoni mad-dikjarazzjoni li l-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ “kwistjonijiet [materji] ċivili u kummerċjali” fil-kuntest tar-Regolament Nru 1393/2007 ma tassumix il-kompetenza ġudizzjarja skont ir‑Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 28 ), il-qorti tar-rinviju ma hijiex mitluba tiddeċiedi dwar il-kompetenza tagħha fi stadju tal-proċedura fejn, pereżempju, il-konvenut ma għandux il-possibbiltà li jieħu pożizzjoni, iżda hija esklużivament mitluba tistabbilixi kif tipproċedi bin-notifika tat-talbiet lil din il-parti.

37.

Minkejja li ma għandux ikun hemm inkorraġiment għal dewmien amministrattiv ta’ proċeduri ta’ notifika ta’ atti ġudizzjarji u extra‑ġudizzjarji, jidhirli, madankollu, li huwa konformi mar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li tista’ tingħata kemm jista’ jkun malajr interpretazzjoni, erga omnes, li tippermetti li jkun magħruf bi preċiżjoni l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament Nru 1393/2007 u li konsegwentement jiġi stabbilit, b’liema forma tista’ ssir in-notifika. Dan jgħodd iktar u iktar meta, bħal fil-kawżi prinċipali, diversi talbiet simili jitressqu quddiem qrati differenti li jistgħu jadottaw soluzzjonijiet kontradittorji. Fir-realtà, il-possibbiltà li ssir domanda preliminari fi stadju prekoċi tal-proċedura jidhirli inerenti mal-għan stess tad-domandi, li jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-modalitajiet ta’ notifika tal-atti promoturi ta’ kawża.

38.

Dawn huma r-raġunijiet li għalihom ser nipproponi lill-Qorti tal‑Ġustizzja tiċħad l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ppreżentati mill‑Kummissjoni u tiddikjara ruħha kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari.

B – Dwar il-mertu

39.

Permezz tad-domandi tagħhom, iż-żewġ qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-kunċett ta’ “kwistjonijiet [materji] ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, għandux ikun interpretat fis-sens li jinkludi kawża li permezz tagħha detentur individwali ta’ bonds maħruġa minn Stat Membru jibda proċeduri kontra dan il-Gvern għal responsabbiltà kuntrattwali u ta’ delitt minħabba l-iskambju ta’ dawn il-bonds b’bonds ta’ valur inqas, liema skambju kien impost fuq dan l-individwu wara l-adozzjoni, mil-leġiżlatur nazzjonali, ta’ liġi li unilateralment u retroattivament bidlet l-kundizzjonijiet applikabbli għal dawn it-titoli, billi inkludiet klawżola ta’ azzjoni kollettiva li tippermetti lil maġġoranza tad-detenturi ta’ dawn tal-aħħar jimponu tali skambju fuq il-minoranza.

40.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C-578/13, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni jaqblu li jirrikonoxxu li l-kunċett ta’ “kwistjonijiet [materji] ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, għandu jkun interpretat b’mod awtonomu, filwaqt li tiġi kkunsidrata l‑interpretazzjoni tal-istess termini użati fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Barra minn hekk, kull persuna kkonċernata li ppreżentat osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel li kawża eżerċitata kontra Stat Membru ma hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007 ħlief jekk tkun toriġina minn atti tal-awtorità pubblika. Madankollu, l-osservazzjonijiet tagħhom ma jaqblux dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinġibdu mill-fatt li l‑Istat Grieg, permezz tal-Liġi Nru 4050/2012, biddel unilateralment u retroattivament il-kundizzjonijiet applikabbli għat-titoli maħruġa jew iggarantiti minnu billi inkluda, a posteriori, klawżola ta’ ristrutturizzazzjoni li tippermetti li deċiżjonijiet meħuda minn maġġoranza biss jiġu imposti fuq id-detenturi kollha.

41.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawżi C‑226/13, C‑245/13 u C‑247/13 isostnu li l-kawżi prinċipali f’dawn il-kawżi jaqgħu purament fid-dritt privat, peress li l-Istat Grieg ġie mfittex mhux għaliex għamel użu mill-prerogattivi tiegħu tal-awtorità pubblika, iżda għaliex ikkawża preġudizzju għad-dritt tal-proprjetà tagħhom billi jwettqu problema ta’ fatt. Huma jsostnu li mill-Liġi Nru 4050/2012 ma jirriżultax kuntest ta’ dritt pubbliku li jirrigwarda s-suġġett tal-kawża tagħhom, sa fejn din il-liġi ma tirregolax relazzjonijiet ta’ dritt pubbliku, iżda relazzjonijiet klassiċi ta’ dritt privat u ma twettaqx esproprijazzjoni fis-sens tal‑ġurisprudenza Ġermaniża, peress li ma ġietx adottata bil-għan li twettaq funzjoni pubblika partikolari. Fin-nuqqas ta’ azzjoni jure imperii, il-kompetenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor hija fondata u l‑Istat Grieg ma jistax jipprevalixxi ruħu mill-immunità tiegħu. Mill‑bqija, f’kawżi simili li tressqu quddiem il-qrati Griegi, il-Gvern Grieg espliċitament rrikonoxxa li l-azzjonijiet ma kinux marbuta mal‑eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

42.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑578/13 isostnu li l‑kawża tagħhom hija indirizzata kontra l-Gvern Grieg bħala debitur privat li ssottometta ruħu għad-dritt ċivili bil-ħruġ tal-bonds. Billi jqisu li s-suġġett tal-kawża u l-oriġini tat-talba għandhom jiġu kkunsidrati, huma jikkunsidraw li l-kawża tagħhom hija bbażata fuq id‑dritt tagħhom għar-rimbors tal-bonds maħruġa minn dan l-Istat skont ir-regoli tad-dritt privat u jżidu li, jekk, b’mod sussidjarju għal tnejn fosthom, huma bbażaw ukoll il-kawża tagħhom fuq dispożizzjonijiet tal-BGB dwar ir-responsabbiltà delittwali, xorta għandu jibqa’ l-fatt li ma humiex jallegaw esproprijazzjoni, iżda aġir intenzjonali u dolożiv imwettaq mill-imsemmi Stat bħala debitur.

