EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0205

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fl-14  ta’ Mejju 2014.
Hauck GmbH & Co. KG vs Stokke A/S et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
Trade marks – Direttiva 89/104/KEE – Artikolu 3(1)(e) – Rifjut jew invalidità ta’ reġistrazzjoni – Trade mark tridimensjonali – Siġġu tat-tfal li jirregola ruħu ‘Tripp Trapp’ – Sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma imposta min-natura stess tal-prodott – Sinjal ikkostitwit mill-forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott.
Kawża C‑205/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:322

KONKLUŻJONIIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl-14 ta’ Mejju 2014 ( 1 )

Kawża C‑205/13

Hauck GmbH & Co. KG

vs

Stokke A/S

Stokke Nederland BV

Peter Opsvik

u

Peter Opsvik A/S

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Trade marks — Raġunijiet għal rifjut jew għal invalidità tar-reġistrazzjoni — Trade mark tridimensjonali li hija kkostitwita mill-forma tal-prodott — Direttiva 89/104/KEE — L-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) — Sinjal li jikkonsisti esklużivament mill-forma li tirriżulta min-natura tal-prodott — It-tielet inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) — Sinjal li jikkonsisti esklużivament mill-forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott — Siġġu għat-tfal Tripp Trapp”

I – Introduzzjoni

1.

Il-problematika tat-trade marks li jirrappreżentaw il-prodott innifsu ma hijiex waħda ġdida fid-dritt tal-proprjetà intellettwali. Mix-xogħlijiet magħmula fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (ODPI) jirriżulta li l-qrati Franċiżi aċċettaw, sa minn nofs is-seklu dsatax, il-possibbiltà li jipproteġu t-trade marks li jirrappreżentaw il-forma tal-prodott innifsu jew tal-ippakkjar tiegħu — din il-protezzjoni pereżempju ngħatat fl-1858 lil trade mark li tikkonsisti fil-forma ta’ qatgħa kwadrata taċ-ċikkulata ( 2 ).

2.

Ma hemmx dubju li l-kwistjoni tar-reġistrazzjoni ta’ dan it-tip ta’ sinjal hija kkaratterizzata minn partikolarità essenzjali. Din tirreferi għall-fatt li d-differenza bejn is-sinjal u l-oġġett li għalih jirreferi s-sinjal ġeneralment ma tibqax tidher: l-oġġett isir sinjal li jirreferi għalih innifsu. Dan jimplika, fid-dritt tat-trade marks, riskju li l-esklużività li tirriżulta mir-reġistrazzjoni tat-trade mark testendi għal ċerti karatteristiċi tal-prodott li jidhru fil-forma ta’ dan tal-aħħar, ħaġa li tista’ konsegwentement twassal sabiex tillimita l-possibbiltà li jiġu introdotti prodotti kompetituri fis-suq.

3.

Id-dritt tal-Unjoni dwar it-trade marks ikkunsidra din iċ‑ċirkustanza. Fil-fatt ġiet introdotta dispożizzjoni partikolari fir‑rigward tas-sinjali li jirrappreżentaw il-forma tal-prodott. Fil-perijodu kkonċernat taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, id-dispożizzjoni korrispondenti kienet tinsab fl-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 89/104/KEE ( 3 ).

4.

Id-domandi magħmula fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tal-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) jirrigwardaw talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tridimensjonali li tirrappreżenta s-siġġu għat-tfal Tripp Trapp. Din il-kawża toffri għall-ewwel darba lill-Qorti tal-Ġustizzja l‑okkażjoni li tinterpreta l-portata ta’ żewġ raġunijiet għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 89/104, li jipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark ikkostitwita esklużivament mill-forma “li tirriżulta min-natura tal-merkanzija nnifishom” (l-ewwel inċiż ta’ din id-dispożizzjoni) jew “li tagħti valur sostanzjali lill-merkanzija (it-tielet inċiż).

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

5.

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 89/104, intitolat “Raġunijiet għar-rifjut jew invalidità”, jipprovdi:

“Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew jekk reġistrati għandhom ikunu suġġetti li jiġu dikjarati invalidi:

[…]

e)

sinjali li jikkonsistu esklussivament minn:

l-għamla [il-forma] li tirriżulta min-natura tal-merkanzija nnifishom, jew

l-għamla ta’ l-merkanzija li hi neċessarja biex jiġi ottenut riżultat tekniku, jew,

għamla li tagħti valur sostanzjali lill-merkanzija;

[…]”.

B – Il-Ftehim Benelux

6.

Id-dritt tat-trade marks fil-Pajjiżi l-Baxxi huwa rregolat mill‑Ftehim Benelux dwar il-proprjetà intellettwali (trade marks u disinni), iffirmat f’Den Haag fil-25 ta’ Frar 2005 (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim Benelux”). L-Artikolu 2.1 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark Benelux”, jipprovdi:

“[…]

2.1   Madankollu, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala trade marks is-sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma li hija imposta min-natura stess tal-prodott, li tagħti valur sostanzjali lill-prodott jew li hija meħtieġa sabiex jinkiseb riżultat tekniku”.

III – Il-kawża prinċipali

7.

Fil-bidu tas-snin sebgħin, Peter Opsvik ħoloq il-mudell tas-siġġu għat-tfal Tripp Trapp. Dan il-mudell ġie ppremjat diversi drabi u ġie espost fil-mużewijiet.

8.

Fl-1972, il-grupp Stokke, li minnu jiffurmaw parti tnejn mill-kumpanniji konvenuti fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-kumpannija stabbilita taħt id-dritt Norveġiż Stokke A/S u l-kumpannija stabbilita taħt id-dritt Olandiż Stokke Nederland BV, qiegħdu s-siġġu Tripp Trapp fuq is-suq. Iż-żewġ konvenuti l-oħra fil-kawża prinċipali, jiġifieri Peter Opsvik u l-kumpannija stabbilita taħt id-dritt Norveġiż Peter Opsvik A/S, għandhom ukoll drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fuq il-forma inkwistjoni.

9.

Fit-8 ta’ Mejju 1998, Stokke A/S ippreżentat fi ħdan l-Uffiċċju Benelux tal-Proprjetà Intellettwali applikazzjoni għal reġistrazzjoni għal trade mark tridimensjonali li tirrappreżenta l-forma tas-siġġu Tripp Trapp. L-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet tikkonċerna “siġġijiet, u b’mod partikolari siġġijiet għat-tfal”, li jaqgħu fil-klassi 20 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif emendat. It-trade mark iċċitata iktar ’il fuq, irreġistrata bin-numru 0639972 (iktar ’il quddiem, it-“trade mark Tripp-Trapp”) tikkonċerna l-forma rrappreżentata hawn taħt:

Image

10.

Il-kumpannija stabbilita taħt id-dritt Ġermaniż Hauck GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem il-“kumpannija Hauck”) teżerċita attività ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni ta’ prodotti għat-tfal, fosthom żewġ mudelli ta’ siġġu għat-tfal, bl-isem “Alpha” u “Beta”.

11.

Stokke A/S, Stokke Nederland BV, Peter Opsvik u Peter Opsvik A/S (iktar ’il quddiem, flimkien, “Stokke u Opsvik”) ippreżentaw rikors quddiem ir-Rechtbank 's‑Gravenhage kontra l-kumpannija Hauck, u sostnew li l-bejgħ tas-siġġijiet “Alpha” u “Beta” kien jikser id-drittijiet tal-awtur tagħhom kif ukoll id-drittijiet li jirriżultaw mir-reġistrazzjoni tat-trade mark Tripp-Trapp.

12.

Il-kumpannija Hauck ressqet kontrotalba, li permezz tagħha talbet b’mod partikolari li t-trade mark Tripp-Trapp tiġi ddikjarata invalida.

13.

Permezz ta’ sentenza mogħtija fl-4 ta’ Ottubru 2000, ir-Rechtbank 's‑Gravenhage laqa’ r-rikors ta’ Stokke u Opsvik f’dak li jirrigwarda l-ksur tad-drittijiet tal-awtur. Fir-rigward tal-kumplament, din il-qorti kkunsidrat li l-kontrotalba kienet fondata, u ddikjarat ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Tripp Trapp bħala invalida.

14.

F’sede ta’ appell, il-Gerechtshof 's‑Gravenhage annulla parzjalment is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, b’mod partikolari fir-rigward tat-talbiet għad-danni bbażati fuq il-ksur tad-drittijiet tal-awtur. L-imsemmija sentenza ġiet ikkonfermata sa fejn kienet iddikjarat l-invalidità tar-reġistrazzjoni tat-trade mark.

15.

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju, Stokke u Opsvik fl-appell sostnew li l-valur sostanzjali tas-siġġu Tripp Trapp ma kienx marbut tant mal-attrazzjoni ta’ dan is-siġġu iżda iktar mal-funzjoni tal‑użu tiegħu. Huma sostnew ukoll li l-forma koperta mit-trade mark Tripp Trapp ma hijiex esklużivament imposta minħabba n-natura tal‑prodott, meta tiġi kkunsidrata l-varjetà ta’ forom ta’ siġġijiet għat‑tfal. Għall-kuntrarju, il-kumpannija Hauck sostniet li l-forma attraenti tas-siġġu Tripp‑Trapp għandha influwenza fuq il-valur sostanzjali tal-prodott u, barra minn hekk, li din il-forma hija fil-parti l-kbira tagħha funzjonali u għalhekk iddeterminata min-natura tal-prodott.

16.

