Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0220

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 20 ta' Marzu 2014.
    Kalliopi Nikolaou vs Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea.
    Appell - Responsabbiltà mhux kuntrattwali - Ommissjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri - Talba għall-kumpens għad-dannu - Prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza - Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali - Kompetenzi - Żvolġiment tal-investigazzjonijiet preliminari.
    Kawża C-220/13 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:176

    Opinion of the Advocate-General

    Opinion of the Advocate-General

    1. Permezz tal-appell tagħha, K. Nikolaou titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta’ Frar 2013, Nikolaou vs Il‑Qorti tal-Awdituri (2), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għad-danni intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li allegatament ġarrbet l-appellanti b’konsegwenza ta’ irregolaritajiet u ksur tad-dritt tal-Unjoni li l-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea allegatament wettqet fil-konfront tagħha.

    I – Il-kuntest ġuridiku

    2. Id-Deċiżjoni 99/50 tal-Qorti tal-Awdituri, tas-16 ta’ Diċembru 1999, dwar il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-investigazzjonijiet interni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, tipprovdi, fl-Artikolu 2 tagħha:

    “Kull uffiċjal jew membru tal-persunal tal-Qorti [tal-Awdituri] li jsir jaf b’fatti li jagħtuh x’jifhem li jista’ jkun hemm, fi ħdan l-istituzzjoni, każijiet possibbli ta’ frodi jew korruzzjoni jew kull attività illegali oħra li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet għandu jinforma b’dan mingħajr dewmien lis-Segretarju Ġenerali tal-Qorti [tal-Awdituri (3) ].

    Is-Segretarju Ġenerali għandu jibgħat mingħajr dewmien lill-Uffiċċju [Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)] kif ukoll lill-President tal-Qorti [tal-Awdituri] li għandu jibgħat l-informazzjoni lill-Membru responsabbli mis-settur li għalih ikun jappartjeni l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal, kull fatt li jagħti lok għall-preżunzjoni li jeżistu l-irregolaritajiet imsemmija fl-ewwel paragrafu iktar ’il fuq u għandu jwettaq investigazzjoni preliminari, bla ħsara għall-investigazzjonijiet interni mwettqa mill-[OLAF].

    [...]

    Il-Membri, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal ma għandhom bl-ebda mod isofru trattament inġust jew diskriminatorju minħabba li jkunu kkomunikaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi preċedenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    3. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 99/50 jipprovdi:

    “F’każ fejn jidher li jkun hemm possibbiltà ta’ implikazzjoni personali ta’ Membru, uffiċjal jew membru tal-persunal tal-Qorti [tal-Awdituri], il-persuna kkonċernata għandha tiġi informata malajr meta dan ma jipperikolax li ssir ħsara lill-investigazzjoni. Fi kwalunkwe każ, meta tintemm l-investigazzjoni ma jistgħux jintlaħqu konkluzjonijiet li jirreferu bl-isem għal xi Membru, uffiċjal jew membru tal-persunal jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx ingħatat l-opportunità li tesprimi ruħha dwar il-fatti kollha li jikkonċernawha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

    4. L-appellanti kienet Membru tal-Qorti tal-Awdituri bejn l-1996 u l-2001. Skont rapport li deher fil-ġurnal Europa Journal fid-19 ta’ Frar 2002, il-Membru tal-Parlament Ewropew B. Staes kellu għad-dispożizzjoni tiegħu informazzjoni dwar aġir illegali tal-appellanti matul il-mandat tagħha bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

    5. B’ittra tat-18 ta’ Marzu 2002, is-Segretarju Ġenerali bagħat lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF fajl bi provi relatati ma’ dan il-każ, li huwa nnifsu u l-President tal-Qorti tal-Awdituri kienu jafu bihom. Barra minn hekk, is-Segretarju Ġenerali talab lill-OLAF biex jindikalu jekk kienx hemm lok li l-appellanti tiġi informata dwar l-eżistenza ta’ investigazzjoni dwarha skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 99/50.

    6. B’ittra tat-8 ta’ April 2002, il-President tal-Qorti tal-Awdituri informa lill-appellanti bl-eżistenza ta’ investigazzjoni interna mmexxija mill-OLAF wara l-artiklu li deher fl- Europa Journal . B’ittra tas-26 ta’ April 2002, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF informa lill-appellanti li, wara l-informazzjoni li dan is-servizz kien irċieva mingħand B. Staes u fuq il-bażi ta’ fajl ta’ investigazzjoni preliminari mħejji mis-Segretarju Ġenerali, kienet inbdiet investigazzjoni, u l-appellanti kienet ġiet mitluba biex tikkoopera f’dan ir-rigward.

    7. Skont ir-rapport finali tal-OLAF tat-28 ta’ Ottubru 2002, l-informazzjoni li tirrigwarda lill-appellanti kienet ġiet ipprovduta lil B. Staes minn żewġ impjegati tal-Qorti tal-Awdituri, li wieħed minnhom kien membru tal-kabinett tal-appellanti. L-akkużi eżaminati kienu jirrigwardaw, fl-ewwel lok, somom tal-flus li l-appellanti kienet irċeviet mingħand il-membri tal-persunal tagħha bħala self; fit-tieni lok, dikjarazzjonijiet allegatament foloz ta’ trasferiment ta’ ġranet ta’ leave għall-kap tal-kabinett tagħha li taw lok għal rimbors ta’ madwar EUR 28 790 lil dan tal-aħħar abbażi ta’ leave mhux meħud għas-snin 1999, 2000 u 2001; fit-tielet lok, l-użu ta’ vettura tax-xogħol għal finijiet mhux previsti fir-regoli applikabbli; fir-raba’ lok, l-użu tas-servizz ta’ xufier mill-appellanti għal finijiet mhux koperti mir-regoli applikabbli; fil-ħames lok, politika ta’ assentiżmu fi ħdan il-kabinett tal-appellanti; fis-sitt lok, attivitajiet ta’ natura kummerċjali u interventi ma’ persuni f’karigi għoljin sabiex jiġu ffaċilitati tali attivitajiet eżerċitati minn membri tal-familja tagħha; fis-seba’ lok, frodi mwettqa fil-kuntest ta’ kompetizzjoni u, fit-tmien lok, frodi relatati mal-ispejjeż ta’ rappreżentazzjoni miġbura mill-appellanti.

    8. L-OLAF ikkonkluda li kien hemm il-possibbiltà li kien twettaq ksur li seta’ jiġi kkwalifikat bħala falsifikazzjoni, użu ta’ dokumenti foloz u frodi li kien jikkonsisti f’talbiet għat-trasferiment tal-ġranet ta’ leave tal-kap tal-kabinett tal-appellanti. Skont ir-rapport finali, l-appellanti u l-membri tal-kabinett tagħha setgħu wettqu reati kriminali fir-rigward ta’ somom ta’ flus li din tal-ewwel irċeviet, skont il-persuni implikati, bħala self. F’dawn iċ-ċirkustanzi, f’konformità mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (4), l-OLAF informa lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi b’dawn l-allegazzjonijiet, sabiex dawn tal-aħħar jinvestigaw il-fatti li jistgħu jindikaw li kienu twettqu reati kriminali.

    9. Fir-rigward tal-akkużi l-oħrajn, ħlief għal dik ta’ frodi mwettqa fil-kuntest ta’ kompetizzjoni, l-OLAF wera li seta’ kien hemm irregolaritajiet jew punti ta’ interrogazzjoni fir-rigward tal-aġir tal-appellanti u ssuġġerixxa lill-Qorti tal-Awdituri li jittieħdu miżuri korrettivi kontra l-appellanti kif ukoll miżuri sabiex tittejjeb is-sistema ta’ kontroll fi ħdan l-istituzzjoni.

    10. Fis-26 ta’ April 2004, l-appellanti nstemgħet waqt il-laqgħa ristretta tal-Qorti tal-Awdituri għall-finijiet tal-possibbiltà li jiġi applikat l-Artikolu 247(7) KE. B’ittra tat-13 ta’ Mejju 2004, il-President tal-Qorti tal-Awdituri stqarr li, fir-rigward tar-rinviju tal-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 247(7) KE, minħabba li l-appellanti allegatament talbet u kisbet self personali mingħand membri tal-kabinett tagħha, l-unanimità meħtieġa mill-Artikolu 6 tar-regoli interni tal-Qorti tal-Awdituri, kif adottati fil-31 ta’ Jannar 2002, ma kinitx inkisbet waqt il-laqgħa li saret fl-4 ta’ Mejju 2004. Il-President tal-Qorti tal-Awdituri ddikjara wkoll f’dan ir-rigward li maġġoranza kbira tal-Membri tal-istituzzjoni kkunsidrat li l-aġir tal-appellanti kien assolutament mhux xieraq. Fir-rigward tal-ġranet ta’ leave tal-kap tal-kabinett tal-appellanti, il-President tal-Qorti tal-Awdituri ddikjara li peress li l-kawża kienet pendenti quddiem il-qrati Lussemburgiżi, l-istituzzjoni kienet iddifferiet id-deċiżjoni tagħha sakemm jiġu konklużi l-proċeduri relattivi.

    11. B’sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, ix-Chambre correctionnelle du Tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Lussemburgu) illiberat lill-appellanti u lill-kap tal-kabinett tagħha mill-akkużi ta’ falsifikazzjoni u ta’ użu ta’ dokumenti foloz, ta’ dikjarazzjoni falza, sussidjarjament ta’ żamma indebita ta’ kumpens, sussidju jew allowance u, iktar sussidjarjament, ta’ frodi (iktar ’il quddiem is-“sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008”). It-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg kien tal-fehma, essenzjalment, li ċerti spjegazzjonijiet mogħtija mill-kap tal-kabinett tal-appellanti u minn din tal-aħħar kienu jixħtu dubju fuq il-provi miġbura mill-OLAF u mill-pulizija ġudizzjarja Lussemburgiża intiżi biex juru li l-imsemmi kap tal-kabinett kien ħareġ b’leave mhux iddikjarat għal bosta ġranet matul is-snin 1999 sa 2001. It-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg għalhekk ikkonkluda li l-eżistenza materjali tal-fatti allegati kontra l-appellanti ma kinitx ġiet ipprovata lil hinn minn kull dubju u li, peress li l-iċken dubju kellu jmur favur l-akkużat, l-appellanti kellha tiġi lliberata mill-akkużi kontriha. Peress li ma sarx appell, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008 saret definittiva.

    12. B’ittra tal-14 ta’ April 2009, l-appellanti talbet lill-Qorti tal-Awdituri biex tippubblika fil-gazzetti kollha Lussemburgiżi, Ġermaniżi, Griegi, Franċiżi, Spanjoli u Belġjani stqarrija dwar il-fatt li hija ma kinitx instabet ħatja u biex tinforma lill-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea dwar dan. Sussidjarjament, f’każ li l-Qorti tal-Awdituri ma tagħmilx dawn il-pubblikazzjonijiet, l-appellanti talbet EUR 100 000 bħala kumpens għad-dannu morali, ammont li hija impenjat ruħha li tuża sabiex tagħmel dawk il-pubblikazzjonijiet. L-appellanti talbet ukoll lill-Qorti tal-Awdituri, fl-ewwel lok, li tħallasha s-somma ta’ EUR 40 000 bħala kumpens għad-dannu morali kkawżat mill-proċedura quddiem il-qrati Lussemburgiżi u EUR 57 771.40 bħala kumpens għad-dannu materjali kkawżat mill-istess proċedura, fit-tieni lok, li tiġi kkumpensata għall-ispejjeż kollha li hija ġarrbet b’mod partikolari quddiem il-Juge d’instruction u t-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg u, fit-tielet lok, li tiġi kkumpensata għall-ispejjeż li hija ġarrbet fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Awdituri.

    13. B’ittra tas-7 ta’ Lulju 2009, il-President tal-Qorti tal-Awdituri bagħat lill-appellanti d-deċiżjoni adottata b’risposta għall-imsemmija talbiet. Dik id-deċiżjoni, minn naħa, ċaħdet l-argumenti invokati fl-ittra tal-14 ta’ April 2009 u, min-naħa l-oħra, ikkomunikat lill-appellanti li l-Qorti tal-Awdituri kienet fittxet li tiddetermina, fuq il-bażi tal-informazzjoni li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk il-fatti kinux jirrappreżentaw grad ta’ gravità suffiċjenti sabiex jitressqu proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja biex din tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tal-ex Membru abbażi tat-Trattat KE u n-neċessità li jiġu applikati sanzjonijiet. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Awdituri indikat lill-appellanti l-elementi li kienu wassluha biex tiddeċiedi li ma tressaqx proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fosthom, b’mod partikolari, il-fatt li l-appellanti kienet ġiet illiberata bis-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008 u n-nuqqas ta’ dannu kkawżat lill-baġit Komunitarju minħabba r-rimbors tas-somma mħallsa indebitament lil P. Koutsouvelis, il-kap tal-kabinett tagħha(5) .

    III – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    14. B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Ġunju 2009, l-appellanti ppreżentat rikors għad-danni li permezz tiegħu hija talbet li l-Qorti tal-Awdituri tiġi kkundannata tħallas is-somma ta’ EUR 85 000 flimkien mal-interessi mill-14 ta’ April 2009, bħala kumpens għad-dannu morali kkawżat mill-aġir u mill-ommissjonijiet ta’ dik l-istituzzjoni, ammont li hija ntrabtet li tuża sabiex tippubblika l-aħbar li hija kienet ġiet illiberata.

    15. Insostenn ta’ dan ir-rikors, l-appellanti l-ewwel nett invokat sitt motivi dwar il-ksur serju mill-Qorti tal-Awdituri tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jagħtu drittijiet lill-individwi. Sussegwentement, hija sostniet li kien hemm rabta kawżali diretta bejn l-imsemmi ksur u d-dannu morali u materjali mġarrab minħabba dan.

    16. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmi rikors, billi kkunsidrat li l- Qorti tal-Awdituri ma kienet wettqet ebda ksur allegat tad-dritt tal-Unjoni.

    17. B’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda dan l-appell, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 27 sa 32 tas-sentenza appellata, li l-aġir tal-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-investigazzjoni preliminari ma kienx illegali. Fil-fatt, meta bagħtet lill-OLAF il-fajl li fih kien hemm l-ewwel informazzjoni miġbura qabel ma nstemgħet l-appellanti, dik l-istituzzjoni la kisret ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-interpretazzjoni kkombinata tal-Artikoli 2 u 4 tad-Deċiżjoni 99/50, u lanqas id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti jew il-prinċipju ta’ imparzjalità.

    18. Il-Qorti Ġenerali rrispondiet ukoll, fil-punti 44 sa 47 tas-sentenza appellata, għall-ilmenti li jallegaw, minn naħa, li l-Qorti tal-Awdituri naqset milli tadotta deċiżjoni formali li tillibera lill-appellanti minn kull akkuża fil-konfront tagħha wara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008 u, min-naħa l-oħra, li l-President tal-Qorti tal-Awdituri inkluda, fl-ittra tiegħu tat-13 ta’ Mejju 2004, kumment negattiv u żejjed fir-rigward tal-pożizzjoni espressa minn maġġoranza tal-Membri tal-istituzzjoni. Il-punti kkritikati huma fformulati kif ġej:

    “44 Għandu jiġi rrilevat li l-ommissjoni li biha hija akkużata l-Qorti tal-Awdituri ma hijiex ivvizzjata b’illegalità.

    45 F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ġiet illiberata fuq il-bażi ta’ dubji li nibtu, skont is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, minn ċerti spjegazzjonijiet mogħtija mill-kap tal-kabinett tagħha waqt is-seduta pubblika. Mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar ir-raġonevolezza tad-dubji mqajma mit-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg, għandu jiġi kkonstatat li din ir-raġuni li abbażi tagħha r-rikorrenti ġiet illiberata ma timplikax li l-akkużi kontriha huma totalment infondati, iżda, kif spjegat l-imsemmija qorti, timplika l-fatt li ma ġewx ipprovati bl-esklużjoni tal-‘iċken dubju’.

