EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012TN0326R(01)

Rettifika għall-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Kawża T-326/12 ( ĠU C 311, 13.10.2012, p. 8 )

ĠU C 343, 10.11.2012, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 343/25


Rettifika għall-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Kawża T-326/12

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 311 tat-13 ta’ Ottubru 2012, p. 8 )

2012/C 343/43

L-avviż fil-ĠU tal-Kawża T-326/12, Al Toun u Al Toun Group vs Il-Kunsill għandu jinqara kif ġej:

“Rikors ippreżentat fil-19 ta’ Lulju 2012 — Salim Georges Al Toun u Al Toun Group vs Il-Kunsill

(Kawża T-326/12)

2012/C 343/43

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Rikorrenti: Salim Georges Al Toun u Al Toun Group (rappreżentant: S. Koev, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara dan ir-rikors kompletament ammissibbli u fondat u tilqa’ t-talbiet tar-rikors kollha;

tisma’ din il-kawża skont il-proċedura mħaffa;

tiddikjara li l-miżuri kkontestati jistgħu jiġu annullati parzjalment sa fejn il-parti minn dawn il-miżuri li għandha tiġi annullata tista’ tiġi sseparata mill-miżuri fl-intier tagħhom;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/256/PESK, tal-14 ta’ Mejju 2012, sa fejn Salim Al Toun u Al Toun Group jinsabu inklużi fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/782/PESK;

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012, tat-18 ta’ Jannar 2012, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u r-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 410/2012, sa fejn Salim Al Toun u Al Toun Group jinsabu inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 36/2012;

tikkundanna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż legali kollha tar-rikorrenti kif ukoll l-ispejjeż, id-drittijiet, etc marbuta mar-rappreżentanza legali tagħhom f’dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

(1)

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur fundamentali tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal proċess ġust u dan sa fejn ir-rikorenti ma kinux innotifikati dwar il-miżuri kkontestati iżda saru jafu bihom permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni u sa fejn ma ngħataw ebda prova jew indikazzjoni konkreti li jiġġustifikaw l-inklużjoni tagħhom fil-lista tal-persuni suġġetti għal sanzjonijiet. F’dan il-kuntest, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-Kunsill, li għandu jiġġustifika l-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi.

(2)

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u dan sa fejn il-Kunsill, fil-miżuri kkontestati, ikkunsidra biss allegazzjonijiet li ma humiex fondati u għalhekk kiser dan l-obbligu, obbligu li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huma meħtieġa li josservaw skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), skont l-Artikolu 296 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest isir riferiment għall-użu tal-kunċett oskur ta’ involviment fi skema, kunċett li fir-rigward tiegħu l-miżuri tal-Kunsill dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja ma jipprovdu ebda definizzjoni legali. Fin-nuqqas ta’ motivazzjoni ċara u preċiża min-naħa tal-Kunsill, il-Qorti Ġenerali ma tistax tistħarreġ il-legalità tal-miżuri kkontestati.

(3)

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u dan sa fejn id-dritt għal tali protezzjoni previst fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB, fl-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea nġab fix-xejn minħabba l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

(4)

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kunsill u dan sa fejn ir-rikorrent Salim Al Toun ġie identifikat, b’mod żbaljat, bħala ċittadin Venezwelan, dettall dan li ma huwiex ikkorroborat mill-fatti, u sa fejn Al Toun Group f’ebda punt mill-inkorporazzjoni tiegħu ma kien involut f’negozju ta’ żejt jew ta’ prodotti taż-żejt, kif inhu allegat fil-miżuri kkontestati.

(5)

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt ta’ proprjetà rikonoxxut fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali tal-KEDB u fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika, u dan sa fejn il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/256/PESK u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 410/2012 indebitament ċaħħad lir-rikorrenti milli jużaw il-proprejtà tagħhom kif jixtiequ, b’tali mod li pperikola l-eżistenza u s-sopravivenza fiżika tagħhom.

(6)

Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur flagranti tad-dritt għal protezzjoni tar-reputazzjoni, rikonoxxut fl-Artikoli 8 u 10(2) tal-KEDB, u dan sa fejn l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-miżuri kkontestati għamlet ħsara illegali serja lir-reputazzjoni tagħhom fis-soċjetà Sirjana, fil-grupp ta’ ħbieb tagħhom, fil-komunità reliġjuża u fil-konfront tal-imsieħba kummerċjali tagħhom.”


Top