Fis-sentenza tiegħu, il-Gerechtshof 's‑Gravenhage indika b’mod partikolari li l-forma inkwistjoni hija attraenti ħafna u li din tagħti valur sostanzjali lis-siġġu Tripp Trapp. Dan is-siġġu jidher, preċiżament minħabba l-forma tiegħu, bħala li huwa partikolarment adattat għal użu għat-tfal. Dan huwa siġġu sod, solidu u komdu, u l-forma tiegħu għandha għalhekk tiġi kkunsidrata bħala “pedagoġika” u “ergonomika”. Għaldaqstant, il-forma tas-siġġu Tripp Trapp hija ddeterminata min‑natura tal-prodott. B’hekk il-konsumatur jixtri dan is-siġġu minħabba l-kwalitajiet kemm estetiċi kif ukoll prattiċi tiegħu. Huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li l-konsumaturi jfittxu dawn il-karatteristiċi fil-prodotti kompetituri. It-trade mark li, bħat-trade mark Tripp Trapp, hija kkostitwita esklużivament minn forma li l-karatteristiċi essenzjali tagħha jirriżultaw min-natura tal-prodott u jagħtuh valur sostanzjali, taqa’ taħt ir-raġunijiet għal invalidità msemmija fl-Artikolu 2.1(2) tal-Ftehim Benelux. F’dan ir-rigward, ftit jimporta li l-karatteristiċi tal-prodott iċċitati iktar ’il fuq jistgħu jinkisbu permezz ta’ forom oħra.

17.

Iż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors ta’ appell fil-kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad.

IV – Id-domandi preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hoge Raad iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)

a)

Ir-raġuni għar-rifjut jew għall-invalidità tal-Artikolu 3(1)(e)(i) tad-Direttiva [89/104], kif ikkodifikata fid-Direttiva [2008/95], jiġifieri li t-trade marks magħmula minn għamla [forma] ma jistgħux ikunu kkostitwiti esklużivament mill-għamla imposta min-natura stess tal-prodott, tirreferi għal għamla li hija indispensabbli għall-funzjonament tal-prodott, jew tista’ tirreferi wkoll għall-preżenza ta’ karatteristika sostanzjali funzjonali waħda jew iktar tal-prodott li l-konsumatur jista’ possibbilment ifittex fil-prodotti tal-kompetituri?

b)

Jekk ebda waħda miż-żewġ alternattivi ma hija dik it-tajba, din id-dispożizzjoni kif għandha tiġi interpretata?

2)

a)

Ir-raġuni għar-rifjut jew għall-invalidità [tat-tielet inċiż] tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva [89/104], kif ikkodifikata fid-Direttiva [2008/95], jiġifieri li t-trade marks (magħmula minn għamla [forma]) ma jistgħux ikunu kkostitwiti esklużivament mill-għamla li tagħti valur sostanzjali lill-prodott, tirreferi għar-raġuni (jew raġunijiet) li fuqha jew fuqhom il-pubbliku jagħmel id-deċiżjoni meta jixtri?

b)

L-‘għamla [forma] li tagħti valur sostanzjali lill-merkanzija [lill-prodott]’ ( 4 ), fi ħdan id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, teżisti biss jekk dik l-għamla għandha tiġi kkunsidrata bħala l-valur prinċipali jew predominanti meta mqabbel ma’ valuri oħra (bħalma huma, fir-rigward tas-siġġijiet għat-tfal, is-sigurtà, il-kumdità u l-kwalità tal-materjal), jew tista’ teżisti anki jekk, minbarra dan il-valur, ikunu jeżistu wkoll valuri oħra ta’ dan il-prodott li għandhom ukoll jiġu kkunsidrati bħala sostanzjali?

ċ)

Sabiex tingħata risposta għad-domandi 2(a) u 2(b), l-opinjoni tal-maġġoranza tal-pubbliku rilevanti hija deċiżiva, jew il-qorti tista’ tiddeċiedi li l-opinjoni ta’ parti mill-pubbliku hija biżżejjed sabiex tqis li l-valur ikkonċernat huwa ‘sostanzjali’ fis-sens tad-dispożzizzjoni ċċitata iktar ’il fuq?

d)

Jekk l-aħħar għażla tagħti risposta għad-domanda 2(ċ), liema rekwiżit għandu jkun impost għall-portata tal-parti tal-pubbliku rilevanti?

3)

L-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva [89/104], kif ikkodifikata fid-Direttiva [2008/95], għandu jiġi interpretat fis-sens li r-raġuni ta’ esklużjoni msemmija fil-punt (e) ta’ dan l-artikolu tkun teżisti wkoll jekk it-trade mark ikkostitwita minn għamla li fir-rigward tagħha japplika l-kontenut [tal-ewwel inċiż] u li, il-kumplament tagħha jkun jissodisfa l-kontenut [tat-tielet inċiż ta’ din id-dispożizzjoni]?”

19.

It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ April 2013.

20.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ġermaniż, Taljan u Pollakk, il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

21.

Dawn il-partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Taljan u dak Portugiż, ħadu sehem fis-seduta li saret fis-26 ta’ Frar 2014.

V – Analiżi

22.

Diġà kelli l-opportunità li nfakkar li minbarra r-raġunijiet ġenerali għal rifjut jew għal invalidità ta’ trade mark, id‑Direttiva 89/104 tinkludi dispożizzjoni speċjali, fl-Artikolu 3(1)(e), li tirrigwarda biss is-sinjali kkostitwiti mill-forma tal-prodott ikkonċernat ( 5 ).

23.

Il-fatt li kwalunkwe waħda mit-tliet raġunijiet tal-Artikolu 3(1)(e) tkun applikabbli jostakola r-reġistrazzjoni tat-trade mark. Dawn ir-raġunijiet għandhom portata definittiva sa fejn, b’mod differenti mir-raġunijiet għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 3(1)(b), (ċ) u (d) tad-Direttiva, l-applikazzjoni tagħhom ma għandhiex tiġi mwarrba minħabba l-fatt li t-trade mark inkwistjoni jkollha “karatteristika distintiva akkwistata” minħabba l-użu li jkun sar tal-imsemmija trade mark [Artikolu 3(3) tad-Direttiva] ( 6 ).

24.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat diversi drabi r-raġuni msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva. Din ir-raġuni tirrigwarda r-rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade marks li “jikkonsistu esklussivament mi[ll-]għamla [forma] ta’ l-merkanzija li hi neċessarja biex jiġi ottenut riżultat tekniku” ( 7 ). F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tinterpreta l-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 3(1)(e). It-talba tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda wkoll il-possibbiltà li eventwalment jiġu applikati dawn iż-żewġ raġunijiet b’mod kumulattiv.

A – Ratio legis tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva

25.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li r-raġunijiet differenti għal rifjut jew għal invalidità elenkati fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-interess ġenerali li fuqu kull waħda minnhom hija bbażata ( 8 ).

26.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-tieni inċiż tal‑Artikolu 3(1)(e) jirriżulta li l-interess ġenerali li fuqu hija bbażata din id-dispożizzjoni huwa li jiġi evitat li jingħata monopolju fuq ċerti karatteristiċi essenzjali ta’ prodott u li jirriżultaw mill-forma ta’ dan tal-aħħar.

27.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad‑Direttiva huwa intiż sabiex jevita li r-reġistrazzjoni tat-trade mark twassal sabiex tagħti monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi jew karatteristiċi funzjonali ta’ prodott, li jistgħu jiġu mfittxija mill-utent fil-prodotti tal-kompetituri. Din id-dispożizzjoni hija għalhekk intiża sabiex tevita li l-protezzjoni mogħtija mit-trade mark tostakola l-possibbiltà li l-kompetituri joffru b’mod liberu prodotti li jinkorporaw l-istess soluzzjonijiet tekniċi jew l-imsemmija karatteristiċi funzjonali ( 9 ).

28.

Ma hemmx dubju li t-tliet raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttivi huma bbażati fuq l-għan iċċitat iktar ’il fuq. Dawn it-tliet raġunijiet huma intiżi sabiex iżommu fid-dominju pubbliku l-karatteristiċi essenzjali tal-prodott ikkonċernat, li huma riflessi fil-forma ta’ dan tal-aħħar.

29.

Barra minn hekk, ir-raġuni fundamentali ta’ dan il-għan toħroġ mill-premessi assjoloġiċi tad-dritt tal-protezzjoni tat-trade marks.

30.

It-trade mark, bħala beni intanġibbli, għandha l-possibbiltà li tqajjem, fi ħdan il-pubbliku, assoċjazzjonijiet partikolari bejn prodott (jew servizz) u s-sinjal ikkonċernat ( 10 ). Minħabba f’dan tal-aħħar, id-destinatarju jista’ jagħmel ir-rabta bejn it-trade mark ikkonċernata u l-oriġini tal-prodotti li jippreżentaw livell ta’ kwalità kostanti. It-trade mark tiżgura l-uniformità tal-karatteristiċi tal-prodotti mixtrija, u b’dan il-mod tnaqqas, l-ewwel nett, ir-riskju marbut mal-aċċess limitat għall‑informazzjoni u, it-tieni nett, l-ispejjeż tar-riċerka ta’ prodott korrispondenti. B’hekk, is-sistema tat-trade marks issaħħaħ it‑trasparenza tas-suq, fejn tirrimedja l-isproporzjon li jeżisti bejn il‑kundizzjonijiet kumplessi ta’ kummerċjalizzazzjoni u l-għarfien limitat li għandu l-konsumatur ( 11 ).

31.

Minħabba l-funzjonijiet ekonomiċi tagħha, is-sistema ta’ protezzjoni tat-trade marks hija element indispensabbli li sservi sabiex tistabbilixxi kompetizzjoni leali skont il-prezzijiet u l-kwalità tal-prodotti ( 12 ). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-esklużività fl-użu ta’ beni intanġibbli partikolari, li tikkostitwixxi l-karatteristika tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kollha, ġeneralment ma għandhiex, f’dak li jirrigwarda t-trade marks, il-konsegwenza li tillimita l‑kompetizzjoni. L-esklużività ta’ użu tas-sinjal ikkonċernat (it-trade mark) ma tillimitax il-libertà tal-kompetituri li joffru l-prodotti tagħhom. Huma liberament jistgħu jagħżlu mis-sinjali potenzjali kollha (tat-trade marks) li n-numru tagħhom huwa min-natura tiegħu mingħajr limitu.