    46 Fit-tieni lok, kif targumenta l-Qorti tal-Awdituri, huma l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali li għandhom jeżaminaw l-akkużi fuq livell kriminali u hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwahom fuq livell dixxiplinari abbażi tal-Artikolu 247(7) KE. Il-Qorti tal-Awdituri għalhekk ma kellhiex kompetenza biex tiddeċiedi f’dan ir-rigward.

    47 Fit-tielet lok, mill-fatt li ma tressqux proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni ma jistax jiġi dedott li l-Qorti tal-Awdituri kienet tal-fehma li l-fatti allegati fil-konfront tar-rikorrenti huma totalment infondati. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6 tar-regoli interni tal-Qorti tal-Awdituri, kif adottati fil-31 ta’ Jannar 2002, hija meħtieġa deċiżjoni unanima biex jitressqu l-proċeduri inkwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, għalkemm huwa minnu li l-fatt li ma tressqux proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jfisser li ma nkisbitx l-unanimità, dan ma jammontax għal teħid ta’ pożizzjoni mill-Qorti tal-Awdituri dwar l-eżistenza materjali tal-fatti. F’dan il-kuntest, il-President tal-Qorti tal-Awdituri ma aġixxiex b’mod mhux xieraq meta indika lir-rikorrenti li l-maġġoranza kbira tal-Membri tal-istituzzjoni kkunsidrat l-aġir tagħha bħala inaċċettabbli, sabiex b’hekk jimpedixxi li l-fatt li ma tressqux proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jkun jista’ jinftiehem bħala ċaħda tal-eżistenza materjali tal-fatti allegati, ħaġa li ma kinitx tikkorrispondi mar-realtà.”

    19. Finalment, il-Qorti Ġenerali rrispondiet għall-ilment li l-Qorti tal-Awdituri kien imissha għamlet, skont id-dmir tagħha ta’ diliġenza, komunikazzjonijiet lill-istampa u lill-istituzzjonijiet dwar il-fatt li l-appellanti kienet ġiet illiberata. F’dan ir-rigward, hija kkunsidrat, b’referenza għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 45 u 46 tas-sentenza appellata, li mid-dmir ta’ diliġenza ma seta’ jiġi dedott ebda obbligu li tiġi ppubblikata l-aħbar li l-appellanti kienet ġiet illiberata.

    IV – L-aggravji u l-argumenti prinċipali invokati insostenn tal-appell

    20. L-appellanti tqajjem erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

    21. Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ inn oċenza, stabbilit fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u fl-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Fil-fatt, dan il-prinċipju jiggarantixxi b’mod partikolari li qorti tal-Unjoni ma tistax tqiegħed fid-dubju l-innoċenza ta’ persuna akkużata, meta dik il-persuna tkun diġà nstabet mhux ħatja b’deċiżjoni ġudizzjarja kriminali nazzjonali definittiva. Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat, fil-punti 43 sa 46 u 49 tas-sentenza appellata, li ma kinitx “ivvizzjata b’illegalità” l-ommissjoni mill-Qorti tal-Awdituri, minn naħa, li tadotta deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas definittiv li l-appellanti titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, min-naħa l-oħra, li tiġi stabbilita mill-ġdid ir-reputazzjoni tagħha.

    22. L-appellanti tikkritika, b’mod partikolari, il-formulazzjoni tal-punt 45 tas-sentenza appellata, billi tikkunsidra li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab f’dan il-punt tikkostitwixxi ksur ċar tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza. Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li l-fatt li l-appellanti ġiet illiberata minħabba s-sussistenza ta’ dubju ma jista’ jkollu ebda effett fuq l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li ma tibbażax id-deċiżjoni tagħha fuq ir-raġuni għal-liberazzjoni inkwistjoni.

    23. Il-Qorti tal-Awdituri tirribatti li l-ewwel aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-portata tal-Artikolu 6(2) tal-KEDB kif ukoll tal-Artikolu 48(1) tal-Karta. Fil-fatt, il-preżunzjoni ta’ innoċenza tgħodd għall-persuna akkużata quddiem il-qorti li jkollha tiddeċiedi dwar il-ħtija jew l-innoċenza tagħha fir-rigward tal-akkużi miġjuba quddiem dik il-qorti. Fil-kuntest tar-rikors sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali mressaq mill-appellanti, il-ħtija tagħha taħt id-dritt kriminali Lussemburgiż ma kinitx inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ma setgħetx tikser il-preżunzjoni tal-innoċenza.

    24. Barra minn hekk, dan l-aggravju huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-Qorti tal-Awdituri u l-Qorti Ġenerali eżaminaw mill-ġdid il-fondatezza tas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008. Il-Qorti tal-Awdituri tikkunsidra li, għall-kuntrarju, kull istituzzjoni, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha fil-kuntest tal-kawża, aċċettat din is-sentenza u siltet il-konklużjonijiet meħtieġa fil-kuntest tal-proċessi deċiżjonali rispettivi tagħhom. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008 bħala fatt li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-atti jew tal-ommissjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri.

    25. Il-Qorti tal-Awdituri tiddeduċi mill-punti 120 sa 122 tas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson (6), li, filwaqt li tirrikonoxxi li t-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg ikkonkluda li l-eżistenza materjali ta’ ċerti fatti li bihom ġiet akkużata l-appellanti ma kinitx ġiet ipprovata lil hinn minn kull dubju u li, għaldaqstant, il-persuni inkwistjoni kellhom jiġu lliberati mill-akkużi ta’ ksur tad-dritt kriminali Lussemburgiż miġjuba kontrihom, xejn ma jwaqqaf lill-Qorti Ġenerali milli tagħmel evalwazzjoni differenti ta’ dawn l-istess fatti fil-kuntest tal-eżami tagħha ta’ eventwali responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni. Billi pproċediet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali la qiegħdet fid-dubju s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008 u lanqas il-preżunzjoni ta’ innoċenza li l-appellanti kienet tgawdi quddiem dik il-qorti.

    26. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, fil-konfront tat-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg, billi żnaturat il-kunsiderazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar.

    27. Fil-fehma tagħha, dan il-prinċipju jfisser li, meta qorti nazzjonali tkun tat sentenza li tkun saret res judicata u li permezz tagħha persuna tiġi lliberata mir-reati li tkun ġiet akkużata li wettqet, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluża l-Qorti Ġenerali, huma obbligati li jirrispettaw dik is-sentenza u li ma jċaħħduhiex mill-effettività tagħha.

    28. Hija ssostni li għalkemm il-fatti inkwistjoni huma identiċi għal dawk li dwarhom iddeċieda t-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali meta għamlet evalwazzjoni totalment differenti ta’ dawn l-istess fatti.

    29. Barra minn hekk, hija tallega li, fil-punt 35 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkontradixxiet il-konklużjonijiet tat-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg meta kkunsidrat li “il-ġestjoni ta’ kull sistema ta’ leave hija bbażata fuq l-obbligu tas-superjur dirett li jivverifika l-preżenza tal-membri tal-persunal taħt l-awtorità tiegħu u li jiżgura li kull assenza tkun konformi mar-regoli applikabbli dwar il-leave” u li “[d]an l-obbligu ma huwiex affettwat minn eventwali assenza ta’ sistema integrata li tippermetti li jiġi vverifikat, b’mod indipendenti mis-superjur dirett, li n-numru ta’ ġranet ta’ leave ddikjarati bħala mhux meħuda fi tmiem kull sena jikkorrispondi għar-realtà”.

    30. Finalment, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali ma rrispettatx is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, inkwantu kkunsidrat, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li “in-natura insuffiċjenti tas-sistema ta’ reġistrazzjoni u ta’ sorveljanza tal-leave tal-Qorti tal-Awdituri li kienet applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti ma tistax tiġġustifika l-abbandun ta’ kull investigazzjoni jew prosekuzzjoni kontra [l-appellanti]”, meta hija preċiżament in-natura insuffiċjenti tas-sistema ta’ ġestjoni tal-leave tal-Qorti tal-Awdituri li wasslet biex l-appellanti tiġi lliberata.

    31. B’risposta għal dawn l-argumenti, il-Qorti tal-Awdituri tafferma li t-tieni aggravju huwa bbażat fuq fehma żbaljata tar-rwoli rispettivi tal-istituzzjonijiet ikkonċernati kif ukoll tal-portata tal-Artikolu 4(3) TUE. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali la evalwat mill-ġdid is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008 u lanqas qiegħdet fid-dubju l-verdett tagħha. Id-differenza fl-evalwazzjoni ta’ ċerti fatti huwa spjegat mill-kuntest differenti taż-żewġ kawżi, jiġifieri, minn naħa, proċedura kriminali li taqa’ taħt id-dritt nazzjonali u, min-naħa l-oħra, rikors sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali taħt id-dritt tal-Unjoni.

    32. Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-fatt li hija ddeċidiet dwar kwistjonijiet li kienu jmorru lil hinn mill-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mit-Trattati.

    33. Minn naħa, minkejja li rrikonoxxiet, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li huma biss l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali li għandhom jeżaminaw l-akkużi fuq livell kriminali, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mill-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mit-Trattati meta, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, wettqet evalwazzjoni tal-mertu f’dak li jirrigwarda r-raġuni għal-liberazzjoni bbażat fuq l-eżistenza ta’ dubju.

    34. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali marret ukoll lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha meta għamlet l-affermazzjonijiet li jinsabu fil-punt 47 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija l-unika istituzzjoni li għandha s-setgħa li tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltajiet dixxiplinari li jirriżultaw mill-aġir tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri, il-Qorti Ġenerali, bl-istess mod bħal din l-istituzzjoni tal-aħħar fl-ittra tagħha tat-13 ta’ Mejju 2004, ma kellhiex kompetenza biex tesprimi fil-konfront tal-appellanti l-iċken suspett li seta’ jagħti x’jifhem li kien hemm aġir inaċċettabbli min-naħa tagħha.

    35. Il-Qorti tal-Awdituri tirribatti li dan it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli, inkwantu sempliċement itenni l-argumenti ppreżentati fl-ewwel istanza fir-rigward tal-ittra tat-13 ta’ Mejju 2004, u parzjalment infondat.

    36. F’dan l-aħħar rigward, hija terġa’ ssostni li l-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma qiegħdet fid-dubju s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008. L-evalwazzjoni tal-istess aġir tista’ twassal għal konklużjonijiet differenti skont il-qorti kkonċernata.

    37. Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat il-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Fil-fatt, rigward il-kwistjoni tal-użu ta’ dokument falz, il-Qorti Ġenerali żiedet kundizzjoni addizzjonali mhux meħtieġa (il-“ mala fides ”), meta kkonkludiet, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, li “il-fatt li d-dokument inkwistjoni seta’ ntbagħat mill-Qorti tal-Awdituri jew lill-OLAF jew lill-awtoritajiet Lussemburgiżi ma jfissirx li l-istituzzjoni aġixxiet in mala fide fir-rigward tal-awtentiċità tal-firma tar-rikorrenti”.

    38. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi wkoll fl-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 99/50, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tagħha, meta kkonkludiet li s-sempliċi komunikazzjoni lill-appellanti tal-eżistenza ta’ investigazzjoni interna mmexxija mill-OLAF kienet suffiċjenti u li għalhekk ma kienx meħtieġ li hija tingħata l-informazzjoni dwar l-investigazzjoni preliminari mwettqa mill-Qorti tal-Awdituri.

    39. Skont il-Qorti tal-Awdituri, l-allegazzjonijiet li jinsabu f’dan ir-raba’ aggravju għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli, għaliex dawn jikkonsistu, minn naħa, f’talba lill-Qorti tal-Ġustizzja biex teżamina mill-ġdid il-fatti tal-każ u, min-naħa l-oħra, sempliċi repetizzjoni tal-argumenti ppreżentati fl-ewwel istanza, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ilment dwar in-nuqqas ta’ notifika tal-investigazzjoni preliminari.

    40. Dwar il-mertu, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma żiedet ebda kundizzjoni addizzjonali dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, meta affermat li s-sempliċi trażmissjoni ta’ dokument lill-OLAF jew lill-awtoritajiet Lussemburgiżi ma kinitx indikazzjoni ta’ mala fides min-naħa tal-Qorti tal-Awdituri f’dak li jirrigwarda l-awtentiċità tal-firma tal-appellanti. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żbalji fl-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 99/50, peress li dik id-dispożizzjoni ma timponix l-obbligu li jiġi kkomunikat il-ftuħ ta’ investigazzjoni preliminari lill-persuna ssuspettata b’irregolaritajiet, iżda sempliċement teżiġi li s-Segretarju Ġenerali jibgħat mingħajr dewmien lill-OLAF l-informazzjoni miġbura fil-kuntest ta’ tali investigazzjoni.

    V – Evalwazzjoni

    41. Fl-ewwel lok, ser neżamina flimkien, l-ewwel sat-tielet aggravji mqajma mill-appellanti, inkwantu l-argumenti żviluppati insostenn tagħhom jistgħu jinġabru flimkien u jirrigwardaw l-istess punti tas-sentenza appellata. Sussegwentement, ser neżamina, fit-tieni lok, ir-raba’ aggravju.

    A – Fuq l-aggravji bbażati fuq ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u dak tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali kif ukoll tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

    42. L-ewwel tliet aggravji essenzjalment jikkontestaw ir-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 44 sa 49 tas-sentenza appellata.

    43. Għandna nżommu f’moħħna l-ilmenti li għalihom kellha tirrispondi l-Qorti Ġenerali f’dik il-parti tas-sentenza appellata.

    44. Fl-ewwel lok, l-appellanti allegat li l-Qorti tal-Awdituri naqset milli tadotta deċiżjoni formali li tilliberaha minn kull akkuża kontriha wara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, inkwantu ma kinitx tressqet prova ta’ aġir li tiġġustifika li jitressqu proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 247(7) KE. Fil-fehma tagħha, permezz ta’ dik id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Awdituri kien imissha rrinunzjat li tressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

    45. Fit-tieni lok, l-appellanti akkużat lill-President tal-Qorti tal-Awdituri bi ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità u tad-dmir ta’ diliġenza meta inkluda, fl-ittra tat-13 ta’ Mejju 2004, kumment negattiv u żejjed fir-rigward tal-pożizzjoni li esprimiet maġġoranza tal-Membri tal-istituzzjoni.

    46. Fit-tielet lok, l-appellanti argumentat li l-Qorti tal-Awdituri kien imissha għamlet, skont id-dmir tagħha ta’ diliġenza, komunikazzjonijiet lill-istampa u lill-istituzzjonijiet dwar il-fatt li hija kienet ġiet illiberata.

    47. Fl-ewwel lok għandi nindika li, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet dawn it-tliet allegazzjonijiet tal-appellanti.

    48. Madankollu, kif issostni din tal-aħħar, l-argument li l-Qorti Ġenerali żviluppat fil-punt 45 tas-sentenza appellata joħloq problema fir-rigward tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

    49. Skont l-Artikolu 48(1) tal-Karta, “[k]ull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skond il-liġi”. Din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għall-Artikolu 6(2) tal-KEDB. Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza għandu l-istess tifsira u l-istess portata bħad-dritt korrispondenti ggarantit mill-KEDB.

