EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CO0324

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ Marzu 2013.
Novontech-Zala kft. vs Logicdata Electronic & Software Entwicklungs GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgericht Wien.
Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 1896/2006 – Proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas Ewropea – Oppożizzjoni tardiva – Artikolu 20 – Eżami mill-ġdid f’każijiet eċċezzjonali – Assenza ta’ ċirkustanzi ‘straordinarji’ jew ‘eċċezzjonali’.
Kawża C‑324/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:205

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

tal-21 ta’ Marzu 2013 ( *1 )

“Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 1896/2006 — Proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas — Oppożizzjoni tardiva — Artikolu 20 — Eżami mill-ġdid f’każijiet eċċezzjonali — Assenza ta’ ċirkustanzi ‘straordinarji’ jew ‘eċċezzjonali’”

Fil-Kawża C-324/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Handelsgericht Wien (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Lulju 2012, fil-proċedura

Novontech-Zala kft.

vs

Logicdata Electronic & Software Entwicklungs GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, E. Jarašiūnas, A. Ó Caoimh, C. Toader u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU L 399, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Novontech-Zala kft. (iktar ’il quddiem “Novontech-Zala”, li għandha s-sede tagħha fl-Ungerija, u Logicdata Electronic & Software Entwicklungs GmbH (iktar ’il quddiem “Logicdata”), li s-sede tagħha jinsab fl-Awstrija.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 1896/2006

3

Skont il-premessa 25 tar-Regolament Nru 1896/2006:

“Wara li jiskadi l-limitu ta’ żmien għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, f’ċerti każijiet eċċezzjonali l-konvenut għandu jkun intitolat japplika għal reviżjoni ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea. Ir-reviżjoni f’każijiet eċċezzjonali m’għandux ifisser li l-konvenut ikun qed jingħata opportunità oħra biex jopponi t-talba. Matul il-proċedura ta’ reviżjoni l-merti tat-talba m’għandhomx jiġu valutati lil hinn mir-raġunijiet li jirriżultaw miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali invokati mill-konvenut. Iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali l-oħra jistgħu jinkludu sitwazzjoni fejn l-ordni ta’ ħlas Ewropea kienet ibbażata fuq informazzjoni falza mogħtija fil-formola ta’ l-applikazzjoni.”

4

Il-premessa 28 tal-imsemmi regolament tipprovdi:

“Għall-iskopijiet tal-kalkolu tal-limiti ta’ żmien, għandu japplika r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jiddetermina r-regoli applikabbli għall-perijodi, id-dati u l-limiti ta’ żmien [jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien] [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 51]. Il-konvenut għandu jiġi avżat b’dan u għandu jkun infurmat li ser jittieħed kont tal-festi pubbliċi ta’ l-Istat Membru fejn tinsab il-qorti li toħroġ l-ordni ta’ ħlas Ewropea.”

5

L-Artikolu 1(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament hu:

a)

li jissimplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż ta’ litigazzjoni f’każijiet transkonfinali fir-rigward ta’ talbiet mhux kontestati ta’ flus permezz tal-ħolqien ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea;

[...]”

6

L-Artikolu 16(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1896/2006 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-konvenut jista’ jressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea mal-qorti ta’ oriġini [...]

2.   Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għandha tintbagħat fi żmien 30 jum min-notifika ta’ l-ordni fuq il-konvenut.

3.   Il-konvenut għandu jindika fid-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni li hu qed jikkontesta t-talba, mingħajr m’għandu għalfejn jispeċifika r-raġunijiet għal dan.”

7

L-Artikolu 20(1) u (2) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), il-konvenut għandu jkun intitolat biex japplika għal reviżjoni [eżami mill-ġdid] ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini fejn:

[...]

b)

il-konvenut ma tħalliex joġġezzjona għat-talba għal raġuni ta’ force majeure, jew minħabba ċirkostanzi straordinarji mingħajr l-ebda nuqqas min-naħa tiegħu,

sakemm fi kwalunkwe każ hu jaġixxi fil-pront.

2.   Wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2) il-konvenut għandu jkun intitolat ukoll biex japplika għal reviżjoni [eżami mill-ġdid] ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini fejn l-ordni ta’ ħlas tkun kjarament inħarġet ħażin, b’kont meħud tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali oħra.”

Ir-Regolament Nru 1182/71

8

Fl-Artikolu 3 tiegħu, ir-Regolament Nru 1182/71 jipprovdi:

“1.   [...]

Fejn perjodu li hemm referenza għalih bil-ġranet [...] għandu jiġi kkalkulat mill-mument li fih tiġri ġrajja jew isseħħ azzjoni, il-ġurnata li tulha tiġri l-ġrajja jew isseħħ l-azzjoni ma għandhiex tingħadd bħala parti mill-perjodu in kwestjoni.