32.

Madankollu, f’ċerti sitwazzjonijiet, l-eżistenza ta’ drittijiet esklużivi fuq it-trade mark tista’ twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni.

33.

L-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva huwa intiż sabiex jevita li r‑reġistrazzjoni tal-forma tippermetti li jinkiseb vantaġġ kompetittiv żleali billi tiġi stabbilita esklużività fuq il-karatteristiċi essenzjali tal‑prodott, li huma sinjifikattivi mill-perspettiva ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq ikkonċernat. Tali sitwazzjoni twassal sabiex jiġi kkontestat l-għan li għalih is-sistema ta’ protezzjoni tat-trade marks ġiet stabbilita.

34.

Il-kumulu tal-protezzjoni bbażata fuq ir-reġistrazzjoni tat-trade mark u dik li tirriżulta minn drittijiet oħra ta’ proprjetà intellettwali jagħti eżempju, li ma huwiex uniku, ta’ tali użu tas-sistema ta’ protezzjoni tat-trade marks. F’dan ir-rigward għandu jiġi indikat espressament li tali kumulu huwa, bħala regola, aċċettat fid-dritt tal-Unjoni. Bħala eżempju, ir-reġistrazzjoni ta’ mudell jew disinn industrijali ma jeskludix li l‑istess forma tridimensjonali tibbenefika minn protezzjoni bis-saħħa ta’ trade mark, sakemm, naturalment, il-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade mark huma ssodisfatti ( 13 ).

35.

Madankollu, għandu jitfakkar li l-għan tas-sistema ta’ protezzjoni tat-trade marks, li hija intiża sabiex tistabbilixxi l-bażi ta’ kompetizzjoni leali filwaqt li ssaħħaħ it-trasparenza tas-suq, hija differenti mill-premessi li fuqhom hija bbażata l-protezzjoni ta’ ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali oħra, li huma intiżi, essenzjalment, sabiex jippromwovu l-innovazzjoni u l-kreattività.

36.

Din id-differenza fl-għanijiet tispjega għalfejn il-protezzjoni li tirriżulta mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma hijiex limitata ratione temporis, filwaqt li l-leġiżlatur illimita ratione temporis il-protezzjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali oħra. Din il-limitazzjoni tirriżulta minn bilanċ bejn, minn naħa, l-interess pubbliku li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-innovazzjoni u l-kreattività u, min-naħa l-oħra, l-interess ekonomiku li jikkonsisti fil-possibbiltà li jinkiseb profitt mill-iskoperti intellettwali ta’ persuni oħra sabiex jiġi promoss żvilupp ekonomiku u soċjali kontinwu.

37.

Filwaqt li d-dritt tat-trade marks kien użat sabiex tiġi estiża l-esklużività fuq il-beni intanġibbli protetti bis-saħħa ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali oħra, tali użu jista’, wara l-iskadenza ta’ dawn id-drittijiet l-oħra, jikkawża preġudizzju għall-ekwilibriju tal-interessi li l-leġiżlatur iddefinixxa, b’mod partikolari, billi llimita l-portata tal-protezzjoni applikabbli bis-saħħa ta’ dawn id-drittijiet l-oħra.

38.

Din il-kwistjoni hija rregolata b’mod differenti fis-sistemi legali differenti ( 14 ). Il-leġiżlatur tal-Unjoni solviha billi ddefinixxa kriterji regolamentari li jistgħu jostakolaw, b’mod assolut, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark ikkostitwita mill-forma tal-prodott.

39.

Dawn il-kriterji, imsemmija fl-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva, ma jippermettux l-użu tad-dritt tat-trade marks għal finijiet li ma humiex konformi mal-premessi li fuqhom huwa bbażat dan id-dritt. Huma intiżi sabiex jipproteġu kompetizzjoni leali filwaqt li jimpedixxu milli jingħata monopolju fuq il-karatteristiċi essenzjali tal-prodott ikkonċernat, li huma sinjifikattivi mill-perspettiva ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq ikkonċernat. Dawn il-kriterji huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiżguraw ukoll l-ekwilibriju tal-interessi li l-leġiżlatur iddefinixxa filwaqt li llimita l-portata tal-protezzjoni applikabbli bis-saħħa ta’ ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali oħra.

40.

Huwa fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti li ser nirrispondi d-domandi li saru mill-qorti tar-rinviju.

B – Interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva (l-ewwel domanda)

41.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kunċett ta’ “għamla [forma] li tirriżulta min-natura tal-merkanzija [prodott] nnifishom”.

42.

F’dak li jirrigwarda l-kuntest ta’ din id-domanda, mid-deċiżjoni tal-Hoge Raad jirriżulta li l-karatteristiċi tal-forma tas-siġġu għat-tfal iċċitat iktar ’il fuq, huma, mill-inqas parzjalment, ikkundizzjonati mill-karatteristiċi funzjonali tiegħu, u b’mod partikolari mis-sigurtà, il-kumdità u s-solidità tiegħu. Dan is-siġġu huwa kkarraterizzat ukoll mill-kwalitajiet “pedagoġiċi” u “ergonomiċi” tiegħu.

43.

Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, Stokke u Opsvik sostnew li l-karatteristiċi tas-siġġu ċċitat iktar ’il fuq ma humiex biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l-applikabbiltà tar-raġuni għal rifjut jew għal invalidità relatata mal-forma imposta min-natura tal-prodott [l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(e)]. Skont Stokke u Opsvik, din ir-raġuni għal rifjut jew għal invalidità tirrigwarda l-prodotti ta’ forma determinata minn qabel, li ma jistax ikollhom xi forma alternattiva.

44.

Kif diġà indikajt, il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) ( 15 ).

45.

Qabel kollox għandu jiġi enfasizzat li hemm żewġ possibbiltajiet ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u dawn huma riflessi kemm fid-duttrina dwar is-suġġett kif ukoll fl-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-proċedura.

46.

Skont l-ewwel pożizzjoni, li tagħti interpretazzjoni stretta, il-kunċett ta’ “għamla [forma] li tirriżulta min-natura tal-merkanzija [prodott] nnifishom” tirrigwarda l-forma li hija marbuta mill-qrib ferm man-natura tal-prodott ikkonċernat, u li għalhekk ma tħalli l-ebda lok għal kontribut personali mill-produttur ( 16 ). Din l-interpretazzjoni tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tar-raġuni inkwistjoni għall-prodotti li ma għandhomx forma alternattiva, u għalhekk għall-prodotti naturali (l-eżempju klassiku tal-applikazzjoni tar-raġuni inkwistjoni huwa l-esklużjoni tal-possibbiltà li tirreġistra l-“forma tal-banana għall-banana”) u għall-prodotti mmanifatturati li l-karatteristiċi ta’ forma huma s-suġġett ta’ regoli (bħal pereżempju dawk ta’ ballun tar-rugby).

47.

Din il-pożizzjoni tidher li hija applikata fil-prassi amministrattiva tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (iktar ’il quddiem, l-“UASI”) fir-rigward tat-trade mark Komunitarja ( 17 ).

48.

Skont it-tieni pożizzjoni, ibbażata fuq interpretazzjoni wiesgħa, ir-raġuni inkwistjoni tirrigwarda, għall-prodotti kollha, il-forma l-iktar komunament adottata, u li tirrifletti bl-iktar mod fidil in-natura stess tal-prodott ikkonċernat ( 18 ). Dawn huma sinjali tipiċi tal-kategorija semantika kkonċernata, jiġifieri sinjali li jirreferu għar-rappreżentazzjonijiet li jagħmel il-pubbliku tal-karatteristiċi essenzjali tal-prodott ikkonċernat. Il-projbizzjoni tar-reġistrazzjoni hija intiża esklużivament għall-karatteristiċi tal-kategorija (il-karatteristiċi ġenerali) tal-prodott ikkonċernat, jiġifieri dawk li jirriżultaw mill-funzjoni ta’ dan tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni ma tirrigwardax il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott ikkonċernat u lanqas dawk li jirriżultaw minn applikazzjoni partikolari ta’ dan il-prodott ( 19 ).

49.

Skont din it-tieni interpretazzjoni, ma għandhiex tiġi aċċettata għar-reġistrazzjoni forma kkostitwita esklużivament mill-karatteristiċi li normalment ikunu attribwiti għall-prodott ikkonċernat bħal, sabiex ninqdew b’eżempji mogħtija waqt is-seduta mill-Gvern Brittaniku u frekwentement imsemmija fid-duttrina, il-forma ta’ solidu mdawwar bil-parallelogrammi għal brikk, il-forma ta’ reċipjent biż-żennuna, għatu u manku għal kitla tat-tè, jew il-forma tal-ponot tal-furketta għal furketta.

50.

Fl-opinjoni tiegħi, minkejja li l-ewwel pożizzjoni, li għandha interpretazzjoni stretta, tista’ tiġi aċċettata bħala interpretazzjoni litterali tad-dispożizzjoni kkonċernata, ma hijiex rilevanti fir-rigward tar-ratio legis ta’ din id-dispożizzjoni.

51.

Qabel kollox, din l-ewwel pożizzjoni għandha r-riskju li tikkawża preġudizzju lis-sustanza stess tar-raġuni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva. Fil-fatt huwa diffiċilment konċepibbli li leġiżlatur razzjonali jkun stipula raġuni għal rifjut jew għal invalidità ta’ reġistrazzjoni ta’ portata daqstant stretta, li fir-realtà tkun limitata għal forom maħluqa min-natura jew stabbiliti b’mod uniformi permezz ta’ regoli. Interpretazzjoni tant ristrettiva ta’ dan il-kriterju tidher superfluwa, peress li tali forom ma jidhirx li għandhom karattru distintiv, u lanqas jistgħu jakkwistawh permezz tal-użu. Ir-reġistrazzjoni tagħhom tkun eskluża fi kwalunkwe każ bis-saħħa tal-Artikolu 3(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva, u l-Artikolu 3(3) ma jkun bl-ebda mod applikabbli fil-konfront tagħhom.