    50. Il-preżunzjoni ta’ innoċenza għandha tiġi ggarantita kemm fil-fażi upstream kif ukoll downstream tal-proċess kriminali. Fil-fatt, l-Artikolu 6(2) tal-KEDB huwa intiż ukoll biex “jimpedixxi li individwi li jkunu ġew illiberati jew li l-proċeduri kriminali kontrihom ikunu ġew ċeduti jiġu ttrattati minn uffiċjali jew awtoritajiet pubbliċi daqslikieku fil-fatt instabu ħatja tar-reat li bih kienu ġew akkużati” (7) . Il-garanzija tad-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza wara proċedura kriminali hija spjegata mill-fatt li “mingħajr protezzjoni intiża biex tiġi osservata f’kull proċedura ulterjuri deċiżjoni li biha persuna tiġi lliberata jew li biha jiġu ċeduti l-proċeduri, ikun hemm riskju li l-garanziji ta’ smigħ xieraq imsemmija fl-Artikolu 6[(2) tal-KEDB] isiru teoretiċi u illużorji. Malli tintemm il-proċedura kriminali, jidħlu wkoll inkwistjoni r-reputazzjoni tal-persuna kkonċernata u l-mod kif il-pubbliku jħares lejha” (8) .

    51. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għalhekk speċifikat li “il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6[(2) tal-KEDB] ma huwiex limitat għall-proċeduri kriminali li jkunu pendenti, iżda jista’ jestendi għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji meħuda wara li jitwaqqfu l-proċeduri kriminali [...] jew wara li persuna tiġi lliberata [...], inkwantu l-kwistjonijiet imqajma f’dawk il-kawżi jikkostitwixxu korollarju u element addizzjonali tal-proċeduri kriminali kkonċernati li fihom ir-rikorrent kellu l-kwalità ta’ ‘akkużat’” (9) . Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għalhekk tiddikjara li għandu jiġi vverifikat jekk “bil-mod kif ikunu aġixxew, bir-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom jew bil-lingwaġġ użatt fir-raġunament tagħhom” (10), l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali li jintalbu jagħtu deċiżjoni wara sentenza kriminali “ikunux xeħtu suspetti fil-konfront tal-innoċenza tar-rikorrent u b’hekk ikunux kisru l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza” (11) .

    52. Kif jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Vassilios Stavropoulos vs Il-Greċja tas-27 ta’ Settembru 2007, “l-espressjoni ta’ suspetti fil-konfront tal-innoċenza ta’ akkużat ma hijiex aċċettabbli wara li l-liberazzjoni tkun saret definittiva” (12) . Skont il-ġurisprudenza ta’ dik il-qorti, “malli ssir definittiva l-liberazzjoni — anki jekk din tkun liberazzjoni bil-benefiċċju tad-dubju skont l-Artikolu 6[(2) tal-KEDB] — l-espressjoni ta’ dubji dwar il-ħtija, inklużi dawk ibbażati fuq ir-raġunijiet għal-liberazzjoni, ma hijiex kompatibbli mal-preżunzjoni ta’ innoċenza” (13) .

    53. F’dik l-istess sentenza, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkunsidrat li “skont il-prinċipju ‘in dubio pro reo’, li jikkostitwixxi espressjoni speċifika tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, ma għandu jkun hemm ebda differenza kwalitattiva bejn liberazzjoni minħabba nuqqas ta’ provi u liberazzjoni li tirriżulta minn konstatazzjoni tal-innoċenza tal-persuna li ma tħalli ebda dubju. Fil-fatt, ma hemmx distinzjoni bejn sentenzi ta’ liberazzjoni abbażi tal-kunsiderazzjonijiet magħmula każ b’każ mill-qorti kriminali. Għall-kuntrarju, fil-kuntest tal-Artikolu 6[(2) tal-KEDB], id-dispożittiv ta’ sentenza ta’ liberazzjoni għandu jiġi rrispettat minn kull awtorità oħra li tagħti deċiżjoni diretta jew inċidentali dwar ir-responsabbiltà kriminali tal-persuna kkonċernata” (14) .

    54. Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, jidhirli li l-formulazzjoni tal-punt 45 tas-sentenza appellata hija kontestabbli.

    55. Infakkar li, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali fl-ewwel lok enfasizzat li l-appellanti kienet ġiet “illiberata fuq il-bażi ta’ dubji li nibtu, skont is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, minn ċerti spjegazzjonijiet mogħtija mill-kap tal-kabinett tagħha waqt is-seduta pubblika”. Il-Qorti Ġenerali kompliet billi indikat li “[m]ingħajr ma huwiex meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar ir-raġonevolezza tad-dubji mqajma mit-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg, għandu jiġi kkonstatat li din ir-raġuni li abbażi tagħha r-rikorrenti ġiet illiberata ma timplikax li l-akkużi kontriha huma totalment infondati, iżda timplika, kif semmiet l-imsemmija qorti, li ma ġewx ipprovati bl-esklużjoni tal-‘iċken dubju’”.

    56. F’din il-parti tal-argument tagħha, il-Qorti Ġenerali bbażat fuq ir-raġuni għal-liberazzjoni fil-proċedura kriminali, billi insistiet fuq il-fatt li din kienet liberazzjoni bil-benefiċċju tad-dubju, biex tiġġustifika n-nuqqas min-naħa tal-Qorti tal-Awdituri li tadotta deċiżjoni formali li tillibera lill-appellanti minn kull akkuża. Hija għalhekk tuża r-raġuni għal-liberazzjoni biex tiċħad l-eżistenza ta’ nuqqas min-naħa tal-Qorti tal-Awdituri u biex tislet konsegwenza dwar l-evalwazzjoni tal-mertu tar-rikors għad-danni. Fil-qosor, ir-raġunament li jirriżulta mill-punt 45 tas-sentenza appellata huwa li, peress li l-appellanti ġiet illiberata bil-benefiċċju tad-dubju u peress li dik ir-raġuni għal-liberazzjoni ma hijiex biżżejjed biex telimina kull bażi tal-akkużi li saru kontriha, il-Qorti tal-Awdituri kienet iġġustifikata meta rrifjutat li tadotta deċiżjoni formali li tilliberaha minn kull akkuża kontriha wara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008.

    57. Billi fformulat l- argument tagħha b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali tagħti l-impressjoni li tikkunsidra li liberazzjoni bil-benefiċċju tad-dubju għandha inqas saħħa minn liberazzjoni li tkun ibbażata fuq affermazzjoni iktar diretta tal-innoċenza tal-appellanti. Hija ddgħajjef id-deċiżjoni mogħtija mill-qorti kriminali, u fl-istess ħin tixħet dubju fuq l-innoċenza tal-appellanti.

    58. Billi kisret il-preżunzjoni ta’ innoċenza tal-appellanti b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali għalhekk wettqet żball ta’ liġi.

    59. Fil-fehma tiegħi, il-konstatazzjoni ta’ dan l-iżball iżda ma hijiex ta’ tali natura li twassal għall-annullament tas-sentenza appellata. Tabilħaqq, għandu jitfakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li jekk il-kunsiderazzjonijiet ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġenerali juru ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jidher fondat minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ liġi oħra, l-appell għandu jiġi miċħud (15) .

    60. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ġustament indikat, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li “huma esklużivament l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali li għandhom jeżaminaw l-akkużi fuq livell kriminali u hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwahom fuq livell dixxiplinari abbażi tal-Artikolu 247(7) KE”. Minn dan hija ddeduċiet ġustament li “[i]l-Qorti tal-Awdituri għalhekk ma kellhiex kompetenza biex tiddeċiedi f’dan ir-rigward”.

    61. Fil-fatt, huwa evidenti li l-Qorti tal-Awdituri ma hijiex awtorizzata tadotta deċiżjoni ta’ liberazzjoni, kemm mill-aspett kriminali kif ukoll minn dak dixxiplinari. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Awdituri lanqas ma kienet obbligata tippubblika l-liberazzjoni tal-appellanti. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ġustament ċaħdet dawn iż-żewġ allegazzjonijiet tal-appellanti fuq il-bażi tal-argumentazzjoni li hija indikat fil-punt 46 tas-sentenza appellata.

    62. L-unika kompetenza tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest ta’ din il-kawża kienet li tiddeċiedi jekk għandhiex tressaq proċeduri jew le quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 247(7) KE, sabiex din tal-aħħar tagħti deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ nuqqas min-naħa ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

    63. Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali kien ikun iktar konvinċenti u komplet kieku hija enfasizzat iktar in-natura awtonoma tal-proċeduri kriminali u dixxiplinari.

    64. Fil-fatt, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-istadju ta’ dan l-appell, l-argumentazzjoni tal-appellanti kienet parzjalment ibbażata fuq l-idea li kien hemm, b’xi mod, relazzjoni awtomatika bejn l-eżistenza ta’ liberazzjoni fi proċeduri kriminali u l-adozzjoni mill-Qorti tal-Awdituri ta’ deċiżjoni li permezz tagħha hija tirrinunzja li tressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 247(7) KE.

    65. Din l-argumentazzjoni tal-appellanti hija fundamentalment żbaljata, kif wieħed jista’ jiddeduċi kemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll minn dik tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    66. Fl-ewwel lok, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li d-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza f’każ ta’ liberazzjoni fi proċeduri kriminali jew ta’ ċessjoni tal-proċeduri kriminali bl-ebda mod ma timpedixxi li jittieħdu ulterjorment proċeduri dixxiplinari jew azzjonijiet għad-danni abbażi tal-istess fatti.

    67. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għalhekk ammettiet li l-korpi dixxiplinari jistgħu jevalwaw b’mod indipendenti l-fatti tal-kawżi mressqa quddiemhom meta l-elementi li jikkostitwixxu reat kriminali u nuqqasijiet dixxiplinari ma jkunux identiċi (16) . F’dan il-kuntest, il-konstatazzjoni li ċerti fatti ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala reat kriminali ma timpedixxix il-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari fuq il-bażi ta’ dawk l-istess fatti. Mill-perspettiva tad-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza, l-uniku limitu huwa li, matul il-proċedura dixxiplinari, l-innoċenza fuq il-livell kriminali tal-persuna ma terġax titqiegħed fid-dubju.

    68. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ kawżi għad-danni, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ammettiet, fis-sentenza tagħha Ringvold vs In-Norveġja tal-11 ta’ Frar 2003 (17), li “il-kwistjoni tal-kumpens għandha tkun is-suġġett ta’ analiżi ġuridika separata, ibbażata fuq kriterji u rekwiżiti fir-rigward tal-provi li jkunu differenti fuq diversi punti importanti minn dawk applikabbli fil-qasam tar-responsabbiltà kriminali” (18) . Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għalhekk ikkunsidrat li “għalkemm il-liberazzjoni deċiża fi proċeduri kriminali ma għandhiex titqiegħed inkwistjoni, dan ma għandux jostakola l-istabbiliment, fuq il-bażi ta’ rekwiżiti ta’ prova inqas stretti, ta’ responsabbiltà ċivili li tagħti lok għall-obbligu li jitħallas kumpens abbażi tal-istess fatti” (19) .

    69. Fit-tieni lok, skont loġika komparabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Il‑Kummissjoni vs Cresson, iċċitata iktar ’il fuq, enfasizzat l-awtonomija, minn naħa, tal-proċeduri kriminali u, min-naħa l-oħra, tal-proċedura bbażata fuq l-Artikolu 213(2) KE, intiża biex tippenalizza l-ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga ta’ Membru tal-Kummissjoni Ewropea.

    70. Fil-fatt, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “mhijiex marbuta bil-kwalifika[zzjoni] ġuridika tal-fatti mwettqa fil-kuntest tal-proċedura kriminali” (20) u li hija għandha, “fit-totalità tas-setgħa tagħha ta’ evalwazzjoni, tagħraf jekk il-fatti li qed jiġu kkontestati fil-kuntest ta’ proċedura bbażata fuq l-Artikolu 213(2) KE jikkostitwixxux nuqqas tat-twettiq ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga ta’ membru tal-Kummissjoni” (21) . Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-deċiżjoni tax-Chambre du conseil du tribunal de première instance de Bruxelles (il-Belġju) li kkonstatat l-assenza ta’ provi kontra Cresson ma kinitx torbotha (22) .

    71. Dan ir-raġunament, ibbażat fuq in-natura awtonoma tal-proċeduri kriminali u dixxiplinari, jista’ jiġi traspost għall-proċedura li kienet prevista, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, fl-Artikolu 247(7) KE u li issa tinsab fl-Artikolu 286(6) TFUE. Minn dan jirriżulta li, meta tkun imsejħa biex teżamina jekk Membru tal-Qorti tal-Awdituri naqasx jew le milli jwettaq l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx marbuta b’sentenza kriminali li tillibera lill-persuna inkwistjoni.

    72. Fuq l-istess bażi tan-natura awtonoma tal-proċeduri kriminali u dixxiplinari, il-Qorti tal-Awdituri, bħala awtorità li tressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma tistax tkun marbuta b’tali sentenza kriminali. B’mod partikolari, biex tingħata risposta ċara għall-argument tal-appellanti, jekk persuna tiġi lliberata fi proċeduri kriminali, dan ma jwaqqafx lill-Qorti tal-Awdituri milli tressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 286(6) TFUE. F’każ bħal dan, il-Qorti tal-Awdituri żżomm is-setgħa diskrezzjonali tagħha biex eventwalment tressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    73. Minn dawn l-elementi niddeduċi li l-proċedura kriminali quddiem qorti nazzjonali u l-proċedura prevista fl-Artikolu 247(7) KE, u sussegwentement fl-Artikolu 286(6) TFUE, huma differenti mhux biss fir-rigward tas-suġġett u tal-għan tagħhom, iżda wkoll fir-rigward tan-natura u tal-grad ta’ prova meħtieġa. Iż-żewġ proċeduri, anki meta jkunu t-tnejn ibbażati fuq l-istess ċirkustanzi fattwali, huma indipendenti, b’mod li, bil-kundizzjoni li titqiegħedx inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-qorti kriminali, liberazzjoni fuq livell kriminali b’ebda mod ma twaqqaf lill-Qorti tal-Awdituri milli tressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas ma twaqqaf lil din tal-aħħar milli tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

    74. F’dan il-każ, jirriżulta mill-proċess li t-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg ikkunsidra, fis-sentenza tiegħu tat-2 ta’ Ottubru 2008, li l-fatti kif ġew stabbiliti ma setgħux jiġu kkwalifikati bħala reat kriminali fis-sens tal-liġi Lussemburgiża.

    75. Din l-evalwazzjoni li saret mit-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg madankollu ma tfissirx li l-Qorti tal-Awdituri kienet obbligata tikkunsidra li hija ma setgħetx tressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tan-nuqqasijiet relatati mal-ġestjoni tal-leave. Fil-fatt, minn naħa, il-grad ta’ preċiżjoni tal-fatti jew tal-provi li huwa meħtieġ għall-finijiet tal-kwalifikazzjoni bħala reat kriminali ma huwiex l-istess bħal dak meħtieġ għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas li jitwettqu l-obbligi li għandhom il-Membri tal-Qorti tal-Awdituri. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha ġurisdizzjoni, meta jitressqu proċeduri quddiemha skont l-Artikolu 286(6) TFUE, biex tevalwa l-portata tal-awtorità ta’ res judicata li jkollha tiġi rikonoxxuta, jekk ikun il-każ, lil sentenza kriminali nazzjonali.

    76. Minn dan isegwi li r-rifjut min-naħa tal-Qorti tal-Awdituri li tadotta deċiżjoni formali ta’ liberazzjoni u li tammetti li hemm rabta awtomatika bejn il-liberazzjoni fi proċeduri kriminali u t-tressiq ta’ proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 247(7) KE kien kompletament iġġustifikat u ma jistax, fil-kuntest ta’ dan l-appell, jitqiegħed inkwistjoni billi wieħed jargumenta li din iċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tat-talba tal-appellanti biex tiġi kkonstatata n-natura illegali ta’ tali rifjut tikkostitwixxi ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza jew ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

    77. Huwa f’konformità mal-awtonomija tal-proċeduri kriminali u dixxiplinari, u fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħha, li l-Qorti tal-Awdituri fittxet li tiddetermina, fuq il-bażi tal-informazzjoni li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk il-fatti allegati kontra l-appellanti kinux jippreżentaw grad ta’ gravità suffiċjenti (23) sabiex jitressqu proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 247(7) KE. Kif tixhed l-ittra tagħha tas-7 ta’ Lulju 2009, il-Qorti tal-Awdituri, meta ddeċidiet li ma tressaqx proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ġestjoni tal-leave, ma qisitx biss il-fatt li l-appellanti kienet ġiet illiberata fil-proċeduri kriminali. Hija qieset ukoll parametri oħrajn (24) .

