Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CO0551

    Digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Marzu 2013.
    Électricité de France SA (EDF) il-parti l-oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Proċeduri għal miżuri provviżorji – Konċentrazzjonijiet ta’ impriżi – Suq Ewropew tal-elettriku – Akkwist ta’ kontroll ta’ Segebel SA minn EDF – Deċiżjoni li tiddikjara kompatibbli mas-suq komuni konċentrazzjoni, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-impenji meħuda minn EDF – Rifjut mill-Kummissjoni li tagħti lil EDF proroga tat-terminu stabbilit biex tonora wħud mill-impenji tagħha – Kunċetti ta’ urġenza kif ukoll ta’ dannu gravi u irreparabbli.
    Kawża C‑551/12 P(R).

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:157

    DIGRIET TAL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

    7 ta’ Marzu 2013 ( *1 )

    “Appell — Proċeduri għal miżuri provviżorji — Konċentrazzjonijiet ta’ impriżi — Suq Ewropew tal-elettriku — Akkwist ta’ kontroll ta’ Segebel SA minn EDF Deċiżjoni li tiddikjara kompatibbli mas-suq komuni konċentrazzjoni, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-impenji meħuda minn EDF — Rifjut mill-Kummissjoni li tagħti lil EDF proroga tat-terminu stabbilit biex tonora wħud mill-impenji tagħha — Kunċetti ta’ urġenza kif ukoll ta’ dannu gravi u irreparabbli”

    Fil-Kawża C-551/12 P(R),

    li għandha bħala suġġett appell skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2012,

    Électricité de France SA (EDF), stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn A. Creus Carreras u A. Valiente Martin, abogados,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Giolito u S. Noë, bħala aġenti,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

    wara li nstema’ l-Ewwel Avukat Ġenerali, N. Jääskinen,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    Permezz tal-appell tagħha, Électricité de France SA (EDF) (iktar ’il quddiem “EDF”) titlob l-annullament tad-Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta’ Ottubru 2012, Électricité de France vs Il-Kummissjoni (T-389/12 R, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li permezz tiegħu dan tal-aħħar ċaħad it-talba tagħha għal miżuri provviżorji marbuta mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 4617 finali, tat-28 ta’ Ġunju 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li tirrifjuta li tipprorogalha t-terminu stabbilit biex tonora wħud mill-impenji tagħha, irriprodotta fid-Deċiżjoni C(2009) 9059, tat-12 ta’ Novembru 2009, li tawtorizza l-konċentrazzjoni intiża biex jinkiseb l-akkwist tal-kontroll esklużiv tal-attivi ta’ Segebel minn Électricité de France (Każ COMP/M.5549 – EDF vs Segebel).

    Il-kuntest ġuridiku, il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorji

    2

    Il-punti 1 sa 5 tad-digriet appellat jiġbru l-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża kif ġej:

    “1

    Permezz tad-Deċiżjoni C(2009) 9059, tat-12 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej awtorizzat, abbażi tal-Artikolu 6(1)(b) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), il-konċentrazzjoni intiża għall-akkwist tal-kontroll esklużiv tal-attivi tal-impriża Belġjana Segebel mir-rikorrenti, [EDF], bil-kundizzjoni għar-rikorrenti li tosserva żewġ impenji li hija kienet ipproponiet lill-Kummissjoni sabiex tnaqqas id-dubji dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni (Każ COMP/M.5549 – EDF vs Segebel).

    2

    Permezz taċ-ċessjoni fl-Lulju 2011 tal-proġett Dils-Energi dwar l-iżvilupp ta’ impjant tal-elettriku, ir-rikorrenti onorat l-ewwel impenn tagħha.

    3

    Skont it-tieni impenn, ir-rikorrenti kellha ċċedi proġett ieħor dwar l-iżvilupp ta’ impjant tal-elettriku, il-proġett Nest-Energie, lil akkwerent xieraq, bl-ipoteżi li jekk hija ma tkunx ħadet id-deċiżjoni finali qabel it-30 ta’ Ġunju 2012, tinvesti hija stess f’dan il-proġett.

    4

    Billi invokat bdil kunsiderevoli u sostnut li seħħ fis-suq tal-elettriku Belġjan minn mindu ġiet adottata d-Deċiżjoni ta’ Awtorizzazzjoni C(2009) 9059 u l-imsemmi bdil ma kienx previst fl-2009, ir-rikorrenti, permezz tal-ittra tal-14 ta’ Mejju 2012, ikkomunikat mal-Kummissjoni billi sostniet li kien impossibbli għaliha, kif ukoll għal kull operatur ieħor tas-suq, li tieħu deċiżjoni ta’ investiment definittiv fuq il-proġett Nest-Energie qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit għat-30 ta’ Ġunju 2012. Għalhekk, hija talbet lill-Kummissjoni [kif il-klawżola ta’ reviżjoni li tinsab fit-Taqsima 4 tal-impenji kien jippermettilha li tagħmel], li dan it-terminu jiġi estiż għaliha sal-31 ta’ Diċembru 2014.

    5

    Permezz tad-deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni rrifjutat li taċċetta t-talba ta’ estenzjoin, filwaqt li tat lir-rikorrenti terminu addizzjonali ta’ tliet xhur u nofs, jiġifieri sal-15 ta’ Ottubru 2012 […]”

    3

    B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Settembru 2012, ir-rikorrenti ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

    4

    Permezz ta’ atti separati, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqet talba għal proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u talba għal miżuri provviżorji, li biha talbet lill-President tal-Qorti Ġenerali :

    tordna l-proroga tat-terminu mogħti lilha biex tieħu deċiżjoni ta’ investiment definittiv jew iċċedi l-proġett Nest-Energie, sakemm il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir-rikors fuq il-mertu;

    tirriżerva l-ispejjeż.

