This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62012TJ0278
Judgment of the General Court (First Chamber) of 9 December 2014. # Inter-Union Technohandel GmbH v Office for Harmonisation in the Internal Market (Trade Marks and Designs) (OHIM). # Community trade mark - Opposition proceedings - Application for the Community figurative mark PROFLEX - Earlier national word mark PROFEX - Genuine use of the earlier mark - Article 42(2) and (3) of Regulation (EC) No 207/2009. # Case T-278/12.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tad-9 ta' Diċembru 2014.
Inter-Union Technohandel GmbH vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trade mark Komunitarja - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva PROFLEX - Trade mark nazzjonali verbali preċedenti PROFEX - Użu ġenwin mit-trade mark preċedenti - Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009.
Kawża T-278/12.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tad-9 ta' Diċembru 2014.
Inter-Union Technohandel GmbH vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trade mark Komunitarja - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva PROFLEX - Trade mark nazzjonali verbali preċedenti PROFEX - Użu ġenwin mit-trade mark preċedenti - Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009.
Kawża T-278/12.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2014:1045
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)
9 ta’ Diċembru 2014 ( *1 )
“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva PROFLEX — Trade mark nazzjonali verbali preċedenti PROFEX — Użu ġenwin mit-trade mark preċedenti — Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”
Fil-Kawża T‑278/12,
Inter-Union Technohandel GmbH, stabbilita f’Landau in der Pfalz (il-Ġermanja), irrappreżentata minn K. Schmidt-Hern u A. Feutlinske, avukati,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn P. Bullock, bħala aġent,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet
Gumersport Mediterranea de Distribuciones, SL, stabbilita f’Barcelona (Spanja),
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI, tas-27 ta’ Marzu 2012 (Każ R 413/2011‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Inter-Union Technohandel GmbH u Gumersport Mediterranea de Distribuciones, SL,
IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),
komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová u E. Buttigieg (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Ġunju 2012,
wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ottubru 2012,
wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Jannar 2013,
wara li rat li l-partijiet ma ressqux talba għall-iffissar ta’ seduta fi żmien xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u wara li għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Fit-13 ta’ Diċembru 2005, Gumersport Mediterranea de Distribuciones, SL ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146 ), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)]. |
2 |
It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti: |
3 |
Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 9, 12 u 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:
|
4 |
L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 26/2006, fis-26 ta’ Ġunju 2006. |
5 |
Fis-6 ta’ Settembru 2006, ir-rikorrenti, Inter-Union Technohandel GmbH, ressqet oppożizzjoni skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009) kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti kollha msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq. |
6 |
L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq ir-reġistrazzjoni Nru 39628817 tat-trade mark Ġermaniża verbali PROFEX, irreġistrata fit-12 ta’ Frar 1997 u mġedda fl-14 ta’ Lulju 2006, li tkopri l-prodotti segwenti fil-klassijiet 6, 8, 9, 11, 12, 16, 17 u 21: “Ktajjen kontra s-serq, katnazzi fil-forma ta’ U, apparat kontra s-serq bil-cable tal-metall, apparat kontra s-serq spirali, apparat kontra s-serq bil-cable, termometri, indikaturi tal-veloċità, apparat li jikkalkola l-kilometri u boxxli għall-vetturi li jintużaw fuq l-art; elmi protettivi, ingwanti protettivi; fjusijiet tal-elettriku, tagħmir għaż-żamma tal-fjusijiet, ġeneraturi tal-elettriku u dajnamows għall-vetturi li jintużaw fuq l-art; sistemi tal-allarm elettriċi u elettroniċi; apparat mekkaniku kontra s-serq (li ma huwiex intiż għall-vetturi li jintużaw fuq l-art); aċċessorji għall-vetturi li jintużaw fuq l-art, jiġifieri projetturi, projetturi tas-sewqan bir-rivers, fanali ta’ wara, indikaturi, lampi tal-id; lampi għall-qari tal-mapep, bozoz inkandexxenti u rifletturi; aċċessorji għall-vetturi li jintużaw fuq l-art, jiġifieri koperturi tal-istering, kaxex tal-ewwel għajnuna, pajpijiet tal-egżost, għotjien għaċ-ċentru tar-roti, tappijiet tat-tankijiet, ilqugħ għat-tajn, appoġġi għad-dahar, koperturi taċ-ċinturin tas-sigurtà, sostenn tar-ras, sostenn tad-dahar, sedili għat-tfal, mirja ta’ wara, buttuni għall-attivazzjoni (mhux tal-metall), waqqafa tal-bibien, pompi tal-arja, fliexken għax-xorb, waqqafa, apparat mekkaniku kontra s-serq għall-vetturi; komponenti ta’ rikambju għall-vetturi li jintużaw fuq l-art, jiġifieri tajers, tubi, brejkijiet, nagħal tal-brejkijiet, peddijiet tal-brejk, cables għall-brejkijiet, lievi tal-brejkijiet, kaxxa tal-gerijiet mekkaniċi, deraljatur fuq wara, lievi tal-gerijiet, cables tal-gerijiet, roti tal-gerijiet, ktajjen, ilqugħ għall-katina, parafangi, pedali, qniepen, sedili għar-roti, manubriji tar-roti, vireg tal-manubriji tar-rota; karrijiet għall-vetturi li jintużaw fuq l-art; sedili għat-tfal għall-vetturi li jintużaw fuq l-art; aċċessorji għall-vetturi li jintużaw fuq l-art, b’mod partikolari basktijiet, kaxex, kontenituri u qfieli għall-bagalji u oġġetti żgħar, ġarriera tal-bagalji, basktijiet għas-sedil, manku u qafas (vojta); takkwini, tikketti adeżivi, tejp adeżiv, tejp għall-iżolament; aċċessorji għall-vetturi li jintużaw fuq l-art, jiġifieri films, persjani, blinds u skrinijiet tal-plastik għall-ilqugħ mix-xemx”. |