43.

Għall-kuntrarju, skont il-Gvern Grieg, din il-miżura leġiżlattiva u d-dispożizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni meħuda ulterjorment mill-Kunsill tal-Ministri sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ skambju ta’ titoli eżistenti, fil-kuntest tar-ristrutturizzazzjoni tad-dejn pubbliku approvata minn deċiżjoni unanima tal-pajjiżi sieħba tagħha tal-Unjoni Ewropea, jikkostitwixxu atti ta’ awtorità pubblika mill-organi kompetenti tal-Istat u intiżi sabiex jipproteġu l-interess ġenerali. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, qed jinħbew wara kawża ċivili, sabiex jikkontestaw b’mod indirett il-validità ta’ dawn l-atti, u b’hekk jikkontestaw ir‑responsabbiltà tal-Istat għal atti jew ommissjonijiet fl-eżerċizzju tal‑awtorità pubblika.

44.

Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, issostni, b’mod preliminari, għal raġunijiet ibbażati kemm fuq rekwiżiti ta’ ekonomija ta’ ġudizzju u ta’ rispett għad-drittijiet tad-difiża kif ukoll tal-għanijiet tar-Regolament Nru 1393/2007, li huwa biss f’każ li eżami prima facie jippermetti li jiġi konkluż li t-talba manifestament ma tistax tiġi kkunsidrata bħala materja ċivili u kummerċjali li jista’ jkun hemm rifjut ta’ notifika tal-att promotur ta’ kawża skont dan ir-regolament. Wara li fakkret li, meta jiksbu finanzjament mill-ġdid fuq is-swieq finanzjarji, l-Istati jaġixxu l-istess bħal persuna ġuridika fid-dritt privat u għalhekk huma suġġetti għal-liġijiet tas-suq, hija ssostni, fuq il-mertu, li s-sempliċi inklużjoni a posteriori ta’ klawżola ta’ ristrutturizzazzjoni ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, att deċiżiv imwettaq fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Fil‑fatt, tali klawżola, spiss użata fit-tranżazzjonijiet kummerċjali bejn partijiet privati, kellha biss il-funzjoni anċillari li tippermetti lid‑detenturi ta’ bonds jadottaw deċiżjoni koordinata u konformi mas‑suq fir-rigward tal-offerta ta’ skambju. Skont il-Kummissjoni, bl‑inklużjoni b’mod unilaterali ta’ din il-klawżola ta’ ristrutturizzazzjoni, l-Istat Grieg finalment aċċetta li jassimila t-termini tal-kuntratt tal-Istat, li kellu status partikolari, ma’ dawk suġġetti ta’ dritt privat. Is-sempliċi fatt li, għal dan il-għan, huwa uża strumenti ta’ dritt pubbliku fih innifsu ma huwiex biżżejjed sabiex ikun il-bażi ta’ att jure imperii peress li, barra minn hekk, il-kuntest legali kollu għandu karatteristiċi ta’ dritt privat u jaqa’ taħt l-att jure gestionis.

45.

Sabiex jingħataw risposti għad-domandi magħmula mill-qrati tar‑rinviju, fl-ewwel lok għandha tingħata deċiżjoni dwar jekk it-termini “kwistjonijiet [materji] ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, għandhomx jingħataw l-istess interpretazzjoni bħal dik tal-istess kunċett li jinsab fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Wara li tkun ingħatat risposta fl-affermattiv għal din l-ewwel domanda, ser neżamina, fit-tieni lok, l-istat ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tar-Regolament Nru 44/2001. Sussegwentement, fit-tielet lok, ser napplika l-kriterji li jirriżultaw minnha sabiex ikun stabbilit jekk dawn il-kwistjonijiet fil-kawżi prinċipali jaqgħux f’dawn il-materji, fis‑sens tar-Regolament Nru 1397/2007.

1. Il-modalitajiet ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kwistjonijiet [materji] ċivili [u] kummerċjali”, fis-sens tar-Regolament Nru 1393/2007

46.

Id-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007 bir-riferiment għall-materji ċivili u kummerċjali ssib l‑oriġini tagħha fil-mudell klassiku kkostitwit mill-ftehim ta’ dritt internazzjonali privat żviluppat fil-kuntest tal-Konferenza ta’ Den Haag tad-dritt internazzjonali privat u f’dak tal-Komunitajiet Ewropej. L‑istess huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-Konvenzjoni tal-Aja tal‑15 ta’ Novembru 1965 dwar in-Notifika barra l-Pajjiż ta’ Dokumenti Ġudizzjarji u Extraġudizzjarji fi Kwistjonijiet Ċivili jew Kummerċjali fl-interess tal-Unjoni Ewropea, li ma tapplikax, kif jirriżulta mit-titolu tagħha stess, barra minn dawn iż-żewġ livelli. L-istess huwa l-każ tal‑Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 29 ), li ġiet issostitwita bir-Regolament Nru 44/2001, li mill-10 ta’ Jannar 2015, ser jiġi ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l‑eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali ( 30 ).

