Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0242

Kawża C-242/12: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank te Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit- 18 ta’ Mejju 2012 — Strafzaak vs Belgian Shell NV

ĠU C 243, 11.8.2012, p. 6–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 243/6


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank te Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-18 ta’ Mejju 2012 — Strafzaak vs Belgian Shell NV

(Kawża C-242/12)

2012/C 243/10

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank te Rotterdam

Partijiet fil-kawża prinċipali

Belgian Shell NV

Domandi preliminari

(1)

Tagħbija diesel għandha tiġi kklassifkata bħala skart fis-sens tar-regolament il-qadim (1) u tal-ġdid (2), fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(a)

it-tagħbija hija komposta minn Ultra Light Sulphur Diesel, li bi żball tħallat ma’ Methyl Tertiary Butyl Ether;

(b)

wara li ġiet ikkunsinnata lix-xerrej, ġara li — minħabba t-taħlita — it-tagħbija ma kinitx tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet miftiehma bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ (din hija, għalhekk, “off spec”);

(c)

skont il-kuntratt tal-bejgħ, il-bejjiegħ — wara kontestazzjoni min-naħa tax-xerrej — ħa lura t-tagħbija u ħallas lura l-prezz tal-bejgħ lil dan tal-aħħar;

(d)

il-bejjiegħ għandu l-intenzjoni li jerġa’ joħroġ it-tagħbija fis-suq — wara li din titħallat jew le ma’ prodott ieħor?

(2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun waħda affermattiva:

(a)

hemm mument, fid-dawl tal-fatti esposti iktar ’il fuq, li minnu t-tagħbija tista’ tiġi kkunsidrata bħala skart?

(b)

l-istatus tat-tagħbija jinbidel, u din tieqaf tkun skart f’xi mument kwalunkwe bejn il-kunsinna lix-xerrej u taħlita ġdida mwettqa minn jew f’isem il-bejjiegħ u, jekk iva, liema huwa dan il-mument?

(3)

Iċ-ċirkustanza li:

(a)

it-tagħbija setgħet xorta waħda tintuża inkwantu karburant bħala ULSD pur, iżda ma kinitx iktar tissodisfa r-rekwiżiti (fil-qasam tas-sigurtà) minħabba l-punt ta’ infjammabbiltà iktar baxx tagħha;

(b)

minħabba l-kompożizzjoni l-ġdida tagħha, it-tagħbija ma setgħetx tinħażen mix-xerrej fid-dawl tal-liċenzji ambjentali tiegħu;

(c)

it-tagħbija ma setgħetx tintuża mix-xerrej għall-finijiet li għalihom huwa kien xtraha, jiġifieri l-bejgħ fil-pompa bħala karburant diesel;

(d)

li x-xerrej kellux, jew le, l-intenzjoni li jagħti lura t-tagħbija lix-xerrej abbażi tal-kuntratt tal-bejgħ;

(e)

il-bejjiegħ effettivament kellu l-intenzjoni li jieħu lura t-tagħbija sabiex jissuġġetaha għal operazzjoni ta’ taħlit u jerġa joħroġha fis-suq;

(f)

it-tagħbija tistax, jew le, jew terġa’ titqiegħed fl-istat oriġinalment mixtieq, jew inkella tiġi ttrasformata fi prodott li jista’ jiġi kkummerċjalizzat bi prezz li joqrob il-valur fis-suq tat-tagħbija oriġinali ta’ ULSD;

(g)

din l-operazzjoni ta’ tqegħid fl-istat oriġinali hija proċess ta’ produzzjoni abitwali;

(h)

il-valur fis-suq tat-tagħbija fl-istat li tinsab fih fil-mument ta’ meta tittieħed lura mix-xerrej jikkorrispondi (kważi) għall-prezz ta’ prodott li tabilħaqq jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet miftiehma;

(i)

it-tagħbija meħuda lura tista’ tinbiegħ fis-suq mingħajr ma tiġi ttrattata, fl-istat li fih tinsab fil-mument ta’ meta tittieħed lura;

(j)

il-prodotti bħal dawk tat-tagħbija huma normalment ikkummerċjalizzati u din il-kummerċjalizzazzjoni ma titqiesx bħala waħda ta’ skart,

hija rilevanti sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda?


(1)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93, tal-1 ta’ Frar 1993, dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 176)

(2)  Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, p. 1)


Top