    5

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni talbet lill-Imħallef għal miżuri provviżorji jiċħad l-imsemmija talba.

    Id-digriet appellat

    6

    Billi fakkar, fil-punt 10 tad-digriet appellat, li ż-żewġ kundizzjonijiet dwar, rispettivament, l-urġenza u l-fumus boni juris huma kumulattivi, il-President tal-Qorti Ġenerali l-ewwel eżamina, mill-punt 13 tal-imsemmi digriet, il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjoni dwar l-urġenza hijiex sodisfatta.

    7

    Fil-punt 14 tad-digriet appellat, huwa rrileva li, skont EDF, l-urġenza li nħolqot bid-deċiżjoni kkontestata hija inerenti għan-natura stess ta’ din tal-aħħar, għaliex tobbligaha ċċedi ċerti attivi favur kompetitur (potenzjali), u li, ladarba sseħħ iċ-ċessjoni, ikun impossibbli li terġa’ tmur lura. Huwa żied jgħid li, skont l-argumenti ta’ EDF, id-dannu għalhekk ikkawżat huwa kważi impossibbli li jiġi kkwantifikat, għaliex EDF ser tbatihom indefinittivament u ċessjoni immedjata tirrappreżenta riskju serju ta’ bejgħ bit-telf.

    8

    Billi fakkar, fil-punt 15 tad-digriet appellat, li n-natura urġenti ta’ talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-bżonn li tingħata deċiżjoni provviżorja, sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu gravi u irreparabbli lill-parti li tkun qed titlob il-miżura provviżorja, il-President tal-Qorti Ġenerali rrileva, fil-punti 16 sa 18 tal-imsemmi digriet, li, meta d-dannu invokat ikun ta’ natura finanzjarja, il-miżuri provviżorji mitluba jkunu ġġustifikati jekk jidher li, fl-assenza ta’ dawn il-miżuri, ir-rikorrenti tkun tinsab f’sitwazzjoni li tista’ tqiegħed f’perikolu l-pożizzjoni finanzjarja tagħha qabel l-intervent tad-deċiżjoni li ttemm il-proċedura dwar il-mertu jew li l-ishma tagħha fis-suq ikunu ser jinbidlu b’mod kunsiderevoli fid-dawl, b’mod partikolari, tad-daqs u tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża tagħha kif ukoll tal-karatteristiċi tal-grupp li tifforma parti minnu. Għalhekk, it-test tat-talba għal miżuri provviżorji għandu, skont il-President tal-Qorti Ġenerali, jinkludi indikazzjonijiet konkreti u preċiżi, sostnuti b’dokumenti dettaljati li jagħtu stampa fidila u globali tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti u li tippermetti li jiġu evalwati l-konsegwenzi preċiżi li jirriżultaw, realment, mill-assenza tal-miżuri mitluba.

    9

    Fil-punti 19 sa 21 tad-digriet appellat, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li d-dannu allegat inkwistjoni kellu evidentement jitqies li huwa dannu ta’ natura purament finanzjarja, peress li EDF sempliċement esprimiet dubji dwar in-natura kwantifikabbli tagħha. Għalhekk, huwa kkonstata li EDF naqset milli tipprovdi, fit-talba għal miżuri provviżorji, l-iċken informazzjoni dwar id-daqs u d-dħul mill-bejgħ tal-impriża tagħha u li għalhekk hija ma kinitx stabbilixxiet stampa fidila u globali tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha. Barra minn hekk, il-President tal-Qorti Ġenerali rrileva li EDF lanqas semmiet il-fatt li tifforma parti mill-grupp EDF u saħansitra lanqas ma ppreċiżat is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dan tal-aħħar.

    10

    Fil-punti 22 sa 24 tad-digriet appellat, il-President tal-Qorti Ġenerali kkonkluda għalhekk li EDF ma wrietx li d-dannu finanzjarju allegat kien suffiċjentement gravi biex jiġġustifika l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba. Huwa kkonstata li EDF ma stabbilixxietx, b’mod partikolari, li hija tinsab, fl-assenza tal-miżuri provviżorji mitluba, f’sitwazzjoni li tista’ tqiegħed f’perikolu l-eżistenza tagħha stess jew li tbiddel l-ishma tagħha fis-suq b’mod kunsiderevoli. Għalhekk, il-President tal-Qorti Ġenerali qies li l-urġenza invokata ma kinitx ġiet stabbilita u li d-dannu finanzjarju allegat mir-rikorrenti, illum l-appellanti, ma setgħax jiġġustifika l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba.

    11

    Fl-aħħar nett, sussidjarjament, il-President tal-Qorti Ġenerali żied jgħid, fil-punti 25 u 26 tad-digriet appellat, li d-dannu finanzjarju allegat kellu jkun inqas mill-ispiża ta’ investiment meħtieġ għat-twettiq tal-proġett Nest-Energie, ivvalutat għal EUR 800 miljun. Għalhekk, peress li, skont xi sorsi pubbliċi, jiġifieri r-rapport tal-2011 ippubblikat mill-grupp EDF fis-sit internet tiegħu, id-dħul mill-bejgħ globali kien jammonta fl-2011 għal iktar minn EUR 65 biljun, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li deher li seta’ jiġi eskluż li d-dannu kkawżat lir-rikorrenti jew permezz taċ-ċessjoni tal-attivi tal-kumpannija responsabbli mill-iżvilupp tal-proġett Nest-Energie, jew permezz tad-deċiżjoni definittiva li tkompli hija stess l-investiment f’dan il-proġett, jista’ jitqies li huwa gravi.