47.

Peress illi llum, il-kunċett ta’ materji ċivili u kummerċjali jinsab f’numru ta’ strumenti tad-dritt tal-Unjoni ( 31 ), dan il-kunċett ma għandux definizzjoni speċifika. Il-kunċett għandu jiġi evalwat fid-dawl tal‑eċċezzjonijiet espressi fformulati mhux b’mod limitat minn dawn l‑istrumenti li, fil-maġġoranza tagħhom, jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom “kwistjonijiet fiskali, doganali jew amministrattivi” ( 32 ) u r-“responsabbiltà tal-Istat għal atti jew ommissjonijiet fl-eżerċiżżju tal‑awtorità pubblika” ( 33 ).

48.

Peress li l-kunċett ta’ materji ċivili u kummerċjali ġie riprodott f’termini identiċi bħal dawk użati fil-Konvenzjoni ta’ Brussell u sussegwentement fir-Regolament Nru 44/2001, il-ġurisprudenza mogħtija fir-rigward ta’ dawn l-istrumenti tagħti kriterju ta’ interpretazzjoni partikolarment adegwat. Ispirata minnha, l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1393/2007 hija konformi mar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali u tal-koerenza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-motivi tas-sentenza Lechouritou et ( 34 ) jimmilitaw favur interpretazzjoni komuni tal‑istrumenti differenti li jaqgħu f’dan il-qasam, peress li, sabiex tinterpreta l-kunċett ta’ “materja ċivili” fis-sens tal-ewwel sentenza tal‑Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-esklużjoni ta’ atti juri imperii li ma kinux inklużi f’din il-Konvenzjoni, iżda f’leġiżlazzjoni oħra ( 35 ).

49.

Il-formulazzjoni ta’ kriterju adegwat timplika għalhekk li qed tkun ispirata minn soluzzjonijiet mogħtija fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, kif stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001, b’riferiment, skont ġurisprudenza stabbilita ferm ( 36 ), kemm għall-kunċett ta’ “awtonomija”, li jistrieħ fuq kunsiderazzjonijiet ta’ effettività marbuta mar-rekwiżit ta’ uniformità ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll mat-teknika ġuridika tal-interpretazzjoni teleoloġika, li tippermetti li jiġu kkunsidrati l-għanijiet speċifiċi tar-Regolament Nru 1393/2007 ( 37 ).

2. L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-Regolament Nru 44/2001

50.

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikoli 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat b’riferiment, minn naħa, għas-sistema ta’ dawn l-istrumenti u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipji ġenerali li jirriżultaw mis-sistemi kollha ta’ dritt nazzjonali ( 38 ).

51.

Din l-interpretazzjoni awtonoma twassal, skont il-Qorti tal‑Ġustizzja, sabiex jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-Regolament Nru 44/2001 “minħabba f’elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet fil-kawża jew l-għan ta’ din” ( 39 ).

52.

F’dak li jirrigwarda l-kawżi bejn entità pubblika u persuna fid‑dritt privat, diversi deċiżjonijiet, li jagħtu direzzjoni netta ferm favur ir-rifjut ta’ kriterju purament strutturali, stabbilixxew kriterju ta’ distinzjoni bbażat fuq l-eżerċizzju jew le, mill-awtorità pubblika inkwistjoni, ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. B’hekk, fis-sentenzi tagħha LTU ( 40 ) u Rüffer ( 41 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-materji ċivili u kummerċjali ma jinkludux il-kawżi bejn awtorità pubblika u persuna privata, “meta l-awtorità taġixxi fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika” ( 42 ). Dan il-kriterju ġie riprodott f’formulazzjoni xi drabi differenti, iżda dejjem b’mod konsistenti fil-mertu, f’diversi deċiżjonijiet ulterjuri, li eskludew mill-materji ċivili u kummerċjali l‑azzjonijiet li jikkorrispondu għall-“eżerċizzju tal-awtorità pubblika meta mqabbla mar-regoli tad-dritt komuni applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi privati” ( 43 ).

53.

Barra minn hekk, sabiex jiġi stabbilit jekk kawża hijiex bejn persuna tad-dritt privat u awtorità pubblika li qed taġixxi fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li hemm lok li jiġu eżaminati “il-bażi u l-modalitajiet tal-eżerċizzju tal-azzjoni meħuda” ( 44 ). Abbażi ta’ dan il-kriterju, fis‑sentenza Baten ( 45 ), hija kklassifikat bħala materja ċivili, il-kawża għall-irkupru eżerċitata minn organu pubbliku ta’ għajnuna soċjali li kien ħallas ammonti ta’ flus lil mara divorzjata u lil wild tagħha kontra l-konjuġi divorzjat u missier il‑wild, abbażi tal-obbligu ta’ manteniment tiegħu ( 46 ). Sabiex tasal għal din is-soluzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-fatt li l‑kawża, minkejja li ppreżentata minn organu pubbliku, kellha bħala bażi dejn legali ta’ manteniment li huwa rregolat mir-regoli tad-dritt ċivili li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-limiti u li hija kienet tressqet quddiem il-qrati ċivili skont ir-regoli tal-proċedura ċivili ( 47 ).

54.