52.

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tant restrittiva kif proposta għad-dispożizzjoni inkwistjoni ma għandiex biss l-effett li tikkontesta l-portata normattiva tagħha. Din l-interpretazzjoni hija wkoll kuntrarja għall-premessa li t-tliet kriterji msemmija fl-Artikolu 3(1)(e) għandhom l-istess għan ( 20 ).

53.

Qabel ma nikkonkludi fuq l-interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal‑Artikolu 3(1)(e), huwa mixtieq li jsir riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-tieni inċiż ta’ din id-dispożizzjoni. Għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprojbixxi r-reġistrazzjoni tal-“għamla [forma] ta’ l-merkanzija [prodott] li hi neċessarja biex jiġi ottenut riżultat tekniku”. Fis-sentenza Philips, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li din ir-raġuni tirreferi għall-forom li l-karatteristiċi essenzjali tagħhom (enfasi miżjuda minni) jissodisfaw funzjoni teknika. L-esklużività inerenti tal-protezzjoni tat-trade mark ma għandhiex tostakola l-possibbiltà li l-kompetituri joffru prodotti li jinkludu din l-istess funzjoni teknika. Hija lanqas ma tista’ tostakola l-possibbiltà għall-kompetituri li jagħżlu soluzzjoni sabiex jinkiseb riżultat tekniku speċifiku. Sakemm il‑karatteristiċi funzjonali essenzjali tal-forma ta’ prodott huma dovuti biss għar-riżultat tekniku, l-imsemmi tieni inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) jeskludi r-reġistrazzjoni ta’ sinjal ikkostitwit mill-imsemmija forma, anki jekk ir-riżultat tekniku inkwistjoni jista’ jinkiseb permezz ta’ forom oħra ( 21 ).

54.

Fl-opinjoni tiegħi, fid-dawl tal-fatt li t-tliet raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva għandhom l-istess għan, ir-raġunament iċċitat iktar ’il fuq japplika wkoll fil-każ tar-raġuni li teskludi r-reġistrazzjoni ta’ sinjal ikkostitwit esklużivament mill-“għamla [forma] li tirriżulta min-natura tal-merkanzija [prodott] nnifishom”.

55.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva jeskludi r-reġistrazzjoni ta’ forma li l-karatteristiċi essenzjali kollha tagħha jirriżultaw min-natura tal-prodott ikkonċernat u għalhekk huma kkundizzjonati mill-funzjoni ta’ użu li jagħti l-prodott.

56.

F’dan ir-rigward inqis li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt segwenti: ċerti karatteristiċi tal-forma għandhom importanza partikolari għall-funzjoni żgurata mill-prodott ikkonċernat. Dawn jistgħu jkunu wkoll karatteristiċi ta’ forma li diffiċli tikklassifikahom bħala meħtieġa sabiex jinkiseb “riżultat tekniku” fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1)(e).

57.

Sa fejn f’dan il-każ dawn huma karatteristiċi li huma ta’ importanza essenzjali għall-funzjoni tal-prodott ikkonċernat, dawn huma wkoll mingħajr dubju karatteristiċi li l-utent jista’ jfittex fil-prodotti kompetituri. Minn perspettiva ekonomika, dawn huma karatteristiċi ta’ forma li ma għandhomx sostitut ekwivalenti xieraq (li għandhom natura ta’ alternattiva perfetta).

58.

Iż-żamma ta’ tali karatteristiċi għall-benefiċċju ta’ operatur ekonomiku wieħed jostakola lil impriżi kompetituri milli jagħtu lill‑prodotti tagħhom forma li tkun utli wkoll għall-użu tagħhom. Dan iwassal sabiex il-proprjetarju tat-trade mark jingħata vantaġġ sinjifikattiv li jkollu effett negattiv fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fis‑suq ikkonċernat.

59.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma hemmx dubju li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva jeskludi b’mod manifest ir-reġistrazzjoni ta’ forom li l-karatteristiċi essenzjali tagħhom jirriżultaw mill-funzjoni tal-prodott ikkonċernat. Għalhekk, dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, ta’ saqajn imwaħħla ma’ pjanċa orizzontali fil-każ ta’ mejda, jew ta’ pett ortopediku b’ċinga forma ta’ “v” fil-każ ta’ tongs. Madankollu, id-dispożizzjoni hawn fuq iċċitata jista’ jkollha importanza sinjifikattiva sabiex tiġi evalwata l-ammissibbiltà tat-trade marks ikkostitwiti minn forom ta’ prodotti mmanifatturati iktar kumplessi, bħal pereżempju l-forma tal-korp ta’ dgħajsa bil-qlugħ jew dik tal-iskrejjen ta’ ajruplan.

60.

Hawnhekk għandu wkoll jiġi kkunsidrat il-fatt li, fir-rigward tar-raġunijiet għal rifjut jew għal invalidità msemmija fl-Artikolu 3(1)(b), (ċ) u (d) tad-Direttiva, il-leġiżlatur stipula l-possibbiltà li sinjal jakkwista karattru distintiv permezz tal-użu li jkun sar minn dan is-sinjal, skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva.

61.

Min-naħa l-oħra, ma jistax jintuża l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva bħala bażi sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut jew għal invalidità msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(e). L‑applikazzjoni tal-imsemmija raġuni tfisser għalhekk li r-reġistrazzjoni tal-forma kkonċernata hija definittivament eskluża. Din il‑kunsiderazzjoni hija konformi mal-għan tad-dispożizzjoni inkwistjoni, sa fejn din tal-aħħar hija intiża sabiex il-karatteristiċi essenzjali tal-forma, li huma importanti għall-funzjoni tal-prodott ikkonċernat, ma humiex suġġetti għal monopolju hekk kif tiġi pprovata l-eżistenza ta’ kisba ta’ karattru distintiv.

62.

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt, li japplika wkoll fil-kuntest tar-raġuni msemmija fit-tieni inċiż, li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark li tirrappreżenta l-forma ta’ prodott tista’ tostakola mhux biss l-użu tal-forma kkonċernata, iżda wkoll dik ta’ forom simili. Fil‑każ ta’ reġistrazzjoni ta’ sinjal li jirrappreżenta forma kkostitwita esklużivament minn karatteristiċi li huma imposti min-natura stess tal-prodott, numru ta’ forom alternattivi jistgħu jirriżultaw inaċċessibbli għall-kompetituri ( 22 ).

63.

Din il-konstatazzjoni għandha portata partikolari għall-forom ta’ prodotti ta’ użu, li fil-każ tagħhom il-ħtieġa li jinkiseb riżultat funzjonali jimponi limitazzjonijiet għall-invenzjoni ddisinjata. Din iċ-ċirkustanza tiġġustifika li jiġu rrifjutati r-reġistrazzjonijiet ta’ forom li l‑karatteristiċi essenzjali tagħhom huma ddefiniti esklużivament mill‑funzjonijiet ta’ użu tal-prodott ikkonċernat.

64.

Min-naħa l-oħra, fl-opinjoni tiegħi, ir-raġuni għal rifjut jew għal invalidità msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) ma tapplikax għall-forom li, minbarra l-karatteristiċi funzjonali tal-kategorija kkonċernata (karatteristiċi funzjonali ġeneriċi), jinkludu karatteristiċi importanti oħra. Dawn tal-aħħar madankollu ma għandhomx jirriżultaw direttament mill-funzjoni tal-prodott ikkonċernat, u għandhom jikkostitwixxu biss il-manifestazzjoni ta’ applikazzjoni partikolari ta’ din il-funzjoni. Bħala eżempju ta’ tali applikazzjoni partikolari, jistgħu jissemmew il-manku ta’ xkupilja tas-snien li l-forma tiegħu huwa ispirat minn stejjer tat-tfal, jew il-qafas ta’ kitarra ddisinjata f’forma differenti minn dak li wieħed normalment jimmaġina għal tali strument.

65.

Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, fl-opinjoni tiegħi r-risposta għall-paragrafu (a) tal-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tkun kif ġej. L-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva jirrigwarda l-forma li l-karatteristiċi essenzjali kollha tagħha huma imposti min-natura stess tal-prodott, u f’dan ir-rigward ftit huwa rilevanti li l-imsemmi prodott jista’ jkollu forom oħra alternattivi.

66.

Fid-dawl tal-interpretazzjoni preċedenti, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-paragrafu (b) tal-ewwel domanda.

C – Interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva

67.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal numru ta’ problemi relatati mal-interpretazzjoni tar-raġuni għal rifjut jew għal invalidità bbażata fuq “għamla [forma] li tagħti valur sostanzjali lill-merkanzija [prodott]”.

68.

Mid-digriet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li Stokke u Opsvik iqiegħdu inkwistjoni, fil-kawża prinċipali, il-konstatazzjoni tal‑Gerechtshof 's‑Gravenhage li l-forma inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-raġuni ċċitata iktar ’il fuq sa fejn hija iktar attraenti u tagħti valur sinjifikattiv lis-siġġu għat-tfal Tripp Trapp. Huma jsostnu b’mod partikolari li l-konsumaturi jixtru s-siġġu Tripp Trapp qabel kollox għaliex dan huwa siġġu solidu, sigur, funzjonali u ergonomiku. Barra minn hekk, id-disinn tas-siġġu ma huwiex ir-raġuni fundamentali għax-xiri ta’ dan il-prodott, minkejja li għandu effett fuq il-valur ta’ dan is‑siġġu.

69.

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li t-tielet inċiż tal‑Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva ma huwiex ifformulat b’mod trasparenti. Dan jixhduh id-differenzi kbar li jeżistu fl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ( 23 ).

70.

