Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012TN0517

Kawża T-517/12: Rikors ippreżentat fit- 23 ta’ Novembru 2012 — Alro vs Il-Kummssijoni

ĠU C 32, 2.2.2013, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/20


Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Novembru 2012 — Alro vs Il-Kummssijoni

(Kawża T-517/12)

2013/C 32/32

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Alro SA (Slatina, ir-Rumanija) (rappreżentanti: C. Quigley, QC, O. Bretz, solicitor, u S. Verschuur, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ April 2012 li tiftaħ, abbażi tal-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) u tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (1) (ir-Regolament dwar il-Proċedura), investigazzjoni formali fir-rigward tal-għoti allegatament illegali ta’ għajnuna mill-Istat mir-Rumanija, permezz tal-kontroll tagħha fi Hidroelectrica S.A. (“Hidroelectrica”), lil ALRO fil-forma ta’ tariffi preferenzjali għax-xiri ta’ elettriku permezz ta’ kuntratt konkluż fl-2005 u l-emendi suċċessivi tiegħu;

sussidjarjament, tannulla l-imsemmija deċiżjoni tas-26 ta’ April 2012 sa fejn tapplika għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2009;

tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

(1)

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball materjali ta’ liġi

Fir-rigward tal-ewwel motiv, li jsostni li l-Kummissjoni wettqet żball materjali ta’ liġi fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 107(1) TFUE, ALRO ser turi li l-Kummissjoni naqset milli tapplika b’mod xieraq ir-rekwiżiti dwar l-imputabbiltà, kif stabbiliti fil-Kawża C-482/99 Franza vs Il-Kummissjoni (C-482/99, Ġabra. 2002 p. I-4397) (sentenza Stardust Marine). B’mod partikolari, il-Kummissjoni ppruvat tibbaża l-analiżi tagħha biss fuq indikaturi “organiċi”. Madankollu, ALRO ser turi li r-rekwiżiti stabbiliti fis-sentenza Stardust Marine jeħtieġu wkoll li l-Kummissjoni turi l-eżistenza ta’ indikaturi oħra għaliex indikaturi “organiċi” f’iżolament ma humiex suffiċjenti biex tiġi stabbilita l-imputabbiltà.

(2)

It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

Fir-rigward tat-tieni motiv, li jsostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta laħqet il-konklużjoni li l-azzjonijiet ta’ Hidroelectrica kienu attribwiti lill-Istat Rumen, ALRO ser turi li l-Kummissjoni naqset milli tanalizza b’mod korrett l-istruttura ta’ governanza ta’ Hidroelectrica u l-impatt li din l-istruttura għandha fuq il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ din l-organizzazzjoni. It-tieni nett, ALRO ser tispjega għaliex il-Kummissjoni kienet żbaljata meta qabblet il-kuntratt ta’ ALRO mal-ftehim bejn Hidroelectrica u ArcelorMittal. It-tielet nett, hija ser turi għaliex id-Digriet Ministerjali Nru 445/2009 ma huwiex rilevanti għall-analiżi tal-Kummissjoni u għaliex ir-riferimenti tagħha għar-rapporti tal-istampa fl-2010 huma insuffiċjenti biex jintlaħaq il-livell ta’ evidenza meħtieġa biex tintwera l-imputabbiltà.

(3)

It-tielet motiv huwa bbażat fuq in-natura insuffiċjenti ta’ motivazzjoni

Fir-rigward tat-tielet motiv, ALRO ser turi li f’dak li jikkonċerna l-punti li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni (kif imsemmija fil-paragrafu preċedenti), il-Kummissjoni naqset milli tipprovdi motivazzjoni xierqa, u għalhekk aġixxiet b’mod li jmur kontra l-Artikolu 269 TFUE. Tali motivazzjoni hija meħtieġa biex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni u li tipprovdi lill-partijiet interessati l-informazzjoni meħtieġa biex huma jkunu jafu jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le. Kif indikat b’mod iktar dettaljat f’dan ir-rikors, id-deċiżjoni kkontestata tonqos milli tissodisfa dan ir-rekwiżit.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339)


Top