Billi għall-darb’oħra reġgħet ibbażat ruħha fuq il-bażi u l‑modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-azzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Préservatrice foncière TIARD ( 48 ), ikkunsidrat li l-kawża li permezz tagħha Stat kontraenti kien qed jipproċedi, fil-konfront ta’ persuna tad-dritt privat, għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ dritt privat ta’ garanzija li kien konkluż bil-għan li jippermetti lil terza persuna li tagħti garanzija mitluba u ddefinita minn dan l-Istat, sa fejn ir-relazzjoni legali bejn il-kreditur u l-garanzija, kif jirriżulta mill-kuntratt ta’ garanzija, ma kinitx tikkorrispondi mal-eżerċizzju ta’ setgħat li jmorru lil hinn mir‑regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi fid-dritt privat ( 49 ), kienet taqa’ taħt il-kunċett ta’ materja ċivili u kummerċjali.

55.

Fil-linja ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha Sapir et ( 50 ), li l-kunċett ta’ materji ċivili u kummerċjali kien jinkludi l-kawża għall-irkupru ta’ pagament mhux dovut eżerċitata minn organu pubbliku wara proċedura amministrattiva intiża għall-kumpens tad-dannu kkawżat mit-telf ta’ proprjetà immobbli wara persekuzzjonijiet taħt ir-reġim nażista. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala indizji rilevanti l-fatt li dritt għall-kumpens li minnu toriġina l‑kawża mressqa kien ibbażat fuq dispożizzjonijiet nazzjonali identiċi għall-proprjetarji kollha ta’ immobbli suġġetti għal drittijiet ta’ ħlas lura u l-fatt li l-proċedura amministrattiva kienet identika irrispettivament mill-kwalità tal-proprjetarju kkonċernat, liema proprjetarju ma jgawdi l‑ebda prerogattiva deċiżjonali f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tad-drittijiet għal ħlas lura tal-persuna leża. Hija kkunsidrat ukoll li din il-kawża, li kienet intiża għall-irkupru ta’ pagament mhux dovut, ma kinitx tifforma parti mill-proċedura amministrattiva, kellha tiġi eżerċitata quddiem il-qrati ċivili u kellha bħala bażi legali r-regoli tal‑BGB ( 51 ).

56.

Fl-aħħar nett, fis-sentenza tagħha Sunico et ( 52 ), il-Qorti tal‑Ġustizzja kkunsidrat li kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament Nru 44/2001 il-kawża li permezz tagħha awtorità pubblika ta’ Stat Membru titlob, lil persuni fiżiċi u ġuridiċi residenti fi Stat Membru ieħor, kumpens għad-danni kkawżati minn assoċjazzjoni kriminali b’għan ta’ frodi għall-VAT dovuta lill-ewwel Stat Membru. Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-bażi fattwali u legali tat-talba u r‑relazzjoni ġuridika bejn il-partijiet fil-kawża, filwaqt li evalwat jekk l‑awtorità pubblika kinitx eżerċitat jew le, fil-kuntest ta’ din ir‑relazzjoni, setgħat li jmorru lil hinn mir-regoli applikabbli fir‑relazzjonijiet bejn individwi fid-dritt privat ( 53 ).

57.

Madankollu, il-kriterju relatat mal-bażi u l-modalitajiet tal‑eżerċizzju, introdott permezz tas-sentenza Baten ( 54 ) riprodott fis‑sentenzi Préservatrice foncière TIARD ( 55 ), Frahuil ( 56 ), Sapir et ( 57 ) u Sunico et ( 58 ), kien jidher bħala sussidjarju, fis-sens li ma jidħolx fis-seħħ ħlief jekk ma jkunx stabbilit li t-talba għandha l-oriġini materjali tagħha f’att ta’ awtorità pubblika.

58.

Bl-istess mod, fis-sentenza tagħha Rüffer ( 59 ), li kienet tirrigwarda kawża ppreżentata mill-Istat Olandiż kontra l-proprjetarju ta’ dgħajsa li kienet ħabtet ma’ dgħajsa oħra u għerqitha, sabiex jirkupra l-ispejjeż għat-tneħħija tad-dgħajsa mgħarrqa, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l‑fatt li l-Istat responsabbli minn dawn l-atti fetaħ kawża għar-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż abbażi ta’ dritt ta’ kreditu li kellu l-oriġini tiegħu f’att ta’ awtorità pubblika kien biżżejjed sabiex il-kawża tiegħu titqies bħala eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, minkejja li l-proċedura offruta għal dawn l-għanijiet mid-dritt nazzjonali ma kinitx proċedura amministrattiva, iżda proċedura għal kumpens tad-dritt komuni ( 60 ).

59.

Ferm iktar sinjifikattiva hija s-sentenza Lechouritou et ( 61 ), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li ma taqax fil-materji ċivili u kummerċjali kawża fil-qorti miftuħa kontra Stat u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu subit mill-aventi kawża tal-vittmi ta’ attivitajiet tal-forzi armati fil-kuntest ta’ operazzjonijiet ta’ gwerra matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Filwaqt li ntrabtet b’mod esklużiv mal‑bażi fattwali tal-azzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li tali operazzjonijiet “jikkostitwixxu waħda mill-karatteristiċi mnissla mill‑Istat sovran, b’mod partikolari peress illi huma deċiżi mill‑awtoritajiet pubbliċi kkonċernati b’mod unilaterali u jorbtu [vinkolanti] u huma ppreżentati bħala indissoċjabbilment marbuta mal‑politika barranija u ta’ difiża ta’ l-Istati” ( 62 ). Barra minn hekk, il‑Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li l-fatt li r-rikors kien ippreżentat bħala li huwa ta’ natura ċivili peress li kien intiż li jitlob kumpens finanzjarju għad-dannu materjali u morali kkawżat lir-rikorrenti fil‑kawża prinċipali kien nieqes minn kull rilevanza ( 63 ).

60.

