Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0402

    Kawża C-402/12 P: Appell ippreżentat fl- 24 ta’ Awwissu 2012 mill-Parlament Ewropew mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl- 14 ta’ Ġunju 2012 fil-Kawża T-396/09 — Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 9, 12.1.2013, p. 26–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.1.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 9/26


    Appell ippreżentat fl-24 ta’ Awwissu 2012 mill-Parlament Ewropew mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-14 ta’ Ġunju 2012 fil-Kawża T-396/09 — Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-402/12 P)

    2013/C 9/43

    Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

    Partijiet

    Appellant: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: L. Visaggio u G. Corstens)

    Partijiet oħra fil-proċedura: Vereniging Milieudefensie, Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet tal-appellant

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-14 ta’ Ġunju 2012 fil-Kawża T-396/09;

    tiddeċiedi dwar il-mertu tal-kawża u tiċħad ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza;

    tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż ta’ dan l-appell.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Fil-fehma tal-Parlament, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li setgħet tistħarreġ il-validità tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 (1) fid-dawl tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus (2), minkejja li din id-dispożizzjoni ma għandhiex effett dirett. Il-pożizzjoni meħuda mill-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq interpretazzjoni fundamentalment żbaljata kemm tal-ġurisprudenza stabbilita fir-rigward tal-possibbiltà li għandhom individwi li jinvokaw dispożizzjonijiet ta’ konvenzjonijiet internazzjonali sabiex jikkontestaw il-validità ta’ att tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tan-natura u tal-portata tal-obbligi internazzjonali inkwistjoni fil-kawża ineżami.

    Effettivament, il-Qorti Ġenerali applikat il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi Fediol (3) u Nakajima (4) iżda ma kkunsidratx li din il-ġurisprudenza — li inċidentalment sa issa kienet baqgħet limitata għal numru żgħir ħafna ta’ kawżi — tista’ tiġi applikata biss f’każijiet eċċezzjonali u taħt kundizzjonijiet speċifiċi ħafna. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ma eżaminatx jekk dawn il-kundizzjonijiet kinux attwalment issodisfatti fil-każ ineżami u, min-naħa l-oħra, ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-natura eċċezzjonali tal-ġurisprudenza msemmija.


    (1)  Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13).

    (2)  Konvenzjoni ta’ Århus, tal-25 ta’ Ġunju 1998, dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, adottata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 17).

    (3)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1989, Fediol vs Il-Kummissjoni (70/87, Ġabra p. 1781).

    (4)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima/Rat (C-69/89, Ġabra p. I-2069).


    Top