    78. Issa ser neżamina l-kritiki li l-appellanti fformulat fir-rigward tal-punt 47 tas-sentenza appellata.

    79. F’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali tirrispondi għall-argumentazzjoni tal-appellanti li l-President tal-Qorti tal-Awdituri kiser il-prinċipju ta’ imparzjalità u d-dmir ta’ diliġenza billi inkluda, fl-ittra tiegħu tat-13 ta’ Mejju 2004, kumment negattiv u żejjed fir-rigward tal-pożizzjoni li esprimiet il-maġġoranza tal-Membri tal-istituzzjoni.

    80. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha u appoġġat interpretazzjoni żbaljata tal-isfera ta’ kompetenza tal-Qorti tal-Awdituri meta hija kkunsidrat, fl-imsemmi punt, li “ma kienx xieraq għall-President tal-Qorti tal-Awdituri li jindika lir-rikorrenti li l-maġġoranza kbira tal-Membri tal-istituzzjoni kkunsidrat l-aġir tagħha bħala inaċċettabbli, sabiex b’hekk jimpedixxi li l-fatt li ma tressqux proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jkun jista’ jinftiehem bħala ċaħda tal-eżistenza materjali tal-fatti allegati”.

    81. Huwa importanti li jiġi speċifikat li s-silta mill-ittra tat-13 ta’ Mejju 2004 li fiha r-rimarka kkritikata tikkonċerna biss l-allegazzjonijiet relatati mas-self personali favur l-appellanti. Dan l-aspett tal-kawża ma kienx inkluż fil-proċedura kriminali li wasslet għas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008. Il-fatt li l-appellanti ġiet illiberata fil-proċedura kriminali għalhekk ma huwiex fattur rilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-punt 47 tas-sentenza appellata.

    82. Issa li dan ġie speċifikat, fil-fehma tiegħi l-Qorti Ġenerali baqgħet fi ħdan l-isfera ta’ ġurisdizzjoni tagħha meta kkunsidrat, minn naħa, li l-fatt li ma tressqux proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma kienx ifisser li ġiet miċħuda l-eżistenza materjali tal-fatti u, min-naħa l-oħra, li l-President tal-Qorti tal-Awdituri seta’ jindirizza l-kumment ikkritikat lill-appellanti.

    83. Fil-fatt, l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 47 tas-sentenza appellata tikkostitwixxi risposta tal-Qorti Ġenerali għall-allegazzjoni tal-appellanti li r-rimarka li l-President tal-Qorti tal-Awdituri inkluda fl-ittra tiegħu tat-13 ta’ Mejju 2004 kisret il-prinċipju ta’ imparzjalità u d-dmir ta’ diliġenza. Għalhekk, billi ddikjarat il-pożizzjoni tagħha dwar dan l-aspett fil-kuntest tar-rikors sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali li tressaq quddiemha, il-Qorti Ġenerali ma marritx lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha.

    84. Barra minn hekk, il-fatt li l-Qorti tal-Awdituri ma ressqitx proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huwa espressjoni tal-fatt li l-Membri kollha ta’ din l-aħħar istituzzjoni ma kinux tal-fehma li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni kien jirrappreżenta livell ta’ gravità suffiċjenti biex jitressqu proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 247(7) KE. Il-konstatazzjoni li ma ntlaħqitx unanimità fuq dan il-punt ma tfissirx l-assenza ta’ kull nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar b’analoġija mal-proċedura li tikkonċerna l-Membri tal-Kummissjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, fis-sentenza tagħha Il‑Kummissjoni vs Cresson, iċċitata iktar ’il fuq, li kundanna abbażi tal-Artikolu 213(2) KE teħtieġ l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ ċertu grad ta’ gravità (25) . Il-President tal-Qorti tal-Awdituri għalhekk seta’, fil-kuntest tal-kompetenza tiegħu u mingħajr ma jikser il-prinċipju ta’ imparzjalità jew id-dmir ta’ diliġenza, jispjega lil-appellanti r-riżultat tal-vot u jindikalha li l-maġġoranza tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri kienet ikkunsidrat li l-aġir tagħha, għalkemm ma kienx ġie kkunsidrat unanimament li kien gravi biżżejjed biex jiġġustifika li jitressqu proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 247(7) KE, kien assolutament mhux xieraq. Barra minn hekk, għandu jiġi speċifikat li l-ittra tat-13 ta’ Mejju 2004 kienet indirizzata biss lill-appellanti u li xejn fil-proċess ma jindika li din ġiet ikkomunikata lil persuni oħrajn apparti l-persuna li lilha ġiet indirizzata.

    85. Għalhekk jidhirli li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fir-raġunament li hija żviluppat fil-punt 47 tas-sentenza appellata. Għandu jiġi rrilevat biss li l-Qorti Ġenerali kien imissha, strictu sensu , adottat il-kwalifikazzjoni tal-aġir tal-appellanti li tinsab fl-ittra tat-13 ta’ Mejju 2004, jiġifieri aġir “assolutament mhux xieraq” (26), minflok ma tikkwalifika dak l-aġir bħala “inaċċettabbli”. Madankollu, din id-differenza fil-formulazzjoni ma hijiex suffiċjenti, fil-fehma tiegħi, biex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi. Barra minn hekk, nosserva li l-appellanti llimitat ruħha, fuq dan l-punt, li tifformula rimarka fir-rikors tagħha, mingħajr ma siltet konsegwenzi diretti dwar l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi (27) .

    86. Finalment, jiena tal-fehma li l-punti 35 u 38 tas-sentenza appellata ma jistgħux jiġu kkritikati fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ġustament, u mingħajr ma qiegħdet inkwistjoni s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, ikkunsidrat, essenzjalment, li n-natura insuffiċjenti tas-sistema ta’ reġistrazzjoni u ta’ sorveljanza tal-leave tal-Qorti tal-Awdituri, minn naħa, ma taffettwax l-obbligu tas-superjur dirett li jivverifika l-preżenza tal-membri tal-persunal taħt l-awtorità tiegħu u li jiżgura li kull assenza tkun konformi mar-regoli dwar il-leave u, min-naħa l-oħra, ma tistax tiġġustifika l-abbandun ta’ kull investigazzjoni jew prosekuzzjoni kontra l-appellanti.

    87. Peress li l-eżami tal-ewwel sat-tielet aggravji invokati mill-appellanti ma jwassalnix biex nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla s-sentenza appellata, issa ser neżamina r-raba’ aggravju.

    B – Fuq ir-raba’ aggravju dwar interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u d-Deċiżjoni 99/50

    88. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 99/50, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tagħha, inkwantu kkonkludiet li s-sempliċi komunikazzjoni lill-appellanti tal-eżistenza ta’ investigazzjoni interna mmexxija mill-OLAF kienet suffiċjenti u li għalhekk ma kienx neċessarju li hija tiġi informata dwar l-investigazzjoni preliminari li saret mill-Qorti tal-Awdituri.

    89. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, fil-punti 29 u 30 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, ġustament fil-fehma tiegħi, li l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 99/50 ma kienx jobbliga lill-Qorti tal-Awdituri li tiżvela lill-appellanti l-kontenut tal-fajl tal-investigazzjoni preliminari mħejji skont l-Artikolu 2 ta’ din l-istess deċiżjoni, u lanqas li tismagħha qabel ma tibgħat dan il-fajl lill-OLAF.

    90. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 99/50 jimponi fuq is-Segretarju Ġenerali l-obbligu li jibgħat mingħajr dewmien lill-OLAF kull fatt li jagħti lok għall-preżunzjoni li jeżistu irregolaritajiet u li jwettaq investigazzjoni preliminari, bla ħsara għall-investigazzjonijiet interni mwettqa mill-OLAF.

    91. Kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 29 tas-sentenza appellata, l-investigazzjoni preliminari li għaliha tirreferi dik id-dispożizzjoni hija intiża, minn naħa, sabiex tippermetti lis-Segretarju Ġenerali jevalwa jekk l-elementi mgħarrfa lilu jagħtux lok li wieħed jippreżumi li jeżistu irregolaritajiet li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, sabiex jintbagħat lill-OLAF, b ’mod konformi mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1073/1999, fajl li jippermetti lil dan tal-aħħar jevalwa jekk hemmx lok li tinfetaħ investigazzjoni interna skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tal-istess regolament.

    92. L-investigazzjoni preliminari għalhekk tikkostitwixxi l-fażi li matulha tinġabar u tiġi vverifikata l-informazzjoni dwar l-allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet bil-għan li jiġi evalwat jekk għandhiex tinfetaħ investigazzjoni interna. Fi kliem ieħor, l-informazzjoni li ssostni tali allegazzjonijiet għandha tiġi vverifikata bil-għan li tiġi evalwata n-natura plawżibbli tagħha, qabel ma tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti sabiex iwettqu investigazzjoni interna, f’dan il-każ l-OLAF.

    93. Inkwantu l-investigazzjoni preliminari ma hijiex intiża li twassal għall-adozzjoni ta’ konklużjonijiet li jirrigwardaw il-persuna inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali ikkonstatat ġustament, fil-punt 29 tas-sentenza appellata, li l-obbligu li jirriżulta mit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 99/50 ma jikkonċernax l-aġir tas-Segretarju Ġenerali fil-kuntest tal-Artikolu 2 ta’ din l-istess deċiżjoni.

    94. Matul din il-fażi preliminari ta’ ġbir u ta’ evalwazzjoni tal-informazzjoni li ssostni l-allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet, ir-riskji ta’ pressjoni fuq ix-xhieda huma partikolarment għoljin. Għalhekk huwa indispensabbli li ma jkunx hemm ostakolu għat-tfittxija tal-verità jew għall-effikaċja tal-investigazzjoni preliminari.

    95. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 99/50, sa fejn jista’ jitqies li din id-dispożizzjoni tikkonċerna kemm l-investigazzjoni interna kif ukoll l-investigazzjoni preliminari, tipprovdi li r-regola li skontha l-persuna kkonċernata b’allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet għandha tiġi informata malajr bil-possibbiltà tal-implikazzjoni personali tagħha hija suġġetta għal kundizzjoni importanti, jiġifieri li dik l-informazzjoni tingħata “meta dan ma jipperikolax li ssir ħsara lill-investigazzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    96. Huwa paċifiku li, bl-ittri tat-8 u tas-26 ta’ April 2002, l-appellanti ġiet informata bil-ftuħ tal-investigazzjoni tal-OLAF, bis-suġġett ta’ din tal-aħħar, bl-identità tal-investigaturi u bil-fatt li dawn tal-aħħar kienu qegħdin jitolbuha biex tikkoopera. Barra minn hekk, l-appellanti ġiet informata, fl-ittra tas-26 ta’ April 2002, li kienet saret investigazzjoni preliminari mill-Qorti tal-Awdituri u li kien intbagħat il-fajl relattiv lill-OLAF. Dawn il-komunikazzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 99/50, inkwantu dawn jirrikonċiljaw il-prinċipju li l-persuna kkonċernata għandha tiġi informata malajr man-neċessità li tiġi żgurata l-effikaċja tal-investigazzjoni. Barra minn hekk, nosserva li informazzjoni mogħtija malajr ma hijiex sinonima ma’ informazzjoni mogħtija immedjatament jew mill-bidu tal-investigazzjoni.

    97. L-argumentazzjoni tal-appellanti intiża biex tqiegħed inkwistjoni r-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 29 u 30 tas-sentenza appellata għalhekk ma hijiex fondata.

    98. L-istess jgħodd għall-ilment li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat il-kundizzjonijiet biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fil-punt 32 tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi indikat li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li “il-fatt li d-dokument inkwistjoni seta’ ntbagħat mill-Qorti tal-Awdituri jew lill-OLAF jew lill-awtoritajiet Lussemburgiżi ma jfissirx li l-istituzzjoni aġixxiet in mala fide fir-rigward tal-awtentiċità tal-firma tar-rikorrenti” ġiet ifformulata fuq bażi sussidjarja. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, fuq bażi prinċipali, ikkonstatat li ma kienx ġie pprovat li d-dokument inkwistjoni, li l-awtentiċità tal-firma tiegħu kienet ikkontestata, kien intbagħat lill-OLAF jew lill-awtoritajiet Lussemburgiżi. Fl-assenza ta’ kwalunkwe tqegħid inkwistjoni ta’ din l-aħħar konstatazzjoni, dan l-aħħar ilment għandu jitqies li huwa irrilevanti.

    99. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud.

    VI – Konklużjoni

    100. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    – tiċħad l-appell; u

    – tikkundanna lil Kalliopi Nikolaou għall-ispejjeż.

    (1) .

    (2)  – T‑241/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”.

    (3)  – Iktar ’il quddiem is-“Segretarju Ġenerali”.

    (4) – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 91.

    (5)  – Punti 47 sa 49 tal-ittra tas-7 ta’ Lulju 2009.

    (6)  – C‑432/04, Ġabra p. I‑6387.

    (7)  – Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Allen vs Ir-Renju Unit tat-12 ta’ Lulju 2013 (§ 94).

    (8) – Idem .

    (9)  – Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Teodor vs Ir-Rumanija tal-4 ta’ Ġunju 2013 (§ 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    (10)  – Ibidem (§ 40).

    (11) – Idem .

    (12)  – § 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    (13) – Idem .

    (14)  – Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Stavropoulos vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq (§ 39). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Tendam vs Spanja tat-13 ta’ Lulju 2010 (§ 39).

    (15)  – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il‑Kummissjoni (C‑221/10 P, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    (16)  – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Vanjak vs Il-Kroazja tal-14 ta’ Jannar 2010 (§ 69 sa 72).

    (17)  – Reports of Judgments and Decisions [Ġabra ta’ Sentenzi u Deċiżjonijiet] 2003‑II.

    (18)  – § 38.

    (19) – Ibid .

    (20) – Punt 121.

    (21) – Ibid.

    (22) – Punt 122.

    (23)  – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Cresson, iċċitata iktar ’il fuq (punt 72).

    (24)  – Dawn il-parametri l-oħrajn, li jinsabu fil-paragrafu 48 ta’ dik l-ittra, huma dawn li ġejjin: il-“fatt li, fid-dawl tar-rimbors tas-somma mħallsa indebitament lil P. Koutsouvelis, ebda dannu ma ġie kkawżat lill-baġit Komunitarju”, iż-“żmien li għadda wara l-avvenimenti inkwistjoni”, l-“invalidità” tal-appellanti kif ukoll l-“istress ikkawżat [lilha] minħabba t-tul ta’ żmien tal-proċedura kriminali”.

    (25)  – Punt 72.

    (26) – Ara l-punt 8 tas-sentenza appellata.

    (27)  – Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1 tar-rikors.

    Top

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOT

    ippreżentati fl-20 ta’ Marzu 2014 ( 1 )

    Kawża C‑220/13 P

    Kalliopi Nikolaou

    vs

    Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea

    “Appell — Deċiżjoni 99/50 tal-Qorti tal-Awdituri — Investigazzjoni preliminari — Investigazzjoni interna mmexxija mill-OLAF — Preżunzjoni ta’ innoċenza — Kooperazzjoni leali — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali”

    1. 

