This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62012CJ0597
Judgment of the Court (Seventh Chamber) of 17 October 2013. # Isdin SA v Bial-Portela & Cª SA. # Appeal - Community trade mark - Opposition proceedings - Application for Community word mark ZEBEXIR - Earlier word mark ZEBINIX - Relative grounds for refusal - Regulation (EC) No 207/2009 - Article 8(1)(b) - Obligation to state reasons. # Case C-597/12 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba' Awla) tas-17 ta' Ottubru 2013.
Isdin SA vs Bial-Portela & Cª SA.
Appell - Trade mark Komunitarja - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali ZEBEXIR - Trade mark verbali preċedenti ZEBINIX - Raġunijiet relattivi għal rifjut - Regolament (KE) Nru 207/2009 - Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 - Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża C-597/12 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba' Awla) tas-17 ta' Ottubru 2013.
Isdin SA vs Bial-Portela & Cª SA.
Appell - Trade mark Komunitarja - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali ZEBEXIR - Trade mark verbali preċedenti ZEBINIX - Raġunijiet relattivi għal rifjut - Regolament (KE) Nru 207/2009 - Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 - Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża C-597/12 P.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:672
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
17 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )
“Appell — Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali ZEBEXIR — Trade mark verbali preċedenti ZEBINIX — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Obbligu ta’ motivazzjoni”
Fil-Kawża C‑597/12 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2012,
Isdin SA, stabbilita f’Barcelona (Spanja), irrappreżentata minn G. Marín Raigal u P. López Ronda, avukati,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn P. Geroulakos, bħala aġent,
konvenut fl-ewwel istanza,
Bial-Portela & Ca SA, stabbilita f’São Mamede do Coronado (il-Portugall),
rikorrenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn G. Arestis, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħha, Isdin SA (iktar ’il quddiem “Isdin”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Ottubru 2012, Bial-Portela vs UASI – Isdin (ZEBEXIR) (T‑366/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tas-6 ta’ April 2011 (Każ R 1212/2009‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Bial-Portela & Ca SA (iktar ’il quddiem “Bial-Portela”) u Isdin (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
2 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma miġbura fil-qosor kif ġej fil-punti 1 sa 9 tas-sentenza appellata:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
3 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Lulju 2011, Bial-Portela ressqet rikors intiż, minn naħa, sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, sabiex l-UASI jiġi ordnat jirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni. |
4 |
Insostenn tar-rikors tagħha, Bial-Portela qajmet motiv uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. |
5 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, iddeċidiet li t-talba għall-għoti ta’ ordni mressqa minn Bial-Portela kienet inammissibbli u, min-naħa l-oħra, laqgħet l-uniku motiv tar-rikors ta’ din tal-aħħar u annullat id-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, hija kkunsidrat, b’mod partikolari:
|
6 |
F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet kif ġej fil-punt 40 tas-sentenza appellata: “Issa, kuntrarjament għal dak li kkonstata l-Bord tal-Appell, is-sinjali inkwistjoni għandhom livell ta’ xebh medju, b’mod partikolari fuq livell viżiv. F’dan il-kuntest, għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prodotti fil-klassi 3 u parti kbira mill-prodotti fil-klassi 5 (jiġifieri, l-ikel għat-trabi, materjali għal faxex għal feriti, diżinfettanti, prodotti għall-qerda tal-annimali li jagħmlu ħsara, funguċidi u erbiċidi), koperti mit-trade marks inkwistjoni, huma normalment ikkummerċjalizzati billi jitqiegħdu għall-wiri fis-supermarkits u għalhekk jintgħażlu mill-konsumaturi wara eżami viżiv tal-imballaġġ tagħhom, li jfisser li x-xebh viżiv tas-sinjali għandu importanza partikolari. Għalhekk għandu jiġi konkluż li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti.” |
It-talbiet tal-partijiet
7 |