    12

    Fil-punti 27 u 28 tad-digriet appellat, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji mressqa minn EDF minħabba nuqqas ta’ urġenza, mingħajr ma eżamina n-natura irreparabbli tad-dannu allegat.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet:

    13

    EDF titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla d-digriet appellat u tawtorizza l-miżuri provviżorji mitluba lill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-Kawża T- 389/12 R, jiġifieri tiddiferixxi d-data li fiha EDF għandha tieħu deċiżjoni ta’ investiment definittiv jew iċċedi l-proġett Nest-Energie sakemm tinqata’ s-sentenza tal-Qorti Ġenerali dwar ir-rikors għal annullament li hija ppreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata;

    sussidjarjament, tannulla d-digriet appellat u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż; u

    isejjaħ seduta bil-għan li jiġu ċċarati l-kwistjonijiet differenti tad-dritt inkwistjoni.

    14

    Fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati lir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tiċħad l-appell jew, sussidjarjament, tiċħad it-talba għal miżuri provviżorji, u tikkundanna lil EDF għall-ispejjeż.

    15

    Fit-28 ta’ Jannar 2013, is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom instemgħu matul is-seduta mitluba mill-appellanti.

    Fuq l-appell

    16

    Insostenn tal-appell tagħha, EDF tinvoka ħames aggravji bbażati rispettivament fuq:

    ksur tad-dritt għal rikors effettiv;

    ksur tad-dritt għal smigħ xieraq;

    ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament;

    żball ta’ evalwazzjoni tal-kunċett legali ta’ urġenza;

    sussidjarjament, żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti rilevanti fid-determinazzjoni tal-kunċett ġuridiku ta’ urġenza.

    17

    Għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat ir-raba’ aggravju, maqsum fi tliet partijiet, li huwa bbażat fuq żball ta’ liġi dwar il-kunċett ta’ urġenza.

    18

    Fl-ewwel lok, EDF tikkritika lill-President tal-Qorti Ġenerali talli qies li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti ta’ miżuri provviżorji, b’mod speċifiku dawk dwar il-fumus boni juris u l-urġenza, huma kompletament distinti, meta fil-verità dawn huma interdipendenti, b’mod li l-fumus boni juris, li huwa preżenti ħafna f’dan id-digriet, missu kellu effett fuq l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-urġenza.

    19

    Fit-tieni lok, id-digriet appellat huwa vvizzjat minn żball f’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “dannu gravi”. Skont il-ġurisprudenza, dannu gravi huwa sempliċement dannu mhux negliġibbli. L-analiżi segwita mill-President tal-Qorti Ġenerali f’dan id-digriet inġustament twassal fil-prattika biex dannu kkawżat lil impriża kbira qatt ma ser jitqies li huwa gravi. EDF tinvoka, insostenn tal-argument tagħha, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Jannar 1975 Johnson & Firth Brown vs Il-Kummissjoni (3/75 R, Ġabra p. 1), li permezz tiegħu dan tal-aħħar ta lill-appellanti l-miżuri provviżorji mitluba, billi ssospenda l-obbligu għal British Steel Corporation li tbiegħ ċerti attivi. EDF issostni wkoll li, fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T-77/02, Ġabra p. II-4201), il-Kummissjoni impliċitament irrikonoxxiet l-urġenza tas-sitwazzjoni li fiha l-impriża kkonċernata kellha tbiegħ l-azzjonijiet diġà akkwistati, għaliex hija kienet ikkonkludiet ftehim bonarju ma’ din l-impriża, u għalhekk ipprorogat it-terminu biex jitwettaq dan il-bejgħ mill-ġdid.

    20

    Fit-tielet lok, il-President tal-Qorti Ġenerali wettaq żball ta’ liġi meta qies li d-dannu mġarrab minn EDF huwa “ta’ natura purament finanzjarja”.

    21

    F’dan ir-rigward, sa fejn, permezz tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti ssostni li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti ta’ miżuri provviżorji huma interdipendenti, b’mod li l-fumus boni juris, allegatament preżenti ħafna f’dan id-digriet, missu kellu effett fuq l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-urġenza, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza u kif il-President tal-Qorti Ġenerali fakkar fil-punt 10 tad-digriet appellat, dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda meta waħda minnhom ma tkunx preżenti [digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1996, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, C-268/96 P(R), Ġabra p. I-4971, punt 30; tas-17 ta’ Diċembru 1998, Emesa Sugar vs Il-Kummissjoni, C-364/98 P(R), Ġabra p. I-8815, punt 47; kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2012, Hassan vs Il-Kunsill, C-168/12 P(R), punt 22].

    22

    Fil-kuntest ta’ dan l-eżami globali, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u huwa liberu li jiddetermina, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża, il-mod kif dawn il-kundizzjonijiet differenti għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, peress li ebda regola tad-dritt tal-Unjoni ma timponi fuqu skema ta’ analiżi stabbilita bil-quddiem biex jevalwa l-ħtieġa li jagħti miżuri provviżorji [digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Lulju 1995, Il-Kummissjoni vs Atlantic Container Line et, C-149/95 P(R), Ġabra p. I-2165, punt 23, kif ukoll Emesa Sugar vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44].

