Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012TN0265

Kawża T-265/12: Rikors ippreżentat fit- 12 ta' Ġunju 2012 — Schenker vs Il-Kummissjoni

ĠU C 243, 11.8.2012, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 243/27


Rikors ippreżentat fit-12 ta' Ġunju 2012 — Schenker vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-265/12)

2012/C 243/49

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Schenker Ltd (Feltham, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: F. Montag u B. Kacholdt, avukati, D. Colgan u T. Morgan, Solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 1(1)(a) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-28 ta’ Marzu 2012, dwar proċeduri skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.462 — Trasport ta’ merkanzija);

tannulla kollha kemm hi jew, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fl-Artikolu 2(1)(a) tad-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.

(1)

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent, il-prinċipji ta’ smiegħ ekwu u amministrazzjoni tajba meta ma waqqfitx l-investigazzjoni fil-mument li rċeviet informazzjoni li l-provi prodotti minn Cleary Gottlieb Steen & Hamilton LLP f’isem Deutche Post AG kienu vvizzjati b’numru ta’ ksur skont il-liġi.

(2)

It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenza tagħha meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, minkejja li ma setgħetx tagħmel hekk skont ir-Regolament tal-Kunsill Nru 141/1962 (1).

(3)

It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-kummissjoni kisret l-Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikoli 4 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003 (2) meta qieset li l-kriterju tal-effet mixtieq fuq il-kummerċ bejn Stati Membri kien sodisfatt.

(4)

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 101(1) u 296 TFUE, l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 4, 7, u 23 (2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, u l-prinċipji ta’ responsabbiltà personali u amministrazzjoni tajba meta sabet lir-rikorrenti responsabbli għall-aġir ta’ BAX Global Ltd. (UK), u meta imponiet multa biss fuq ir-rikorrenti għal dan l-aġir minkejja li BAX Global Ltd. (UK) kienet sussidjarja ta’ impriża oħra mmexxija minn The brink’s Company matul iż-żmien kollu li fih sar l-aġir imsemmi fl-Artikolu 1(1)(a) tad-deċiżjoni kkontestata.

(5)

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 23 u 27 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, il-linji gwida tal-2006 dwar il-kalkolu tal-multi (3), il-prinċipju li l-piena għandha tkux kompatibbli mar-reat kif ukoll il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, nulla poena sine culpa u ta’ proporzjonalità, u li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeterminat l-ammont tal-multa fuq il-bażi ta’ dħul mill-bejgħ li jaqbeż l-ammont massimu teoretiku li seta’ ġie ġġenerat bl-aġir imsemmi fl-Artikolu 1(1)(a) tad-deċiżjoni kkontestata.

(6)

Is-sitt motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, l-avviż dwar l-immunità (4) kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeterminat ir-rata ta’ tnaqqis tal-multa tar-rikorrenti.

(7)

Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tibda taħdidiet ta’ regolament skont l-avviż ta’ regolament (5).


(1)  Regolament tal-Kunsill Nru 141 tas-26 ta’ Novembru 1962, li jeżenta t-trasport mill-Applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 205).

(3)  Linji Gwida dwar il-medoti tal-kalkolu tal-multi imposti taħt l-Artikolu 23(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006 C 210, p. 2).

(4)  Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8. Voll. 1, p. 155).

(5)  Avviż tal-Kummissjoni fuq l-iżvolġiment tal-proċeduri ta’ regolament fid-dawl tal-adozzjoni ta’ Deċiżjonijiet taħt l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2008 C 167, p. 1)


Top