7 |
Ir-raġuni invokata insostenn tal-oppożizzjoni kienet dik prevista fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009]. |
8 |
Matul il-proċedura, fuq talba ta’ Gumersport Mediterranea de Distribuciones, l-IASI talab lir-rikorrenti ġġib il-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti, fis-sens tal-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009). F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti pproduċiet diversi provi li ġew eżaminati mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. |
9 |
B’deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2009, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni kollha kemm hi skont l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, billi kkunsidrat li r-rikorrenti ma kinitx ipproduċiet provi suffiċjenti sabiex tipprova l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti. |
10 |
Fis-26 ta’ Awwissu 2009, ir-rikorrenti appellat quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tat-2 ta’ Lulju 2009. |
11 |
B’deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2010, it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u rrinvija l-kawża quddiem dik l-istanza. Il-Bord tal-Appell ikkunsidra, essenzjalment, li peress li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni ċerti provi prodotti mir-rikorrenti, hija kienet ibbażat id-deċiżjoni tagħha fuq bażi fattwali inkompleta. |
12 |
Fis-17 ta’ Diċembru 2010, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tat deċiżjoni ġdida li fiha kkonkludiet li l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti kien ġie pprovat sa fejn kien jikkonċerna parti mill-prodotti li għalihom kienet ġiet irreġistrata, jiġifieri tipi differenti ta’ aċċessorji għar-roti u għall-vetturi bil-mutur. Skont id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, il-prodotti li għalihom intużat it-trade mark preċedenti jew jissemmew espliċitament fil-provi prodotti, jew jaqgħu taħt is-subkategoriji segwenti tat-trade mark preċedenti: apparat mekkaniku kontra s-serq (li ma huwiex intiż għall-vetturi li jintużaw fuq l-art); aċċessorji għall-vetturi li jintużaw fuq l-art, jiġifieri projetturi, projetturi tas-sewqan bir-rivers, fanali ta’ wara, indikaturi, lampi tal-id; lampi għall-qari tal-mapep, bozoz inkandexxenti u rifletturi; aċċessorji għall-vetturi li jintużaw fuq l-art, jiġifieri koperturi tal-istering, pajpijiet tal-egżost, koperturi taċ-ċinturin tas-sigurtà, sostenn tar-ras, għotjien għas-sedili, sedili għat-tfal, mirja ta’ wara, pompi tal-arja, fliexken għax-xorb, waqqafa; komponenti ta’ rikambju għall-vetturi li jintużaw fuq l-art, jiġifieri tajers, tubi, brejkijiet, nagħal tal-brejkijiet, peddijiet tal-brejk, cables għall-brejkijiet, lievi tal-brejkijiet, kaxex tal-gerijiet mekkaniċi, deraljatur fuq wara, lievi tal-gerijiet, cables tal-gerijiet, roti tal-gerijiet, ktajjen, ilqugħ għall-katina, parafangi, pedali, qniepen, sedili għar-roti, manubriji tar-roti, vireg tal-manubriji tar-rota; karrijiet għall-vetturi li jintużaw fuq l-art; aċċessorji għall-vetturi li jintużaw fuq l-art, jiġifieri films, persjani, blinds u skrinijiet tal-plastik għall-ilqugħ mix-xemx u b’mod partikolari katnazzi fil-forma ta’ U, apparat kontra s-serq spirali; termometri, indikaturi tal-veloċità, apparat li jikkalkola l-kilometri u boxxli għall-vetturi li jintużaw fuq l-art; elmi protettivi, sedili għat-tfal għall-vetturi li jintużaw fuq l-art. |
13 |
Sussegwentement, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni wettqet eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni u laqgħet l-oppożizzjoni parzjalment f’dak li kien jikkonċerna l-“elmi protettivi għall-isport, indikaturi tal-veloċità, indikaturi awtomatiċi ta’ pressjoni baxxa f’tajers ta’ vetturi” fil-klassi 9 u l-“vetturi; apparat għal lokomozzjoni fuq l-art; roti u aċċessorji għar-roti, qniepen tar-roti, tubi ta’ ġewwa għar-roti, oqfsa tar-roti, tajers tar-roti, buttuni tar-roti, gerijiet tar-roti, brejkijiet tar-roti, parafangi tar-roti, indikaturi tad-direzzjoni tar-roti, rimmijiet tar-roti, manubriji tar-roti, krankijiet tar-roti, muturi tar-roti (mopeds); tajers tar-roti, pedali tar-roti, imgħażel tar-roti, dress guards tar-roti, roti tar-roti, sedili tar-roti, waqqafa tar-roti, qniepen tar-roti, tajers bla tubi għar-roti, ktajjen tar-roti, basktijiet speċjali tar-roti, mirja tal-ġnub, settijiet tat-tiswija għat-tubi ta’ ġewwa, ġarriera tar-roti, ktajjen kontra ż-żlieq, oqfsa tar-roti, fusijiet, klippijiet tal-imgħażel tar-roti, triċikletti” fil-klassi 12. Għaldaqstant, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għal dawn il-prodotti. |
14 |
Fis-16 ta’ Frar 2011, Gumersport Mediterranea de Distribuciones appellat quddiem l-UASI mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tas-17 ta’ Diċembru 2010 sa fejn din tal-aħħar laqgħet l-oppożizzjoni parzjalment u ċaħdet l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. |
15 |
