Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0292

    Kawża C-292/12: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tartu Ringkonnakohus (Ir-Repubblika tal-Estonja) fil- 11 ta’ Ġunju 2012 — Ragn-Sells AS vs Sillamäe Linnavalitsus

    ĠU C 243, 11.8.2012, p. 10–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.8.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 243/10


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tartu Ringkonnakohus (Ir-Repubblika tal-Estonja) fil-11 ta’ Ġunju 2012 — Ragn-Sells AS vs Sillamäe Linnavalitsus

    (Kawża C-292/12)

    2012/C 243/18

    Lingwa tal-kawża: l-Estonjan

    Qorti tar-rinviju

    Tartu Ringkonnakohus

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Ragn-Sells AS

    Konvenuta: Sillamäe Linnavalitsus

    Domandi preliminari

    (a)

    Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 106(1) u l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jipprekludux Stat Membru milli jawtorizza, f’territorju speċifiku, id-dritt esklużiv li jittratta l-iskart muniċipali jkun, bi ħlas, mogħti lil impriża li topera ċentru ta’ ġestjoni tal-iskart speċifiku, meta jkun hemm diversi kumpanniji kompetitriċi li jeżerċitaw l-attività tagħhom f’raġġ ta’ 260 km u li għandhom diversi ċentri tal-ġestjoni tal-iskart tal-ambjent li jissodisfaw ir-rekwiżiti u li jużaw teknoloġiji ekwivalenti?

    (b)

    L-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lil Stat Membru milli jikkunsidra l-ġbir jew it-trasport tal-iskart, minn naħa, u l-proċessar tal-iskart, min-naħa l-oħra, bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, filwaqt li jissepara dawn is-servizzi minn xulxin, u b’hekk tiġi ristretta l-kompetizzjoni ħielsa tas-suq tal-ġestjoni tal-iskart?

    (c)

    Tista’ tiġi eskluża l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet dwar id-dritt tal-kompetizzjoni fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fi proċedura ta’ għoti għal konċessjoni tas-servizz ta’ ġbir u ta’ trasport tal-iskart, li tipprovdi li, fuq it-territorju definit mill-kuntratt ta’ konċessjoni, id-dritt esklużiv li jiġi pproċessat l-iskart jingħata lil żewġ kumpanniji?

    (d)

    L-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2008/98/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’, billi jibbaża ruħu fuq il-prinċipju ta’ prossimità, jirrestrinġi l-kompetizzjoni u jippermetti d-dritt esklużiv li jiġi pproċessat l-iskart ikun, bi ħlas, mogħti lill-kumpannija li topera ċentru ta’ ġestjoni tal-iskart li huwa l-eqreb għat-territorju li jiġġenera l-iskart, meta jkun hemm diversi kumpanniji kompetitriċi li jeżerċitaw l-attività tagħhom f’raġġ ta’ 260 km u li għandhom diversi ċentri ta’ ġestjoni tal-iskart tal-ambjent li jissodisfaw ir-rekwiżiti u li jużaw teknoloġiji ekwivalenti?


    (1)  Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).


    Top