2.   Soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 4:

[...]

[b)

] perjodu li hemm referenza għalih fi ġranet għandu jibda mill-ewwel siegħa ta’ l-ewwel ġurnata u għandu jispiċċa bit-tmiem ta’ l-aħħar siegħa ta’ l-aħħar ġurnata tal-perjodu;

[...]

3.   Il-perjodi kkonċernati għandhom jinkludu festi pubbliċi, Ħdud u Sibtijiet, għajr fejn dawn huma esklużi b’mod ċar jew fejn il-perjodi huma msemmija bħala ġranet tax-xogħol.

4.   Meta l-aħħar ġurnata tal-perjodu li hemm referenza għalih għajr f’sigħat, taħbat festa pubblika, Ħadd jew Sibt, il-perjodu għandu jispiċċa fit-tmiem ta’ l-aħħar siegħa tal-ġurnata tax-xogħol ta’ wara.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Fl-14 ta’ Ottubru 2011, Logicdata ressqet quddiem il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (qorti lokali għall-kawżi kummerċjali ta’ Vjenna) talba għal ordni ta’ ħlas Ewropea fir-rigward ta’ Novontech-Zala, sabiex tikseb il-ħlas tas-somma ta’ EUR 30 586 li tikkorrispondi għal bejgħ li l-ħlas tiegħu ma kienx twettaq minn din il-kumpannija. Fil-25 ta’ Ottubru 2011, l-imsemmija qorti ħarġet ordni ta’ ħlas Ewropea. Din ġiet innotifikata lil Novontech-Zala fit-13 ta’ Diċembru 2011 fi Zalaegerszeg (l-Ungerija).

10

Novontech-Zala għaddiet l-imsemmija ordni lill-avukat tagħha fl-Ungerija, u dan ressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fit-13 ta’ Jannar 2012, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni ta’ 30 jum previst fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1896/2006. Mill-proċess imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-avukat ibbaża l-kalkolu tiegħu tal-imsemmi terminu fuq l-ipoteżi żbaljata li l-ordni ta’ ħlas Ewropea ġiet innotifikata lil Novontech-Zala fl-14 ta’ Diċembru 2011 u mhux fit-13 ta’ Diċembru 2011 kif effettivament kien il-każ. Huwa kkalkula l-imsemmi terminu billi kkunsidra li dan kien jiskadi fit-13 ta’ Jannar 2012, filwaqt li, fil-verità, dan skada fit-12 ta’ Jannar 2012. Mingħajr ma vverifika mal-qorti li ħarġet l-ordni ta’ ħlas Ewropea d-data li fiha l-imsemmi terminu beda jiddekorri, l-avukat daħħal id-data ta’ skadenza, ikkalkulata b’mod żbaljat, fl-aġenda u, għaldaqstant, ressaq id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni tard.

11

B’digriet tal-24 ta’ Jannar 2012, il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien ċaħdet id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni minħabba n-natura tardiva tagħha.

12

Fit-8 ta’ Frar 2012, Novontech-Zala, li issa saret irrappreżentata minn uffiċċju tal-avukati fl-Awstrija, ikkontestat id-digriet ta’ ċaħda tad-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni filwaqt li talbet lill-Bezirksgericht für Handelssachen Wien, b’mod partikolari, sabiex twettaq eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006. B’digriet tal-5 ta’ Marzu 2012, din il-qorti ċaħdet it-talba għal eżami mill-ġdid.

13

Novontech-Zala appellat l-imsemmi digriet ta’ ċaħda quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostniet li l-kawża quddiem il-qorti tal-ewwel istanza ma ġietx soġġetta għal evalwazzjoni ġuridika korretta u li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006 għandu jippermetti lil din il-qorti twettaq eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas Ewropea.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Handelsgericht Wien iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-fatt li l-avukat inkarigat li jressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea ma jkunx osserva t-terminu previst għal dan il-għan jikkostitwixxi nuqqas personali tal-konvenut fis-sens tal-Artikolu 20(1)(b) tar-[Regolament Nru 1896/2006]?

2)

Jekk in-nuqqas tal-avukat ma huwiex imputabbli lill-konvenut bħala nuqqas personali tal-konvenut, in-notament żbaljat tad-data tal-iskadenza tat-terminu mill-avukat inkarigat li jressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għandu jiġi interpretat bħala li jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006?”