B’deċiżjoni tas-27 ta’ Marzu 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l-appell u annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tas-17 ta’ Diċembru 2010. |
16 |
Preliminarjament, il-Bord tal-Appell speċifika li l-portata tal-appell kienet tkopri l-prodotti kkonċernati li għalihom kienet intlaqgħet l-oppożizzjoni u kienet ġiet miċħuda l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, jiġifieri l-prodotti fil-klassijiet 9 u 12, imsemmija fil-punt 13 iktar ’il fuq (punti 13 u 14 tad-deċiżjoni kkontestata). |
17 |
Sussegwentement, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, essenzjalment, li, kuntrarjament għal dak li kienet iddeċidiet id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, ir-rikorrenti ma kinitx ipprovat il-firxa tal-użu u, konsegwentement, l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti (punti 32 sa 39 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-oppożizzjoni kellha tiġi miċħuda skont l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 u r-Regola 22(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat (punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata). |
It-talbiet tal-partijiet
18 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
19 |
L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
20 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 u tar-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95 u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009. |
21 |
Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun li tibda billi teżamina l-ewwel motiv. |
22 |
Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell żbalja meta kkonkluda li l-provi prodotti quddiemu ma kinux jipprovaw il-firxa tal-użu mit-trade mark preċedenti. Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell wettaq evalwazzjoni żbaljata tal-provi prodotti matul il-proċedura amministrattiva. Din l-evalwazzjoni żbaljata tirriżulta, b’mod partikolari, mill-applikazzjoni ta’ kriterji żbaljati mill-Bord tal-Appell, jiġifieri kriterji “eżiġenti wisq” għall-prova tal-użu mit-trade mark preċedenti. |
23 |
L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
24 |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, min jippreżenta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, li kontriha tiġi ppreżentata oppożizzjoni, jista’ jeżiġi li ssir il-prova li jkun sar użu ġenwin mit-trade mark nazzjonali preċedenti, invokata insostenn ta’ din l-oppożizzjoni, matul perijodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ pubblikazzjoni tal-applikazzjoni. |
25 |
Barra minn hekk, skont ir-Regola Nru 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95, kif emendata, il-prova tal-użu għandha tindika l-post, it-tul, il-firxa u n-natura tal-użu li sar mit-trade mark preċedenti. |
26 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, kif ukoll fid-dawl tal-premessa 10 tar-Regolament Nru 207/2009, jirriżulta li r-ratio legis tar-rekwiżit li t-trade mark preċedenti għandha tkun intużat b’mod ġenwin sabiex tkun tista’ tiġi invokata f’oppożizzjoni għal applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tikkonsisti fil-limitazzjoni tal-kunflitti bejn żewġ trade marks, sa fejn ma jkunx hemm raġuni ekonomika leġittima li tirriżulta minn funzjoni effettiva tat-trade mark fis-suq. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjonijiet la huma intiżi sabiex jevalwaw is-suċċess kummerċjali, la sabiex jikkontrollaw l-istrateġija ekonomika ta’ impriża u lanqas sabiex jirriżervaw il-protezzjoni tat-trade marks biss għall-każ fejn ikun sar użu kummerċjali minnhom b’mod sinjifikattiv mill-aspett kwantitattiv [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Sunrider vs UASI – Espadafor Caba (VITAFRUIT), T‑203/02, Ġabra, EU:T:2004:225, punti 36 sa 38 u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
27 |
Trade mark tkun is-suġġett ta’ użu ġenwin meta tintuża konformement mal-funzjoni essenzjali tagħha, li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm żbokk għal dawn il-prodotti u servizzi, bl-esklużjoni ta’ użi ta’ natura simbolika li għandhom l-iskop uniku li jżommu d-drittijiet mogħtija mit-trade mark (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, Ġabra, EU:C:2003:145, punt 43). Barra minn hekk, il-kundizzjoni dwar l-użu ġenwin mit-trade mark teżiġi li din tal-aħħar, kif protetta fit-territorju rilevanti, tintuża pubblikament u ’l barra (sentenza VITAFRUIT, punt 26 iktar ’il fuq, EU:T:2004:225, punt 39; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Ansul, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2003:145, punt 37). |
28 |
L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha xierqa sabiex jiġi stabbilit jekk l-użu kummerċjali tagħha huwiex reali, b’mod partikolari l-użi kkunsidrati li huma ġġustifikati fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma mis-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza tal-użu mit-trade mark (sentenza VITAFRUIT, punt 26 iktar ’il fuq, EU:T:2004:225, punt 40; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Ansul, punt 27 iktar ’il fuq, EU:C:2003:145, punt 43). |
29 |
Fir-rigward tal-firxa tal-użu koperta mit-trade mark preċedenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-volum kummerċjali tal-atti kollha ta’ użu, minn naħa, u t-tul tal-perijodu li matulu twettqu atti ta’ użu kif ukoll il-frekwenza ta’ dawn l-atti, min-naħa l-oħra [sentenzi VITAFRUIT, punt 26 iktar ’il fuq, EU:T:2004:225, punt 41, u tat-8 ta’ Lulju 2004, MFE Marienfelde vs UASI – Vétoquinol (HIPOVITON), T‑334/01, Ġabra, EU:T:2004:223, punt 35]. |
30 |
