Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0555

    Kawża C-555/12: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Tivoli (l-Italja) fit- 3 ta’ Diċembru 2012 — Claudio Loreti et vs Comune di Zagarolo

    ĠU C 32, 2.2.2013, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.2.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 32/11


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Tivoli (l-Italja) fit-3 ta’ Diċembru 2012 — Claudio Loreti et vs Comune di Zagarolo

    (Kawża C-555/12)

    2013/C 32/16

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Qorti tar-rinviju

    Tribunale di Tivoli

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Claudio Loreti, Maria Vallerotonda, Attilio Vallerotonda u Virginia Chellini

    Konvenut: Comune di Zagarolo

    Domandi preliminari

    Huwa kkunsidrat neċessarju li ssir referenza lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea b’talbiet għal deċiżjoni preliminari sabiex jiġi stabbilit jekk:

    (1)

    huwa kompatibbli l-Artikolu 7 tal-Codice del processo amministrativo (Kodiċi tal-proċedura amministrattiva) fis-seħħ fir-Repubblika Taljana li, bis-saħħa tal-Artikolu 103 tal-Kostituzzjoni Taljana, li jipprovdi li:

    “Quddiem il-qorti amministrattiva għandu jitressaq it-tilwim, li fih tqum il-kwistjoni tal-interessi leġittimi u, fis-suġġetti partikolari indikati mil-liġi, ta’ drittijiet suġġettivi, li jikkonċernaw l-eżerċizzju jew in-nuqqas ta’ eżerċizzju tas-setgħa amministrattiva, fir-rigward ta’ provvedimenti, atti, ftehim jew aġir li anki indirettament jagħtu lok għall-eżerċizzju ta’ tali setgħa, u li jirriżultaw minn amministrazzjonijiet pubbliċi. Ma jistgħux jiġu kkontestati atti jew provvedimenti mill-Gvern fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika.”

    mal-Artikolu 6 tal-(Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali) u mal-Artikoli 47 u 52(3) tal-(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea), fid-dawl tal-emenda tal-Artikolu 6 (TUE);

    (a)

    fil-parti fejn dan l-artikolu jattribwixxi lill-organi ġudizzjarji differenti s-setgħa li jiddeċiedu dwar pożizzjonijiet ġuridiċi suġġettivi li in abstracto huma diversifikati (interess leġittimu u dritt suġġettiv) iżda in concreto huma ta’ identifikazzjoni diffiċli jew impossibbli u dan mingħajr ma tispeċifika l-kontenut konkret tagħha permezz ta’ liġijiet;

    (b)

    fil-parti fejn dan l-artikolu jipprovdi għal qrati kompetenti sabiex jiddeċiedu fuq l-istess suġġetti abbażi ta’ kriterji (identifikazzjoni ta’ pożizzjonijiet ġuridiċi suġġettivi differenti) li ma jissodisfawx ir-realtà fattwali wara l-introduzzjoni tal-possibbiltà ta’ kumpens tal-interess leġittimu (li minn din id-data hija prevista mis-sena 2000 sabiex il-leġiżlazzjoni interna tiġi adattata mal-prinċipji Komunitarji) b’differenzi konsistenti anki mal-modalitajiet proċedurali tad-deċiżjonijiet?

    kif ukoll, b’mod ġenerali,

    (2)

    huwa kompatibbli l-Artikolu 103 tal-Kostituzzjoni Taljana, fil-parti fejn jipprovdi u jħares pożizzjonijiet ġuridiċi suġġettivi b’mod diversifikat (hekk imsejħa interessi leġittimi) li ma għandhomx korrispettiv fid-dritt Komunitarju billi jattribwixxi l-ġurisdizzjoni tagħhom lil sistemi ġudizzjarji differenti, li l-kompetenza tagħhom tinbidel perjodikament?


    Top