Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012TN0403

    Kawża T-403/12: Rikors ippreżentat fil- 11 ta’ Settembru 2012 — Intrasoft International vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 343, 10.11.2012, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.11.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 343/18


    Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Settembru 2012 — Intrasoft International vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-403/12)

    2012/C 343/31

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Intrasoft International SA (Luxembourg, il-Lussemburgu) (rappreżentant: S. Pappas, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla d-deċiżjoni tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika tas-Serbja tal-10 ta’ Awwissu 2012 (ref.: RH(2012)3471), kif ukoll iċ-ċaħda impliċita tal-ilment tar-rikorrenti tal-10 ta’ Awwissu 2012 kontra tali deċiżjoni, sabiex ir-rikorrenti titħalla tipparteċipa fl-istadji sussegwenti tal-offerta;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż ta’ din l-istanza.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq allegat ksur tat-termini ta’ referenza u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. B’mod iktar speċifiku, ir-rikorrenti ssostni li l-informazzjoni/kjarifiċi addizzjonali mogħtija lill-offerenti kollha mill-awtorità kontraenti wara l-proċedura ta’ sejħa għal offerti kkompletaw it-termini ta’ referenza, kienu jifformaw parti mill-qafas legali li jippresjiedi l-offerta inkwistjoni u sussegwentement kienu jorbtu fuq il-partijiet kollha, inkluż fuq l-awtorità kontraenti. F’dan il-każ, tali termini ġew miksura mill-konvenuta.

    (2)

    It-tieni motiv, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju (1), billi:

    Ir-rikorrenti kienet eskluża mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti abbażi ta’ kunflitt ta’ interess mingħajr ma ġiet mogħtija l-opportunità li ġġib u tikkorrobora provi li juru li dan ma kienx il-każ;

    L-amministrazzjoni naqset milli tevalwa u tissostanzja l-fatt li l-involviment tar-rikorrenti f’offerta oħra preċedenti seta’ ħalla impatt fuq l-offerta inkwistjoni.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74)


    Top