This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62012TN0358
Case T-358/12 P: Appeal brought on 8 August 2012 by Rosella Conticchio against the order of the Civil Service Tribunal of 12 July 2012 in Case F-22/11 Conticchio v Commission
Kawża T-358/12 P: Appell ippreżentat fit- 8 ta’ Awwissu 2012 minn Rosella Conticchio mid-digriet mogħti mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit- 12 ta’ Lulju 2012 fil-Kawża F-22/11, Conticchio vs Il-Kummissjoni
Kawża T-358/12 P: Appell ippreżentat fit- 8 ta’ Awwissu 2012 minn Rosella Conticchio mid-digriet mogħti mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit- 12 ta’ Lulju 2012 fil-Kawża F-22/11, Conticchio vs Il-Kummissjoni
ĠU C 295, 29.9.2012, p. 31–32
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
29.9.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 295/31 |
Appell ippreżentat fit-8 ta’ Awwissu 2012 minn Rosella Conticchio mid-digriet mogħti mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-12 ta’ Lulju 2012 fil-Kawża F-22/11, Conticchio vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-358/12 P)
2012/C 295/55
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Rosella Conticchio (Ruma, l-Italja) (rappreżentanti: R. Giuffrida u A. Tortora, avukati)
Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tannulla d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-12 ta’ Lulju 2012 fil-Kawża F-22/11, Conticchio vs Il-Kummissjoni; |
— |
tilqa’ t-talbiet ippreżentati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza; |
— |
sussidjarjament, jekk il-korp ġudizzjarju jqis li huwa xieraq u neċessarju, tirrinvija l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jiddeċiedi fuq it-talbiet ippreżentati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza; |
— |
tiddikjara li r-rikors li fir-rigward tiegħu nħareġ id-digriet appellat, kien ammissibbli u fondat in toto u mingħajr l-ebda eċċezzjoni; |
— |
tikkundanna lill-appellata tirrimborsa lill-appellanti l-ispejjeż u l-onorarji kollha sostnuti minn din tal-aħħar u dawk li jikkonċernaw il-kawża inkwistjoni fl-istanzi kollha tagħha. |
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell huwa dirett kontra d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Lulju 2012, fil-Kawża F-22/11, li ċaħad parzjalment bħala manifestament inammissibbli u parzjalment bħala manifestament infondat, rikors intiż prinċipalment għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ħlas tal-pensjoni tal-irtirar tal-appellanti.
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tippreżenta tliet aggravji.
(1) |
L-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-“ksur tal-prinċipju ta’ bona fide, ta’ korrettezza u ta’ imparzjalità — nuqqas ta’ rappreżentazzjoni ċara tal-portata normattiva ta’ ċerti dispożizzjonijiet u prassi segwiti mill-Kummissjoni fir-relazzjonijiet tagħha mal-impjegati tagħha”. F’dan ir-rigward, qed jingħad li d-digriet appellat iqis bħala manifestament infondat l-argument tal-appellanti, billi jsemmi n-natura kontestabbli tar-rendikont tas-salarju għax-xahar ta’ Jannar 2010, li minnu hija saret taf bis-sitwazzjoni tagħha. Madankollu, l-imsemmi rendikont tas-salarju ma huwiex att ta’ deċiżjoni u li jista’ jiġi kkontestat b’mod awtonomu, peress li ma jeżawrixxix is-sitwazzjoni li l-appellanti tinsab fiha fil-mument tal-pensjoni. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza stabbilita taqbel li tqis li peress li r-rendikont tas-salarju huwa deċiżjoni amministrattiva ta’ natura kontabbli, huwa ma għandux minnu nnifsu l-karatteristika ta’ att li jista’ joħloq preġudizzju u għaldaqstant fin-nuqqas ta’ elementi oħra ċerti ma jistax jiġi kkontestat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li s-sistema SysPer 2 ma hijiex suffiċjenti sabiex tikkwantifika l-ammont tad-drittijiet futuri għall-pensjoni, bl-istess mod bħalma l-“Calculette Pension” sempliċement tipprovdi parametru li huwa biss indikattiv u li ma jistax jiġi kkontestat. R. Conticchio setgħet tikkontesta biss id-deċiżjoni definittiva, mibgħuta bil-miktub, rigward l-għoti u l-ħlas tad-drittijiet tagħha għal pensjoni, għaliex kien biss minn dan il-mument li hija kellha ċ-ċertezza tal-ammont preċiż għal kull xahar tal-pensjoni tagħha. |
(2) |
It-tieni aggravju, ibbażat fuq il-“ksur tad-dritt tal-protezzjoni ġudizzjarja u tad-dritt tan-natura pubblika tal-proċedimenti”. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, peress li qies li huwa informat biżżejjed bl-atti tal-kawża, iddeċieda b’digriet motivat li ma jkomplix bil-proċedimenti. Din id-deċiżjoni kkompromettiet id-dritt tal-appellanti għall-protezzjoni ġudizzjarja sħiħa. Fil-fatt, R. Conticchio ma ngħatatx id-dritt tippreżenta l-allegazzjonijiet tagħha, u lanqas ma ngħatat il-possibbiltà tipprovdi kjarifiki oħra dwar l-eventwali kawżi ta’ inammissibbiltà u/jew infondatezza tar-rikors, u b’dan il-mod inkiser il-prinċipju ta’ smigħ xieraq. F’dan is-sens, għandu jiġi mfakkar li skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jiġi stabbilit id-dritt għal amministrazzjoni tajba, intiż bħala dritt ta’ kull individwu sabiex il-kwistjonijiet li jirrigwardawh jiġu ttrattati b’mod imparzjali, ekwu u fi żmien raġjonevoli mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni. Tali dritt jinkludi, fost l-oħrajn, id-dritt ta’ kull individwu li jinstema’ qabel ma tiġi adottata miżura individwali kontrih li tippreġudikah. |
(3) |
It-tielet aggravju, ibbażat fuq l-“arrikkiment indebitu — ksur tas-smigħ xieraq”. Fuq dan il-punt, l-aggravju ma jistax jitqies bħala tardiv għaliex mir-rendikont tas-salarju bl-ebda mod ma setgħet tiġi vverifikata l-preżenza ta’ elementi li jirrigwardaw l-aggravju inkwistjoni. L-appellanti setgħet tikkontesta arrikkiment indebitu mill-Kummissjoni biss fil-mument li fih hija rċeviet id-deċiżjoni ta’ ħlas tal-pensjoni, jiġifieri fis-26 ta’ Mejju 2010. Fil-fatt, l-appellanti qatt ma kellha għarfien sħiħ tal-ammonti tal-kontribuzzjonijiet imħallsa, għaliex qatt ma rċeviet mill-uffiċċji responsabbli tal-Kummissjoni n-notifiki rilevanti. Minbarra dan għandu jitfakkar li tħallsu lill-Kummissjoni l-ekwivalenti attwarja tad-drittijiet preċedenti għal pensjoni mħallsa lill-INPS fl-Italja, li ġew ittrasferiti għall-iskema ta’ pensjonijiet Komunitarja, u b’hekk inħoloq fil-konfront tal-appellanti diżlivell meta mqabbel mal-pensjoni rċevuta u l-kontribuzzjonijiet imħallsa matul il-karriera tagħha. B’dan il-mod, l-amministrazzjoni l-ewwel talbet livell speċifiku ta’ kontribuzzjonijiet u wara kkonċediet livell ta’ anzjanità inqas mis-snin tal-karriera effettiva, u b’hekk ħolqot arrikkiment indebitu min-naħa tal-amministrazzjoni tagħha, bi preġudizzju għall-uffiċjali tagħha. |