Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012TN0175

    Kawża T-175/12: Rikors ippreżentat fit- 12 ta’ April 2012 — Deutsche Börse vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 174, 16.6.2012, p. 25–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.6.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 174/25


    Rikors ippreżentat fit-12 ta’ April 2012 — Deutsche Börse vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-175/12)

    2012/C 174/42

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Deutsche Börse AG (Frankfurt am Main, il-Ġermanja) (rappreżentanti: C. Zschocke, J. Beninca u T. Schwarze, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni COMP/M.6166 Deutsche Börse/NYSE Euronext tal-1 ta’ Frar 2012; u

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-konvenuta naqset milli tevalwa sew r-restrizzjonijiet kompetittivi orizzontali li l-partijiet huma suġġetti għalihom, inkwantu l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni tal-kummerċ ta’ derivattivi over-the-counter (“OTC”) u t-talba tagħha li r-restrizzjonijiet li l-partijiet allegatament jeżerċitaw fuq il-ħlasijiet ta’ skambju ta’ xulxin kienet ivvizzjata minn żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-partijiet jillimitaw lil xulxin permezz ta’ kompetizzjoni ta’ innovazzjoni hija manifestament żbaljata u l-analiżi tagħha tal-kompetizzjoni fost il-pjattaformi tal-kummerċ ma kinitx ibbażata fuq evidenza koerenti u konsistenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra b’mod xieraq ir-restrizzjonijiet min-naħa tad-domanda minħabba li naqset milli tanalizza u tevalwa r-rwol kruċjali tal-klijenti tal-partijiet fosthom hemm il-parteċipanti ewlenin ta’ kummerċ OTC, u li twettaq kull analiżi kwantitattiva.

    (2)

    It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-evalwazzjoni mill-konvenut tat-talbiet ta’ effiċjenzi tal-partijiet kienet ivvizzjata minn żbalji manifesti u ma kinitx sostnuta minn evidenza koerenti u konsistenti. Il-Kummissjoni aċċettat b’mod impreċiż biss xi wħud mill-effiċjenzi bħala verifikabbli, speċifiċi għall-għaqda u li x’aktarx direttament jibbenefikaw lill-klijenti, u b’mod żbaljat sostniet li ma kinux biżżejjed biex jikkontrobilanċjaw l-effetti kompetittivi tal-għaqda. Fir-rigward tal-evalwazzjoni tagħha ta’ kemm tfaddil kollaterali u l-benefiċċji tal-likwidità, il-Kummissjoni kisret id-dritt tal-partijiet li jinstemgħu billi bbażat ruħha fuq evidenza u argumenti introdotti wara s-seduta orali li fiha l-partijiet ma ngħatawx l-opportunità li jikkummentaw. It-teorija “rkupru” tal-Kummissjoni u l-evalwazzjoni tagħha tal-ispeċifiċità tal-għaqda tat-tfaddil kollaterali kienu bbażati fuq teoriji u rekwiżiti ġodda li ma humiex sostnuti mil-Linji Gwidi tal-Kummissjoni dwar Għaqdiet Orizzontali (1).

    (3)

    It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-konvenuta naqset milli tevalwa sew ir-rimedji offruti mill-partijiet. Iċ-ċaħda tal-impenn dwar il-ċessjoni sħiħa ta’ NYX (ir-rikorrent u NYSE Euronext) tikkoinċidi man-negozju tad-derivattivi ta’ ekwità waħda, inkluż iċ-ċessjoni tal-faċilità NYX’ BClear, li kien ibbażat fuq evidenza żbaljata. L-allegata “Relazzjoni reċiproka” bejn ekwità waħda u derivattivi ta’ indiċi ta’ ekwità ma teżistix, tikkontradixxi l-analiżi tad-definizzjoni tas-suq tal-Kummissjoni stess, u tqajmet bi ksur tad-dritt tad-difiża tal-partijiet. Iċ-ċaħda tar-rabta tal-liċenzjar tas-softwer tal-Kummissjoni hija vvizzjata bi żball u tikkontradixxi l-konklużjonijiet tagħha dwar il-kompetizzjoni tat-teknoloġija.


    (1)  Linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu ta’ l-għaqdiet orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-intrapriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 10)


    Top