Jidhirli li huwa sinjifikattiv ukoll li jiġi rrilevat li s-sentenzi li kienu intiżi sabiex ifittxu l-bażi legali u l-modalitajiet tal-eżerċizzju tal-kawża kollha jikkonċernaw, bl-eċċezzjoni tas-sentenza Frahuil ( 64 ), b’mod partikolari, kawżi sabiex jinkiseb rimedju jew kawżi ta’ surroga, eżerċitati minn organu pubbliku. F’dan il-każ, huwa loġiku li jkun hemm riferiment għall-bażi u għall-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal‑kawża sabiex ikun magħruf jekk, permezz tal-istess kawża fil-qrati, l-awtorità pubblika hijiex qed tuża l-pożizzjoni tagħha ta’ awtorità pubblika. Min‑naħa l-oħra, peress li din hija kawża għal kumpens ta’ dannu eżerċitata minn individwu kontra awtorità pubblika, il-fatt li l-kawża tieħu, fid-dritt nazzjonali, il-forom klassiċi tad-dritt ċivili, ma huwiex deċiżiv, u dan iktar u iktar peress li l-liġi applikabbli għadha ma ġietx iddeterminata ( 65 ). Għall-kuntrarju, għandu jkun ivverifikat jekk it-talbiet oriġinawx minn att ta’ awtorità pubblika.

3. L-applikazzjoni tal-kriterji ġurisprudenzjali fil-kawżi prinċipali

61.

L-analiżi progressivament żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tas-sentenzi differenti hawn fuq imsemmija ma tagħtix risposta ċara għad-domanda li għandna quddiemna. Dan huwa spjegat mill-fatt partikolari li l-kawżi eżerċitati kontra l-Istat Grieg mid-detenturi Ġermaniżi ta’ titoli Griegi għandhom, fir-realtà, bażi fuq żewġ livelli, minn naħa waħda, il-ħruġ ta’ bonds u, min-naħa l-oħra, il-bdil tal‑kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ dawn il-bonds waqt l-eżekuzzjoni tagħhom wara l-intervent tal-leġiżlatur Grieg.

62.

Il-bonds maħruġa mill-Istati huma kkunsidrati bħala li jaqgħu fil‑kategorija ta’ atti mwettqa jure gestionis, suġġetti għar-regoli ġenerali applikabbli għal dan it-tip ta’ tranżazzjonijiet ( 66 ). Barra minn hekk għandu jiġi kkonstatat li l-Gvern Grieg ma jsostnix li l-ħruġ ta’ dawn il‑bonds jaqa’ fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tal-awtorità pubblika.

63.

Madankollu, jekk il-ħruġ ta’ bond minn Stat jiġi kkunsidrat bħala att jure gestionis, l-eżerċizzju ulterjuri mill-Istat tas-setgħa leġiżlattiva tiegħu, li hija kkunsidrata, għall-kuntrarju, bħala att jure imperii, għandu wkoll jiġi kkunsidrat, peress li huwa evidenti li l-kawżi għad‑dannu eżerċitati kontra l-Istat Grieg huma bbażati mhux biss fuq it-titoli inizjali, iżda wkoll u fuq kollox fuq il-Liġi Nru 4046/2012, tal‑14 ta’ Frar 2012, li għamlet possibbli l-iskambju tat-titoli u konsegwentement, it-tnaqqis tad-dejn billi introduċiet fil-kundizzjonijiet tal-bonds klawżoli ta’ azzjoni kollettiva. F’din is-sitwazzjoni partikolari, kif għandha tiġi analizzata r-relazzjoni ġuridika li tirriżulta mhux biss mill-ħruġ ta’ bonds tal-Istat, iżda wkoll mill-bidla unilaterali, permezz ta’ liġi, tal-kundizzjonijiet marbuta ma’ dawn il-bonds? Meta l-Istat ikun kemm parti kontraenti kif ukoll awtorità pubblika, kawża għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà eżerċitata kontra tiegħu hija indirizzata kontra atti li huwa kkommetta jure gestionis jew kontra dawk imwettqa jure imperii? Ir-risposta għal din id-domanda titlob, fl-opinjoni tiegħi, distinzjoni bejn il-modalitajiet ta’ eżerċizzju mill-Istat sovran tas-setgħa leġiżlattiva tiegħu.

64.

Jekk l-Istat jadotta norma ġenerali u astratta li hija imposta fuq il‑partijiet kontraenti u tista’ b’mod indirett twassal sabiex jinbidlu l‑kundizzjonijiet tal-kuntratt, bħal bdil fil-leġiżlazzjoni fiskali, din l‑azzjoni leġiżlattiva tal-Istat tista’ tkun distinta u sseparata mill-azzjoni tiegħu bħala parti kontraenti, mingħajr ma tinbidel in-natura tar‑relazzjonijiet legali li jirriżultaw mill-kuntratt inizjali.

65.