Fl-opinjoni tiegħi, l-interpretazzjonijiet differenti kollha tat-tielet inċiż tal-Artikolu 3(1)(e), mogħtija mid-duttrina u mill-ġurisprudenza, huma bbażati fuq premessi teleoloġiċi simili. Dawn il‑kunsiderazzjonijiet jirriżultaw mill-premessa li l-projbizzjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ forom li jagħtu valur sostanzjali lill-prodott għandha l‑għan li tindika limitu bejn il-protezzjoni tat-trade marks u dik ta’ beni intanġibbli oħra (protetti bis-saħħa tad-dritt tad-disinni industrijali jew tad-dritt tal-awtur). Għalhekk, għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata, għandu jiġi eskluż il-każ li fih id-dritt tat-trade marks jintuża esklużivament sabiex jintlaħqu l-għanijiet li għandhom drittijiet ta’ proprjetà intellettwali oħra ( 24 ).

71.

Madankollu, li jiġi kkunsidrat li l-premessi teleoloġiċi huma simili ma jippermettix li tinkiseb interpretazzjoni uniformi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva.

72.

F’dan ir-rigward, jista’ jiġi kkonstatat li hemm żewġ linji ġurisprudenzjali differenti. Dawn huma, minn naħa, il‑ġurisprudenza mogħtija essenzjalment mill-qrati Ġermaniżi u, min-naħa l-oħra, dik tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI u tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

73.

Skont il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof ( 25 ) (il-Qorti Suprema Federali Ġermaniża) u d-duttrina Ġermaniża ( 26 ), id-dispożizzjoni kkonċernata teskludi r-reġistrazzjoni ta’ forma meta l-kwalitajiet estetiċi tal-prodott, li jidhru fil-forma ta’ dan tal-aħħar, huma tant sinjifikattivi li l-funzjoni prinċipali tat-trade mark, jiġifieri l-indikazzjoni ta’ oriġini partikolari, titlef l-importanza tagħha. Jekk min-naħa l-oħra, f’għajnejn il-persuni kkonċernati mill-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott inkwistjoni, l-imsemmi prodott ma huwiex esklużivament ikkostitwit mill-forma estetika biss, iżda din il-forma hija biss “element” tat-totalità tal-prodott, li l-funzjoni ta’ użu jew l-għan tiegħu huma bbażati fuq karatteristiċi oħra, allura r-reġistrazzjoni ta’ din il-forma tista’ tiġi aċċettata.

74.

Fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni, ir-raġuni għal rifjut jew għal invalidità inkwistjoni tikkonċerna qabel kollox ix-xogħlijiet ta’ arti u l‑arti applikata, kif ukoll prodotti mmanifatturati li għandhom esklużivament funzjoni dekorattiva. Għall-kuntrarju, din ma teskludix ir-reġistrazzjoni tal-forma għal prodotti li, minbarra funzjoni dekorattiva, għandhom ukoll funzjonijiet ta’ użu oħrajn, bħal pereżempju siġġu jew pultruna ( 27 ).

75.

Il-prassi deċiżjonali tal-UASI, li ġiet ikkonfermata permezz ta’ sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Bang & Olufsen vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ loudspeaker) ( 28 ), tagħti soluzzjoni differenti.

76.

Skont din is-sentenza, il-fatt li huwa kkunsidrat li l-forma tagħti valur sostanzjali lill-prodott ma jeskludix li karatteristiċi oħrajn, bħall-kwalitajiet tekniċi fil-każ ta’ loudspeaker, jistgħu wkoll jagħtu valur sinjifikattiv lil dan il-prodott. F’dan ir-rigward huwa irrilevanti li l-konsumatur jieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi l-oħrajn tal-imsemmi prodott ( 29 ). Jidher li din l-interpretazzjoni hija applikata b’mod konsistenti fis-sentenzi tal-UASI ( 30 ).

77.

Skont l-ewwel linja ġurisprudenzjali, irrappreżentata qabel kollox mill-ġurisprudenza tal-qrati Ġermaniżi, ir-raġuni msemmija fit-tielet inċiż tapplika esklużivament għall-każijiet li fihom il-kwalità estetika tal-forma inkwistjoni hija tant importanti li l-funzjoni prinċipali tat‑trade mark titlef l-importanza tagħha. Tali sitwazzjoni sseħħ meta l-valur ekonomiku tal-prodott ikkonċernat ikun ibbażat esklużivament fuq id-disinn, bħal fil-każ ta’ xogħlijiet ta’ arti applikata jew ta’ ċerti prodotti mmanifatturati ta’ kollezzjoni.

78.

Min-naħa tiegħi, din il-pożizzjoni tqajjem xi mistoqsijiet. Jien naturalment naqbel mal-approċċ li l-forma ta’ biċċa xogħol tal-arti, inkluż ta’ biċċa xogħol ta’ arti applikata, ma għandhiex, fir-rigward tan-natura tagħha stess, tissodisfa l-funzjoni ta’ trade mark meta mqabbla ma’ tali xogħol ta’ arti. Madankollu, il-fatt li l-forma tikkostitwixxi biss oġġett estetiku u, għalhekk, li ma tistax tiżgura l-funzjoni ta’ trade mark, ma jirrappreżentax, fl-opinjoni tiegħi, l-uniku każ ikkontemplat mill-ipoteżi li fuqha hija bbażata d-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq. Għalhekk huwa diffiċli għalija li naqbel mal-premessa essenzjali tal-pożizzjoni diskussa, li l-kunċett ta’ forma “li tagħti valur sostanzjali lill-merkanzija [prodott]” huwa limitat għall-każijiet fejn il-valur ekonomiku tal-prodott jikkonsisti biss fil-forma estetika ta’ dan tal-aħħar.

79.

Fl-opinjoni tiegħi, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni għandha timmira sabiex tagħtiha sens konformi mal-għan ġenerali tal‑Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva. Din l-aħħar dispożizzjoni hija intiża sabiex il-protezzjoni tat-trade marks ma tkunx użata għal finijiet oħra minbarra dawk li għalihom ġiet stabbilita, u b’mod partikolari sabiex ma tiġix użata sabiex jinkiseb vantaġġ żleali fis-suq, jiġifieri vantaġġ li ma jirriżultax minn kompetizzjoni bbażata fuq il-prezz u fuq il-kwalità.

80.

Fl-opinjoni tiegħi, ir-raġuni msemmija fit-tielet inċiż tal‑Artikolu 3(1)(e) hija intiża sabiex teskludi l-għoti ta’ kull monopolju fuq il-karatteristiċi esterni tal-prodott li ma jiżgurawx funzjoni teknika jew ta’ użu, iżda li madankollu jżidu b’mod sostanzjali l-attrazzjoni ta’ dan il-prodott u jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv il-preferenza tal-konsumaturi.

81.

Skont din l-interpretazzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-raġuni ddefinita fit-tielet inċiż tad-dispożizzjoni kkonċernata ma hijiex limitata għal xogħlijiet ta’ arti jew għal xogħlijiet ta’ arti applikata. Hija intiża wkoll għall-prodotti ta’ użu oħra kollha li fihom id-disinn jikkostitwixxi wieħed mill-elementi essenzjali u deċiżivi tal-attrattività tagħhom, u għalhekk tas-suċċess tagħhom fis-suq.

82.

F’dan ir-rigward, ma nirreferix biss għal ċerti kategoriji ta’ prodotti li, b’mod ġenerali, huma mixtrija minħabba l-forma estetika tagħhom, bħal ma huwa l-każ ta’ ġojjelerija jew ta’ pożati ddekorati.

83.

Id-dispożizzjoni inkwistjoni tikkonċerna wkoll, fl-opinjoni tiegħi, il-prodotti li normalment ma humiex ikkunsidrati bħala oġġetti li għandhom funzjoni ornamentali, iżda li għalihom l-aspett estetiku tal‑forma għandu rwol sinjifikattiv f’ċertu settur partikolari tas-suq, bħal ma huwa l-każ tal-għamara hekk imsejħa ‘designer’.

84.

Ċertament, ħadd ma jixtri loudspeakers sempliċement biex ipoġġihom f’kantuniera ta’ kamra sabiex iservu ta’ dekorazzjoni fil-kamra. Madankollu, f’ċertu settur partikolari tas-suq, il-forma tal-loudspeakers tkun deċiżiva mingħajr dubju minħabba l-attrattività tagħhom.

85.

L-interpretazzjoni li qed nipproponi għad-dispożizzjoni kkonċernata tikkunsidra l-fatt li prodott partikolari jista’ jkollu diversi funzjonijiet. Fil-fatt ma hemm ebda dubju li minbarra l-ewwel funzjoni ta’ użu tiegħu (pereżempju dik ta’ loudspeaker, ikkonċepit bħala apparat li bih tista’ tisma’ l-mużika), il-prodott jista’ jaqdi wkoll bżonnijiet oħra tal-konsumatur. Huwa possibbli li valur sinjifikattiv tal-prodott ma jkunx dovut biss għall-karatteristiċi li jippermettu lil dan il-prodott jaqdi l-funzjoni ta’ użu tiegħu, iżda wkoll għall-kwalitajiet estetiċi tiegħu (pereżempju, il-loudspeaker jista’ wkoll ikollu funzjoni dekorattiva). Il-fatt li minbarra l-funzjoni estetika tiegħu, il-prodott ikkonċernat jaqdi wkoll funzjoni ta’ użu ma għandux, fl-opinjoni tiegħi, jeskludi l-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva. Dan huwa l-każ, fl-opinjoni tiegħi, ta’ ċerti prodotti designer, li l-forma tagħhom għandha karatteristiċi estetiċi li jikkostitwixxu r-raġuni prinċipali jew mill-inqas waħda mir-raġunijiet prinċipali li għalihom il-konsumatur jiddeċiedi li jixtri tali prodott.

86.

Min-naħa, għandha tiġi analizzata b’mod separat il‑kwistjoni taċ-ċirkustanzi fattwali li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jintwera li l-forma inkwistjoni tal-prodott attribwit lil dan tal-aħħar għandha “valur sostanzjali” [paragrafi (a), (ċ) u (d) tat-tieni domanda].

87.

