Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0202

    Kawża C-202/12: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof te’s-Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit- 30 ta’ April 2012 — Innoweb BV vs Wegener ICT Media BV, Wegener Mediaventions BV

    ĠU C 243, 11.8.2012, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.8.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 243/2


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof te’s-Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-30 ta’ April 2012 — Innoweb BV vs Wegener ICT Media BV, Wegener Mediaventions BV

    (Kawża C-202/12)

    2012/C 243/03

    Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

    Qorti tar-rinviju

    Gerechtshof te’s-Gravenhage

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Innoweb BV

    Konvenuti: Wegener ICT Media BV, Wegener Mediaventions BV

    Domandi preliminari

    (1)

    L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm użu mill-ġdid (tqegħid għad-dispożizzjoni) tal-kontenut ta’ database kollu jew ta’ parti sostanzjali minnha, evalwata b’mod kwalitattiv jew kwantitattiv, liema database hija offerta fuq sit internet (online) minn terz, jekk tali terz joffri l-possibbiltà lill-pubbliku li, permezz ta’ meta-mutur ta’ riċerka speċifiku, iwettaq riċerki fi “żmien reali” fil-kontenut kollu ta’ database jew ta’ parti sostanzjali minnha, permezz ta’ domanda ta’ riċerka ta’ utent “bi traduzzjoni” fil-mutur ta’ riċerka tas-sit web li fuqu hija offruta d-database?

    (2)

    Fil-każ li r-risposta tkun fin-negattiv, is-sitwazzjoni tkun differenti jekk, wara li jingħata r-riżultat tar-riċerka, it-terz jibgħat jew juri lil kull utent parti minima tal-kontenut tad-database jew fil-format tas-sit internet tiegħu stess?

    (3)

    Huwa rilevanti għar-risposti għall-ewwel u għat-tieni domandi li t-terz iwettaq dawn l-attivitajiet kontinwament u li, permezz tal-mutur ta’ riċerka tiegħu, kuljum iwettaq 100 000 domanda ta’ riċerka mingħand utenti “bi traduzzjoni” u jqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ diversi utenti r-riżultati miksuba permezz ta’ dawn ir-riċerki li jkunu saru kif deskritt iktar ’il fuq?

    (4)

    L-Artikolu 7(5) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu mill-ġdid ripetittiv u sistematiku ta’ partijiet mhux sostanzjali tal-kontenut ta’ database li jimplika atti li jmorru kontra l-użu normali ta’ din id-database, jew li jippreġudika indebitament l-interessi leġittimi tal-manifattur tad-database, ma huwiex permissibbli, jew huwa biżżejjed li jkun hemm użu mill-ġdid ripetittiv jew sistematiku?

    (5)

    Fil-każ ta’ rekwiżit ta’ użu mill-ġdid ripetittiv u sistematiku:

    (a)

    xi tfisser il-kelma sistematiku?

    (b)

    użu mill-ġdid huwa sistematiku meta tintuża sistema awtomatizzata?

    (c)

    huwa rilevanti l-fatt li meta-mutur ta’ riċerka jintuża kif deskritt iktar ’il fuq?

    (6)

    L-Artikolu 7(5) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni inkluża f’tali artikolu ma tapplikax jekk, għal kull domanda ta’ riċerka, huma biss, ripetutament, partijiet mhux sostanzjali tal-kontenut ta’ database li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti individwali tal-meta-mutur ta’ riċerka ta’ terz mit-terz inkwistjoni?

    (7)

    Jekk ir-risposta tkun fl-affermattiv, dan japplika wkoll jekk l-effett kumulattiv tal-użu mill-ġdid ripetittiv ta’ dawn il-partijiet mhux sostanzjali huwa li parti sostanzjali tal-kontenut titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti individwali flimkien?

    (8)

    L-Artikolu 7(5) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, peress li hemm inkwistjoni aġir li fir-rigward tiegħu ma ngħatat ebda awtorizzazzjoni u li, minħabba l-effett kumulattiv tal-użu mill-ġdid, il-kontenut kollu jew parti sostanzjali ta’ database protetta jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni huma sodisfatti, jew għandu jiġi invokat u pprovat ukoll li dawn l-atti jmorru kontra l-użu normali tad-database jew jippreġudikaw indebitament l-interessi leġittimi tal-produttur tad-database?

    (9)

    Għandu jiġi preżunt li l-investiment tal-persuna li pproduċiet id-database huwa ppreġudikat serjament fil-każ tal-aġir imsemmi iktar ’il fuq?


    (1)  Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459).


    Top