    23

    Għalhekk, ma huwiex eskluż li l-Imħallef għal miżuri provviżorji, meta jqis xieraq, jista’ jieħu inkunsiderazzjoni n-natura ftit jew wisq serja tal-aggravji invokati biex jistabbilixxi fumus boni juris waqt l-evalwazzjoni tiegħu tal-urġenza u, jekk ikun il-każ, jibbilanċja l-interessi preżenti (digriet Hassan vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 2001, L-Awstrija vs Il-Kunsill, C-445/00 R, Ġabra p. I-1461, punt 110).

    24

    Madankollu, għalkemm in-natura ftit jew wisq serja tal-fumus boni juris għandha influwenza fuq l-evalwazzjoni tal-urġenza, xorta jibqa’ l-fatt li dawn huma, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, żewġ kundizzjonijiet distinti li huma meħtieġa għall-kisba tas- sospensjoni tal-eżekuzzjoni, b’mod li l-appellanti għandha turi wkoll l-imminenza ta’ dannu gravi u irreparabbli (ara d-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Jannar 2011, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C-404/10 P-R, punt 27, u tad-19 ta’ Lulju 2012, Akhras vs Il-Kunsill, C-110/12 P (R), punt 26).

    25

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li, anki kieku l-President tal-Qorti Ġenerali kien eżamina, jew saħansitra aċċetta, l-eżistenza ta’ fumus boni juris, dan il-fatt ma kienx jeskludi l-eżami tal-kundizzjoni dwar l-urġenza u waħdu ma kienx ser iwassal għall-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba (digriet Hassan vs Il-Kunsill, iċċitat iktar ’il fuq, punt 26).

    26

    Minn dan isegwi li l-punt 13 tad-digriet appellat, li fid-dawl tiegħu għandu qabelxejn jiġi eżaminat jekk il-kundizzjoni dwar l-urġenza hijiex sodisfatta, ma huwa vvizzjat minn ebda żball ta’ liġi. Għalhekk, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda.

    27

    Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti ssostni li d-digriet appellat huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “dannu gravi”. Hija ssostni, b’mod partikolari, li l-analiżi segwita mill-President tal-Qorti Ġenerali f’dan id-digriet inġustament twassal fil-prattika biex dannu kkawżat lil impriża kbira qatt ma ser jitqies li huwa gravi.

    28

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-President tal-Qorti Ġenerali qabelxejn stabbilixxa, fil-punti 16 sa 19 tad-digriet appellat, il-premessa li rikorrenti għandha, biex tistabbilixxi n-natura gravi u irreparabbli ta’ dannu finanzjajru li hija tista’ tbati, tipprovdi fit-test tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji, indikazzjonijiet konkreti u preċiżi, sostnuti minn dokumenti dettaljati, li jippermettu li tiġi stabbilita stampa fidila u globali tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha u li jiġu evalwati għalhekk il-konsegwenzi preċiżi li jirriżultaw, realment, mill-assenza tal-miżuri mitluba.

    29

    Sussegwentement, fil-punti 20 u 21 ta’ dan id-digriet, il-President tal-Qorti Ġenerali kkonstata li r-rikorrenti naqset milli tipprovdi, fit-talba għal miżuri provviżorji, l-iċken informazzjoni fuq id-daqs u d-dħul mill-bejgħ tal-impriża tagħha. Fl-aħħar nett, huwa enfasizza li r-rikorrenti lanqas semmiet il-fatt li tifforma parti mill-grupp EDF u lanqas saħansitra ma ppreċiżat is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dan tal-aħħar. Minn dan huwa ddeduċa, fil-punt 22 tal-imsemmi digriet, li r-rikorrenti ma wrietx li d-dannu finanzjarju allegat kien suffiċjentement gravi biex jiġġustifika l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba u, dan premess, huwa rrileva, fil-punt 27 tal-istess digriet, li għalhekk ma kienx hemm bżonn li tiġi eżaminata n-natura irreparabbli tad-dannu allegat.

    30

    Għandu jiġi kkonstatat li dan ir-raġunament huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “dannu gravi”.

    31

    Minn naħa, billi kkunsidra li ma kienx f’pożizzjoni li jevalwa l-gravità tad-dannu finanzjarju allegat mir-rikorrenti fit-talba tagħha għal miżuri provviżorji, fl-assenza ta’ informazzjoni li tista’ tistabbilixxi stampa fidila u globali tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ din tal-aħħar, il-President tal-Qorti Ġenerali jibbaża r-raġunament tiegħu fuq ħsieb esklużivament relattiv ta’ dan il-kunċett ta’ gravità. Fil-fatt, dan ir-raġunament jimplika li huwa dejjem meħtieġ li jsir paragun bejn l-ammont kollu tad-dannu finanzjarju allegat u d-daqs tal-impriża li ssofri dan id-dannu fl-assenza tal-adozzjoni tal-miżuri provviżorji mitluba. Issa, dan ma huwiex il-każ ta’ talba bħal dik ifformulata mill-appellanti f’dan id-digriet, li huwa bbażat mhux fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ din tal-aħħar iżda essenzjalment fuq l-obbligu li tagħmel għażla kummerċjali f’terminu allegatament inopportun.