Id-domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda qabel kollox l‑eventwali neċessità li jiġi kkunsidrat il-mod li bih il-forma inkwistjoni hija pperċepita mill-pubbliku destinatarju.

88.

Fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li r-raġunijiet għal rifjut jew għal invalidità msemmija fl-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva jistgħu, b’mod issemplifikat, jinqasmu f’żewġ gruppi. L-ewwel net, hemm ir‑raġunijiet li permezz tagħhom l-ammissibbiltà tar-reġistrazzjoni tiġi evalwata mill-perspettiva tal-konsumatur, sa fejn dawn ir-raġunijiet jikkonċernaw is-sinjali li, peress li ma jistgħux iservu bħala indikazzjoni tal-oriġini tal-prodott għall-pubbliku jew li jistgħu jwassluh għal żball [paragrafi (b) u (g)], ma jissodisfawx il-kriterju li jirrikjedi li t-trade mark ikollha karattru distintiv. It-tieni nett, hemm ir-raġunijiet li huma intiżi sabiex jipproteġu l-impriżi kompetituri, sa fejn għandhom bħala għan li jżommu ċerti sinjali fid-dominju pubbliku [paragrafi (ċ) u (e)]

89.

Meta tiġi analizzata l-konformità tas-sinjal inkwistjoni fir‑rigward tal-ewwel grupp ta’ raġunijiet, il-mod li bih is-sinjal huwa pperċepit mill-pubbliku destinatarju għandu bilfors jiġi kkunsidrat ( 31 ). Sussegwentement fir-rigward tat-tieni grupp ta’ raġunijiet, il-mod li bih is-sinjal inkwistjoni huwa pperċepit għandu jiġi evalwat minn perspettiva iktar wiesgħa. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-perċezzjoni tas-sinjal inkwistjoni mill-pubbliku rilevanti kif ukoll il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw mill-fatt li s-sinjal huwa riżervat għal impriża waħda. Fi kliem ieħor, għandha ssir evalwazzjoni dwar jekk ir-reġistrazzjoni tas-sinjal taffettwax il-possibbiltà li jiġu introdotti prodotti kompetituri fis-suq.

90.

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni analoga tat‑tieni inċiż tal-Artikolu 3(1)(e), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l‑perċezzjoni tas-sinjal mill-konsumatur medju ma hijiex element deċiżiv u li hija tista’, l-iktar, tkun element ta’ evalwazzjoni utli għall‑awtorità kompetenti meta din tidentifika l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal ( 32 ).

91.

Jien naħseb li jista’ jiġi applikat raġunament simili għall‑interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva.

92.

Ma neskludix li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva, il-perċezzjoni preżunta tal‑konsumatur jista’ jkollha importanza ikbar milli fil-kuntest tal-applikazzjoni tat-tieni inċiż ta’ din id-dispożizzjoni. Bid-differenza tal‑każ tal-forom neċessarji sabiex jinkiseb riżultat tekniku (it-tieni inċiż), l-evalwazzjoni intiża sabiex tistabbilixxi jekk il-forma inkwistjoni tagħtix valur sostanzjali lill-prodott (it-tielet inċiż), minħabba pereżempju l-karatteristiċi estetiċi tiegħu, neċessarjament timplika li għandha tiġi kkunsidrata l-perspettiva tal-konsumatur medju.

93.

Madankollu, kif ġie indikat fil-punt 89 iktar ’il fuq, il-mod li bih il‑konsumatur jipperċepixxi l-forma inkwistjoni ma huwiex kriterju deċiżiv ta’ evalwazzjoni. Dan huwa biss wieħed mid-diversi konstatazzjonijiet fattwali, bħala prinċipju għanijiet, intiżi sabiex juru li l‑karatteristiċi estetiċi tal-forma inkwistjoni għandhom influwenza tant importanti fuq in-natura attraenti tal-prodott li l-fatt li jiġu rriżervati għall-benefiċċju ta’ impriża waħda jikkawża distorsjoni tal‑kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat. Iċ-ċirkustanzi l-oħra ta’ dan it-tip huma, pereżempju: in-natura tal-kategorija kkonċernata tal-prodotti, il-valur artistiku tal-forma inkwistjoni, il‑partikolarità ta’ din il-forma meta mqabbla ma’ forom oħra ġeneralment ippreżentati fis-suq ikkonċernat, id-differenza notevoli tal‑prezz meta mqabbel ma’ prodotti mmanifatturati kompetituri li għandhom karatteristiċi simili, jew l-implementazzjoni mill-produttur ta’ strateġija promozzjonali li tenfasizza l-karatteristiċi estetiċi tal-prodott inkwistjoni ( 33 ).

94.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena naħseb li sabiex tingħata risposta għall-paragrafu (b) tat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ forma li “tagħti valur sostanzjali lill-merkanzija [prodott]” fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva jirreferi għall-forma li l-karatteristiċi estetiċi tagħha jikkostitwixxu wieħed mill-elementi prinċipali deċiżivi tal-valur tas-suq tal-prodott inkwistjoni, peress li hija waħda mir-raġunijiet prinċipali li għalihom il-konsumatur jiddeċiedi li jixtri l-imsemmi prodott. Din l-interpretazzjoni ma teskludix li l-prodott ikollu karatteristiċi oħrajn importanti għall-konsumatur.

95.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-domandi magħmula fil-paragrafi (a), (ċ) u (d) tat-tieni domanda, għandu jiġi indikat li l-perċezzjoni tal-konsumatur medju tikkostitwixxi waħda miċ-ċirkustanzi li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-applikabbiltà tar-raġuni inkwistjoni, u fosthom hemm ukoll, b’mod partikolari, in-natura tal-kategorija kkonċernata tal-prodotti, il-partikolarità ta’ din il-forma meta mqabbla ma’ forom oħra ġeneralment ippreżentati fis-suq ikkonċernat, il-valur artistiku tal-forma inkwistjoni, id-differenza notevoli tal-prezz meta mqabbel ma’ prodotti mmanifatturati kompetituri, jew l-eżistenza ta’ strateġija promozzjonali li tenfasizza l-karatteristiċi estetiċi tal-prodott inkwistjoni. L-ebda waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi ma hija fiha nnifisha deċiżiva.

D – Possibbiltà ta ’ applikazzjoni kumulattiva tar-raġunijiet imsemmija fl-ewwel u fit-tielet inċiżi tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva (it-tielet domanda)

96.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tanalizza l‑possibbiltà li tapplika b’mod kumulattiv iż-żewġ raġunijiet distinti għal rifjut jew għal invalidità li huma msemmija fl-ewwel u fit-tielet inċiżi tal-Artikolu 3(1)(e) rispettivament.

97.

Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda tirrigwarda l‑ammissibbiltà tar-reġistrazzjoni ta’ sinjal li jirrappreżenta forma tridimensjonali, li ċerti karatteristiċi tiegħu jagħtu valur sostanzjali lill‑prodott (it-tielet inċiż) filwaqt li oħrajn huma imposti min-natura stess tal-prodott (l-ewwel inċiż).

98.

L-opinjonijiet tal-partijiet fil-proċedura dwar il-kwistjoni jekk tali applikazzjoni kumulattiva hijiex possibbli huma diverġenti ( 34 ).

99.

Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda hija mogħtija, sa ċertu punt, mill-istruttura normattiva tal-Artikolu 3(1)(e) tad‑Direttiva, li fiha tliet kundizzjonijiet alternattivi, fejn kull waħda fiha raġuni awtonoma għal rifjut jew għal invalidità tar-reġistrazzjoni. Mill‑istruttura tagħha, din id-dispożizzjoni tidher teskludi l‑applikazzjoni tagħha fil-każijiet fejn l-ebda waħda mit-tliet raġunijiet ma tkun kompletament applikabbli.

100.

Din il-pożizzjoni hija bbażata wkoll fuq interpretazzjoni litterali. Skont il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, l-ebda waħda mit-tliet raġunijiet alternattivi elenkati fl-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva ma tikkonċerna sinjali kkostitwiti “esklużivament” mill-forom imsemmija rispettivament fl-inċiżi korrispondenti.

101.

Jekk sussegwentement tiġi kkunsidrata l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu3(1)(e) tad-Direttiva, din id-dispożizzjoni tirreferi, kif diġà indikajt, għall-istess għan ġenerali. Kull waħda mit‑tliet raġunijiet li jinsabu fl-inċiżi differenti hija intiża sabiex jiġi evitat li l-esklużività fuq is-sinjal inkwistjoni jwassal sabiex jingħata monopolju fuq il-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti, li huma riflessi fil-forma ta’ dawn tal-aħħar.

102.

L-interpretazzjoni li nipproponi għall-Artikolu 3(1)(e) tfisser li l‑applikazzjoni tal-kriterju li jinsab fl-ewwel inċiż ta’ din id‑dispożizzjoni ma teskludix li l-prodott inkwistjoni jista’ jieħu diversi forom, u tfisser ukoll li l-applikazzjoni tal-kriterju li jinsab fit-tielet inċiż ma teskludix li l-prodott jissodisfa, minbarra l-funzjoni estetika tiegħu, funzjonijiet oħra sinjifikattivi daqstant għall-konsumatur.

103.

Fid-dawl tal-interpretazzjoni hekk mogħtija lill-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva, l-applikazzjoni kumulattiva tar-raġunijiet inkwistjoni ma tidhirx indispensabbli sabiex jintlaħaq l-għan mistenni minn din id-dispożizzjoni.

104.

F’dan il-każ, li kieku l-qorti nazzjonali kellha tikkunsidra li l-forma tas-siġġu Tripp Trapp tagħti valur sostanzjali lil dan il-prodott fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva u għalhekk li tissodisfa b’mod komplet il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din ir-raġuni, ikun irrilevanti li din il-forma tippreżenta wkoll karatteristiċi oħra, bħas-sigurtà jew rekwiżiti ta’ ergonomija, li jistgħu, barra minn hekk, jiġu evalwati mill-perspettiva tar-raġuni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva.