Sabiex tiġi eżaminata n-natura ġenwina tal-użu minn trade mark preċedenti, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ. Din l-evalwazzjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni. Għalhekk, volum żgħir ta’ prodotti kkummerċjalizzati taħt l-imsemmija trade mark jista’ jkun ikkumpensat minn intensità qawwija jew regolarità kbira fiż-żmien tal-użu minn din it-trade mark u bil-maqlub (sentenzi VITAFRUIT, punt 26 iktar ’il fuq, punt 42, u HIPOVITON, punt 29 iktar ’il fuq, EU:T:2004:223, punt 36). |
31 |
L-użu ġenwin minn trade mark ma jistax jiġi pprovat permezz ta’ probabbiltajiet jew ta’ preżunzjonijiet, iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi li jipprovaw użu effettiv u suffiċjenti mit-trade mark fis-suq ikkonċernat [sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Kabushiki Kaisha Fernandes vs UASI – Harrison (HIWATT), T‑39/01, Ġabra, EU:T:2002:316, punt 47, u tas-6 ta’ Ottubru 2004, Vitakraft-Werke Wührmann vs UASI – Krafft (VITAKRAFT), T‑356/02, Ġabra, EU:T:2004:292, punt 28]. |
32 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat dan il-motiv. |
33 |
Billi l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ppreżentata minn Gumersport Mediterranea de Distribuciones ġiet ippubblikata fis-26 ta’ Ġunju 2006, il-perijodu ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 jestendi, kif irrileva ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, mis-26 ta’ Ġunju 2001 sal-25 ta’ Ġunju 2006. |
34 |
Mill-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex jevalwa n-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark preċedenti matul il-perijodu rilevanti, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni l-provi segwenti prodotti mir-rikorrenti. |
35 |
Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni dokument tal-5 ta’ Marzu 2007 mibgħut mir-rikorrenti lill-kumpannija Deutsche Bahn AG, li kien jinkludi tabella li kienet tindika d-dħul mill-bejgħ sena b’sena, bejn l-1997 u l-2006, magħmul mill-bejgħ tal-aċċessorji għar-roti kkummerċjalizzati taħt it-trade mark preċedenti. |
36 |
Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzoni dikjarazzjoni bil-miktub, iffirmata fit-30 ta’ Ottubru 2009, minn S., rappreżentant tar-rikorrenti. Mehmuża ma’ dan id-dokument kien hemm tabelli, ukoll iffirmati u ddatati, li kienu jinkludu informazzjoni dwar id-dħul mill-bejgħ magħmul mill-bejgħ ta’ diversi aċċessorji għar-roti u għall-vetturi bil-mutur ikkummerċjalizzati taħt it-trade mark preċedenti. |
37 |
Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni tliet fatturi tal-aġenzija tar-reklamar R & P għall-produzzjoni ta’ katalgi u ta’ dokumenti oħra tar-reklamar għall-apparat ikkkummerċjalizzat taħt it-trade mark preċedenti. |
38 |
Fir-raba’ lok, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni eżempji ta’ reklamar għat-trade mark preċedenti. |
39 |
Fil-ħames lok, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni artiklu bil-Ġermaniż tax-xahar ta’ Mejju 2002 li kien isemmi t-trade mark preċedenti fit-titolu u fit-test. |
40 |
Fis-sitt lok, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni tliet artikli li dehru fil-perjodiku test tal-organu Stiftung Warentest (fondazzjoni uffiċjali għall-ittestjar tal-prodotti) li joħroġ kull xahar. Tnejn mill-artikli kienu jġibu d-data ta’ April 2005 u kienu jagħmlu riferiment għal elmi taċ-ċiklisti kkummerċjalizzati taħt it-trade mark preċedenti. It-tielet artiklu kien iġib id-data ta’ Ġunju 2002 u kien jagħmel riferiment għal sedil għat-tfal għall-vetturi, ikkummerċjalizzat taħt it-trade mark preċedenti. |
41 |
Fl-aħħar nett, fis-seba’ lok, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni katalgi tal-2002, tal-2005 u tal-2006 li jikkonċernaw aċċessorji għar-roti u għall-vetturi bil-mutur ikkummerċjalizzati taħt it-trade mark preċedenti. |
42 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, bħalma sar fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-provi prodotti kienu jistabbilixxu li l-perijodu ta’ użu mit-trade mark preċedenti kien jinsab fil-perijodu rilevanti (punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Bord tal-Appell approva wkoll id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fejn ikkonkludiet li t-trade mark preċedenti ntużat fil-Ġermanja (punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, bħalma sar fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-provi prodotti kienu jipprovaw li t-trade mark preċedenti ntużat kif kienet irreġistrata (punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata). |
43 |
Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell ma qabilx mad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-firxa tal-użu mit-trade mark preċedenti. |
44 |
Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, fid-dawl tar-rabtiet “flagranti” li kienu jikkollegaw l-awtur tad-dikjarazzjoni bil-miktub mar-rikorrenti, din id-dikjarazzjoni setgħet tingħata valur probatorju biss jekk tiġi kkorroborata minn provi oħra (punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata). |
45 |
Sussegwentement, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, essenzjalment, li l-provi l-oħra prodotti mir-rikorrenti ma kinux jikkorroboraw il-kontenut tad-dikjarazzjoni bil-miktub u li, konsegwentement, il-firxa tal-użu mit-trade mark preċedenti ma kinitx ġiet stabbilita. |
46 |
Ir-rikorrenti tilmenta, l-ewwel nett, li l-Bord tal-Appell ma kkunsidrax li d-dikjarazzjoni bil-miktub u t-tabelli ta’ dħul mill-bejgħ mehmuża magħha kienu jikkostitwixxu, waħedhom, prova suffiċjenti tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti. |
