This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62012CN0536
Case C-536/12 P: Appeal brought on 26 November 2012 by the French Republic against the judgment of the General Court (Fourth Chamber) delivered on 11 September 2012 in Case T-565/08 Corsica Ferries France SAS v European Commission
Kawża C-536/12 P: Appell ippreżentat fis- 26 ta’ Novembru 2012 mir-Repubblika Franċiża mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil- 11 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-565/08, Corsica Ferries France SAS vs Il-Kummissjoni Ewropea
Kawża C-536/12 P: Appell ippreżentat fis- 26 ta’ Novembru 2012 mir-Repubblika Franċiża mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil- 11 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-565/08, Corsica Ferries France SAS vs Il-Kummissjoni Ewropea
ĠU C 32, 2.2.2013, p. 7–8
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
2.2.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 32/7 |
Appell ippreżentat fis-26 ta’ Novembru 2012 mir-Repubblika Franċiża mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil-11 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-565/08, Corsica Ferries France SAS vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-536/12 P)
2013/C 32/10
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: G. de Bergues, D. Colas, N. Rouam u J. Rossi, aġenti)
Partijiet oħra fil-proċedura: Corsica Ferries France SAS, Il-Kummissjoni Ewropea, Société nationale maritime Corse-Méditerranée (SNCM) SA
Talbiet tal-appellanti
— |
tannulla s-sentenza mogħtija mir-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-565/08, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni Ewropea, sa fejn din annullat it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/611/KE, tat-8 ta’ Lulju 2008, dwar il-miżuri C-58/02 (ex N 118/02) li Franza implimentat favur is-Société Nationale Maritime Corse-Méditerranée (SNCM) (1); |
— |
tiddeċiedi b’mod definittiv dwar it-tilwima jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; |
— |
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż. |
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tqajjem erba’ aggravji intiżi għall-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali.
Fl-ewwel lok, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE meta ddeċidiet li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta qieset li t-trasferiment tas-Société Nationale Maritime Corse-Méditerranée għal prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. L-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali, minn naħa, talli qieset li l-Kummissjoni ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni r-riskju ta’ effett ħażin fuq l-immaġni tal-marka tal-Istat, bħala attur ekonomiku globali fis-settur perivat, fil-kuntest tat-test tal-investitur privat avżat, sabiex tistabbilixxi jekk il-ħlas ta’ allowances addizzjonali ta’ tkeċċija lill-impjegati tas-SNCM f’każ ta’ stralċ ta’ din tal-aħħar kienx jitwettaq ukoll minn investitur privat avżat. Min-naħa l-oħra, hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli talbet lill-Kummissjoni tagħti l-prova li l-ħlas ta’ allowances addizzjonali ta’ tkeċċija kien jikkostitwixxi prassi suffiċjentement stabbilita, u saħansitra kostanti, fost l-imprendituri privati.
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE meta qieset li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-komparabbiltà tal-kontribut kapitali ta’ EUR 8,75 miljun imwettaq mill-azzjonist pubbliku tas-SNCM u tal-kontribut kapitali ta’ EUR 26,25 miljun imwettaq mix-xerrejja privati, u li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-klawżola riżolutorja ta’ trasferiment mogħtija lix-xerrejja privati fil-kuntest tal-privatizzazzjoni tas-SNCM.
Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 36, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll l-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, meta kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat il-miżuri ta’ għajnuna lil individwi ta’ ammont ta’ EUR 38,5 miljun mingħajr ma vverifikat, b’mod sussidjarju, jekk din il-miżura kinitx tissodisfa t-test tal-investitur privat avżat, kif sostnew madankollu l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża u l-Gvern Franċiż matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali.
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta approvat il-bilanċ tar-ristrutturazzjoni skont l-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE u l-linji gwida.