Isdin u l-UASI jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tikkundanna lil Bial-Portela għall-ispejjeż tal-appell. Barra minn hekk, Isdin titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata sa fejn ċaħdet l-oppożizzjoni ta’ Bial-Portela kollha kemm hi. |
Fuq l-appell
8 |
Isdin tqajjem, essenzjalment, ħames aggravji kontra s-sentenza appellata, li huma bbażati fuq żnaturament tad-deċiżjoni kkontestata, żnaturament tal-fatti, ksur tad-drittijiet tad-difiża u ksur taħt żewġ aspetti tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Fir-risposta tiegħu għall-komunikazzjoni tal-appell, l-UASI jsostni t-tieni u l-ħames aggravji, filwaqt li jikklassifika l-ħames aggravju bħala ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali. |
9 |
Għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, il-ħames aggravju mqajjem minn Isdin insostenn tal-appell tagħha. |
L-argumenti tal-partijiet
10 |
Permezz tal-ħames aggravju tagħha, Isdin issostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 billi ma applikatx korrettament, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza dwar l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. |
11 |
F’dan ir-rigward, Isdin tirrileva li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li x-xebh bejn is-sinjal fuq livell viżiv kien importanti għal uħud mill-prodotti fil-klassi 5 tal-Ftehim ta’ Nice koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha, iżda li ma kienx importanti għal prodotti oħra, u kkonkludiet li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bbażata fuq dan ix-xebh viżiv għall-prodotti kollha f’din il-klassi koperti mill-imsemmija trade mark. |
12 |
Issa, skont Isdin, il-Qorti Ġenerali ma semmietx l-importanza tax-xebh viżiv jew l-assenza tagħha għall-prodotti l-oħra fl-imsemmija klassi 5 koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, b’mod li l-konklużjoni dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni ma tistax titqies li tinkludi dawn il-prodotti. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha ta’ dan il-każ. |
13 |
L-UASI jaqbel mar-raġunament magħmul minn Isdin. Huwa jispeċifika li, anki li kieku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali kellu jitqies li huwa korrett u rilevanti għall-prodotti li għalihom irreferiet espressament il-Qorti Ġenerali, dan la jkun korrett u lanqas rilevanti għall-prodotti l-oħra fil-klassi 5 tal-Ftehim ta’ Nice, jiġifieri, il-“prodotti farmaċewtiċi, veterinarji u sanitarji, sustanzi dijetetiċi għal użu mediku, ġibs mediku, materjal għall-mili tas-snien u xama’ dentali”, li huma kkummerċjalizzati mhux fis-supermarkits, iżda fl-ispiżeriji, fejn ix-xebh viżiv ma huwiex importanti. |
14 |
Għaldaqstant, l-UASI jqis li, għal parti sinjifikattiva tal-prodotti inklużi fl-imsemmija klassi 5, l-unika motivazzjoni tas-sentenza appellata dwar l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni hija li “is-sinjali inkwistjoni għandhom livell ta’ xebh medju, b’mod partikolari fuq livell viżiv”. Issa tali motivazzjoni hija ġenerali u astratta wisq u, għaldaqstant, insuffiċjenti sabiex tispjega r-raġuni għaliex dan il-livell ta’ xebh medju jista’ jqarraq bil-konsumaturi dwar l-oriġini tal-prodotti inkwistjoni. Għalhekk, l-UASI jsostni s-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
15 |
Qabelxejn għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-ħames aggravju tagħha, Isdin fir-realtà qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif irrileva ġustament l-UASI, tikkonstata nuqqas ta’ motivazzjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali fl-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. |
16 |
Skont din id-dispożizzjoni, jekk issir oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma għandhiex tiġi rreġistrata jekk, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha mat-trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. |
17 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew, skont il-każ, minn impriżi relatati ekonomikament, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C-334/05 P, Ġabra p. I-4529, punt 33; tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C-193/06 P, Ġabra p. I-114, punt 32, u tas-16 ta’ Ġunju 2011, Union Investment Privatfonds vs UniCredito Italiano, C-317/10 P, Ġabra p. I-5471, punt 53). |
18 |
