Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CA0417

    Kawża C-417/13: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-28 ta’ Jannar 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberster Gerichtshof – l-Awstrija) – ÖBB Personenverkehr AG vs Gotthard Starjakob (Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Artikolu 2(1) u (2)(a) — Artikolu 6(1) — Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-akkreditazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni, ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena għal proroga tat-termini tal-avvanz — Ġustifikazzjoni — Kapaċità li jintlaħaq l-għan imfittex — Dritt li tiġi kkontestata l-proroga tat-termini tal-avvanz)

    ĠU C 107, 30.3.2015, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.3.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 107/5


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-28 ta’ Jannar 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberster Gerichtshof – l-Awstrija) – ÖBB Personenverkehr AG vs Gotthard Starjakob

    (Kawża C-417/13) (1)

    ((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika soċjali - Direttiva 2000/78/KE - Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol - Artikolu 2(1) u (2)(a) - Artikolu 6(1) - Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-akkreditazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni, ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena għal proroga tat-termini tal-avvanz - Ġustifikazzjoni - Kapaċità li jintlaħaq l-għan imfittex - Dritt li tiġi kkontestata l-proroga tat-termini tal-avvanz))

    (2015/C 107/06)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Oberster Gerichtshof

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: ÖBB Personenverkehr AG

    Konvenut: Gotthard Starjakob

    Dispożittiv

    1)

    Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, sabiex telimina diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, takkredita l-perijodi ta’ servizz ta’ qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena, iżda li, fl-istess ħin, tinkludi regola, li hija intiża fir-realtà sabiex tapplika biss għall-membri tal-persunal vittmi minn din id-diskriminazzjoni, li ttawwal b’sena l-perijodu meħtieġ għall-avvanz f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli ta’ remunerazzjoni u li, b’dan il-mod, iżżomm definittivament differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età.

    2)

    Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, li hija intiża li twaqqaf diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, ma għandhiex neċessarjament tippermetti lil membru tal-persunal, li l-perijodi ta’ servizz miksuba qabel ma għalaq l-età ta’ 18-il sena ma ttiħdux inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-avvanz tiegħu, li jikseb kumpens finanzjarju li jikkorrispondi għall-ħlas tad-differenza bejn ir-remunerazzjoni li kieku kien jikseb fl-assenza ta’ tali diskriminazzjoni u dik li effettivament kiseb. Madankollu, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali u sakemm sistema li tipproċedi għall-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni minħabba fl-età konformement ma’ dak li tipprovdi d-Direttiva 2000/78 ma tkunx ġiet adottata, l-istabbiliment mill-ġdid tal-ugwaljanza fit-trattament jimplika l-għoti lill-membri tal-persunal li l-esperjenza tagħhom inkisbet, anki jekk parzjalment, qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena tal-istess vantaġġi li kienu setgħu jibbenefikaw minnhom il-membri tal-persunal li kienu kisbu, wara li għalqu din l-età, esperjenza tal-istess natura u ta’ tul paragunabbli, għal dak li jirrigwarda kemm l-akkreditazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena kif ukoll l-avvanz fil-livell tar-remunerazzjonijiet.

    3)

    Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-leġiżlatur nazzjonali jipprevedi, għall-finijiet tal-akkreditazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena, obbligu ta’ kooperazzjoni skont liema l-membru tal-persunal għandu jipprovdi lil persuna li timpjegah il-provi marbuta ma’ dawn il-perijodi. Madankollu, ma jikkostitwixxix abbuż ta’ dritt il-fatt li membru tal-persunal jirrifjuta milli jikkoopera għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tinkludi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li tmur kontra d-Direttiva 2000/78, kif ukoll il-kawża tiegħu intiża li tikseb il-ħlas sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-membri tal-persunal li kienu kisbu, wara li għalqu din l-età, esperjenza tal-istess natura u ta’ tul paragunabbli għaliha.

    4)

    Il-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jipprekludix li terminu nazzjonali ta’ preskrizzjoni tad-drittijiet li għandhom il-bażi tagħhom fid-dritt tal-Unjoni jibda jiddekorri qabel id-data ta’ meta tingħata sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kkjarifikat is-sitwazzjoni ġuridika fil-qasam.


    (1)  ĠU C 325, 09.11.2013.


    Top