Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0095

    Kawża C-95/12: Rikors ippreżentat fil- 21 ta’ Frar 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Ġermanja

    ĠU C 118, 21.4.2012, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.4.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 118/19


    Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Ġermanja

    (Kawża C-95/12)

    2012/C 118/32

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: E. Montaguti u G. Braun, aġenti)

    Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    Talbiet

    Ir–rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiddikjara li, billi naqset milli tadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta’ Ottubru 2007 fil-Kawża C-112/05, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, dwar l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta’ dispożizzjonijiet tal-VW-Gesetz, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(2) TFEU;

    tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għal pagamenti ta’ penalità għal kull jum fl-ammont ta’ EUR 282 725,10 u għal ħlas ta’ somma f’daqqa għal kull jum fl-ammont ta’ EUR 31 114,72, pagabbli fil-kont tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea;

    tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-112/05, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, ngħatat fit-23 ta’ Ottubru 2007. F’dik il-kawża, il-Kummissjoni essenzjalment issottomettiet li tliet dispożizzjonijiet tal-VW-Gesetz setgħu jiskoraġġixxu l-investiment dirett u għalhekk irrestrinġew il-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56 KE inkwantu dawn, fl-ewwel lok, b’deroga mil-liġi ġenerali, illimitaw id-drittijiet ta’ votazzjoni ta’ kull azzjonist għal 20 % tal-kapital azzjonarju ta’ Volkswagen, fit-tieni lok, ħtieġu maġġoranza ta’ iktar minn 80 % tal-kapital azzjonarju rrappreżentat sabiex jittieħdu riżoluzzjonijet tal-assemblea ġenerali li, skont il-liġi ġenerali, jeħtieġu biss maġġoranza ta’ 75 % u, fit-tielet lok, ippermettew, b’deroga mil-liġi ġenerali, li l-Istat Federali u l-Land Niedersachsen jappuntaw, kull wieħed minnhom, żewġ rappreżentanti fil-bord ta’ superviżjoni ta’ Volkswagen.

    Mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li kull waħda minn dawn it-tliet dispożizzjonijiet tal-VW-Gesetz ikkontestati, ikkunsidrata individwalment, kienet tikser il-moviment liberu tal-kapital.

    Il-liġi adottata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li, fil-fehma ta’ din tal-aħħar, implementat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għadha teħtieġ, madankollu, maġġoranza ta’ iktar minn 80 % tal-kapital azzjonarju rrappreżentat sabiex jittieħdu riżoluzzjonijiet tal-assemblea ġenerali ta’ Volkswagen AG, li, skont l-Aktiengesetz (il-liġi dwar il-kumpanniji Ġermaniża), jeħtieġu biss maġġoranza ta’ 75 %. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiġġustifika dan billi tirreferi għad-dispożittiv tas-sentenza fil-Kawża C-112/05 li jipprovdi li din id-dispożizzjoni tikkostitiwixxi ksur legali biss meta kkunsidrata flimkien maż-żewġ dispożizzjonijiet l-oħra. Ikkunsidrata individwalment, madankollu, din id-dispożizzjoni ma tikkostitwixxix ksur tal-moviment liberu tal-kapital.

    Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-kliem użat fid-dispożittiv tas-sentenza ma jeskludix l-illegalità tat-tliet dispożizzjonijiet ikkontestati, ikkunsidrati individwalment. Fl-implementazzjoni ta’ sentenza, ma huwiex biss id-dispożittiv li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, iżda wkoll il-motivazzjoni tad-deċiżjoni. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, jidher li huwa partikolarment imġebbed l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li permezz tiegħu tipprova tiġġustifika n-nuqqas ta’ implementazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja biss fuq il-bażi ta’ tliet kelmiet “fid-dawl ta’” fid-dispożittiv tas-sentenza. Tali interpretazzjoni tinjora l-motivazzjoni ġenerali tas-sentenza kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-imsejħa “Golden Shares”.

    Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li għandha tressaq mill-ġdid il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 260(2) TFEU. L-ammont tas-sanzjonijiet finanzjarji ġie ddeterminat fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Settembru 2011 li taġġorna d-data għall-kalkolu tal-ħlas ta’ somma f’daqqa u l-pagamenti ta’ penalità (1).


    (1)  ĠU 2011 C 12, p. 1


    Top