This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62012TN0341
Case T-341/12: Action brought on 2 August 2012 — Evonik Degussa v Commission
Kawża T-341/12: Rikors ippreżentat fit- 2 ta’ Awwissu 2012 — Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni
Kawża T-341/12: Rikors ippreżentat fit- 2 ta’ Awwissu 2012 — Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni
ĠU C 311, 13.10.2012, p. 9–10
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
13.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 311/9 |
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Awwissu 2012 — Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-341/12)
2012/C 311/12
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Evonik Degussa GmbH (Essen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: C. Steinle, M. Holm-Hadulla u C. von Köckritz, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
— |
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 3534 finali, tal-24 ta’ Mejju 2012, dwar iċ-ċaħda tat-talba ta’ Evonik Degussa għat-trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni fid-deċiżjoni adottata fil-Każ COMP/F/38.620 — Perossidu tal-idroġenu u perborat — skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; u |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
(1) |
L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8 tal-mandat tal-uffiċjal tas-seduta (1) u tad-dritt tar-rikorrenti għal amministrazzjoni tajba u tad-dritt tagħha għal smigħ. Fuq dan il-punt, ir-rikorrenti ssostni li l-uffiċjal tas-seduta ma kkunsidrax l-oġġezzjonijiet fundamentali tagħha għall-pubblikazzjoni. B’dan il-mod, huwa ma rrispettax il-portata tas-setgħat u tad-dmirijiet tiegħu u kiser l-Artikolu 8 tal-mandat tiegħu. Minħabba li la l-uffiċjal tas-seduta u lanqas id-dipartimenti l-oħra tal-Kummissjoni ma kkunsidraw l-oġġezzjonijiet fundamentali mressqa mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni ta’ pubblikazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tinvestiga l-aspetti rilevanti kollha tal-każ. Għalhekk, il-Kummissjoni kisret id-dritt għal amministrazzjoni tajba u d-dritt għal smigħ xieraq [Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea]. |
(2) |
It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa argumentat li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda motivazzjoni dwar l-oġġezzjonijiet imqajma mir-rikorrent kontra l-pubblikazzjoni tal-verżjoni estiża tad-deċiżjoni. L-istess japplika għall-motivazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-interess pubbliku fil-pubblikazzjoni tal-verżjoni estiża kważi ħames snin wara l-adozzjoni tal-verżjoni oriġinali mhux kunfidenzjali. |
(3) |
It-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni minħabba l-ksur tas-sigriet professjonali skont l-Artikolu 339 TFUE u l-Artikolu 8 KEDB, kif ukoll fuq ksur tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li għandha tkun ippubblikata.
|
(4) |
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li meta ċaħdet it-talba għal trattament kunfidenzjali u ddeċidiet li tippubblika l-verżjoni estiża tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Ir-rikorrenti kienet ibbażat ruħha fuq il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni trażmessa. Hija bbażat ruħha fuq l-avviż dwar il-klemenza u fuq il-prattika kostanti tal-Kummissjoni u temmen li din il-fiduċja hija denja ta’ protezzjoni. Ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jirriżulta wkoll mill-fatt li l-Kummissjoni fl-2007 diġà kienet ippubblikat verżjoni finali mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni fejn hija kienet aċċettat il-proposti tar-rikorrenti sabiex ċerti partijiet jitħallew barra. Ir-rikorrenti ssostni li ma hemm ebda bażi legali u li lanqas ma hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw bidla sussegwenti f’din id-deċiżjoni. |
(5) |
Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-applikazzjoni speċifika. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-użu tal-informazzjoni pprovduta minn xhieda prinċipali bħala informazzjoni pubblika tikser l-applikazzjoni speċifika ta’ din l-informazzjoni, skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-paragrafu 48 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aċċess għall-fajl (5). Dan huwa partikolarment minnu meta dak l-użu sar iktar minn sitt snin wara t-tlestija tal-proċeduri amministrattivi. |
(1) Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea 2011/695/UE, tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, p. 29).
(2) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).
(3) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
(4) Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155).
(5) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli għall-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni f’każijiet skont l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU C 325, p. 7).