    32

    Ċertament, id-daqs tal-impriża appellanti jista’ jkollu effett fuq l-evalwazzjoni tal-gravità tad-dannu finanzjarju allegat, peress li dan ikun iktar gravi jekk huwa kunsiderevoli meta mqabbel ma’ dan id-daqs u inqas gravi fil-każ kuntrarju. Għalhekk, f’ċerti ċirkustanzi, l-argumenti dwar il-gravità ta’ dannu allegat jistgħu jiġu evitati fuq il-bażi ta’ sempliċi paragun bejn dan tal-aħħar u d-dħul mill-bejgħ tal-impriża li tista’ tbati l-imsemmi dannu (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 1981, Arbed et vs Il-Kummissjoni, 20/81 R, Ġabra p. 721, punt 14, kif ukoll tat-23 ta’ Mejju 1990, Comos-Tank et vs Il-Kummissjoni, C-51/90 R u C-59/90 R, Ġabra p. I-2167, punti 25 u 26).

    33

    Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li dannu finanzjarju oġġettivament kunsiderevoli u li allegatament jirriżulta mill-obbligu li tiġi definittivament eżerċitata għażla kummerċjali importanti f’terminu inopportun, jista’ jitqies li huwa “gravi” jew saħansitra li l-gravità ta’ tali dannu tista’ titqies li hija evidenti, anki fl-assenza ta’ informazzjoni dwar id-daqs tal-impriża kkonċernata. Għalhekk, il-fatt li l-appellanti ma pprovdietx, fit-talba tagħha għal miżuri provviżorji, informazzjoni dwar id-daqs tal-impriża tagħha ma huwiex biżżejjed fih innifsu biex fuqu tiġi bbażata ċ-ċaħda ta’ din it-talba minħabba li l-appellanti ma stabbilietx il-gravità tad-dannu allegat.

    34

    Min-naħa l-oħra, sa fejn id-digriet appellat huwa bbażat, fil-punt 22, fuq il-fatt li l-appellanti b’mod partikolari ma wrietx li, skont ir-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 16 ta’ dan id-digriet, hija tinsab, fl-assenza tal-miżuri provviżorji mitluba, f’sitwazzjoni li tista’ tqiegħed f’perikolu l-eżistenza tagħha stess jew li tbiddel l-ishma tagħha fis-suq b’mod kunsiderevoli, dawn ir-rekwiżiti jaqgħu, min-natura tagħhom, taħt il-kunċett tan-natura irreparabbli tad-dannu allegat iktar milli taħt il-gravità ta’ dan tal-aħħar. Peress li d-digriet appellat huwa bbażat esklużivament fuq il-fatt li l-eżistenza ta’ dannu gravi ma ġiex stabbilit, mingħajr ma sar l-eżami dwar in-natura irreparabbli tiegħu, l-imsemmija rekwiżiti ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tar-ragunament segwit fl-imsemmi digriet.

    35

    Peress li t-tieni parti tar-raba’ aggravju huwa fondat, għalhekk, id-digriet appellat għandu jiġi annullat sa fejn l-Imħallef għal miżuri provviżorji wettaq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “dannu gravi”. Għalhekk, it-tielet parti tar-raba’ aggravju ma għandhiex għalfejn tiġi eżaminata. Dan jgħodd ukoll għall-ewwel, għat-tieni, għat-tielet u għall-ħames aggravju.

    36

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex hija tagħti deċiżjoni.

    37

    Id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tapplika wkoll għall-appelli ppreżentati skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja [ara d-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Jannar 1997, Antonissen vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-393/96 P(R), Ġabra p. I-441, punt 45, u tal-14 ta’ Ġunju 2012, Qualitest FZE vs Il-Kunsill, C-644/11 P(R), punt 59].

    38

    Peress li l-kawża hija fi stadju li tiġi deċiża, hemm lok li tittieħed deċiżjoni fuq it-talba għal miżuri provviżorji mressqa minn EDF.

    Fuq it-talba għal miżuri provviżorji

    39

    L-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw “is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jitolbu l-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja li tiġi mitluba”. Barra minn hekk, talba għal miżuri provviżorji għandha tkun biżżejjed ċara u preċiża sabiex waħedha tippermetti lill-appellat biex jipprepara l-osservazzjonijiet tiegħu u lill-Imħallef għal miżuri provviżorji jiddeċiedi fuq it-talba, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra ta’ sostenn, peress li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom din tal-aħħar tkun ibbażata jirriżultaw b’mod koerenti u komprensibbli mit-test stess tat-talba għal miżuri provviżorji [digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 2010, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C-113/09 P(R), punt 13].

    40

    Hija l-appellanti li għandha tipproduċi l-prova li turi li hija ma tistax tistenna l-eżitu tal-proċedura li tirrigwarda r-rikors dwar il-fondatezza għaliex, minħabba dan id-dewmien, hija tkun ser tbati danni gravi u irreparabbli (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Diċembru 1991, Matra vs Il-Kummissjoni, C-225/91 R, Ġabra p. I-5823, punt 19, kif ukoll SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 30). Għalkemm l-imminenza tad-dannu ma għandhiex tiġi stabbilita b’ċertezza assoluta, it-twettiq tagħha għandu madankollu jkun prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti [digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-29 ta’ Ġunju 1993, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-280/93 R, Ġabra p. I-3667, punti 32 u 34, kif ukoll id-Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 1999, HFB et vs Il-Kummissjoni, C-335/99 P(R), Ġabra p. I-8705, punt 67].