Jekk, għall-kuntrarju, l-Istat li joħroġ il-bonds juża s-setgħa sovrana tiegħu sabiex jadotta norma li ma hijiex ġenerali u astratta, iżda norma speċifika u konkreta li għandha bħala għan u effett li tikkawża dannu dirett għall-valur tal-bonds maħruġa, l-azzjoni tiegħu bħala awtorità pubblika ma jidhirlix li hija separabbli mill-azzjoni tiegħu bħala parti kontraenti. Fil-fatt, f’dan il-każ, huwa proprju l-Istat kontraenti li juża s-setgħa sovrana tiegħu, direttament fir-rigward tal-kuntratt. L‑intervent tal-leġiżlatur Grieg bil-Liġi Nru 4050/2012 jaqa’ f’din it‑tieni ipoteżi. L-Istat Grieg intervjena unilateralment, retroattivament u b’mod vinkolanti sabiex jibdel il-kundizzjonijiet tal-ħruġ tal-bonds billi inkluda klawżola ta’ azzjoni kollettiva li tippermetti li d-detenturi f’minoranza ta’ titoli jiġu suġġetti għall-obbligu li jissottomettu ruħhom għall-volontà tal-maġġoranza. Sabiex jissaħħaħ l-argument li din l‑azzjoni taqa’ fil-kategorija ta’ atti jure imperii, huwa biżżejjed li jiġi mistoqsi jekk ir-regoli normalment applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l‑individwi jawtorizzawx lil parti f’kuntratt, la darba dan ikun ġie konkluż, li jintroduċi fih tali klawżola, retroattivament u mingħajr il‑kunsens tal-parti l-oħra. F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ intervent speċifiku, ma jidhirlix li huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li l-kawża għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà kontra l-Istat Grieg tista’ tiġi kkunsidrata bħala li ma tikkontestax atti mwettqa fl-eżerċizzju tal‑awtorità pubblika.

66.

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-intervent tal‑leġiżlatur Grieg seħħ fil-kuntest eċċezzjonali ta’ operazzjoni ta’ ristrutturizzazzjoni tad-dejn privat Grieg li kellu bħala għan li jevita l‑falliment ta’ dan l-Istat billi jkun aċċettat, mill-kredituri, tnaqqis tad‑dejn.

67.

F’dan ir-rigward, wara l-ewwel summit straordinarju tal-Unjoni li sar fil-21 ta’ Lulju 2011, li fi tmiemu kien ġie deċiż pjan favur ir-Repubblika Ellenika li kien jinkludi “parteċipazzjoni volontarja eċċezzjonali tas-settur privat” ( 67 ), il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern tal‑Istati Membri taż-żona tal-Euro, wara summit ieħor li sar fis-26 u 27 ta’ Ottubru 2011, stiednu lir-Repubblika Ellenika, lill-investituri privati u lill-partijiet kollha kkonċernati sabiex jimplementaw skambju “volontarju” ( 68 ) ta’ bonds bi tnaqqis impost nominali ta’ 50 % fuq il‑valur nazzjonali tad-dejn Grieg miżmum mill-investituri privati ( 69 ). Kien wara dawn id-deċiżjonijiet li ġiet adottata l-Liġi Nru 4050/2012.

68.

Dawn it-tranżazzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja tal-organizzazzjoni finanzjarja u ekonomika tar-Repubblika Ellenika u, b’mod iktar wiesa’, sabiex tkun ippreżervata l-istabbiltà finanzjarja taż‑żona tal-Euro fit-totalità tagħha u li jidhru li huma marbuta b’mod indissolubbli mal-politika monetarja tal-Unjoni huma sfumaturi karatteristiċi tas-sovranità tal-Istat.

69.

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li ma huwiex mill‑adozzjoni tal-mekkaniżmu tal-klawżoli ta’ azzjoni kollettiva li qed tiġi dedotta l-eżistenza ta’ manifestazzjoni tal-awtorità pubblika. Fil-fatt, dawn il-klawżoli huma prassi normali fir-relazzjonijiet finanzjarji sa mis-snin 90 u l-kriżijiet suċċessivi tad-dejn sovran tal-Istati tal-Amerika ta’ Isfel. It-Trattat li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà ( 70 ) juri, barra minn hekk, l-importanza tal-imsemmija klawżoli, li llum il‑ġurnata huma obbligatorjament inklużi fil-kuntratti ta’ kreditu mill-Istati Membri taż-Żona tal-Euro meta jieħdu self minn kredituri privati ( 71 ). L-inklużjoni b’mod retroattiv u vinkolanti ta’ tali klawżoli fil‑kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ self attiv għal raġunijiet ta’ interess superjuri tal-Istat Grieg u tal-Istati Membri kollha taż-żona tal-Euro tikkostitwixxi, għall-kuntrarju, manifestazzjoni tal-awtorità pubblika.

70.

Minn dan niddeduċi li l-kawża eżerċitata mid-detenturi minoritorji kontra l-Istat Membru wara l-iskambju ta’ titoli neċessarjament qed tikkontesta r-responsabbiltà tal-Istat Grieg għal atti mwettqa jure imperii, mingħajr ma jista’ jiġi argumentat li dan l‑iskambju, intenzjonat sabiex inaqqas il-valur nominali ta’ dawn it-titoli, allegatament kellu vot tal-maġġoranza. F’dan ir-rigward, ir‑raġunament tal-Kummissjoni, li tidher qed tikkunsidra li l-azzjoni tal‑Istat Grieg kienet tersaq iktar lejn l-isfera ta’ atti mwettqa jure imperii jekk, minflok ma inkluda klawżola ta’ ristrutturizzazzjoni, l‑Istat Grieg kien f’daqqa waħda impona bidla fid-dejn tiegħu mingħajr il-kunsens tal-kredituri, jidhirli li għandha tiġi kkritikata inkwantu l‑klassifikazzjoni tar-relazzjoni ġuridika għandha tiddependi mill‑gravità tal-preġudizzju mwettaq mill-Istat fir-rigward tad-drittijiet tal-kontraenti.

71.

Dawn huma r-raġunijiet li għalihom jiena nqis li l-kawża ppreżentata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007.

72.

