EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0187

Kawża C-187/12: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fit- 23 ta’ April 2012 — SFIR vs AGEA u Ministero delle Politiche Agricole, Alimentari e Forestali

ĠU C 194, 30.6.2012, p. 13–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 194/13


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fit-23 ta’ April 2012 — SFIR vs AGEA u Ministero delle Politiche Agricole, Alimentari e Forestali

(Kawża C-187/12)

2012/C 194/20

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: SFIR — Società fondiaria industriale romagnola SpA

Konvenuti: Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura (AGEA), Ministero delle Politiche Agricole, Alimentari e Forestali

Domanda preliminari

Iż-żarmar totali tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni taz-zokkor, tal-isoglukożju u tal-ġulepp tal-inulina skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006 (1), li r-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tiegħu huma previsti fir-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 968/2006 (2), għandu jinftiehem fis-sens li l-faċilitajiet li għandhom jiġu żarmati huma biss dawk li huma neċessarji għall-produzzjoni, kif jipprovdi espressament l-imsemmi Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill, li skontu ir-Regolament tal-Kummissjoni għandu jiġi interpretat taħt piena ta’ nullità? Konsegwentement, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 320/2006 u l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 968/2006, il-faċilitajiet li għandhom jiġu żarmati jinkludu biss dawk intiżi għall-produzzjoni taz-zokkor, tal-isoglukożju u tal-ġulepp tal-inulina, kif ukoll il-faċilitajiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 4(c) tar-Regolament Nru 968/2006, b’mod partikolari l-faċilitajiet ta’ ppakkjar, li jkunu baqgħu ma ntużawx u li għandhom jiġu żarmati jew mneħħija għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent, u, sussegwentement, il-faċilitajiet li ma humiex marbuta mal-produzzjoni taz-zokkor, tal-isoglukożju u tal-ġulepp tal-inulina, li jkunu ntużaw iżda li huma użati għal attivitajiet oħra — bħall-attività ta’ ppakkjar f’dan il-każ — u li ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ tneħħija għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent jistgħu jinżammu għaliex ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ tneħħija msemmi fir-regolamenti Komunitarji ċċitati iktar ’il fuq?


(1)  ĠU 2008, L 335M, p. 29.

(2)  ĠU 2008, L 322M, p. 183.


Top