    Permezz tal-appell tagħha, K. Nikolaou titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta’ Frar 2013, Nikolaou vs Il‑Qorti tal-Awdituri ( 2 ), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għad-danni intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li allegatament ġarrbet l-appellanti b’konsegwenza ta’ irregolaritajiet u ksur tad-dritt tal-Unjoni li l-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea allegatament wettqet fil-konfront tagħha.

    I – Il-kuntest ġuridiku

    2.

    Id-Deċiżjoni 99/50 tal-Qorti tal-Awdituri, tas-16 ta’ Diċembru 1999, dwar il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-investigazzjonijiet interni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, tipprovdi, fl-Artikolu 2 tagħha:

    “Kull uffiċjal jew membru tal-persunal tal-Qorti [tal-Awdituri] li jsir jaf b’fatti li jagħtuh x’jifhem li jista’ jkun hemm, fi ħdan l-istituzzjoni, każijiet possibbli ta’ frodi jew korruzzjoni jew kull attività illegali oħra li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet għandu jinforma b’dan mingħajr dewmien lis-Segretarju Ġenerali tal-Qorti [tal-Awdituri ( 3 )].

    Is-Segretarju Ġenerali għandu jibgħat mingħajr dewmien lill-Uffiċċju [Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)] kif ukoll lill-President tal-Qorti [tal-Awdituri] li għandu jibgħat l-informazzjoni lill-Membru responsabbli mis-settur li għalih ikun jappartjeni l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal, kull fatt li jagħti lok għall-preżunzjoni li jeżistu l-irregolaritajiet imsemmija fl-ewwel paragrafu iktar ’il fuq u għandu jwettaq investigazzjoni preliminari, bla ħsara għall-investigazzjonijiet interni mwettqa mill-[OLAF].

    [...]

    Il-Membri, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal ma għandhom bl-ebda mod isofru trattament inġust jew diskriminatorju minħabba li jkunu kkomunikaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi preċedenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    3.

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 99/50 jipprovdi:

    “F’każ fejn jidher li jkun hemm possibbiltà ta’ implikazzjoni personali ta’ Membru, uffiċjal jew membru tal-persunal tal-Qorti [tal-Awdituri], il-persuna kkonċernata għandha tiġi informata malajr meta dan ma jipperikolax li ssir ħsara lill-investigazzjoni. Fi kwalunkwe każ, meta tintemm l-investigazzjoni ma jistgħux jintlaħqu konkluzjonijiet li jirreferu bl-isem għal xi Membru, uffiċjal jew membru tal-persunal jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx ingħatat l-opportunità li tesprimi ruħha dwar il-fatti kollha li jikkonċernawha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

    4.

    L-appellanti kienet Membru tal-Qorti tal-Awdituri bejn l-1996 u l-2001. Skont rapport li deher fil-ġurnal Europa Journal fid-19 ta’ Frar 2002, il-Membru tal-Parlament Ewropew B. Staes kellu għad-dispożizzjoni tiegħu informazzjoni dwar aġir illegali tal-appellanti matul il-mandat tagħha bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

    5.

    B’ittra tat-18 ta’ Marzu 2002, is-Segretarju Ġenerali bagħat lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF fajl bi provi relatati ma’ dan il-każ, li huwa nnifsu u l-President tal-Qorti tal-Awdituri kienu jafu bihom. Barra minn hekk, is-Segretarju Ġenerali talab lill-OLAF biex jindikalu jekk kienx hemm lok li l-appellanti tiġi informata dwar l-eżistenza ta’ investigazzjoni dwarha skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 99/50.

    6.

    B’ittra tat-8 ta’ April 2002, il-President tal-Qorti tal-Awdituri informa lill-appellanti bl-eżistenza ta’ investigazzjoni interna mmexxija mill-OLAF wara l-artiklu li deher fl-Europa Journal. B’ittra tas-26 ta’ April 2002, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF informa lill-appellanti li, wara l-informazzjoni li dan is-servizz kien irċieva mingħand B. Staes u fuq il-bażi ta’ fajl ta’ investigazzjoni preliminari mħejji mis-Segretarju Ġenerali, kienet inbdiet investigazzjoni, u l-appellanti kienet ġiet mitluba biex tikkoopera f’dan ir-rigward.

    7.

    Skont ir-rapport finali tal-OLAF tat-28 ta’ Ottubru 2002, l-informazzjoni li tirrigwarda lill-appellanti kienet ġiet ipprovduta lil B. Staes minn żewġ impjegati tal-Qorti tal-Awdituri, li wieħed minnhom kien membru tal-kabinett tal-appellanti. L-akkużi eżaminati kienu jirrigwardaw, fl-ewwel lok, somom tal-flus li l-appellanti kienet irċeviet mingħand il-membri tal-persunal tagħha bħala self; fit-tieni lok, dikjarazzjonijiet allegatament foloz ta’ trasferiment ta’ ġranet ta’ leave għall-kap tal-kabinett tagħha li taw lok għal rimbors ta’ madwar EUR 28 790 lil dan tal-aħħar abbażi ta’ leave mhux meħud għas-snin 1999, 2000 u 2001; fit-tielet lok, l-użu ta’ vettura tax-xogħol għal finijiet mhux previsti fir-regoli applikabbli; fir-raba’ lok, l-użu tas-servizz ta’ xufier mill-appellanti għal finijiet mhux koperti mir-regoli applikabbli; fil-ħames lok, politika ta’ assentiżmu fi ħdan il-kabinett tal-appellanti; fis-sitt lok, attivitajiet ta’ natura kummerċjali u interventi ma’ persuni f’karigi għoljin sabiex jiġu ffaċilitati tali attivitajiet eżerċitati minn membri tal-familja tagħha; fis-seba’ lok, frodi mwettqa fil-kuntest ta’ kompetizzjoni u, fit-tmien lok, frodi relatati mal-ispejjeż ta’ rappreżentazzjoni miġbura mill-appellanti.

    8.

    L-OLAF ikkonkluda li kien hemm il-possibbiltà li kien twettaq ksur li seta’ jiġi kkwalifikat bħala falsifikazzjoni, użu ta’ dokumenti foloz u frodi li kien jikkonsisti f’talbiet għat-trasferiment tal-ġranet ta’ leave tal-kap tal-kabinett tal-appellanti. Skont ir-rapport finali, l-appellanti u l-membri tal-kabinett tagħha setgħu wettqu reati kriminali fir-rigward ta’ somom ta’ flus li din tal-ewwel irċeviet, skont il-persuni implikati, bħala self. F’dawn iċ-ċirkustanzi, f’konformità mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) ( 4 ), l-OLAF informa lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi b’dawn l-allegazzjonijiet, sabiex dawn tal-aħħar jinvestigaw il-fatti li jistgħu jindikaw li kienu twettqu reati kriminali.

    9.

    Fir-rigward tal-akkużi l-oħrajn, ħlief għal dik ta’ frodi mwettqa fil-kuntest ta’ kompetizzjoni, l-OLAF wera li seta’ kien hemm irregolaritajiet jew punti ta’ interrogazzjoni fir-rigward tal-aġir tal-appellanti u ssuġġerixxa lill-Qorti tal-Awdituri li jittieħdu miżuri korrettivi kontra l-appellanti kif ukoll miżuri sabiex tittejjeb is-sistema ta’ kontroll fi ħdan l-istituzzjoni.

    10.

    Fis-26 ta’ April 2004, l-appellanti nstemgħet waqt il-laqgħa ristretta tal-Qorti tal-Awdituri għall-finijiet tal-possibbiltà li jiġi applikat l-Artikolu 247(7) KE. B’ittra tat-13 ta’ Mejju 2004, il-President tal-Qorti tal-Awdituri stqarr li, fir-rigward tar-rinviju tal-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 247(7) KE, minħabba li l-appellanti allegatament talbet u kisbet self personali mingħand membri tal-kabinett tagħha, l-unanimità meħtieġa mill-Artikolu 6 tar-regoli interni tal-Qorti tal-Awdituri, kif adottati fil-31 ta’ Jannar 2002, ma kinitx inkisbet waqt il-laqgħa li saret fl-4 ta’ Mejju 2004. Il-President tal-Qorti tal-Awdituri ddikjara wkoll f’dan ir-rigward li maġġoranza kbira tal-Membri tal-istituzzjoni kkunsidrat li l-aġir tal-appellanti kien assolutament mhux xieraq. Fir-rigward tal-ġranet ta’ leave tal-kap tal-kabinett tal-appellanti, il-President tal-Qorti tal-Awdituri ddikjara li peress li l-kawża kienet pendenti quddiem il-qrati Lussemburgiżi, l-istituzzjoni kienet iddifferiet id-deċiżjoni tagħha sakemm jiġu konklużi l-proċeduri relattivi.

    11.

    B’sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, ix-Chambre correctionnelle du Tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Lussemburgu) illiberat lill-appellanti u lill-kap tal-kabinett tagħha mill-akkużi ta’ falsifikazzjoni u ta’ użu ta’ dokumenti foloz, ta’ dikjarazzjoni falza, sussidjarjament ta’ żamma indebita ta’ kumpens, sussidju jew allowance u, iktar sussidjarjament, ta’ frodi (iktar ’il quddiem is-“sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008”). It-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg kien tal-fehma, essenzjalment, li ċerti spjegazzjonijiet mogħtija mill-kap tal-kabinett tal-appellanti u minn din tal-aħħar kienu jixħtu dubju fuq il-provi miġbura mill-OLAF u mill-pulizija ġudizzjarja Lussemburgiża intiżi biex juru li l-imsemmi kap tal-kabinett kien ħareġ b’leave mhux iddikjarat għal bosta ġranet matul is-snin 1999 sa 2001. It-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg għalhekk ikkonkluda li l-eżistenza materjali tal-fatti allegati kontra l-appellanti ma kinitx ġiet ipprovata lil hinn minn kull dubju u li, peress li l-iċken dubju kellu jmur favur l-akkużat, l-appellanti kellha tiġi lliberata mill-akkużi kontriha. Peress li ma sarx appell, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008 saret definittiva.

    12.

    B’ittra tal-14 ta’ April 2009, l-appellanti talbet lill-Qorti tal-Awdituri biex tippubblika fil-gazzetti kollha Lussemburgiżi, Ġermaniżi, Griegi, Franċiżi, Spanjoli u Belġjani stqarrija dwar il-fatt li hija ma kinitx instabet ħatja u biex tinforma lill-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea dwar dan. Sussidjarjament, f’każ li l-Qorti tal-Awdituri ma tagħmilx dawn il-pubblikazzjonijiet, l-appellanti talbet EUR 100 000 bħala kumpens għad-dannu morali, ammont li hija impenjat ruħha li tuża sabiex tagħmel dawk il-pubblikazzjonijiet. L-appellanti talbet ukoll lill-Qorti tal-Awdituri, fl-ewwel lok, li tħallasha s-somma ta’ EUR 40 000 bħala kumpens għad-dannu morali kkawżat mill-proċedura quddiem il-qrati Lussemburgiżi u EUR 57 771.40 bħala kumpens għad-dannu materjali kkawżat mill-istess proċedura, fit-tieni lok, li tiġi kkumpensata għall-ispejjeż kollha li hija ġarrbet b’mod partikolari quddiem il-Juge d’instruction u t-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg u, fit-tielet lok, li tiġi kkumpensata għall-ispejjeż li hija ġarrbet fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Awdituri.

    13.

    B’ittra tas-7 ta’ Lulju 2009, il-President tal-Qorti tal-Awdituri bagħat lill-appellanti d-deċiżjoni adottata b’risposta għall-imsemmija talbiet. Dik id-deċiżjoni, minn naħa, ċaħdet l-argumenti invokati fl-ittra tal-14 ta’ April 2009 u, min-naħa l-oħra, ikkomunikat lill-appellanti li l-Qorti tal-Awdituri kienet fittxet li tiddetermina, fuq il-bażi tal-informazzjoni li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk il-fatti kinux jirrappreżentaw grad ta’ gravità suffiċjenti sabiex jitressqu proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja biex din tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tal-ex Membru abbażi tat-Trattat KE u n-neċessità li jiġu applikati sanzjonijiet. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Awdituri indikat lill-appellanti l-elementi li kienu wassluha biex tiddeċiedi li ma tressaqx proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fosthom, b’mod partikolari, il-fatt li l-appellanti kienet ġiet illiberata bis-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008 u n-nuqqas ta’ dannu kkawżat lill-baġit Komunitarju minħabba r-rimbors tas-somma mħallsa indebitament lil P. Koutsouvelis, il-kap tal-kabinett tagħha ( 5 ).

    III – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    14.

    B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Ġunju 2009, l-appellanti ppreżentat rikors għad-danni li permezz tiegħu hija talbet li l-Qorti tal-Awdituri tiġi kkundannata tħallas is-somma ta’ EUR 85 000 flimkien mal-interessi mill-14 ta’ April 2009, bħala kumpens għad-dannu morali kkawżat mill-aġir u mill-ommissjonijiet ta’ dik l-istituzzjoni, ammont li hija ntrabtet li tuża sabiex tippubblika l-aħbar li hija kienet ġiet illiberata.

    15.

    Insostenn ta’ dan ir-rikors, l-appellanti l-ewwel nett invokat sitt motivi dwar il-ksur serju mill-Qorti tal-Awdituri tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jagħtu drittijiet lill-individwi. Sussegwentement, hija sostniet li kien hemm rabta kawżali diretta bejn l-imsemmi ksur u d-dannu morali u materjali mġarrab minħabba dan.

    16.

    Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmi rikors, billi kkunsidrat li l- Qorti tal-Awdituri ma kienet wettqet ebda ksur allegat tad-dritt tal-Unjoni.

    17.

    B’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda dan l-appell, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 27 sa 32 tas-sentenza appellata, li l-aġir tal-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-investigazzjoni preliminari ma kienx illegali. Fil-fatt, meta bagħtet lill-OLAF il-fajl li fih kien hemm l-ewwel informazzjoni miġbura qabel ma nstemgħet l-appellanti, dik l-istituzzjoni la kisret ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-interpretazzjoni kkombinata tal-Artikoli 2 u 4 tad-Deċiżjoni 99/50, u lanqas id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti jew il-prinċipju ta’ imparzjalità.

    18.

    Il-Qorti Ġenerali rrispondiet ukoll, fil-punti 44 sa 47 tas-sentenza appellata, għall-ilmenti li jallegaw, minn naħa, li l-Qorti tal-Awdituri naqset milli tadotta deċiżjoni formali li tillibera lill-appellanti minn kull akkuża fil-konfront tagħha wara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008 u, min-naħa l-oħra, li l-President tal-Qorti tal-Awdituri inkluda, fl-ittra tiegħu tat-13 ta’ Mejju 2004, kumment negattiv u żejjed fir-rigward tal-pożizzjoni espressa minn maġġoranza tal-Membri tal-istituzzjoni. Il-punti kkritikati huma fformulati kif ġej:

    “44

    Għandu jiġi rrilevat li l-ommissjoni li biha hija akkużata l-Qorti tal-Awdituri ma hijiex ivvizzjata b’illegalità.

    45

    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ġiet illiberata fuq il-bażi ta’ dubji li nibtu, skont is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, minn ċerti spjegazzjonijiet mogħtija mill-kap tal-kabinett tagħha waqt is-seduta pubblika. Mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar ir-raġonevolezza tad-dubji mqajma mit-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg, għandu jiġi kkonstatat li din ir-raġuni li abbażi tagħha r-rikorrenti ġiet illiberata ma timplikax li l-akkużi kontriha huma totalment infondati, iżda, kif spjegat l-imsemmija qorti, timplika l-fatt li ma ġewx ipprovati bl-esklużjoni tal-‘iċken dubju’.