105.

L-interpretazzjoni hekk proposta għall-Artikolu 3(1)(e) tad‑Direttiva ma teskludix għalhekk li l-istess ċirkustanzi jkunu s‑suġġett ta’ analiżi paralleli intiżi sabiex jistabbilixxu jekk humiex applikabbli diversi raġunijiet fl-inċiżi differenti. Ir-rifjut jew l-invalidità ta’ reġistrazzjoni huma possibbli biss jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni mill-inqas ta’ raġuni waħda ċċitata iktar ’il fuq jiġu kompletament issodisfatti.

106.

Madankollu, fl-aħħar lok, nixtieq nagħmel riżerva dwar l‑interpretazzjoni hekk proposta għad-dispożizzjoni inkwistjoni.

107.

Nixtieq b’mod partikolari niġbed l-attenzjoni li l‑applikazzjoni kumulattiva tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva għandha tiġi ammessa fil-każ ta’ sinjali li huma unikament ipperċepiti mill-konsumaturi bħala grupp ta’ forom differenti. Hawnhekk nirreferi għas-sinjali li jirrappreżentaw diversi oġġetti distinti, bħal pereżempju s-sinjal li jirrappreżenta l-post ta’ pompa tal-petrol jew id-dehra ta’ ħanut tan-negozju bl-imnut ( 35 ), u li fil-fatt ma jirrappreżentawx il-forma ta’ prodott, iżda jirriflettu materjalment il-kundizzjonijiet li fihom jingħata s‑servizz inkwistjoni.

108.

Fl-opinjoni tiegħi, sakemm jiġi kkunsidrat li s-sinjali “komposti” ta’ din il-kategorija jistgħu jiżguraw il-funzjoni ta’ trade mark, għandu wkoll jiġi evalwat jekk applikazzjoni kumulattiva tal‑kriterji hijiex ammissibbli meta l-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva jiġi applikat għal sinjali bħal dawn.

109.

Din id-domanda toħroġ mill-kuntest ta’ din il-kawża.

110.

Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, fl-opinjoni tiegħi ir‑risposta għat-tielet domanda għandha tkun is-segwenti: l-istess sinjal jista’ jiġi evalwat b’mod parallel mill-perspettiva tar-raġunijiet differenti msemmija fl-ewwel u fit-tielet inċiżi tal-Artikolu 3(1)(e), iżda r-rifjut jew l-invalidità tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark hija applikabbli biss jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ mill-inqas waħda mir-raġunijiet iċċitati iktar ’il fuq huma kompletament issodisfatti.

VI – Konklużjonijiet

111.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti r-risposta segwenti għad-domanda magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden:

1)

Il-kunċett ta’ forma “li tirriżulta min-natura tal-merkanzija [prodott] nnifishom” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, jirrigwarda l-forma li l-karatteristiċi essenzjali kollha tagħha jirriżultaw min-natura tal-prodott ikkonċernat. Ftit huwa rilevanti li dan il-prodott jista’ jkollu forom oħra alternattivi.

2)

Il-kunċett ta’ forma li “tagħti valur sostanzjali lill-merkanzija [prodott]” fis‑sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva jirreferi għall‑forma li l-karatteristiċi estetiċi tagħha jikkostitwixxu wieħed mill‑elementi prinċipali deċiżivi tal-valur tas-suq tal-prodott inkwistjoni, peress li hija waħda mir-raġunijiet prinċipali li għalihom il‑konsumatur jiddeċiedi li jixtri l-imsemmi prodott. Din l-interpretazzjoni ma teskludix li l-prodott ikollu karatteristiċi oħrajn importanti għall-konsumatur.

Il-perċezzjoni tal-konsumatur medju hija waħda miċ-ċirkustanzi li għandha tiġi kkunsidrata sabiex tiġi evalwata l-applikabbiltà tar-raġuni inkwistjoni, u fost dawn insibu wkoll, b’mod partikolari, in-natura tal‑kategorija kkonċernata tal-prodotti, il-valur artistiku tal-forma inkwistjoni, il-partikolarità ta’ din il-forma meta mqabbla ma’ forom oħra ġeneralment ippreżentati fis-suq ikkonċernat, id-differenza notevoli tal-prezz meta mqabbel ma’ prodotti mmanifatturati kompetituri, jew l-eżistenza ta’ strateġija promozzjonali li tenfasizza l-karatteristiċi estetiċi tal-prodott inkwistjoni. L-ebda waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi ma hija fiha nnifisha deċiżiva.

3)

L-istess sinjal jista’ jiġi evalwat b’mod parallel mill-perspettiva tar‑raġunijiet differenti msemmija fl-ewwel u fit-tielet inċiż tal‑Artikolu 3(1)(e), iżda r-rifjut jew l-invalidità tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark hija applikabbli biss jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ mill-inqas waħda mir-raġunijiet iċċitati iktar ’il fuq huma kompletament issodisfatti.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Pollakk.

( 2 ) Ara x-xogħolijiet tas-sbatax-il sessjoni tal-Kumitat Permanenti tad-dritt tat-trade marks u disinni industrijali u ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi tal-ODPI, dwar it-tipi l-ġodda ta’ trade marks (aċċessibli fl-indirizz http://www.wipo.int/policy/fr/sct/). Id-duttrina ta’ dak iż-żmien sostniet li r-reġistrazzjoni ta’ tali trade marks ma għandiex tqajjem dubji, bl-eċċezzjoni tal-forom “meħtieġa minħabba l-oġġetti stess” jew rikjesti minħabba l-bżonnijiet tal-produzzjoni. Ġie wkoll irrilevat li kien possibbli li din il-protezzjoni tingħaqad ma’ dik tad-disinni industrijali li tirriżulta mil-liġi tal-1806 dwar id-disinni industrijali; ara E. Pouillet, Traité des marques de fabrique et de la concurrence déloyale en tous genres, Pariġi, Marchal et Billard 1875, paġni 38 sa 41. Fil-Polonja ta’ bejn iż-żewġ gwerrer, l-Artikolu 107 tal-Liġi tal‑5 ta’ Frar 1924 dwar il-protezzjoni tal-invenzjonijiet, disinni u trade marks kien jaċċetta espressament il-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni ta’ trade marks ikkostitwiti minn forom tridimensjonali.

( 3 ) L-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”). Din id-direttiva ġiet sussegwentement issostitwita bid-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25). Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, hija applikabbli d-Direttiva 89/104/KEE. F’dawn iż-żewġ atti leġiżlattivi, l-Artikoli 3(1)(3) li l-kliem tagħhom huwa identiku, jirregolaw il-kwistjoni ta’ trade marks li jirriżultaw mill-forma tal-prodott.

( 4 ) Hawnhekk għandu jiġi rrilevat li teżisti ċerta differenza bejn il-parti ċċitata tad-dispożizzjoni, kif miktuba fil-lingwa tal-proċedura, li tirreferi għall-“għamla [forma] li tagħti valur sostanzjali lill-merkanzija [prodott]” (l-istess kliem intuża fil-lingwa Ġermaniża, Spanjola, Franċiża, u oħrajn), u l-kliem ta’ din l-istess dispożizzjoni fil-lingwa Pollakka, li tirreferi għal “forma li żżid b’mod sinjifikattiv il-valur tal-prodott” [“kształt zwiększający znacznie wartość towaru”]. Fil-fehma tiegħi, din id-differenza ma twassalx għal diverġenza dwar kif għandha tinftiehem din id-dispożizzjoni.

( 5 ) Dan il-kunċett jinkludi l-forom tri- jew bidimensjonali kif ukoll it-trade marks figurattivi (viżwali) li jirrappreżentaw il-forma tal-prodott, ara s-sentenza Philips, C‑299/99, EU:C:2002:377, punt 76. Dispożizzjoni identika tinsab fl-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1) u kien jinsab qabel fl-Artikolu 7(1)(e) fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).

( 6 ) Sentenzi Philips, EU:C:2002:377, punt 75, u Benetton Group, C‑371/06, EU:C:2007:542, punti 25 sa 27.

( 7 ) Sentenzi Philips, EU:C:2002:377, u Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali: sentenzi Yoshida Metal Industry vs UASI — Pi-Design et (Rappreżentazzjoni ta’ wiċċ trijangolari b’tikek suwed), T‑331/10, EU:T:2012:220, sentenza Yoshida Metal Industry vs UASI — Pi-Design et (Rappreżentazzjoni ta’ wiċċ b’tikek suwed), T‑416/10, EU:T:2012:222, Reddig vs UASI — Morleys (Manku ta’ sikkina), T‑164/11, EU:T:2012:443.

( 8 ) Sentenzi Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punti 25 sa 27, u Philips, EU:C:2002:377, punt 77.

( 9 ) Sentenzi Windsurfing Chiemsee, EU:C:1999:230, punt 25, u Philips, EU:C:2002:377, punti 78-79.

( 10 ) Ara R. Skubisz, Prawo z rejestracji znaku towarowego i jego ochrona. Studium z zakresu prawa polskiego na tle prawno-porównawczym [Id-dritt li jirriżulta mir-reġistrazzjoni tat-trade mark u l-protezzjoni tagħha. Analiżi tad-dritt Pollakk abbażi ta’ approċċ kumparabbli], Lublin 1988, paġni 15 sa 18, 235 u 236; E. Wojcieszko-Głuszko, Pojęcie znaku towarowego [Il-kunċett ta’ trade mark], f’System prawa prywatnego [Il-kunċett tad-dritt privat], Vol. 14b — Prawo własności przemysłowej [Id-dritt tal-proprjetà industrijali], Varsavja, CH Beck, Instytut Nauk Prawnych PAN 2012, p. 427‑428.

( 11 ) Ara W.M. Landes, R.A. Posner, The Economic Structure of Intellectual Property Law [L-istruttura ekonomika tad-dritt tal-proprjetà intellettwali], Cambridge, Harvard University Press 2003, p. 166‑168; A. Griffiths, An Economic Perspective on Trade Mark Law [Id-dritt tat-trade marks f’perspettiva ekonomika], Cheltenham, Elgar Publishing 2011, p. 47‑53, 157.

