Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0401

    Kawża C-401/12 P: Appell ippreżentat fit- 3 ta’ Settembru 2012 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl- 14 ta’ Ġunju 2012 fil-Kawża T-396/09 — Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 9, 12.1.2013, p. 25–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.1.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 9/25


    Appell ippreżentat fit-3 ta’ Settembru 2012 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-14 ta’ Ġunju 2012 fil-Kawża T-396/09 — Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-401/12 P)

    2013/C 9/42

    Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

    Partijiet

    Appellant: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Moore u K. Michoel)

    Partijiet oħra fil-proċedura: Vereniging Milieudefensie, Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Il-Parlament Ewropew

    Talbiet tal-appellant

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ġunju 2012 fil-Kawża T-396/09;

    tiċħad kompletament ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza;

    tikkundanna in solidum lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż tal-Kunsill f’din il-kawża.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Fil-fehma tal-Kunsill, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża msemmija iktar ’il fuq fiha żewġ żbalji ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza magħrufa bħala “Nakajima” (1) u “Fediol” (2). Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-legalità tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 (3) setgħet tiġi mistħarrġa fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Århus (4).

    Barra minn hekk, il-Kunsill huwa tal-fehma li l-għażla magħmula mil-leġiżlatur fir-Regolament Nru 1367/2006 hija fi kwalunkwe każ konformi mal-Konvenzjoni ta’ Århus. F’dan ir-rigward, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus mill-Qorti Ġenerali ma hijiex korretta sa fejn ma tieħux inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Konvenzjoni tirrikonoxxi lill-partijiet firmatarji tagħha.

    Għaldaqstant, il-Kunsill jitlob li tiġi annullata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża msemmija iktar ’il fuq u li tingħata deċiżjoni dwar il-mertu tal-kawża billi jiġi miċħud kompletament ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza.


    (1)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill (C-69/89, Ġabra p. I-2069).

    (2)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1989, Fediol vs Il-Kummissjoni (70/87, Ġabra p. 1781).

    (3)  Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13).

    (4)  Konvenzjoni ta’ Århus, tal-25 ta’ Ġunju 1998, dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, adottata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 17).


    Top