EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0238

Kawża C-238/12 P: Appell ippreżentat fis- 16 ta’ Mejju 2012 minn FLSmidth & Co. A/S mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fis- 6 ta’ Marzu 2012 fil-Kawża T-65/06, FLSmidth & Co. A/S vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 303, 6.10.2012, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 303/10


Appell ippreżentat fis-16 ta’ Mejju 2012 minn FLSmidth & Co. A/S mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fis-6 ta’ Marzu 2012 fil-Kawża T-65/06, FLSmidth & Co. A/S vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-238/12 P)

2012/C 303/20

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: FLSmidth & Co. A/S (rappreżentanti: M. Dittmer, avukat, J. Ratliff, Barrister, F. Louis, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjonni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

Abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1), l-Artikolu 263 u l-Artikolu 264 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fuq l-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003 (1), u fuq l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, FLSmidth & Co. A/S titlob bir-rispett li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2012 fil-Kawża T-65/06,

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-30 ta’ Novembru 2005 fil-Każ COMP/F/38.354 dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE sa fejn din tikkonċerna lil FLS, jew, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont impost fuq FSL fid-deċiżjoni,

tordna li l-Kummissjoni Ewropea tbati l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tat-talba ewlenija tal-appellanti, FLS tqajjem żewġ aggravji, fejn l-aħħar wieħed fosthom huwa sostnut minn żewġ sotto-motivi.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma applikatx it-test legali korrett sabiex timputa r-responsabbiltà lil kumpannija parent (finali). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tislet il-konsegwenzi legali korretti mill-provi sottomessi lilha billi ma kkonkludietx li FLS kien irnexxielha tikkonfuta l-preżunzjoni tar-responsabbiltà tal-kumpannija parent.

Il-Qorti Ġenerali naqset milli tivverifika jekk il-Kummissjoni osservatx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

Il-Kummissjoni nnifisha wettqet żball billi ma osservatx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi ma indirizzatx biżżejjed l-argumenti u l-provi sottomessi minn FLS sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni tar-responsabbiltà tal-kumpannija parent.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma osservatz l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha peress li d-deċiżjoni ma kienet tinkludi ebda motivazzjoni għalfejn FLS kellha tkun responsabbli għall-perijodu minn Diċembru 1990 sa Diċembru 1991.

Insostenn tat-talba sussidjarja tal-appellanti, FLS tqajjem erbat aggravji.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tapplika l-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ legalità meta stħarrġet ir-responsabbiltà imposta fuq FLS; u għaldaqstant naqset milli tnaqqas debitament ir-responsabbiltà inkwistjoni.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli ttemm in-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament min-naħa tal-Kummissjoni meta tat lil Trioplast Industrier AM — u mhux lil FLS — tnaqqis ta’ 30 % taħt il-Komunikazzjoni dwar il-klemenza.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi applikat b’mod żbaljat it-tieni inċiż tat-Taqsima D tal-Komunikazzjoni dwar il-klemenza, billi ma tatx lil FLS tnaqqis abbażi ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tapplika l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li Bonar Technical Fabrics ingħatat tnaqqis ta’ 10 %, mill-inqas għall-istess aġir.

Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem billi ma tatx sentenza f’terminu raġonevoli.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)


Top