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Lego Juris vs UASI, EU:C:2010:516, punt 38, u s‑sentenza Pi‑Design et vs Yoshida Metal Industry, C‑337/12 P sa C‑340/12 P, EU:C:2014:129, punt 42.

( 13 ) Tali possibbiltà tirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 16 tad-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 120). Ara J. Szwaja, E. Wojcieszko-Głuszko, I.B. Mika, Kumulacja i kolizja praw własności przemysłowej (na przykładzie wzorów przemysłowych i znaków towarowych) [Kumulu u kunflitt tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali — eżempju tad-disinni industrijali u tat-trade marks], Kwartalnik Prawa Prywatnego, 2001, Vol. 2, p. 343.

( 14 ) Fid-dritt federali tal-Istati Uniti tal-Amerika, din il-problema hija ttrattata permezz tad-“duttrina tal-funzjonalità” (“functionality doctrine”) iddefiniti b’mod ġurisprudenzjali u sussegwentement ikkodifikata b’mod legali; ara A. Horton, Designs, shapes and colours: a comparison of trade mark law in the United Kingdom and the United States [Disinni, forom u kuluri: paragun tad-dritt tat-trade marks fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti], European intellectual property review, 1989, Vol. 11, p. 311.

( 15 ) Fir-rigward tal-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94, ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali Procter & Gamble vs UASI (Forma ta’ sapuna), T‑122/99, EU:T:2000:39, punt 55.

( 16 ) F’dan il-każ, din il-pożizzjoni ġiet espressa fl-osservazzjonijiet ippreżentati minn Stokke u Opsvik fil-kuntest tal-kawża prinċipali, fl-osservazzjonijiet tal-Gvern Taljan u dak Portugiż, kif ukoll f’dawk tal-Kummissjoni.

( 17 ) Ara d-direttivi dwar il-proċedimenti quddiem l-UASI, adottati reċentement bid-Deċiżjoni Nru EX-13‑5 adottata mill-President tal-UASI fl-4 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem, id-“Direttivi tal-UASI”), parti B, taqsima 4 (raġunijiet assoluti għal rifjut), punt 2.5.2. Ara wkoll A. Folliard-Monguiral, D. Rogers, The protection of shapes by the Community trade mark [Il-protezzjoni tal-forom tat-trade mark Komunitarja], European intellectual property review, 2003, Vol. 25, p. 173.

( 18 ) Din il-pożizzjoni hija meħuda fl-osservazzjoni tal-kumpannija Hauck u, b’ċerti riżervi, f’dawk tal-Gvern Ġermaniż u Pollakk u f’dawk tal-Gvern tar-Renju Unit.

( 19 ) Ara H. Fezer, MarkenG § 3 [L-Artikolu 3 tal-Liġi Ġermaniża dwar il-protezzjoni tat-trade marks u sinjali oħra distintivi], f’H. Fezer (editur), Markenrecht [Id-dritt tat-trade marks], ir-raba’ edizzjoni, München, Beck 2009, paragrafu 663; G. Eisenführ, Art.7 [L-Artikolu 7], f’G. Eisenführ, D. Schennen (editur), Gemeinschaftsmarkenverordnung [Ir-regolament dwar it-trade mark Komunitarja], it-tielet edizzjoni, Köln, Wolters Kluwer 2010, paragrafu 197; u A. Firth, E. Gredley, S. Maniatis, Shapes as trade marks: public policy, functional considerations and consumer perception [Forom bħala trade marks: politika pubblika, kunsiderazzjonijiet funzjonali u perċezzjoni tal-konsumatur], European intellectual property review, 2001, Vol. 23, p. 92.

( 20 ) F’dan il-każ, il-Kummissjoni tibda bil-premessa, fl-opinjoni tiegħi żbaljata, li r-raġuni għal rifjut imsemmija fl-ewwel inċiż tad-dispożizzjoni inkwistjoni għandha natura differenti minn dik tar-raġunijiet imsemmija fiż-żewġ inċiżi l-oħra, jiġifieri t-tieni u t-tielet inċiżi. Skont il-Kummissjoni, din ir-raġuni ma tirrigwardax l-għoti ta’ monopolju fuq ċerti karatteristiċi tal-prodott, iżda hija intiża sabiex tipprevjeni l-ħolqien ta’ “monopolju naturali” fir-rigward tal-prodott bħala tali, u għalhekk tevita li l-unika forma possibbli tal-prodott tkun irriżervata għal operatur wieħed, ħaġa li teskludi kull forma ta’ kompetizzjoni.

( 21 ) Sentenza Philips, EU:C:2002:377, punti 79 u 83.

( 22 ) Ara, fir-rigward tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, is-sentenza Lego Juris vs UASI, EU:C:2010:516, punt 56.

( 23 ) Pereżempju, l-awturi tal-istudju redatt fuq talba tal-Kummissjoni mill-Institut Max‑Planck dwar il-proprjetà intellettwali u d-dritt tal-kompetizzjoni jindikaw li r-ratio legis ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex ċara u jissuġġerixxu li din tiġi abrogata jew emendata, ara: Study of the overall functioning of the European trade mark system [analiżi tal-funzjonament globali tas-sistema Ewropea tat-trade marks], München 2011, punti 2.32 u 2.33, p. 72-73 (aċċessibbli fuq l-indirizz internet http://ec.europa.eu/internal_market/indprop/tm/index_en.htm). Il-proposta ta’ reviżjoni tad-direttiva li bħalissa qed tiġi evalwata madankollu tipprovdi għaż-żamma tad-dispożizzjoni mingħajr modifiki. [COM(2013)162 tas-27 ta’ Marzu 2013].

( 24 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer fil-Kawża Philips, C‑299/99, EU:C:2001:52, punti 30 u 31.

( 25 ) Ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2007“Fronthaube” (I ZB 37/04) BGH GRUR 2008, 71, punt 23. Il-Bundesgerichtshof hawnhekk irrefera għal ġurisprudenza li tmur lura għas-snin ħamsin: is-sentenzi tat-22 ta’ Jannar 1952“Hummelfiguren” (I ZR 68/51) BGHZ 5, 1, u tad-9 ta’ Diċembru 1958“Rosenthal‑Vase” (I ZR 112/57) BGHZ 29, 62, 64.

( 26 ) Ara Fezer, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 19), paragrafu 696, u Eisenführ, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 19) paragrafu 201.

( 27 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Bundespatentgericht (qorti federali tal-privattivi fil-Ġermanja) tat-8 ta’ Ġunju 2011“Barcelona — Sessel” (26 W (pat) 93/08), dwar is-“siġġu Barcelona”, ikkonċepit mill-arkitett famuż Ġermaniż Ludwig Mies van der Rohe. Il-qorti Ġermaniża ddeċidiet li l-forma kkonċernata ma taqax fir-raġuni ta’ invalidità bbażata fuq il-forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott sa fejn l-għan u l-ewwel funzjonalità ta’ użu hija dik ta’ għamara li sservi ta’ siġġu (“Sitzmöbel”), li, minbarra l-kwistjonijiet estetiċi, għandu jissodisfa rekwiżiti ergonomiċi.

( 28 ) Sentenza Bang & Olufsen vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ loudspeaker), T‑508/08, EU:T:2011:575. Din is-sentenza tirrigwarda r-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tal-10 ta’ Settembru 2008 (Kawża 497/2005‑1).

( 29 ) Ara, fir-rigward tal-punt (iii) tal-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 40/94, is-sentenza Bang & Olufsen vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ loudspeaker), T‑508/08, EU:T:2011:575, punti 73 u 77. Id-duttrina ssostni wkoll pożizzjoni simili u iktar wiesgħa, li ma hijiex limitata għall-prodotti mmanifatturati li għandhom esklużivament funzjoni dekorattiva: ara Folliard‑Monguiral, Rogers, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 17) p. 175; Firth, Gredley, Maniatis, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 17), p. 94.

( 30 ) Ara d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI dwar il-forma tas-siġġu “Alu‑Chair” iddisinjat mill-arkitetti Amerikani Charles u Ray Eames (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2010 fil-Kawża R 486/2010‑2) u dik tal-flixkun f’forma ta’ djamant ikkonċepit mid-disinjatur Eġizzjan Karim Rashid (sentenza tat-23 ta’ Mejju 2013 fil-Kawża R 1313/2012-1); ara wkoll id-Direttivi tal-UASI, Parti B, taqsima 4, punt 2.5.4.

( 31 ) Sentenza Koninklijke KPN Nederland, EU:C:2004:86, punti 34 u 56, u Deutsche SiSi‑Werke vs UASI, C‑173/04 P, EU:C:2006:20, punti 60 sa 63.

( 32 ) Ara, fir-rigward tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru°40/94, is-sentenza Lego Juris vs UASI, EU:C:2010:516, punt 76. Ara wkoll, fir-rigward tal-punt (iii) ta’ din l-istess dispożizzjoni, is-sentenza Bang & Olufsen vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ loudspeaker), EU:T:2011:575, punt 72.

( 33 ) Ara, f’dan is-sens, iċ-ċirkustanzi li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, fir-rigward tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94, fis-sentenza Bang & Olufsen vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ loudspeaker), EU:T:2011:575, punti 74 u 75.

( 34 ) Il-kumpannija Hauck, il-Gvern Pollakk u dak tar-Renju Unit jissuġġerixxu risposta li taċċetta tali applikazzjoni kumulattiva, filwaqt li l-partijiet l-oħra fil-proċedura jeskludu tali possibbiltà.

( 35 ) Ara, fir-rigward tad-dehra ta’ ħanut, is-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni Franċiża, tal-11 ta’ Jannar 2000, Nru 97‑19.604, kif ukoll il-Kawża pendenti Apple (C-421/13).

Top