47 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li d-dikjarazzjoni bil-miktub tissodisfa l-kriterji rikjesti mil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni. Hija tallega wkoll li l-Bord tal-Appell naqas milli jirrikonoxxi s-sinjifikat u s-saħħa probatorja ta’ dikjarazzjoni bil-miktub skont id-dritt Ġermaniż. Tali dikjarazzjoni hija ammissibbli bħala prova quddiem qorti Ġermaniża u kull dikjarazzjoni falza hija punibbli skont l-Artikolu 156 tal-iStrafgesetzbuch (Kodiċi kriminali Ġermaniż). Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dikjarazzjoni bil-miktub kienet tidher li hija raġonevoli u affidabbli. |
48 |
Għandu jiġi rrilevat li d-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ S. hija ddatata u ffirmata. F’din id-dikjarazzjoni, S. jispeċifika li kien ġie informat bil-fatt li din id-dikjarazzjoni kienet ser tiġi ppreżentata lill-UASI u bil-fatt li dikjarazzjoni falza kienet issanzjonata kriminalment. F’dan id-dokument, S. iddikjara li r-rikorrenti tbigħ b’mod estensiv aċċessorji għar-roti u għall-vetturi bil-mutur taħt it-trade mark preċedenti. Huwa ehmeż ma’ din id-dikjarazzjoni tabelli, ukoll iddatati u ffirmati, li kienu jinkludu informazzjoni dwar id-dħul mill-bejgħ magħmul mill-bejgħ ta’ diversi aċċessorji għar-roti u għall-vetturi bil-mutur bejn l-2001 u l-2006. Din l-informazzjoni kienet maqsuma skont is-sena u skont il-prodott. S. iddikjara li bejn wieħed u ieħor 90 % tad-dħul mill-bejgħ kien ġej mill-bejgħ magħmul fil-Ġermanja. Huwa speċifika wkoll li l-effetti tad-dikjarazzjoni bil-miktub tiegħu kienu jestendu għad-dħul mill-bejgħ imsemmi fit-tabelli mehmuża. Fl-aħħar nett, huwa spjega li l-katalgi tal-prodotti kkummerċjalizzati taħt it-trade mark preċedenti, inklużi dawk prodotti quddiem l-UASI matul il-proċedura amministrattiva, kienu ntbagħtu lill-persuni kollha responsabbli mill-bejgħ, lid-diretturi tal-marketing u lill-kapijiet tad-dipartimenti tal-bejgħ tal-ħwienet il-kbar li jbigħu bl-imnut. |
49 |
Għandu jiġi rrilevat li din id-dikjarazzjoni bil-miktub tifforma parti mill-“[i]stqarrijiet bil-miktub ġuramentati jew affermati jew li għandhom effett simili taħt il-liġi tal-Istat tejn tinkiteb l-istqarrija” fis-sens tal-Artikolu 78(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009. Fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni kkunsidrata flimkien mar-Regola 22(4) tar-Regolament Nru 2868/95, għandu jiġi kkonstatat li din id-dikjarazzjoni bil-miktub tikkostitwixxi wieħed mill-mezzi ta’ prova tal-użu mit-trade mark [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2005, Lidl Stiftung vs UASI – REWE-Zentral (Salvita), T‑303/03, Ġabra, EU:T:2005:200, punt 40, u tat-28 ta’ Marzu 2012, Rehbein vs UASI – Dias Martinho (OUTBURST), T‑214/08, Ġabra, EU:T:2012:161, punt 32]. Il-partijiet ma jaqblux dwar il-valur probatorju li għandu jingħata lil din id-dikjarazzjoni bil-miktub. |
50 |
F’dan ir-rigward, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, jeħtieġ, fl-ewwel lok, li jiġi vverifikat jekk l-informazzjoni inkluża fiha hijiex verosimili. Għalhekk għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi li fihom tħejja, id-destinatarju tiegħu, u jekk, abbazi tal-kontenut tiegħu, jidhirx li huwa raġonevoli u affidabbli [sentenzi Salvita, punt 49 iktar ’il fuq, EU:T:2005:200, punt 42, u tat-13 ta’ Ġunju 2012, Süd-Chemie vs UASI – Byk-Cera (CERATIX), T‑312/11, EU:T:2012:296, punt 29]. |
51 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta tkun tħejjiet dikjarazzjoni fis-sens tal-Artikolu 78(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 minn wieħed mid-diriġenti tar-rikorrenti, jista’ jingħata valur probatorju lill-imsemmija dikjarazzjoni biss jekk din tiġi kkorroborata minn provi oħra [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Mejju 2009, Schuhpark Fascies vs UASI – Leder & Schuh (jello SCHUHPARK), T‑183/08, EU:T:2009:156, punt 39; CERATIX, punt 50 iktar ’il fuq, EU:T:2012:296, punt 30, u tat-12 ta’ Marzu 2014, Globosat Programadora vs UASI – Sport TV Portugal (SPORT TV INTERNACIONAL), T‑348/12, EU:T:2014:116, punt 33]. |
52 |
F’dan il-każ, minkejja li d-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ S. hija ta’ natura solenni u tinkludi informazzjoni li tirrigwarda, b’mod partikolari, il-firxa tal-użu mit-trade mark preċedenti fil-Ġermanja fil-forma ta’ tabelli ta’ dħul mill-bejgħ maqsuma skont il-prodott u skont is-sena, għandu jiġi rrilevat li hija toriġina minn diriġent tar-rikorrenti u mhux minn terza persuna li toffri garanzija ikbar ta’ oġġettività. Konsegwentement, huwa konformement mal-ġurisprudenza esposta fil-punti 50 u 51 iktar ’il fuq li l-Bord tal-Appell ikkunsidra, ġustament, fil-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fid-dawl tar-rabtiet “flagranti” li kienu jikkollegaw l-awtur tad-dikjarazzjoni bil-miktub mar-rikorrenti, din id-dikjarazzjoni setgħet tingħata valur probatorju biss jekk tiġi kkorroborata minn provi oħra. |
53 |
L-argument tar-rikorrenti dwar is-saħħa probatorja li għandha d-dikjarazzjoni bil-miktub skont id-dritt Ġermaniż ma jistax iqiegħed fid-dubju l-konklużjoni msemmija iktar ’il fuq. Fil-fatt, indipendentement mis-saħħa probatorja li jista’ jkollha din id-dikjarazzjoni skont id-dritt Ġermaniż, għandu jiġi kkonstatat li xejn fir-Regolament Nru 207/2009 jew fir-Regolament Nru 2868/95 ma jippermetti li jiġi konkluż li s-saħħa probatorja tal-provi tal-użu mit-trade mark, inklużi d-dikjarazzjonijiet bil-miktub previsti mill-Artikolu 78(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, għandha tiġi analizzata fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Salvita, punt 49 iktar ’il fuq, EU:T:2005:200, punt 42, u jello SCHUHPARK, punt 51 iktar ’il fuq, EU:T:2009:156, punt 38). |