    46

    Fit-tieni lok, kif targumenta l-Qorti tal-Awdituri, huma l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali li għandhom jeżaminaw l-akkużi fuq livell kriminali u hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwahom fuq livell dixxiplinari abbażi tal-Artikolu 247(7) KE. Il-Qorti tal-Awdituri għalhekk ma kellhiex kompetenza biex tiddeċiedi f’dan ir-rigward.

    47

    Fit-tielet lok, mill-fatt li ma tressqux proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni ma jistax jiġi dedott li l-Qorti tal-Awdituri kienet tal-fehma li l-fatti allegati fil-konfront tar-rikorrenti huma totalment infondati. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6 tar-regoli interni tal-Qorti tal-Awdituri, kif adottati fil-31 ta’ Jannar 2002, hija meħtieġa deċiżjoni unanima biex jitressqu l-proċeduri inkwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, għalkemm huwa minnu li l-fatt li ma tressqux proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jfisser li ma nkisbitx l-unanimità, dan ma jammontax għal teħid ta’ pożizzjoni mill-Qorti tal-Awdituri dwar l-eżistenza materjali tal-fatti. F’dan il-kuntest, il-President tal-Qorti tal-Awdituri ma aġixxiex b’mod mhux xieraq meta indika lir-rikorrenti li l-maġġoranza kbira tal-Membri tal-istituzzjoni kkunsidrat l-aġir tagħha bħala inaċċettabbli, sabiex b’hekk jimpedixxi li l-fatt li ma tressqux proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jkun jista’ jinftiehem bħala ċaħda tal-eżistenza materjali tal-fatti allegati, ħaġa li ma kinitx tikkorrispondi mar-realtà.”

    19.

    Finalment, il-Qorti Ġenerali rrispondiet għall-ilment li l-Qorti tal-Awdituri kien imissha għamlet, skont id-dmir tagħha ta’ diliġenza, komunikazzjonijiet lill-istampa u lill-istituzzjonijiet dwar il-fatt li l-appellanti kienet ġiet illiberata. F’dan ir-rigward, hija kkunsidrat, b’referenza għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 45 u 46 tas-sentenza appellata, li mid-dmir ta’ diliġenza ma seta’ jiġi dedott ebda obbligu li tiġi ppubblikata l-aħbar li l-appellanti kienet ġiet illiberata.

    IV – L-aggravji u l-argumenti prinċipali invokati insostenn tal-appell

    20.

    L-appellanti tqajjem erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

    21.

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, stabbilit fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u fl-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Fil-fatt, dan il-prinċipju jiggarantixxi b’mod partikolari li qorti tal-Unjoni ma tistax tqiegħed fid-dubju l-innoċenza ta’ persuna akkużata, meta dik il-persuna tkun diġà nstabet mhux ħatja b’deċiżjoni ġudizzjarja kriminali nazzjonali definittiva. Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat, fil-punti 43 sa 46 u 49 tas-sentenza appellata, li ma kinitx “ivvizzjata b’illegalità” l-ommissjoni mill-Qorti tal-Awdituri, minn naħa, li tadotta deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas definittiv li l-appellanti titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, min-naħa l-oħra, li tiġi stabbilita mill-ġdid ir-reputazzjoni tagħha.

    22.

    L-appellanti tikkritika, b’mod partikolari, il-formulazzjoni tal-punt 45 tas-sentenza appellata, billi tikkunsidra li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab f’dan il-punt tikkostitwixxi ksur ċar tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza. Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li l-fatt li l-appellanti ġiet illiberata minħabba s-sussistenza ta’ dubju ma jista’ jkollu ebda effett fuq l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li ma tibbażax id-deċiżjoni tagħha fuq ir-raġuni għal-liberazzjoni inkwistjoni.

    23.

    Il-Qorti tal-Awdituri tirribatti li l-ewwel aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-portata tal-Artikolu 6(2) tal-KEDB kif ukoll tal-Artikolu 48(1) tal-Karta. Fil-fatt, il-preżunzjoni ta’ innoċenza tgħodd għall-persuna akkużata quddiem il-qorti li jkollha tiddeċiedi dwar il-ħtija jew l-innoċenza tagħha fir-rigward tal-akkużi miġjuba quddiem dik il-qorti. Fil-kuntest tar-rikors sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali mressaq mill-appellanti, il-ħtija tagħha taħt id-dritt kriminali Lussemburgiż ma kinitx inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ma setgħetx tikser il-preżunzjoni tal-innoċenza.

    24.

    Barra minn hekk, dan l-aggravju huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-Qorti tal-Awdituri u l-Qorti Ġenerali eżaminaw mill-ġdid il-fondatezza tas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008. Il-Qorti tal-Awdituri tikkunsidra li, għall-kuntrarju, kull istituzzjoni, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha fil-kuntest tal-kawża, aċċettat din is-sentenza u siltet il-konklużjonijiet meħtieġa fil-kuntest tal-proċessi deċiżjonali rispettivi tagħhom. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008 bħala fatt li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-atti jew tal-ommissjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri.

    25.

    Il-Qorti tal-Awdituri tiddeduċi mill-punti 120 sa 122 tas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson ( 6 ), li, filwaqt li tirrikonoxxi li t-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg ikkonkluda li l-eżistenza materjali ta’ ċerti fatti li bihom ġiet akkużata l-appellanti ma kinitx ġiet ipprovata lil hinn minn kull dubju u li, għaldaqstant, il-persuni inkwistjoni kellhom jiġu lliberati mill-akkużi ta’ ksur tad-dritt kriminali Lussemburgiż miġjuba kontrihom, xejn ma jwaqqaf lill-Qorti Ġenerali milli tagħmel evalwazzjoni differenti ta’ dawn l-istess fatti fil-kuntest tal-eżami tagħha ta’ eventwali responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni. Billi pproċediet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali la qiegħdet fid-dubju s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008 u lanqas il-preżunzjoni ta’ innoċenza li l-appellanti kienet tgawdi quddiem dik il-qorti.

    26.

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, fil-konfront tat-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg, billi żnaturat il-kunsiderazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar.

    27.

    Fil-fehma tagħha, dan il-prinċipju jfisser li, meta qorti nazzjonali tkun tat sentenza li tkun saret res judicata u li permezz tagħha persuna tiġi lliberata mir-reati li tkun ġiet akkużata li wettqet, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluża l-Qorti Ġenerali, huma obbligati li jirrispettaw dik is-sentenza u li ma jċaħħduhiex mill-effettività tagħha.

    28.

    Hija ssostni li għalkemm il-fatti inkwistjoni huma identiċi għal dawk li dwarhom iddeċieda t-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali meta għamlet evalwazzjoni totalment differenti ta’ dawn l-istess fatti.

    29.

    Barra minn hekk, hija tallega li, fil-punt 35 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkontradixxiet il-konklużjonijiet tat-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg meta kkunsidrat li “il-ġestjoni ta’ kull sistema ta’ leave hija bbażata fuq l-obbligu tas-superjur dirett li jivverifika l-preżenza tal-membri tal-persunal taħt l-awtorità tiegħu u li jiżgura li kull assenza tkun konformi mar-regoli applikabbli dwar il-leave” u li “[d]an l-obbligu ma huwiex affettwat minn eventwali assenza ta’ sistema integrata li tippermetti li jiġi vverifikat, b’mod indipendenti mis-superjur dirett, li n-numru ta’ ġranet ta’ leave ddikjarati bħala mhux meħuda fi tmiem kull sena jikkorrispondi għar-realtà”.

    30.

    Finalment, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali ma rrispettatx is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, inkwantu kkunsidrat, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li “in-natura insuffiċjenti tas-sistema ta’ reġistrazzjoni u ta’ sorveljanza tal-leave tal-Qorti tal-Awdituri li kienet applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti ma tistax tiġġustifika l-abbandun ta’ kull investigazzjoni jew prosekuzzjoni kontra [l-appellanti]”, meta hija preċiżament in-natura insuffiċjenti tas-sistema ta’ ġestjoni tal-leave tal-Qorti tal-Awdituri li wasslet biex l-appellanti tiġi lliberata.

    31.

    B’risposta għal dawn l-argumenti, il-Qorti tal-Awdituri tafferma li t-tieni aggravju huwa bbażat fuq fehma żbaljata tar-rwoli rispettivi tal-istituzzjonijiet ikkonċernati kif ukoll tal-portata tal-Artikolu 4(3) TUE. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali la evalwat mill-ġdid is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008 u lanqas qiegħdet fid-dubju l-verdett tagħha. Id-differenza fl-evalwazzjoni ta’ ċerti fatti huwa spjegat mill-kuntest differenti taż-żewġ kawżi, jiġifieri, minn naħa, proċedura kriminali li taqa’ taħt id-dritt nazzjonali u, min-naħa l-oħra, rikors sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali taħt id-dritt tal-Unjoni.

    32.

    Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-fatt li hija ddeċidiet dwar kwistjonijiet li kienu jmorru lil hinn mill-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mit-Trattati.

    33.

    Minn naħa, minkejja li rrikonoxxiet, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li huma biss l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali li għandhom jeżaminaw l-akkużi fuq livell kriminali, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mill-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mit-Trattati meta, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, wettqet evalwazzjoni tal-mertu f’dak li jirrigwarda r-raġuni għal-liberazzjoni bbażat fuq l-eżistenza ta’ dubju.

    34.

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali marret ukoll lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha meta għamlet l-affermazzjonijiet li jinsabu fil-punt 47 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija l-unika istituzzjoni li għandha s-setgħa li tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltajiet dixxiplinari li jirriżultaw mill-aġir tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri, il-Qorti Ġenerali, bl-istess mod bħal din l-istituzzjoni tal-aħħar fl-ittra tagħha tat-13 ta’ Mejju 2004, ma kellhiex kompetenza biex tesprimi fil-konfront tal-appellanti l-iċken suspett li seta’ jagħti x’jifhem li kien hemm aġir inaċċettabbli min-naħa tagħha.

    35.

    Il-Qorti tal-Awdituri tirribatti li dan it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli, inkwantu sempliċement itenni l-argumenti ppreżentati fl-ewwel istanza fir-rigward tal-ittra tat-13 ta’ Mejju 2004, u parzjalment infondat.

    36.

    F’dan l-aħħar rigward, hija terġa’ ssostni li l-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma qiegħdet fid-dubju s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008. L-evalwazzjoni tal-istess aġir tista’ twassal għal konklużjonijiet differenti skont il-qorti kkonċernata.

    37.

    Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat il-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Fil-fatt, rigward il-kwistjoni tal-użu ta’ dokument falz, il-Qorti Ġenerali żiedet kundizzjoni addizzjonali mhux meħtieġa (il-“mala fides”), meta kkonkludiet, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, li “il-fatt li d-dokument inkwistjoni seta’ ntbagħat mill-Qorti tal-Awdituri jew lill-OLAF jew lill-awtoritajiet Lussemburgiżi ma jfissirx li l-istituzzjoni aġixxiet in mala fide fir-rigward tal-awtentiċità tal-firma tar-rikorrenti”.

    38.

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi wkoll fl-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 99/50, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tagħha, meta kkonkludiet li s-sempliċi komunikazzjoni lill-appellanti tal-eżistenza ta’ investigazzjoni interna mmexxija mill-OLAF kienet suffiċjenti u li għalhekk ma kienx meħtieġ li hija tingħata l-informazzjoni dwar l-investigazzjoni preliminari mwettqa mill-Qorti tal-Awdituri.

    39.

    Skont il-Qorti tal-Awdituri, l-allegazzjonijiet li jinsabu f’dan ir-raba’ aggravju għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli, għaliex dawn jikkonsistu, minn naħa, f’talba lill-Qorti tal-Ġustizzja biex teżamina mill-ġdid il-fatti tal-każ u, min-naħa l-oħra, sempliċi repetizzjoni tal-argumenti ppreżentati fl-ewwel istanza, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ilment dwar in-nuqqas ta’ notifika tal-investigazzjoni preliminari.

    40.

    Dwar il-mertu, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma żiedet ebda kundizzjoni addizzjonali dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, meta affermat li s-sempliċi trażmissjoni ta’ dokument lill-OLAF jew lill-awtoritajiet Lussemburgiżi ma kinitx indikazzjoni ta’ mala fides min-naħa tal-Qorti tal-Awdituri f’dak li jirrigwarda l-awtentiċità tal-firma tal-appellanti. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żbalji fl-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 99/50, peress li dik id-dispożizzjoni ma timponix l-obbligu li jiġi kkomunikat il-ftuħ ta’ investigazzjoni preliminari lill-persuna ssuspettata b’irregolaritajiet, iżda sempliċement teżiġi li s-Segretarju Ġenerali jibgħat mingħajr dewmien lill-OLAF l-informazzjoni miġbura fil-kuntest ta’ tali investigazzjoni.

    V – Evalwazzjoni

    41.

    Fl-ewwel lok, ser neżamina flimkien, l-ewwel sat-tielet aggravji mqajma mill-appellanti, inkwantu l-argumenti żviluppati insostenn tagħhom jistgħu jinġabru flimkien u jirrigwardaw l-istess punti tas-sentenza appellata. Sussegwentement, ser neżamina, fit-tieni lok, ir-raba’ aggravju.

    A – Fuq l-aggravji bbażati fuq ksur tal-preżunzjoni ta ’ innoċenza u dak tal-prinċipju ta ’ kooperazzjoni leali kif ukoll tan-nuqqas ta ’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

    42.

    L-ewwel tliet aggravji essenzjalment jikkontestaw ir-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 44 sa 49 tas-sentenza appellata.

    43.

    Għandna nżommu f’moħħna l-ilmenti li għalihom kellha tirrispondi l-Qorti Ġenerali f’dik il-parti tas-sentenza appellata.

    44.

    Fl-ewwel lok, l-appellanti allegat li l-Qorti tal-Awdituri naqset milli tadotta deċiżjoni formali li tilliberaha minn kull akkuża kontriha wara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, inkwantu ma kinitx tressqet prova ta’ aġir li tiġġustifika li jitressqu proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 247(7) KE. Fil-fehma tagħha, permezz ta’ dik id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Awdituri kien imissha rrinunzjat li tressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

    45.

    Fit-tieni lok, l-appellanti akkużat lill-President tal-Qorti tal-Awdituri bi ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità u tad-dmir ta’ diliġenza meta inkluda, fl-ittra tat-13 ta’ Mejju 2004, kumment negattiv u żejjed fir-rigward tal-pożizzjoni li esprimiet maġġoranza tal-Membri tal-istituzzjoni.

    46.

    Fit-tielet lok, l-appellanti argumentat li l-Qorti tal-Awdituri kien imissha għamlet, skont id-dmir tagħha ta’ diliġenza, komunikazzjonijiet lill-istampa u lill-istituzzjonijiet dwar il-fatt li hija kienet ġiet illiberata.

    47.

    Fl-ewwel lok għandi nindika li, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet dawn it-tliet allegazzjonijiet tal-appellanti.

    48.

    Madankollu, kif issostni din tal-aħħar, l-argument li l-Qorti Ġenerali żviluppat fil-punt 45 tas-sentenza appellata joħloq problema fir-rigward tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

    49.

    Skont l-Artikolu 48(1) tal-Karta, “[k]ull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skond il-liġi”. Din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għall-Artikolu 6(2) tal-KEDB. Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza għandu l-istess tifsira u l-istess portata bħad-dritt korrispondenti ggarantit mill-KEDB.

    50.