Jien diġà sostnejt, waqt l-eżami tal-ammissibbiltà ta’ dawn id-domandi preliminari, ir-raġunijiet li jidhirli li jiġġustifikaw li l-qorti nazzjonali tista’ teżerċita, anki fi stadju prekoċi tal-proċedura, stħarriġ tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament Nru 1393/2007, billi tagħmel, jekk ikun meħtieġ, lill-Qorti tal-Ġustizzja, domanda preliminari ( 72 ). Għalhekk jien ser inżid biss li l-opinjoni espressa mill-Kummissjoni li tipprovdi li l-qorti nazzjonali għandha twettaq biss stħarriġ prima facie ma tibbaża fuq ebda bażi testwali ( 73 )

IV – Konklużjoni

73.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mil-Landgericht Wiesbaden u mil-Landgericht Kiel:

Il-kunċett ta’ “kwistjonijiet [materji] ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007, tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra‑ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti), u li jħassar ir-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1348/2000, għandu jkun interpretat fis-sens li ma jinkludix kawża li permezz tagħha detentur individwali ta’ bonds maħruġa minn Stat Membru jipproċedi b’kawża għad-danni kontra dan l-Istat minħabba l-iskambju ta’ dawn il-bonds b’oħrajn ta’ valur inqas, liema skambju kien impost fuq din il-persuna wara l-adozzjoni, mil‑leġiżlatur nazzjonali, ta’ liġi li kienet unilateralment u retroattivament bidlet il-kundizzjonijiet applikabbli għall-bonds billi inkludiet klawżola ta’ azzjoni kollettiva li tippermetti lil maġġoranza tad‑detenturi ta’ dawn tal-aħħar jimponu tali skambju fuq il-minorità.


( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 )   ĠU L 324, p. 79.

( 3 )   Minkejja li fil-verżjoni Franċiża, it-titolu ta’ dan ir-regolament juża l-kliem “kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali”, l-imsemmija dispożizzjoni tuża l-kliem “kwistjonijiet ċivili u kummerċjali” (korsiv miżjud minni). Din id-differenza fil-konġunzjoni li tgħaqqad, fl-opinjoni tiegħi, ma taffettwax is-sens u l-portata ta’ din l-espressjoni.

( 4 )   Punt 9.1.1 ta’ dan l-anness.

( 5 )   FEK A’ 36/23.2. 2012, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 4050/2012”.

( 6 )   Kawża ta’ spoll eżerċitata minn detentur li tteħidlu l-pussess minħabba problema ta’ fatt.

( 7 )   Kawża għal restituzzjoni bbażata fuq id-dritt ta’ proprjetà.

( 8 )   Iktar ’il quddiem “BGB”.

( 9 )   Danni għal ksur tal-obbligu, minflok provvista mhux mogħtija.

( 10 )   Kumpens ta’ dannu kkawżat minn att illeċitu.

( 11 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Woningstichting Sint Servatius (C‑567/07, EU:C:2009:593, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 )   Ibidem (punt 53).

( 13 )   Ara, b’mod partikolari, id-digriet 3D I (C‑107/14, EU:C:2014:2117, punt 9).

( 14 )   Informazzjoni disponibbli fuq is-sit internet tal-Kummissjoni, fl-Atlas ġudizzjarju Ewropew fil-qasam ċivili, fl-indirizz segwenti: http://ec.europa.eu/justice_home/judicialatlascivil/html/ds_centralbody_de_fr.htm.

( 15 )   C‑111/94, EU:C:1995:340.

( 16 )   Ara s-sentenza Torresi (C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 19 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

( 17 )   Ara s-sentenza Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 57).

( 18 )   Ara s-sentenza Salzmann (C‑178/99, EU:C:2001:331, punti 15 sa 17).

( 19 )   Ara s-sentenza Standesamt Stadt Niebüll (C‑96/04, EU:C:2006:254, punti 14 sa 17).

( 20 )   C‑14/08, EU:C:2009:395.

( 21 )   Regolament tal-Kunsill, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 227).

( 22 )   Sentenza Roda Golf & Beach Resort (EU:C:2009:395, punt 37).

( 23 )   C‑283/09, EU:C:2011:85.

( 24 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 121.

( 25 )   Punti 41 u 42 ta’ din is-sentenza.

( 26 )   C‑18/93, EU:C:1994:195.

( 27 )   Punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Roda Golf & Beach Resort (EU:C:2009:395, punt 33).

( 28 )   Regolament tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

( 29 )   ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”

( 30 )   ĠU L 351, p. 1. Bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 75 u 76 tar-Regolament Nru 1215/2012 li huma applikabbli mill-10 ta’ Jannar 2014.

( 31 )   Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38), l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (JO L 199, p. 1); l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali (JO L 136, p. 3), u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (EU) Nru 655/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Mejju 2014, li jistabbilixxi proċedura ta’ Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru transkonfinali tad-dejn f’materji ċivili u kummerċjali (JO L 189, p. 59).

( 32 )   Introdotti permezz tal-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-Adeżjoni tar‑Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għal Konvenzjoni dwar ġurisdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, u l-Protokoll dwar l-interpretazzjoni tiegħu mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-Artikolu 3 ta’ din il-Konvenzjoni), dawn it-termini ġew riprodotti fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

( 33 )   Din il-preċiżjoni la tinsab fil-Konvenzjoni ta’ Brussell u lanqas fir-Regolament Nru 44/2001. Għall-kuntrarju, hija ġiet introdotta fir-Regolament Nru 1215/2012 (ara t-tieni sentenza tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament).

( 34 )   C‑292/05, EU:C:2007:102.

( 35 )   Punt 45.