54 |
Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ilment tar-rikorrenti li skontu l-Bord tal-Appell kien messu kkunsidra li d-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ S. kienet tikkostitwixxi, waħedha, prova suffiċjenti tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti, għandu jiġi miċħud. |
55 |
Barra minn hekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell kellux raġun jikkunsidra li l-provi l-oħra prodotti mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva ma kinux jikkorroboraw il-kontenut tad-dikjarazzjoni bil-miktub. |
56 |
Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell kellu raġun jikkunsidra, fil-punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ S. ma kinitx ikkorroborata mid-dokument mibgħut mir-rikorrenti lil Deutsche Bahn (ara l-punt 35 iktar ’il fuq). Kif irrileva l-Bord tal-Appell, dan id-dokument ma setax jikkorrobora d-dikjarazzjoni bil-miktub għar-raġuni li ma kienx iffirmat, ma kienx jispeċifika l-prodotti kkonċernati u ma kien jindika dħul mill-bejgħ differenti minn dak imsemmi fid-dikjarazzjoni bil-miktub. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li d-dħul mill-bejgħ indikat fid-dokument mibgħut lil Deutsche Bahn, anki jekk huwa differenti minn dak li jinsab fid-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ S., ma jikkontradiċihx kif jagħti x’jifhem l-UASI fir-risposta tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, id-dħul mill-bejgħ imsemmi fid-dokument mibgħut lil Deutsche Bahn huwa ogħla minn dak imsemmi fid-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ S. għall-istess snin ikkonċernati, peress li, kif jirriżulta mill-imsemmi dokument, huwa jikkonċerna l-aċċessorji għar-roti mibjugħa kollha, filwaqt li d-dħul mill-bejgħ inkluż fid-dikjarazzjoni bil-miktub jikkonċerna aċċessorji speċifiċi. Konsegwentement, id-dokument mibgħut lil Deutsche Bahn, anki jekk ma jikkorroborax il-kontenut tad-dikjarazzjoni bil-miktub, lanqas ma jnaqqas is-saħħa probatorja ta’ din tal-aħħar. |
57 |
Fit-tieni lok, fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell afferma li d-dikjarazzjoni bil-miktub ma setgħetx tiġi kkorroborata mill-katalgi (ara l-punt 41 iktar ’il fuq) jew mill-artikli dwar l-ittestjar ta’ prodotti (ara l-punt 40 iktar ’il fuq). Jidher li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu f’żewġ punti tad-deċiżjoni kkontestata jservu sabiex jiġġustifikaw din l-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell. |
58 |
Minn naħa, fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, wara li afferma li d-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ S. ma setgħetx tiġi kkorroborata mill-katalgi jew mill-artikli dwar l-ittestjar ta’ prodotti, il-Bord tal-Appell għamel il-kunsiderazzjonijiet segwenti: “Dwar dan il-punt [jiġifieri dwar il-kwistjoni tal-firxa tal-użu], mehmuża mad-dikjarazzjoni [solenni] kien hemm ċifri dwar dħul mill-bejgħ mill-2001 sal-2006 għal diversi aċċessorji għar-roti u għall-vetturi taħt it-trade mark preċedenti PROFEX li għalihom tirreferi d-dikjarazzjoni [solenni], iżda dawn iċ-ċifri dwar dħul mill-bejgħ tħejjew mill-parti li ressqet l-oppożizzjoni nfisha, u l-fatt li d-dikjarazzjoni [solenni] tinkludihom permezz ta’ riferiment għalihom ma jfissirx li huma kkorroborati mill-katalgi jew mill-artikli ċċitati.” |
59 |
Din is-silta ċċitata mill-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax issostni l-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell li d-dikjarazzjoni bil-miktub ma setgħetx tiġi kkorroborata mill-katalgi jew mill-artikli dwar l-ittestjar ta’ prodotti. |
60 |
Min-naħa l-oħra, fil-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell, filwaqt li jirreferi għas-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2012, Arrieta D. Gross vs UASI – International Biocentric Foundation et (BIODANZA) (T‑298/10, EU:T:2012:113), jafferma dan li ġej: “Ir-reklami, il-katalgi u l-artikli f’perjodiku la jistgħu jipprovaw il-fatt li ġew iddistribwiti lil klijentela Ġermaniża potenzjali u lanqas il-firxa ta’ kull distribuzzjoni jew l-ammont ta’ bejgħ jew in-numru ta’ kuntratti konklużi għall-prodotti protetti minn din it-trade mark. Is-sempliċi eżistenza ta’ reklami, ta’ katalgi u ta’ artikli f’perjodiku jistgħu, l-iktar l-iktar, jirrendu probabbli jew kredibbli l-fatt li l-prodotti rreklamati taħt it-trade mark preċedenti nbiegħu jew, tal-inqas, tqiegħdu għall-bejgħ fit-territorju rilevanti, iżda ma jistgħux jipprovaw il-fatt, u inqas u inqas il-firxa, tal-użu kif issupponiet indebitament id-deċiżjoni [tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni] (ara s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2012, T‑298/10, ‘BIODANZA’, punt 36).” |
61 |
Mill-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell, filwaqt li bbaża ruħu fuq is-sentenza BIODANZA, punt 60 iktar ’il fuq (EU:T:2012:113), ikkunsidra li d-diversi katalgi, artikli f’perjodiku u reklami prodott mir-rikorrenti, inklużi l-artikli dwar l-ittestjar ta’ prodotti li dehru fil-perjodiku test ta’ Stiftung Warentest, ma setgħux jipprovaw xi użu, u inqas u inqas il-firxa tal-użu, mit-trade mark preċedenti u li, għaldaqstant, ma kinux jikkorroboraw il-kontenut tad-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ S. |
