EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012TN0182

Kawża T-182/12: Rikors ippreżentat fis- 26 ta’ April 2012 — HTTS vs Il-Kunsill

ĠU C 174, 16.6.2012, p. 29–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 174/29


Rikors ippreżentat fis-26 ta’ April 2012 — HTTS vs Il-Kunsill

(Kawża T-182/12)

2012/C 174/47

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping GmbH (Hamburg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: J. Kienzle u M. Schlingmann, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010, sa fejn huwa jikkonċernaha;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

(1)

L-ewwel motiv: ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kiser id-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn huwa ma mmotivax suffiċjentement l-inklużjoni mill-ġdid tar-rikorrenti fil-lista tal-persuni, korpi u entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi skont l-Artikolu 23 tar-regolament ikkontestat.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kunsill kiser id-dritt għal smigħ tagħha, sa fejn hija ma kellhiex l-okkażjoni tesprimi l-fehma tagħha qabel ma ġiet inkluża mill-ġdid fil-listi ta’ sanzjoni u għalhekk ma setgħetx tinċita lill-Kunsill sabiex dan jirrevedi l-lista.

(2)

It-tieni motiv: inklużjoni mill-ġdid tar-rikorrenti fil-listi ta’ sanzjoni infondata

Ir-rikorrenti ssostni li l-motivi mressqa mill-Kunsill ma jiġġustifikawx l-inklużjoni tagħha mill-ġdid fil-listi ta’ sanzjoni, u huma, fil-kontenut tagħhom, foloz. Ir-rikorrenti tgħid, b’mod partikolari, li ma hijiex taħt il-kontroll ta’ IRISL.

Skont ir-rikorrenti, l-inklużjoni tagħha fil-listi ta’ sanzjoni hija bbażata fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata, magħmula mill-Kunsill, tas-sitwazzjoni u tal-attivitajiet tagħha.

(3)

It-tielet motiv: ksur tad-dritt fundamentali tar-rikorrenti għar-rispett ta’ proprjetà

Ir-rikorrenti ssostni li l-inklużjoni tagħha mill-ġdid fil-listi ta’ sanzjoni tikser mingħajr ġustifikazzjoni d-dritt fundamentali tagħha għall-proprjetà, peress li hija ma tistax tifhem, minħabba l-motivazzjoni insuffiċjenti tal-Kunsill, għal liema raġunijiet hija ġiet inkluża mill-ġdid fil-lista tal-persuni ssanzjonati.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-inklużjoni tagħha fil-listi ta’ sanzjoni tikser mingħajr ġustifikazzjoni d-drittijiet tagħha ta’ proprjetà u li ma hijiex, manifestament, xierqa sabiex tilħaq l-għanijiet tar-regolament ikkontestat. F’kull każ, ir-rikorrenti tqis li l-inklużjoni tagħha tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet.


Top