    41

    Barra minn hekk, fil-każ ta’ talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att tal-Unjoni, l-għoti tal-miżura provviżorja mitluba tkun ġustifikata biss jekk l-att inkwistjoni jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu gravi u irreparabbli allegat (digrieti ċċitati iktar ’il fuq Akhras vs Il-Kunsill, punt 44, u Hassan vs Il-Kunsill, punt 28). Għalkemm, f’dan id-digriet, it-talba għal miżuri provviżorji ma tirrigwardax formalment l-għoti ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura provviżorja mitluba tixbah lil tali sospensjoni, għaliex l-appellanti tixtieq li tingħata terminu addizzjonali ta’ iktar minn sentejn biex tagħżel bejn iż-żewġ alternattivi stabbiliti mill-impenn li hija ħadet f’dak li jirrigwarda l-proġett Nest-Energie. Għalhekk, din il-miżura provviżorja tista’ biss tiġi adottata jekk ir-rifjut tal-Kummissjoni li tawtorizza l-proroga mitluba mill-appellanti titqies li hija l-kawża determinanti għad-dannu gravi u irreparabbli allegat.

    42

    F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li l-parti tat-talba għal miżuri provviżorji marbuta mad-dannu allegatament gravi u irreparabbli li qed tbati l-appellanti ma tinkludi ebda evalwazzjoni tal-importanza tad-dannu allegat u tirrigwarda biss il-konsegwenzi li jirriżultaw, skont l-appellanti, mill-bejgħ immedjat tal-proġett Nest-Energie, bl-esklużjoni tal-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw, jekk ikun il-każ, minn deċiżjoni ta’ investiment f’dan il-proġett, anki jekk l-appellanti kellha l-għażla bejn dawn iż-żewġ alternattivi, skont l-impenn inkwistjoni. Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-urġenza, l-appellanti ssostni fit-talba għal miżuri provviżorji tagħha li “l-urġenża li nħolqot mid-deċiżjoni [kkontestata] li timponi l-ftuħ ta’ proċedura ta’ ċessjoni qabel is-16 ta’ Ottubru 2012 hija inerenti għan-natura tagħha stess, għaliex tobbliga lil kumpannija, EDF, li ċċedi ċerti attivi favur kompetitur (potenzjali), akkwirent adegwat”.

    43

    Madankollu, mit-talba għal miżuri provviżorji, moqrija kollha kemm hi, jirriżulta li d-dannu allegat mill-appellanti jikkonsisti mill-fatt li hija għandha tagħżel, qabel it-30 ta’ Ġunju 2012, skadenza li tmexxiet għall-15 ta’ Ottubru 2012 permezz tad-deċiżjoni kkontestata, bejn żewġ alternattivi previsti mit-tieni impenn tagħha, jiġifieri, minn naħa, iċ-ċessjoni tal-proġett Nest-Energie lil akkwirent adegwat jew, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni definittiva ta’ investiment minnha stess f’dan il-proġett, anki jekk dawn l-għażliet kienu allegatament jimplikaw telf finanzjarju għaliha. Fil-fatt, l-appellanti ssostni li l-investiment fil-proġett Nestle-Energie, li jirrappreżenta spiża vvalutata f’EUR 800 miljun jista’ jkopri l-ispejjeż annwali fissi u varjabbli tagħha, iżda ċertament ma jkoprix l-investiment inizjali u ma kienx jilħaq il-livell ta’ profitt meħtieġ, filwaqt li ċessjoni immedjata tal-proġett lil kompetitur kienet tirrappreżenta riskju serju ta’ bejgħ b’telf u jkun irreversibbli inkwantu l-appellanti kienet ser titlef l-opportunità li tinvesti hija stess f’dan il-proġett.

    44

    Minkejja dan il-qari tat-talba għal miżuri provviżorji, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma ressqitx elementi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ dannu gravi li t-twettiq tiegħu huwa prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 39 u 40 ta’ dan id-digriet.

    45

    Fil-fatt, fir-rigward tan-natura u tad-daqs tad-dannu li hija tista’ tbati minn waħda jew oħra mill-ipoteżi, li jikkorrispondu għaż-żewġ alternattivi li bejniethom hija kienet libera li tagħżel, l-appellanti, fit-talba tagħha għal miżuri provviżorji, naqset milli tipprovdi l-iċken indikazzjoni rilevanti. Kif irrilevat il-Kummissjoni matul is-seduta, għandu jiġi kkunsidrat li l-valur attwali tal-proġett inkwistjoni, li jiddependi barra minn hekk fuq perspettivi wiesgħin ta’ dħul tal-imsemmi proġett, huwa, bħala regola ġenerali, ekwivalenti għall-prezz li akkwirent ikun lest li jħallas fil-każ ta’ ċessjoni tal-imsemmi proġett fil-kuntest ta’ proċedura ta’ żvalutazzjoni ta’ investiment, li fih kull kunsiderazzjoni oħra fuq dan il-valur neċessarjament hija element purament spekulattiv. Din il-konstatazzjoni timplika, għall-appellanti, il-fatt li l-bejgħ immedjat tal-proġett Nestle-Energie, bħala regola ġenerali, mhux ser twassalha biex tbati dannu għaliex, permezz ta’ dan il-bejgħ, hija ser tirċievi ammont li jikkorrispondi għall-valur attwali tal-proprjetà tagħha.