62 |
Issa l-Bord tal-Appell kellu jeżamina jekk il-provi prodotti mir-rikorrenti, apparti d-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ S., kinux jikkorroboraw il-kontenut ta’ din tal-aħħar għall-finijiet li tiġi stabbilita l-firxa tal-użu mit-trade mark preċedenti. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma kkontestax li din id-dikjarazzjoni bil-miktub u t-tabelli ta’ dħul mill-bejgħ koperti minnha kienu jipprovdu informazzjoni suffiċjenti, f’termini, b’mod partikolari, ta’ volum kummerċjali, ta’ tul u ta’ frekwenza tal-użu (ara l-punt 29 iktar ’il fuq), għall-finijiet li tiġi stabbilita l-firxa tal-użu mit-trade mark preċedenti f’dak li jirrigwarda, tal-inqas, il-prodotti msemmija f’din id-dikjarazzjoni u fit-tabelli ta’ dħul mill-bejgħ mehmuża magħha. Il-Bord tal-Appell sempliċement, u ġustament, qiegħed fid-dubju l-affidabbiltà tal-informazzjoni inkluża fid-dikjarazzjoni bil-miktub minħabba r-rabtiet “flagranti” li kienu jeżistu bejn l-awtur ta’ din id-dikjarazzjoni u r-rikorrenti. |
63 |
Fi kliem ieħor, il-Bord tal-Appell kellu jeżamina jekk il-provi l-oħra apparti d-dikjarazzjoni bil-miktub kinux jikkorroboraw l-informazzjoni inkluża f’din tal-aħħar u ma kellux jillimita ruħu li jeżamina jekk dawn il-provi kinux jistabbilixxu, waħedhom, mingħajr id-dikjarazzjoni bil-miktub, il-firxa tal-użu mit-trade mark preċedenti. Li kieku l-Bord tal-appell mexa b’dan il-mod, kien ineħħi kwalunkwe valur probatorju mid-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ S. Issa l-Qorti Ġenerali diġà kellha l-okkażjoni tafferma li l-fatt li dikjarazzjoni mħejjija skont l-Artikolu 78(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, bħal dik ta’ S. f’dan il-każ, kienet toriġina minn impjegat tal-kumpannija, ma jistax, fih innifsu, iċaħħadha minn kull valur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CERATIX, punt 50 iktar ’il fuq, EU:T:2012:296, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
64 |
Fid-dawl ta’ din l-osservazzjoni preliminari, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Bord tal-Appell ma wettaqx eżami adegwat tal-provi prodotti mir-rikorrenti, jiġifieri tad-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ S. u tar-“reklami, il-katalgi u l-artikli f’perjodiku”, inklużi l-artikli li dehru fil-perjodiku test ta’ Stiftung Warentest. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 37 u 39 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina jekk l-“artikli dwar l-ittestjar ta’ prodotti konkreti” u r-“reklami, il-katalgi u l-artikli f’perjodiku” waħedhom setgħux jipprovaw il-firxa tal-użu mit-trade mark preċedenti u, filwaqt li bbaża ruħu fuq is-sentenza BIODANZA, punt 60 iktar ’il fuq (EU:T:2012:113), ikkonkluda li dan ma kienx il-każ. Ebda parti mid-deċiżjoni kkontestata ma turi li l-Bord tal-Appell eżamina l-kontenut tad-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ S. flimkien mar-“reklami, il-katalgi u l-artikli f’perjodiku” inklużi l-artikli li dehru fil-perjodiku test ta’ Stiftung Warentest. Din il-konklużjoni hija kkonfermata mir-riferiment magħmul mill-Bord tal-Appell għas-sentenza BIODANZA, punt 60 iktar ’il fuq (EU:T:2012:113), li fiha, kif jiġi spjegat ukoll fil-punti 69 u 70 iktar ’il quddiem, il-kwistjoni li kellha tiġi deċiża kienet jekk il-materjal ta’ reklamar użat mid-detentur tat-trade mark preċedenti — li kien jikkostitwixxi l-unika prova prodotta għall-finijiet tal-prova tal-użu ġenwin minn din it-trade mark — setax jipprova tali użu. |
65 |
Issa, f’dan il-każ, kuntrarjament għall-kuntest fattwali tas-sentenza BIODANZA, punt 60 iktar ’il fuq (EU:T:2012:113), il-Bord tal-Appell kellu quddiemu diversi provi, li kienu ta’ natura diversa, prodotti mir-rikorrenti, u kellu jeżamina jekk dawn il-provi kinux jikkorroboraw id-dikjarazzjoni bil-miktub u kinux jikkonfermaw il-veraċità tal-informazzjoni inkluża fiha. |
66 |
Dan l-eżami żbaljat magħmul mill-Bord tal-Appell jaffettwa d-deċiżjoni kkontestata u jikkostitwixxi bażi suffiċjenti sabiex tiġi annullata. |
67 |
Barra minn hekk, indipendentement minn dan l-eżami żbaljat, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Bord tal-Appell wettaq żball ukoll f’dak li kien jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-valur probatorju tal-artikli dwar l-ittestjar ta’ prodotti li dehru fil-perjodiku test ta’ Stiftung Warentest. |
68 |
Fil-fatt, mill-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li “r-reklami, il-katalgi u l-artikli f’perjodiku”, inklużi l-artikli li dehru fil-perjodiku test ta’ Stiftung Warentest, ma setgħux jipprovaw il-fatt u, inqas u inqas, il-firxa tal-użu mit-trade mark preċedenti. F’dan ir-rigward, huwa invoka s-sentenza BIODANZA, punt 60 iktar ’il fuq (EU:T:2012:113). |
69 |
Fis-sentenza tagħha BIODANZA, punt 60 iktar ’il fuq (EU:T:2012:113), il-Qorti Ġenerali kellha teżamina jekk il-materjal ta’ reklamar imqiegħed mid-detentur tat-trade mark preċedenti f’perjodiċi, jew iddistribwit minnu fil-forma ta’ fuljetti jew ta’ volantini, kienx jipprova l-użu ġenwin minn din it-trade mark. Fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-materjal ta’ reklamar kien jikkostitwixxi l-unika prova prodotta mid-detentur tat-trade mark preċedenti għall-finijiet li jiġi pprovat l-użu ġenwin minn din it-trade mark (sentenza BIODANZA, punt 60 iktar ’il fuq, EU:T:2012:113, punt 63 sa 66). |
