EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012TN0518

Kawża T-518/12: Rikors ippreżentat fis- 27 ta’ Novembru 2012 — Spirlea vs Il-Kummissjoni

ĠU C 32, 2.2.2013, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/21


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Novembru 2012 — Spirlea vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-518/12)

2013/C 32/33

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Darius Nicolai Spirlea (Capezzano Pianore, l-Italja) u Mihaela Spirlea (Capezzano Pianore) (rappreżentanti: V. Foerster u T. Pahl, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tilqa’ r-rikors ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE;

tiddikjara r-rikors ammissibbli;

tiddikjara r-rikors fondat u tikkonstata li l-konvenuta kisret il-forom proċedurali sostanzjali u diversi dispożizzjonijiet tad-dritt materjali;

tannulla, fuq din il-bażi, id-deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2012 li permezz tagħha l-konvenuta għalqet l-proċedura pilota tal-Unjoni Ewropea Nru 2070/11/SNCO (referenza Ares (2012) 1135073);

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

(1)

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ħolqien ta’ proċedura pilota tal-Unjoni mingħajr l-ebda bażi legali (Artikoli 290 u 291 TFUE)

Fil-kuntest ta’ dan il-motiv ir-rikorrenti jsostnu li l-introduzzjoni tal-proċedura pilota tal-Unjoni kellha l-effett li tistabbilixxi kundizzjoni proċedurali supplementari li ma hijiex prevista fl-Artikolu 258 TFUE. Il-Kummissjoni tagħmel użu minn din il-kundizzjoni proċedurali fil-kuntest ta’ proċedura illegali u mhux trasparenti, b’tali mod li tikkawżha żnaturament tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fl-Artikolu 258 TFUE, u dan filwaqt li ma għandha l-ebda awtorità jew delega sabiex tagħmel dan taħt it-Trattati tal-Unjoni Ewropea.

(2)

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Marzu 2002, indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Ombudsman Ewropew dwar ir-relazzjonijiet mal-lanjant fir-rigward ta’ ksur tal-liġi Komunitarja (1)

Fuq dan il-punt, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni b’mod arbitrarju ma kkunsidratx il-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-relazzjonijiet mal-lanjant fir-rigward ta’ ksur tal-liġi Komunitarja u li ttrattat l-ilment tagħhom skont il-proċedura pilota tal-Unjoni, u dan meta r-rikorrenti ma kellhomx għarfien dwar ir-regoli tagħha.

(3)

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jsostnu li r-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma jispjegawx il-fatti fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1394/2007 (2), u ma jeżaminawx l-ilmenti speċifiċi tar-rikorrenti b’rabta mad-dritt tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU C 244, p. 5.

(2)  Regolament (KE) Nru 1394/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar prodotti mediċinali ta’ terapija avvanzata u li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 (ĠU L 324, p. 121).


Top