    46

    Sa fejn l-appellanti tqis madankollu, l-ewwel nett, li l-kundizzjonijiet attwali tas-suq ma jippermettulhiex tieħu deċiżjoni pożittiva li tinvesti fil-proġett qabel it-30 ta’ Ġunju 2012, jew saħansitra qabel il-15 ta’ Ottubru 2012 u, it-tieni nett, li l-fatt ta’ bejgħ tal-proġett Nest-Energie f’dawn il-kundizzjonijiet jimplika telf, l-argument tagħha bbażata fuq dannu gravi u irreparabbli jistrieħ għalhekk, f’dak li jirrigwarda kull waħda mir-rimedji possibbli, fuq preżunzjoni li l-perspettivi ta’ dħul mill-proġett inkwistjoni jistgħu biss jitjiebu u li l-valur attwali ta’ dan tal-aħħar huwa anormalment baxx.

    47

    Minn dan isegwi li l-imsemmi dannu allegat jeżisti biss jekk il-kundizzjonijiet tas-suq Belġjan tal-elettriku jevolvi f’sens pożittiv mill-perspettiva tal-produtturi tal-elettriku qabel it-tmiem tas-sena 2014, b’mod li l-appellanti tkun tista’ tinvesti fil-proġett Nest-Energie jew tbiegħu f’kundizzjonijiet tas-suq iktar favorevoli għal dawn it-tranżazzjonijiet. Fil-każ kuntrarju, l-appellanti ma tkun ġarrbet l-ebda dannu għaliex il-fatt li għandha tistenna sal-aħħar tas-sena 2014 biex teżerċita l-għażla tagħha ma jkun swielha xejn, peress li hija obbligata tagħmel dan skont il-kundizzjonijiet tas-suq simili, jew saħansitra iktar sfavorevoli, meta mqabbla mal-kundizzjonijiet attwali.

    48

    Skont il-prinċipji tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 ta’ dan id-digriet, dannu bħal dak allegat f’dan id-digriet, bl-istess mod bħall-importanza tiegħu u għalhekk il-gravità tiegħu, jista’ jitqies li jkun suffiċjentement prevedibbli biss jekk jiġi stabbilit li t-twettiq fil-futur tal-fatti li wasslu għal dan id-dannu, jiġifieri l-iżvilupp pożittiv mixtieq tas-suq Belġjan tal-elettriku, ikun probabbli. Għalhekk, hija l-appellanti, fil-każ li tixtieq tibbaża ruħha fuq il-gravità ta’ tali dannu biex tistabbilixxi l-urġenza tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji, li għandha tipprovdi l-argumenti u l-provi li jistgħu jistabbilixxu li huwa probabbli li s-suq Belġjan tal-elettriku ser jizviluppa b’mod pożittiv mill-perspettiva tal-produtturi tal-elettriku qabel it-tmiem tas-sena 2014, u dan sa tali punt li hija jkollha l-possibbiltà li teżerċita l-għażla kummerċjali li hija imposta fuqha mill-impenn inkwistjoni f’kundizzjonijiet kunsiderevolment iktar favorevoli li kieku jingħataw il-miżuri provviżorji mitluba.

    49

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li fit-talba tagħha għal miżuri provviżorji l-appellanti la pprovdiet tali argument u lanqas tali prova. Bil-kontra, hija tikklassifika bħala “kunsiderevoli u sostenibbli” l-bidliet li seħħew fis-suq Belġjan tal-elettriku bejn is-snin 2009 u 2012, li huma l-oriġini tas-sitwazzjoni attwali ta’ dan is-suq.

    50

    Barra minn hekk, l-appellanti lanqas ma tesponi, fit-talba tagħha għal miżuri provviżorji, ir-raġunijiet għaliex l-allegati konsegwenzi negattivi li jirriżultawlha mill-fatt li jkollha teżerċita, matul is-sena 2012, l-għażla kummerċjali li hija għandha tagħmel bejn iċ-ċessjoni tal-proġett Nest-Energie u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni definittiva li tinvesti hija stess f’dan il-proġett, jikkostitwixxu dannu gravi li huwa kkawżat b’mod determinanti minħabba r-rifjut tal-Kummissjoni li tipproroga t-terminu previst biex issir din l-għażla.

    51

    Fil-fatt, għalkemm deċiżjoni ta’ estensjoni tat-terminu stabbilit bl-impenn inkwistjoni ċertament kien jippermetti li jiġu ddifferiti, jew saħansitra evitati, dawn il-konsegwenzi, għandu jiġi kkonstatat li l-iżvilupp tas-suq Belġjan tal-elettriku bejn is-sena 2009 u s-sena 2012, kif ukoll l-għażla inizjali magħmula mill-appellanti stess, fl-2009, li tidħol f’dan l-impenn huma direttament inkwistjoni wkoll. Barra minn hekk, li kieku t-terminu inizjalment previst kien differenti jew li kieku l-iżvilupp tas-suq inkwistjoni kien differenti, it-talba għal differiment u d-deċiżjoni kkontestata li wasslet għal din il-proċedura ma kinux iseħħu. Għalhekk, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tipproroga dan it-terminu ma jistax jitqies li huwa kawża determinanti ta’ dannu allegat, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 ta’ dan id-digriet.

    52

    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-appellanti ma stabbilixxietx li hija tista’ tbati dannu gravi minħabba l-assenza tal-adozzjoni tal-miżuri provviżorji mitluba.

    53

    Għandu jingħad ukoll li, fi kwalunkwe każ, f’dan id-digriet id-dannu allegat ma jistax jiġi kklassifikat bħala irreparabbli.