70 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat fil-punti 68 u 69 tas-sentenza BIODANZA, punt 60 iktar ’il fuq (EU:T:2012:113) li l-użu ġenwin mit-trade mark ikkonċernata ma setax jiġi pprovat permezz tas-sempliċi produzzjoni ta’ kopji ta’ materjal ta’ reklamar li kien isemmi l-imsemmija trade mark f’rabta mal-prodotti jew mas-servizzi inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali spjegat li kien meħtieġ li jiġi pprovat li dan il-materjal, tkun xi tkun in-natura tiegħu, ġie ddistribwit b’mod suffiċjenti lill-pubbliku rilevanti sabiex tiġi stabbilita n-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali speċifikat li, fil-każ ta’ reklami li jkunu dehru fl-istampa, dan jimplika li għandha tiġi prodotta l-prova tad-distribuzzjoni tal-ġurnal jew tal-perjodiku kkonċernat lill-pubbliku rilevanti u li ma jistax ikun mod ieħor ħlief fil-każ ta’ reklami li jkunu dehru f’ġurnali jew f’perjodiċi magħrufa ferm, li ċ-ċirkulazzjoni tagħhom tkun fatt magħruf sew. |
71 |
F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell żbalja meta bbaża ruħu fuq is-sentenza BIODANZA, punt 60 iktar ’il fuq (EU:T:2012:113), sabiex jikkonkludi, fil-punt 39 tas-sentenza kkontestata, li l-artikli dwar l-ittestjar ta’ prodotti li dehru fil-perjodiku test ta’ Stiftung Warentest ma setgħux jipprovaw il-firxa tal-użu mit-trade mark preċedenti. |
72 |
Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-artikli dwar l-ittestjar ta’ prodotti li dehru fil-perjodiku test ta’ Stiftung Warentest għandhom natura u funzjoni differenti mill-materjal ta’ reklamar li kien inkwistjoni fis-sentenza BIODANZA, punt 60 iktar ’il fuq (EU:T:2012:113). |
73 |
B’mod iktar speċifiku, il-materjal ta’ reklamar li kien inkwistjoni fis-sentenza BIODANZA, punt 60 iktar ’il fuq (EU:T:2012:113), kellu l-funzjoni li jippromwovi l-bejgħ ta’ prodott jew ta’ servizz kopert mit-trade mark ikkonċernata, mingħajr ma jagħti informazzjoni dwar l-użu effettiv minn din it-trade mark. Kien minħabba din il-lakuna fl-informazzjoni li l-Qorti Ġenerali rrilevat in-neċessità li d-detentur tat-trade mark preċedenti jipprova d-distribuzzjoni suffiċjenti tal-materjal ta’ reklamar lill-pubbliku rilevanti, bl-eċċezzjoni tal-każ fejn din id-distribuzzjoni tikkostitwixxi fatt magħruf sew. |
74 |
Min-naħa l-oħra, l-artikli fil-perjodiku test ta’ Stiftung Warentest prodotti mir-rikorrenti ma għandhomx il-funzjoni li jirreklamaw prodott, iżda li jippreżentaw il-vantaġġi u l-inkonvenjenzi ta’ dan tal-aħħar u li jipparagunawh ma’ prodotti identiċi kkummerċjalizzati taħt trade marks oħra, bil-għan li jgħinu lill-konsumatur fl-għażla ta’ xiri tiegħu. B’mod iktar fundamentali, minn qari ta’ dawn l-artikli jirriżulta li dawn tal-aħħar jikkonċernaw prodotti li huma diġà preżenti fis-suq. Fil-fatt, dawn l-artikli jinkludu informazzjoni dwar il-prezz medju tal-prodotti fis-suq. |
75 |
Għalhekk, kuntrarjament għall-materjal ta’ reklamar li kien inkwistjoni fis-sentenza BIODANZA, punt 60 iktar ’il fuq (EU:T:2012:113), l-artikli fil-perjodiku test ta’ Stiftung Warentest prodotti mir-rikorrenti jipprovdu informazzjoni dwar il-firxa tal-użu mit-trade mark preċedenti b’rabta mal-prodotti ttestjati, li messha ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell flimkien mal-provi l-oħra prodotti, u b’mod partikolari mad-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ S. Għall-istess raġunijiet, il-Bord tal-Appell messu ħa inkunsiderazzjoni wkoll ir-riferimenti għal testijiet imwettqa minn Stiftung Warentest li jinsabu fil-katalgi ta’ reklamar prodotti mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva. |
76 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tan-natura u tal-funzjoni tal-perjodiku test ta’ Stiftung Warentest, il-firxa tad-distribuzzjoni tiegħu lill-pubbliku rilevanti — kwistjoni diskussa fid-dettall mill-partijiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali — ma hijiex ta’ natura determinanti. Indipendentement mill-firxa tad-distribuzzjoni tagħhom, l-artikli fil-perjodiku test, mill-fatt innifsu li jikkonċernaw prodotti kkumerċjalizzati taħt it-trade mark preċedenti, jipprovdu informazzjoni dwar il-firxa tal-użu tagħha b’rabta ma’ dawn il-prodotti u għalhekk għandhom saħħa probatorja li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell. |
77 |
Mill-punti 62 sa 66 iktar ’il fuq jirriżulta li, bil-fatt li ma eżaminax il-kwistjoni jekk ir-reklami, il-katalgi u l-artikli f’perjodiku, inklużi l-artikli dwar l-ittestjar tal-prodotti li dehru fil-perjodiku test ta’ Stiftung Warentest, jikkorroborawx il-kontenut tad-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ S. u t-tabelli dwar dħul mill-bejgħ mehmuża magħha, il-Bord tal-Appell wettaq eżami żbaljat ta’ dawn il-provi. Mill-punti 67 sa 75 iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta rrifjuta li jagħti kwalunkwe saħħa probatorja lill-artikli dwar l-ittestjar tal-prodotti li dehru fil-perjodiku test ta’ Stiftung Warentest u lill-katalgi ta’ reklamar tar-rikorrenti li jinkludu riferimenti għal testijiet magħmula minn Stiftung Warentest fuq uħud mill-prodotti tagħha. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 u li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. |
78 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti għandu jintlaqa’ u li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat it-tieni motiv imqajjem minnha. |
Fuq l-ispejjeż
79 |
Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-UASI tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Kanninen Pelikánová Buttigieg Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Diċembru 2014. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.