( 36 )   Ara l-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 37 )   Barra minn hekk, dan huwa r-raġunament li segwiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis‑sentenza tagħha C (C‑435/06, EU:C:2007:714). F’din is-sentenza, wara li fakkret x’kienet l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis‑sens tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretatat il-kunċett ta’ “kwistjonijiet [materji] ċivili” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243), kif emendat bir‑Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 2116/2004 (ĠU 153M, p. 253), filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-għanijiet speċifiċi li għandhom jintlaħqu mir-Regolament Nru 2201/2003.

( 38 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Lechouritou et (EU:C:2007:102, punt 29) u flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 24 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

( 39 )   Ibidem (rispettivament il-punti 30 u 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Korsiv miżjud minni.

( 40 )   29/76, EU:C:1976:137.

( 41 )   814/79, EU:C:1980:291.

( 42 )   Ara, rispettivament, il-punti 4 u 8 ta’ dawn is-sentenzi. Korsiv miżjud minni.

( 43 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Préservatrice foncière TIARD (C‑266/01, EU:C:2003:282, punt 30).

( 44 )   Ara s-sentenza Baten (C‑271/00, EU:C:2002:656, punt 31). Korsiv miżjud minni.

( 45 )   EU:C:2002:656.

( 46 )   Punt 37.

( 47 )   Punt 33.

( 48 )   EU:C:2003:282.

( 49 )   Punt 36.

( 50 )   C‑645/11, EU:C:2013:228.

( 51 )   Punti 35 sa 37.

( 52 )   C‑49/12, EU:C:2013:545.

( 53 )   Punti 36 sa 40.

( 54 )   EU:C:2002:656.

( 55 )   EU:C:2003:282.

( 56 )   C‑265/02, EU:C:2004:77.

( 57 )   EU:C:2013:228.

( 58 )   EU:C:2013:545.

( 59 )   EU:C:1980:291.

( 60 )   Punti 13 u 15.

( 61 )   EU:C:2007:102.

( 62 )   Punt 37. Korsiv miżjud minni.

( 63 )   Punt 41.

( 64 )   EU:C:2004:77. Il-kawża kienet bejn żewġ persuni tad-dritt privat.

( 65 )   B’mod partikolari għandu jiġi rrilevat li ma hemm xejn stabbilit li r-regoli ta’ dritt internazzjonali privat jindikaw id-dritt Ġermaniż bħala liġi applikabbli fil-kawżi prinċipali.

( 66 )   Ara, f’dan is-sens, O’Keefe, R., Tams, C. J., u Tzanakopoulos, A., The United Nations Convention on Jurisdictional Immunities of States and Their Property – A Commentary, Oxford University Press, 2013, p. 64, u rapport tal-Grupp ta’ Ħidma fuq l-immunitajiet ġudizzjarji tal-Istati u tal-beni tagħhom, anness mad-Direttorju tal-Kummissjoni tad-dritt internazzjonali, 1999, Vol. II, it-tieni parti [A/CN.4/SER.A/1999/Add.1 (Parti 2)], p. 157, sp. p. 170, punt 54

( 67 )   Ara p 6 u 7 tad-dokument intitolat “Il-Kunsill Ewropew fl-2011”, disponibbli fl‑indirizz http://www.european-council.europa.eu/media/555288/qcao11001frc.pdf.

( 68 )   Kummentatur iddeskriva r-ristrutturizzazzjoni tad-dejn Grieg bħala “volontarjament obbligatorju”. Ara H. De Vauplane, “Le rôle du juge pendant la crise : entre ombre et lumière”, Revue des Affaires Européenne – Law & European Affairs, 2012/4, p. 773, sp. p. 775. Hija tista’ wkoll tiġi deskritta bħala “obbligatorjament volontarja”.

( 69 )   Ara d-dokument intitolat “Il-Kunsill Ewropew fl-2011”, imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67, punt 12, p. 65, tad-“Dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern taż-Żona tal-Euro tas-26 ta’ Ottubru 2011”).

( 70 )   Trattat li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portuġiża, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika tal-Finlandja, konkluż fi Brussell fit-2 ta’ Frar 2012

( 71 )   Ara l-Artikolu 12(3) tal-imsemmi trattat li jiddefinixxi l-prinċipji li huwa suġġett għalihom is-sostenn għall-istabbiltà. L-inklużjoni sistematika ta’ klawżoli ta’ azzjoni kollettiva fil-kundizzjonijiet li għandhom il-bonds tal-Istat f’denominazzjoni euro kienet waħda mill-miżuri li dwarhom iddeċidew il-Kapijiet tal-Istat jew ta’ Gvern ta’ Stati Membri taż-Żona tal-Euro fid-9 ta’ Diċembru 2011 sabiex jirrispondu għall-kriżi tad-dejn sovran (ara d-dokument intitolat “Il-Kunsill Ewropew fl-2011”, imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67, punt 15, p. 71, tad‑“Dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern taż-Żona tal-Euro tad-9 ta’ Diċembru 2011”).

( 72 )   Ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 73 )   F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1393/2007 jillimita biss is-setgħat diskrezzjonali tal-entità li tirċievi, li tista’ tibgħat lura t-talba għal notifika lill-entità li tibgħatha biss jekk din ma “taqax manifestament fil-kamp ta’ applikazzjoni [ta’ dan] ir-regolament”. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1393/2007 ma jinkludi ebda limitu għas-setgħa ta’ interpretazzjoni tal-entità li tibgħat u lanqas, a fortiori, tal-qorti adita bil-kawża, meta, kif huwa l-każ skont id-dritt Ġermaniż, din jista’ jkollha bżonn tkun taf, bil-quddiem, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

Top