Fuq id-domandi preliminari

15

Skont l-Arikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

16

Biż-żewġ domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu sabiex titressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, minħabba nuqqas tar-rappreżentant tal-konvenut, jistax jiġġustifika eżami mill-ġdid ta’ din l-ordni ta’ ħlas, jew minħabba “minħabba ċirkostanzi straordinarji mingħajr l-ebda nuqqas min-naħa [tal-konvenut]”, fis-sens tal-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament Nru 1896/2006, jew minħabba “ċirkostanzi eċċezzjonali” fis-sens tal-Artikolu 20(2).

17

F’dan ir-rigward, Novontech-Zala ssostni li meta r-rappreżentant tal-konvenut ma josservax it-terminu għat-tressiq ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea minħabba nuqqas min-naħa tiegħu, il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas ikunu sodisfatti kemm skont l-Artikolu 20(1)(b) kif ukoll skont l-Artikolu 20(2).

18

Għall-kuntrarju, Logicdata, il-Gvern Awstrijak, Grieg u dak Portugiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jqisu li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-kundizzjonijiet għal tali eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas Ewropea ma humiex sodisfatti.

19

L-interpretazzjoni esposta fil-punt ta’ qabel dan għandha tintlaqa’.

20

Fil-fatt, jidher ċar li ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li huma kkaratterizzati mill-komputazzjoni u min-notament żbaljat tat-terminu għat-tressiq ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni mir-rappreżentant tal-konvenut, la huma “straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament Nru 1896/2006 u lanqas “eċċezzjonali” fis-sens tal-Artikolu 20(2).

21

Ċertament, mill-Artikolu 20(1)(b) u (2) tar-Regolament Nru 1896/2006 jirriżulta li jista’ jitwettaq eżami mill-ġdid ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea meta n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għat-tressiq ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni ta’ 30 jum jirriżulta mill-eżistenza ta’ ċirkustanzi straordinarji jew eċċezzjonali li jkunu xekklu milli din id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni titressaq fit-terminu stabbilit u li l-kundizzjonijiet l-oħra previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet huma sodisfatti. Madankollu, meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-qbiż tal-imsemmi terminu jkun dovut għal nuqqas ta’ diliġenza tar-rappreżentant tal-konvenut, tali sitwazzjoni, peress li tista’ tiġi faċilment evitata, ma tistax taqa’ taħt iċ-ċirkustanzi straordinarji jew eċċezzjonali fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

22

Il-possibbiltà ta’ eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas Ewropea f’ċirkustanzi bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali tagħti lill-konvenut it-tieni possibbiltà li topponi l-pretensjoni fis-sens tal-premessa 25 tar-Regolament Nru 1896/2006.

23

Billi l-kundizzjoni dwar iċ-ċirkustanzi straordinarji hija nieqsa, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata d-domanda dwar jekk il-kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament Nru 1896/2006, b’mod partikolari dik dwar l-assenza ta’ ħtija min-naħa tal-konvenut, humiex sodisfatti.

24

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament Nru 1896/2006, sabiex il-konvenut ikun intitolat jitlob eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas Ewropea skont din id-dispożizzjoni, huwa meħtieġ, fin-nuqqas ta’ każ ta’ forza maġġuri, li jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, l-ewwel waħda, il-preżenza ta’ ċirkustanzi straordinarji li minħabba fihom il-konvenut kien imxekkel milli jikkontesta l-pretensjoni fit-terminu previst għal dan il-għan, it-tieni nett, l-assenza ta’ ħtija min-naħa tal-konvenut u, it-tielet nett, il-kundizzjoni li dan tal-aħħar jaġixxi fil-pront. Il-fatt li waħda minnhom ma hijiex sodisfatta jxekkel lill-konvenut milli jsostni b’mod effettiv li huwa ssodisfa l-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni.

25

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għat-tressiq ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea minħabba nuqqas tar-rappreżentant tal-konvenut, ma jiġġustifikax eżami mill-ġdid ta’ din l-ordni ta’ ħlas, peress li tali nuqqas ta’ osservanza la jaqa’ taħt iċ-ċirkustanzi straordinarji fis-sens tal-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament Nru 1896/2006 u lanqas taħt iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali fis-sens tal-Artikolu 20(2).

Fuq l-ispejjeż

26

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

 

In-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għat-tressiq ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea minħabba nuqqas tar-rappreżentant tal-konvenut, ma jiġġustifikax eżami mill-ġdid ta’ din l-ordni ta’ ħlas, peress li tali nuqqas ta’ osservanza la jaqa’ taħt iċ-ċirkustanzi straordinarji fis-sens tal-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament Nru 1896/2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, u lanqas taħt iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali fis-sens tal-Artikolu 20(2).

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top