    54

    Meta d-dannu invokat ikun ta’ natura finanzjarja, il-miżuri provviżorji mitluba jkunu ġustifikati jekk jidher li, fl-assenza ta’ dawn il-miżuri provviżorji, l-appellanti tkun tinsab f’sitwazzjoni li tista’ tqiegħed fil-perikolu l-eżistenza tagħha stess jew li l-ishma tagħha fis-suq jinbidlu b’mod kunsiderevoli fid-dawl, b’mod partikolari, tad-daqs u tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża tagħha kif ukoll tal-karatteristiċi tal-grupp li tifforma parti minnu [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ April 1998, Camar vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, C-43/98 P(R), Ġabra p. I-1815, punt 36].

    55

    F’dan id-digriet, peress li l-kriterju dwar it-telf tal-ishma tas-suq ma huwiex rilevanti, għandu jiġi eżaminat jekk, fl-assenza tal-miżura provviżorja mitluba, l-appellanti tkun tinsab f’sitwazzjoni li tista’ tqiegħed fil-perikolu s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha.

    56

    Issa, id-dannu allegat jiġi kkalkolat skont il-bejgħ b’telf u t-tnaqqis tal-possibbiltà ta’ qliegħ f’dak li jikkonċerna investiment li l-ammont huwa vvalutat biss għal EUR 800 miljun, filwaqt li jirriżulta minn sorsi pubbliċi, jiġifieri r-rapport 2011 ippubblikat mill-grupp EDF fis-sit internet tiegħu, li d-dħul mill-bejgħ globali ta’ dan il-grupp fl-2011 kien jammonta għal iktar minn EUR 65 biljun.

    57

    Fid-dawl ta’ din il-qawwa finanzjarja tal-grupp EDF, għandu jiġi rrilevat li d-dannu kkawżat lill-appellanti, jew permezz taċ-ċessjoni tal-attivi tal-kumpannija responsabbli mill-iżvilupp tal-proġett Nest-Energie, jew permezz tad-deċiżjoni definittiva li tkompli hija stess l-investiment f’dan il-proġett, ma jistax iqiegħed fil-perikolu s-sitwazzjoni finanzjarja tal-appellanti.

    58

    Dan il-fatt ma huwiex imxejjen mill-argument ippreżentat mill-appellanti fil-kuntest tal-ħames aggravju, li essenzjalment jgħid li paragun bejn id-dħul mill-bejgħ dinji tal-grupp EDF, jiġifieri EUR 65 biljun, u l-ispiża tal-investiment inkwistjoni, jiġifieri EUR 800 miljun, ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tad-dannu allegat f’dan id-digriet. Bil-kontra, għandu jiġi kkonstatat li tali paragun huwa, fi kwalunkwe każ, rilevanti fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tan-natura irreparabbli ta’ dan id-dannu. Fil-fatt, dannu li allegatament jirriżulta mit-telf li jista’ jitwettaq fil-kuntest ta’ investiment li l-ispiża tiegħu hija ta’ EUR 800 miljun ma jistax iqiegħed fil-perikolu s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ impriża li d-dħul mill-bejgħ tagħha jammonta għal iktar minn EUR 65 biljun.

    59

    Fl-aħħar nett, l-argument dwar il-fatt li d-dannu allegat huwa impossibbli li jiġi kkalkolat, u għalhekk irreparabbli, ma jistax jiġi milqugħ għaliex, kif jirriżulta mill-punti 42 sa 49 ta’ dan id-digriet, l-appellanti ma esponietx b’mod adegwat, fit-talba tagħha għal miżuri provviżorji, in-natura u l-importanza ta’ dan id-dannu.

    60

    Ċertament, dannu ta’ natura finanzjarja jitqies irreparabbli fil-każ li ma jkunx jista’ jiġi totalment ikkumpensat, fatt li jista’ b’mod partikolari jseħħ li kieku d-dannu, anki meta jseħħ, ma jkunx jista’ jiġi kkalkolat (digriet Comos-Tank et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

    61

    Madankollu, ma huwiex possibbli li jiġi deċiż jekk dannu jistax jiġi kkalkolat, għaliex in-natura u l-importanza ta’ dan tal-aħħar ma humiex ippreċiżati, sa fejn huwa possibbli, fit-talba għal miżuri provviżorji. Fil-fatt, f’dan ir-rigward hija l-appellanti li għandha tipprovdi l-argumenti u l-provi preċiżi u konvinċenti, ħaġa li hija ma għamlitx f’dan id-digriet.

    62

    Għalhekk, ma ġiex stabbilit li d-dannu allegat minn EDF jista’ jiġi kklassifikat bħala irreparabbli.

    63

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-appellanti ma stabbilixxietx l-urġenza tal-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba. Għalhekk, it-talba tagħha għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda.

    Fuq l-ispejjeż

    64

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell huwa fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi hija stess b’mod definittiv il-kawża, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

    65

    Skont l-Artikolu 138(3) tal-imsemmija Regoli, applikabbli għal proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament wieħed jew iktar mill-kapijiet, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

    66

    F’dan id-digriet, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha sostnuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dan l-appell.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

     

    1)

    Il-punt 1 tad-dispożittiv tad-Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal-11 ta’ Ottubru 2012, Électricité de France vs Il-Kummissjoni (T-389/12 R), huwa annullat.

     

    2)

    It-talba għal deċiżjoni preliminari hija miċħuda.

     

    3)

    Électricité de France SA (EDF) u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom sostnuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest ta’ dan l-appell.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top