    Il-preżunzjoni ta’ innoċenza għandha tiġi ggarantita kemm fil-fażi upstream kif ukoll downstream tal-proċess kriminali. Fil-fatt, l-Artikolu 6(2) tal-KEDB huwa intiż ukoll biex “jimpedixxi li individwi li jkunu ġew illiberati jew li l-proċeduri kriminali kontrihom ikunu ġew ċeduti jiġu ttrattati minn uffiċjali jew awtoritajiet pubbliċi daqslikieku fil-fatt instabu ħatja tar-reat li bih kienu ġew akkużati” ( 7 ). Il-garanzija tad-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza wara proċedura kriminali hija spjegata mill-fatt li “mingħajr protezzjoni intiża biex tiġi osservata f’kull proċedura ulterjuri deċiżjoni li biha persuna tiġi lliberata jew li biha jiġu ċeduti l-proċeduri, ikun hemm riskju li l-garanziji ta’ smigħ xieraq imsemmija fl-Artikolu 6[(2) tal-KEDB] isiru teoretiċi u illużorji. Malli tintemm il-proċedura kriminali, jidħlu wkoll inkwistjoni r-reputazzjoni tal-persuna kkonċernata u l-mod kif il-pubbliku jħares lejha” ( 8 ).

    51.

    Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għalhekk speċifikat li “il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6[(2) tal-KEDB] ma huwiex limitat għall-proċeduri kriminali li jkunu pendenti, iżda jista’ jestendi għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji meħuda wara li jitwaqqfu l-proċeduri kriminali [...] jew wara li persuna tiġi lliberata [...], inkwantu l-kwistjonijiet imqajma f’dawk il-kawżi jikkostitwixxu korollarju u element addizzjonali tal-proċeduri kriminali kkonċernati li fihom ir-rikorrent kellu l-kwalità ta’ ‘akkużat’” ( 9 ). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għalhekk tiddikjara li għandu jiġi vverifikat jekk “bil-mod kif ikunu aġixxew, bir-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom jew bil-lingwaġġ użatt fir-raġunament tagħhom” ( 10 ), l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali li jintalbu jagħtu deċiżjoni wara sentenza kriminali “ikunux xeħtu suspetti fil-konfront tal-innoċenza tar-rikorrent u b’hekk ikunux kisru l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza” ( 11 ).

    52.

    Kif jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Vassilios Stavropoulos vs Il-Greċja tas-27 ta’ Settembru 2007, “l-espressjoni ta’ suspetti fil-konfront tal-innoċenza ta’ akkużat ma hijiex aċċettabbli wara li l-liberazzjoni tkun saret definittiva” ( 12 ). Skont il-ġurisprudenza ta’ dik il-qorti, “malli ssir definittiva l-liberazzjoni — anki jekk din tkun liberazzjoni bil-benefiċċju tad-dubju skont l-Artikolu 6[(2) tal-KEDB] — l-espressjoni ta’ dubji dwar il-ħtija, inklużi dawk ibbażati fuq ir-raġunijiet għal-liberazzjoni, ma hijiex kompatibbli mal-preżunzjoni ta’ innoċenza” ( 13 ).

    53.

    F’dik l-istess sentenza, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkunsidrat li “skont il-prinċipju ‘in dubio pro reo’, li jikkostitwixxi espressjoni speċifika tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, ma għandu jkun hemm ebda differenza kwalitattiva bejn liberazzjoni minħabba nuqqas ta’ provi u liberazzjoni li tirriżulta minn konstatazzjoni tal-innoċenza tal-persuna li ma tħalli ebda dubju. Fil-fatt, ma hemmx distinzjoni bejn sentenzi ta’ liberazzjoni abbażi tal-kunsiderazzjonijiet magħmula każ b’każ mill-qorti kriminali. Għall-kuntrarju, fil-kuntest tal-Artikolu 6[(2) tal-KEDB], id-dispożittiv ta’ sentenza ta’ liberazzjoni għandu jiġi rrispettat minn kull awtorità oħra li tagħti deċiżjoni diretta jew inċidentali dwar ir-responsabbiltà kriminali tal-persuna kkonċernata” ( 14 ).

    54.

    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, jidhirli li l-formulazzjoni tal-punt 45 tas-sentenza appellata hija kontestabbli.

    55.

    Infakkar li, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali fl-ewwel lok enfasizzat li l-appellanti kienet ġiet “illiberata fuq il-bażi ta’ dubji li nibtu, skont is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, minn ċerti spjegazzjonijiet mogħtija mill-kap tal-kabinett tagħha waqt is-seduta pubblika”. Il-Qorti Ġenerali kompliet billi indikat li “[m]ingħajr ma huwiex meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar ir-raġonevolezza tad-dubji mqajma mit-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg, għandu jiġi kkonstatat li din ir-raġuni li abbażi tagħha r-rikorrenti ġiet illiberata ma timplikax li l-akkużi kontriha huma totalment infondati, iżda timplika, kif semmiet l-imsemmija qorti, li ma ġewx ipprovati bl-esklużjoni tal-‘iċken dubju’”.

    56.

    F’din il-parti tal-argument tagħha, il-Qorti Ġenerali bbażat fuq ir-raġuni għal-liberazzjoni fil-proċedura kriminali, billi insistiet fuq il-fatt li din kienet liberazzjoni bil-benefiċċju tad-dubju, biex tiġġustifika n-nuqqas min-naħa tal-Qorti tal-Awdituri li tadotta deċiżjoni formali li tillibera lill-appellanti minn kull akkuża. Hija għalhekk tuża r-raġuni għal-liberazzjoni biex tiċħad l-eżistenza ta’ nuqqas min-naħa tal-Qorti tal-Awdituri u biex tislet konsegwenza dwar l-evalwazzjoni tal-mertu tar-rikors għad-danni. Fil-qosor, ir-raġunament li jirriżulta mill-punt 45 tas-sentenza appellata huwa li, peress li l-appellanti ġiet illiberata bil-benefiċċju tad-dubju u peress li dik ir-raġuni għal-liberazzjoni ma hijiex biżżejjed biex telimina kull bażi tal-akkużi li saru kontriha, il-Qorti tal-Awdituri kienet iġġustifikata meta rrifjutat li tadotta deċiżjoni formali li tilliberaha minn kull akkuża kontriha wara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008.

    57.

    Billi fformulat l-argument tagħha b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali tagħti l-impressjoni li tikkunsidra li liberazzjoni bil-benefiċċju tad-dubju għandha inqas saħħa minn liberazzjoni li tkun ibbażata fuq affermazzjoni iktar diretta tal-innoċenza tal-appellanti. Hija ddgħajjef id-deċiżjoni mogħtija mill-qorti kriminali, u fl-istess ħin tixħet dubju fuq l-innoċenza tal-appellanti.

    58.

    Billi kisret il-preżunzjoni ta’ innoċenza tal-appellanti b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali għalhekk wettqet żball ta’ liġi.

    59.

    Fil-fehma tiegħi, il-konstatazzjoni ta’ dan l-iżball iżda ma hijiex ta’ tali natura li twassal għall-annullament tas-sentenza appellata. Tabilħaqq, għandu jitfakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li jekk il-kunsiderazzjonijiet ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġenerali juru ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jidher fondat minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ liġi oħra, l-appell għandu jiġi miċħud ( 15 ).

    60.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ġustament indikat, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li “huma esklużivament l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali li għandhom jeżaminaw l-akkużi fuq livell kriminali u hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwahom fuq livell dixxiplinari abbażi tal-Artikolu 247(7) KE”. Minn dan hija ddeduċiet ġustament li “[i]l-Qorti tal-Awdituri għalhekk ma kellhiex kompetenza biex tiddeċiedi f’dan ir-rigward”.

    61.

    Fil-fatt, huwa evidenti li l-Qorti tal-Awdituri ma hijiex awtorizzata tadotta deċiżjoni ta’ liberazzjoni, kemm mill-aspett kriminali kif ukoll minn dak dixxiplinari. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Awdituri lanqas ma kienet obbligata tippubblika l-liberazzjoni tal-appellanti. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ġustament ċaħdet dawn iż-żewġ allegazzjonijiet tal-appellanti fuq il-bażi tal-argumentazzjoni li hija indikat fil-punt 46 tas-sentenza appellata.

    62.

    L-unika kompetenza tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest ta’ din il-kawża kienet li tiddeċiedi jekk għandhiex tressaq proċeduri jew le quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 247(7) KE, sabiex din tal-aħħar tagħti deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ nuqqas min-naħa ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

    63.

    Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali kien ikun iktar konvinċenti u komplet kieku hija enfasizzat iktar in-natura awtonoma tal-proċeduri kriminali u dixxiplinari.

    64.

    Fil-fatt, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-istadju ta’ dan l-appell, l-argumentazzjoni tal-appellanti kienet parzjalment ibbażata fuq l-idea li kien hemm, b’xi mod, relazzjoni awtomatika bejn l-eżistenza ta’ liberazzjoni fi proċeduri kriminali u l-adozzjoni mill-Qorti tal-Awdituri ta’ deċiżjoni li permezz tagħha hija tirrinunzja li tressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 247(7) KE.

    65.

    Din l-argumentazzjoni tal-appellanti hija fundamentalment żbaljata, kif wieħed jista’ jiddeduċi kemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll minn dik tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    66.

    Fl-ewwel lok, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li d-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza f’każ ta’ liberazzjoni fi proċeduri kriminali jew ta’ ċessjoni tal-proċeduri kriminali bl-ebda mod ma timpedixxi li jittieħdu ulterjorment proċeduri dixxiplinari jew azzjonijiet għad-danni abbażi tal-istess fatti.

    67.

    Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għalhekk ammettiet li l-korpi dixxiplinari jistgħu jevalwaw b’mod indipendenti l-fatti tal-kawżi mressqa quddiemhom meta l-elementi li jikkostitwixxu reat kriminali u nuqqasijiet dixxiplinari ma jkunux identiċi ( 16 ). F’dan il-kuntest, il-konstatazzjoni li ċerti fatti ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala reat kriminali ma timpedixxix il-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari fuq il-bażi ta’ dawk l-istess fatti. Mill-perspettiva tad-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza, l-uniku limitu huwa li, matul il-proċedura dixxiplinari, l-innoċenza fuq il-livell kriminali tal-persuna ma terġax titqiegħed fid-dubju.

    68.

    Barra minn hekk, fir-rigward ta’ kawżi għad-danni, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ammettiet, fis-sentenza tagħha Ringvold vs In-Norveġja tal-11 ta’ Frar 2003 ( 17 ), li “il-kwistjoni tal-kumpens għandha tkun is-suġġett ta’ analiżi ġuridika separata, ibbażata fuq kriterji u rekwiżiti fir-rigward tal-provi li jkunu differenti fuq diversi punti importanti minn dawk applikabbli fil-qasam tar-responsabbiltà kriminali” ( 18 ). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għalhekk ikkunsidrat li “għalkemm il-liberazzjoni deċiża fi proċeduri kriminali ma għandhiex titqiegħed inkwistjoni, dan ma għandux jostakola l-istabbiliment, fuq il-bażi ta’ rekwiżiti ta’ prova inqas stretti, ta’ responsabbiltà ċivili li tagħti lok għall-obbligu li jitħallas kumpens abbażi tal-istess fatti” ( 19 ).

    69.

    Fit-tieni lok, skont loġika komparabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Il‑Kummissjoni vs Cresson, iċċitata iktar ’il fuq, enfasizzat l-awtonomija, minn naħa, tal-proċeduri kriminali u, min-naħa l-oħra, tal-proċedura bbażata fuq l-Artikolu 213(2) KE, intiża biex tippenalizza l-ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga ta’ Membru tal-Kummissjoni Ewropea.

    70.

    Fil-fatt, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “mhijiex marbuta bil-kwalifika[zzjoni] ġuridika tal-fatti mwettqa fil-kuntest tal-proċedura kriminali” ( 20 ) u li hija għandha, “fit-totalità tas-setgħa tagħha ta’ evalwazzjoni, tagħraf jekk il-fatti li qed jiġu kkontestati fil-kuntest ta’ proċedura bbażata fuq l-Artikolu 213(2) KE jikkostitwixxux nuqqas tat-twettiq ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga ta’ membru tal-Kummissjoni” ( 21 ). Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-deċiżjoni tax-Chambre du conseil du tribunal de première instance de Bruxelles (il-Belġju) li kkonstatat l-assenza ta’ provi kontra Cresson ma kinitx torbotha ( 22 ).

    71.

    Dan ir-raġunament, ibbażat fuq in-natura awtonoma tal-proċeduri kriminali u dixxiplinari, jista’ jiġi traspost għall-proċedura li kienet prevista, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, fl-Artikolu 247(7) KE u li issa tinsab fl-Artikolu 286(6) TFUE. Minn dan jirriżulta li, meta tkun imsejħa biex teżamina jekk Membru tal-Qorti tal-Awdituri naqasx jew le milli jwettaq l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx marbuta b’sentenza kriminali li tillibera lill-persuna inkwistjoni.

    72.

    Fuq l-istess bażi tan-natura awtonoma tal-proċeduri kriminali u dixxiplinari, il-Qorti tal-Awdituri, bħala awtorità li tressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma tistax tkun marbuta b’tali sentenza kriminali. B’mod partikolari, biex tingħata risposta ċara għall-argument tal-appellanti, jekk persuna tiġi lliberata fi proċeduri kriminali, dan ma jwaqqafx lill-Qorti tal-Awdituri milli tressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 286(6) TFUE. F’każ bħal dan, il-Qorti tal-Awdituri żżomm is-setgħa diskrezzjonali tagħha biex eventwalment tressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    73.

    Minn dawn l-elementi niddeduċi li l-proċedura kriminali quddiem qorti nazzjonali u l-proċedura prevista fl-Artikolu 247(7) KE, u sussegwentement fl-Artikolu 286(6) TFUE, huma differenti mhux biss fir-rigward tas-suġġett u tal-għan tagħhom, iżda wkoll fir-rigward tan-natura u tal-grad ta’ prova meħtieġa. Iż-żewġ proċeduri, anki meta jkunu t-tnejn ibbażati fuq l-istess ċirkustanzi fattwali, huma indipendenti, b’mod li, bil-kundizzjoni li titqiegħedx inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-qorti kriminali, liberazzjoni fuq livell kriminali b’ebda mod ma twaqqaf lill-Qorti tal-Awdituri milli tressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas ma twaqqaf lil din tal-aħħar milli tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

    74.

    F’dan il-każ, jirriżulta mill-proċess li t-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg ikkunsidra, fis-sentenza tiegħu tat-2 ta’ Ottubru 2008, li l-fatti kif ġew stabbiliti ma setgħux jiġu kkwalifikati bħala reat kriminali fis-sens tal-liġi Lussemburgiża.

    75.

    Din l-evalwazzjoni li saret mit-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg madankollu ma tfissirx li l-Qorti tal-Awdituri kienet obbligata tikkunsidra li hija ma setgħetx tressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tan-nuqqasijiet relatati mal-ġestjoni tal-leave. Fil-fatt, minn naħa, il-grad ta’ preċiżjoni tal-fatti jew tal-provi li huwa meħtieġ għall-finijiet tal-kwalifikazzjoni bħala reat kriminali ma huwiex l-istess bħal dak meħtieġ għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas li jitwettqu l-obbligi li għandhom il-Membri tal-Qorti tal-Awdituri. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha ġurisdizzjoni, meta jitressqu proċeduri quddiemha skont l-Artikolu 286(6) TFUE, biex tevalwa l-portata tal-awtorità ta’ res judicata li jkollha tiġi rikonoxxuta, jekk ikun il-każ, lil sentenza kriminali nazzjonali.

    76.

    Minn dan isegwi li r-rifjut min-naħa tal-Qorti tal-Awdituri li tadotta deċiżjoni formali ta’ liberazzjoni u li tammetti li hemm rabta awtomatika bejn il-liberazzjoni fi proċeduri kriminali u t-tressiq ta’ proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 247(7) KE kien kompletament iġġustifikat u ma jistax, fil-kuntest ta’ dan l-appell, jitqiegħed inkwistjoni billi wieħed jargumenta li din iċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tat-talba tal-appellanti biex tiġi kkonstatata n-natura illegali ta’ tali rifjut tikkostitwixxi ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza jew ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

    77.

    Huwa f’konformità mal-awtonomija tal-proċeduri kriminali u dixxiplinari, u fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħha, li l-Qorti tal-Awdituri fittxet li tiddetermina, fuq il-bażi tal-informazzjoni li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk il-fatti allegati kontra l-appellanti kinux jippreżentaw grad ta’ gravità suffiċjenti ( 23 ) sabiex jitressqu proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 247(7) KE. Kif tixhed l-ittra tagħha tas-7 ta’ Lulju 2009, il-Qorti tal-Awdituri, meta ddeċidiet li ma tressaqx proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ġestjoni tal-leave, ma qisitx biss il-fatt li l-appellanti kienet ġiet illiberata fil-proċeduri kriminali. Hija qieset ukoll parametri oħrajn ( 24 ).

    78.

    Issa ser neżamina l-kritiki li l-appellanti fformulat fir-rigward tal-punt 47 tas-sentenza appellata.

    79.

    F’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali tirrispondi għall-argumentazzjoni tal-appellanti li l-President tal-Qorti tal-Awdituri kiser il-prinċipju ta’ imparzjalità u d-dmir ta’ diliġenza billi inkluda, fl-ittra tiegħu tat-13 ta’ Mejju 2004, kumment negattiv u żejjed fir-rigward tal-pożizzjoni li esprimiet il-maġġoranza tal-Membri tal-istituzzjoni.

    80.

    Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha u appoġġat interpretazzjoni żbaljata tal-isfera ta’ kompetenza tal-Qorti tal-Awdituri meta hija kkunsidrat, fl-imsemmi punt, li “ma kienx xieraq għall-President tal-Qorti tal-Awdituri li jindika lir-rikorrenti li l-maġġoranza kbira tal-Membri tal-istituzzjoni kkunsidrat l-aġir tagħha bħala inaċċettabbli, sabiex b’hekk jimpedixxi li l-fatt li ma tressqux proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jkun jista’ jinftiehem bħala ċaħda tal-eżistenza materjali tal-fatti allegati”.

    81.

    Huwa importanti li jiġi speċifikat li s-silta mill-ittra tat-13 ta’ Mejju 2004 li fiha r-rimarka kkritikata tikkonċerna biss l-allegazzjonijiet relatati mas-self personali favur l-appellanti. Dan l-aspett tal-kawża ma kienx inkluż fil-proċedura kriminali li wasslet għas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008. Il-fatt li l-appellanti ġiet illiberata fil-proċedura kriminali għalhekk ma huwiex fattur rilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-punt 47 tas-sentenza appellata.

    82.

    Issa li dan ġie speċifikat, fil-fehma tiegħi l-Qorti Ġenerali baqgħet fi ħdan l-isfera ta’ ġurisdizzjoni tagħha meta kkunsidrat, minn naħa, li l-fatt li ma tressqux proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma kienx ifisser li ġiet miċħuda l-eżistenza materjali tal-fatti u, min-naħa l-oħra, li l-President tal-Qorti tal-Awdituri seta’ jindirizza l-kumment ikkritikat lill-appellanti.

    83.

    Fil-fatt, l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 47 tas-sentenza appellata tikkostitwixxi risposta tal-Qorti Ġenerali għall-allegazzjoni tal-appellanti li r-rimarka li l-President tal-Qorti tal-Awdituri inkluda fl-ittra tiegħu tat-13 ta’ Mejju 2004 kisret il-prinċipju ta’ imparzjalità u d-dmir ta’ diliġenza. Għalhekk, billi ddikjarat il-pożizzjoni tagħha dwar dan l-aspett fil-kuntest tar-rikors sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali li tressaq quddiemha, il-Qorti Ġenerali ma marritx lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha.

    84.

    Barra minn hekk, il-fatt li l-Qorti tal-Awdituri ma ressqitx proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huwa espressjoni tal-fatt li l-Membri kollha ta’ din l-aħħar istituzzjoni ma kinux tal-fehma li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni kien jirrappreżenta livell ta’ gravità suffiċjenti biex jitressqu proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 247(7) KE. Il-konstatazzjoni li ma ntlaħqitx unanimità fuq dan il-punt ma tfissirx l-assenza ta’ kull nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar b’analoġija mal-proċedura li tikkonċerna l-Membri tal-Kummissjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, fis-sentenza tagħha Il‑Kummissjoni vs Cresson, iċċitata iktar ’il fuq, li kundanna abbażi tal-Artikolu 213(2) KE teħtieġ l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ ċertu grad ta’ gravità ( 25 ). Il-President tal-Qorti tal-Awdituri għalhekk seta’, fil-kuntest tal-kompetenza tiegħu u mingħajr ma jikser il-prinċipju ta’ imparzjalità jew id-dmir ta’ diliġenza, jispjega lil-appellanti r-riżultat tal-vot u jindikalha li l-maġġoranza tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri kienet ikkunsidrat li l-aġir tagħha, għalkemm ma kienx ġie kkunsidrat unanimament li kien gravi biżżejjed biex jiġġustifika li jitressqu proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 247(7) KE, kien assolutament mhux xieraq. Barra minn hekk, għandu jiġi speċifikat li l-ittra tat-13 ta’ Mejju 2004 kienet indirizzata biss lill-appellanti u li xejn fil-proċess ma jindika li din ġiet ikkomunikata lil persuni oħrajn apparti l-persuna li lilha ġiet indirizzata.

    85.

    Għalhekk jidhirli li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fir-raġunament li hija żviluppat fil-punt 47 tas-sentenza appellata. Għandu jiġi rrilevat biss li l-Qorti Ġenerali kien imissha, strictu sensu, adottat il-kwalifikazzjoni tal-aġir tal-appellanti li tinsab fl-ittra tat-13 ta’ Mejju 2004, jiġifieri aġir “assolutament mhux xieraq” ( 26 ), minflok ma tikkwalifika dak l-aġir bħala “inaċċettabbli”. Madankollu, din id-differenza fil-formulazzjoni ma hijiex suffiċjenti, fil-fehma tiegħi, biex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi. Barra minn hekk, nosserva li l-appellanti llimitat ruħha, fuq dan l-punt, li tifformula rimarka fir-rikors tagħha, mingħajr ma siltet konsegwenzi diretti dwar l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi ( 27 ).

    86.

    Finalment, jiena tal-fehma li l-punti 35 u 38 tas-sentenza appellata ma jistgħux jiġu kkritikati fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ġustament, u mingħajr ma qiegħdet inkwistjoni s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, ikkunsidrat, essenzjalment, li n-natura insuffiċjenti tas-sistema ta’ reġistrazzjoni u ta’ sorveljanza tal-leave tal-Qorti tal-Awdituri, minn naħa, ma taffettwax l-obbligu tas-superjur dirett li jivverifika l-preżenza tal-membri tal-persunal taħt l-awtorità tiegħu u li jiżgura li kull assenza tkun konformi mar-regoli dwar il-leave u, min-naħa l-oħra, ma tistax tiġġustifika l-abbandun ta’ kull investigazzjoni jew prosekuzzjoni kontra l-appellanti.

    87.

    Peress li l-eżami tal-ewwel sat-tielet aggravji invokati mill-appellanti ma jwassalnix biex nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla s-sentenza appellata, issa ser neżamina r-raba’ aggravju.

    B – Fuq ir-raba ’ aggravju dwar interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u d-Deċiżjoni 99/50

    88.

    Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 99/50, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tagħha, inkwantu kkonkludiet li s-sempliċi komunikazzjoni lill-appellanti tal-eżistenza ta’ investigazzjoni interna mmexxija mill-OLAF kienet suffiċjenti u li għalhekk ma kienx neċessarju li hija tiġi informata dwar l-investigazzjoni preliminari li saret mill-Qorti tal-Awdituri.

    89.

    Kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, fil-punti 29 u 30 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, ġustament fil-fehma tiegħi, li l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 99/50 ma kienx jobbliga lill-Qorti tal-Awdituri li tiżvela lill-appellanti l-kontenut tal-fajl tal-investigazzjoni preliminari mħejji skont l-Artikolu 2 ta’ din l-istess deċiżjoni, u lanqas li tismagħha qabel ma tibgħat dan il-fajl lill-OLAF.

    90.

    It-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 99/50 jimponi fuq is-Segretarju Ġenerali l-obbligu li jibgħat mingħajr dewmien lill-OLAF kull fatt li jagħti lok għall-preżunzjoni li jeżistu irregolaritajiet u li jwettaq investigazzjoni preliminari, bla ħsara għall-investigazzjonijiet interni mwettqa mill-OLAF.

    91.

    Kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 29 tas-sentenza appellata, l-investigazzjoni preliminari li għaliha tirreferi dik id-dispożizzjoni hija intiża, minn naħa, sabiex tippermetti lis-Segretarju Ġenerali jevalwa jekk l-elementi mgħarrfa lilu jagħtux lok li wieħed jippreżumi li jeżistu irregolaritajiet li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, sabiex jintbagħat lill-OLAF, b’mod konformi mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1073/1999, fajl li jippermetti lil dan tal-aħħar jevalwa jekk hemmx lok li tinfetaħ investigazzjoni interna skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tal-istess regolament.

    92.

    L-investigazzjoni preliminari għalhekk tikkostitwixxi l-fażi li matulha tinġabar u tiġi vverifikata l-informazzjoni dwar l-allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet bil-għan li jiġi evalwat jekk għandhiex tinfetaħ investigazzjoni interna. Fi kliem ieħor, l-informazzjoni li ssostni tali allegazzjonijiet għandha tiġi vverifikata bil-għan li tiġi evalwata n-natura plawżibbli tagħha, qabel ma tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti sabiex iwettqu investigazzjoni interna, f’dan il-każ l-OLAF.

    93.

    Inkwantu l-investigazzjoni preliminari ma hijiex intiża li twassal għall-adozzjoni ta’ konklużjonijiet li jirrigwardaw il-persuna inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali ikkonstatat ġustament, fil-punt 29 tas-sentenza appellata, li l-obbligu li jirriżulta mit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 99/50 ma jikkonċernax l-aġir tas-Segretarju Ġenerali fil-kuntest tal-Artikolu 2 ta’ din l-istess deċiżjoni.

    94.

    Matul din il-fażi preliminari ta’ ġbir u ta’ evalwazzjoni tal-informazzjoni li ssostni l-allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet, ir-riskji ta’ pressjoni fuq ix-xhieda huma partikolarment għoljin. Għalhekk huwa indispensabbli li ma jkunx hemm ostakolu għat-tfittxija tal-verità jew għall-effikaċja tal-investigazzjoni preliminari.

    95.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 99/50, sa fejn jista’ jitqies li din id-dispożizzjoni tikkonċerna kemm l-investigazzjoni interna kif ukoll l-investigazzjoni preliminari, tipprovdi li r-regola li skontha l-persuna kkonċernata b’allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet għandha tiġi informata malajr bil-possibbiltà tal-implikazzjoni personali tagħha hija suġġetta għal kundizzjoni importanti, jiġifieri li dik l-informazzjoni tingħata “meta dan ma jipperikolax li ssir ħsara lill-investigazzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    96.

    Huwa paċifiku li, bl-ittri tat-8 u tas-26 ta’ April 2002, l-appellanti ġiet informata bil-ftuħ tal-investigazzjoni tal-OLAF, bis-suġġett ta’ din tal-aħħar, bl-identità tal-investigaturi u bil-fatt li dawn tal-aħħar kienu qegħdin jitolbuha biex tikkoopera. Barra minn hekk, l-appellanti ġiet informata, fl-ittra tas-26 ta’ April 2002, li kienet saret investigazzjoni preliminari mill-Qorti tal-Awdituri u li kien intbagħat il-fajl relattiv lill-OLAF. Dawn il-komunikazzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 99/50, inkwantu dawn jirrikonċiljaw il-prinċipju li l-persuna kkonċernata għandha tiġi informata malajr man-neċessità li tiġi żgurata l-effikaċja tal-investigazzjoni. Barra minn hekk, nosserva li informazzjoni mogħtija malajr ma hijiex sinonima ma’ informazzjoni mogħtija immedjatament jew mill-bidu tal-investigazzjoni.

    97.

    L-argumentazzjoni tal-appellanti intiża biex tqiegħed inkwistjoni r-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 29 u 30 tas-sentenza appellata għalhekk ma hijiex fondata.

    98.

    L-istess jgħodd għall-ilment li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat il-kundizzjonijiet biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fil-punt 32 tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi indikat li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li “il-fatt li d-dokument inkwistjoni seta’ ntbagħat mill-Qorti tal-Awdituri jew lill-OLAF jew lill-awtoritajiet Lussemburgiżi ma jfissirx li l-istituzzjoni aġixxiet in mala fide fir-rigward tal-awtentiċità tal-firma tar-rikorrenti” ġiet ifformulata fuq bażi sussidjarja. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, fuq bażi prinċipali, ikkonstatat li ma kienx ġie pprovat li d-dokument inkwistjoni, li l-awtentiċità tal-firma tiegħu kienet ikkontestata, kien intbagħat lill-OLAF jew lill-awtoritajiet Lussemburgiżi. Fl-assenza ta’ kwalunkwe tqegħid inkwistjoni ta’ din l-aħħar konstatazzjoni, dan l-aħħar ilment għandu jitqies li huwa irrilevanti.

    99.

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud.

    VI – Konklużjoni

    100.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiċħad l-appell; u

    tikkundanna lil Kalliopi Nikolaou għall-ispejjeż.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) T‑241/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”.

    ( 3 ) Iktar ’il quddiem is-“Segretarju Ġenerali”.

    ( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 91.

    ( 5 ) Punti 47 sa 49 tal-ittra tas-7 ta’ Lulju 2009.

    ( 6 ) C-432/04, Ġabra p. I-6387.

    ( 7 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Allen vs Ir-Renju Unit tat-12 ta’ Lulju 2013 (§ 94).

    ( 8 ) Idem.

    ( 9 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Teodor vs Ir-Rumanija tal-4 ta’ Ġunju 2013 (§ 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 10 ) Ibidem (§ 40).

    ( 11 ) Idem.

    ( 12 ) § 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 13 ) Idem.

    ( 14 ) Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Stavropoulos vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq (§ 39). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Tendam vs Spanja tat-13 ta’ Lulju 2010 (§ 39).

    ( 15 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il‑Kummissjoni (C‑221/10 P, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 16 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Vanjak vs Il-Kroazja tal-14 ta’ Jannar 2010 (§ 69 sa 72).

    ( 17 ) Reports of Judgments and Decisions [Ġabra ta’ Sentenzi u Deċiżjonijiet] 2003‑II.

    ( 18 ) § 38.

    ( 19 ) Ibid.

    ( 20 ) Punt 121.

    ( 21 ) Ibid.

    ( 22 ) Punt 122.

    ( 23 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs Cresson, iċċitata iktar ’il fuq (punt 72).

    ( 24 ) Dawn il-parametri l-oħrajn, li jinsabu fil-paragrafu 48 ta’ dik l-ittra, huma dawn li ġejjin: il-“fatt li, fid-dawl tar-rimbors tas-somma mħallsa indebitament lil P. Koutsouvelis, ebda dannu ma ġie kkawżat lill-baġit Komunitarju”, iż-“żmien li għadda wara l-avvenimenti inkwistjoni”, l-“invalidità” tal-appellanti kif ukoll l-“istress ikkawżat [lilha] minħabba t-tul ta’ żmien tal-proċedura kriminali”.

    ( 25 ) Punt 72.

    ( 26 ) Ara l-punt 8 tas-sentenza appellata.

    ( 27 ) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1 tar-rikors.

    Top