L-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku għandha tiġi evalwata b’mod globali filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 22; UASI vs Shaker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34, u Nestlé vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33). |
19 |
Skont ġurisprudenza wkoll stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġlobali prodotta minnhom, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks mill-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-imsemmija probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark b’mod sħiħ u ma jwettaqx eżami tad-diversi dettalji tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq SABEL, punt 23; UASI vs Shaker, punt 35, u Nestlé vs UASI, punt 34). |
20 |
B’mod partikolari, sabiex jiġi evalwat il-livell ta’ xebh li jeżisti bejn it-trade marks ikkonċernati, għandu jiġi ddeterminat il-livell ta’ xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali bejniethom u, jekk ikun il-każ, għandha tiġi evalwata l-importanza li għandha tingħata lil dawn id-diversi elementi, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni u l-kundizzjonijiet li fihom jiġu kkummerċjalizzati (sentenzi UASI vs Shaker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36, u tal-24 ta’ Marzu 2011, Ferrero vs UASI, C-552/09 P, Ġabra p. I-2063, punt 85). |
21 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi, impost fuq il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ma jeħtieġx li din tagħti espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha mfissra mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ għaldaqstant tkun impliċita, bil-kundizzjoni li hija tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li fuqhom tibbaża ruħha l-Qorti Ġenerali u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, A2A vs Il‑Kummissjoni, C‑320/09 P, punt 97). |
22 |
F’dan il-każ, mis-sentenza appellata, u b’mod partikolari mill-punt 40 tagħha, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, sabiex jiġi evalwat il-livell ta’ xebh li jeżisti bejn it-trade marks inkwistjoni, il-kundizzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni li, skontha, jipprevalu fir-rigward tal-ikel għat-trabi, materjali għal faxex għal feriti, diżinfettanti, prodotti għall-qerda tal-annimali li jagħmlu ħsara, funguċidi u erbiċidi fil-klassi 5 tal-Ftehim ta’ Nice. |
23 |
Madankollu, anki jekk jitqies li effettivament jipprevalu dawn il-kundizzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni għal dawn il-prodotti, ħaġa li hija kkuntestata b’mod dettaljat kemm minn Isdin kif ukoll mill-UASI, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirrilevaw ġustament Isdin u l-UASI, tali evalwazzjoni hija nieqsa fir-rigward tal-prodotti l-oħra fl-imsemmija klassi 5 u li huma koperti mill-applikazzjoni għal trade mark inkwistjoni. |
24 |
Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-punt 40 tas-sentenza appellata, inkwantu jirreferi biss għal “parti kbira mill-prodotti fil-klassi 5 (jiġifieri, l-ikel għat-trabi, materjali għal faxex għal feriti, diżinfettanti, prodotti għall-qerda tal-annimali li jagħmlu ħsara, funguċidi u erbiċidi)”, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma estendietx ir-raġunament segwit fir-rigward tal-prodotti hekk elenkati għall-prodotti l-oħra fl-imsemmija klassi. Madankollu, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-prodotti kollha f’din il-klassi 5 tal-Ftehim ta’ Nice. |
25 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-eżami tar-raġunijiet għal rifjut għandu jirrigwarda kull wieħed mill-prodotti jew servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2007, BVBA Management, Training en Consultancy, C-239/05, Ġabra p. I-1455, punt 34). |
26 |
Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li, meta tingħata l-istess raġuni għal rifjut għal kategorija jew grupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi, il-motivazzjoni tista’ tkun globali għall-prodotti jew servizzi kkonċernati kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BVBA Management, Training en Consultancy, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37, u d-digriet tal-21 ta’ Marzu 2012, Fidelio vs UASI, C‑87/11 P, punt 43). |
27 |
Madankollu, tali possibbiltà testendi biss għall-prodotti jew għas-servizzi li jkollhom bejniethom rabta diretta u konkreta suffiċjenti, sal-punt li jifformaw kategorija jew grupp ta’ prodotti jew servizzi omoġenji biżżejjed. Is-sempliċi fatt li l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jaqgħu fl-istess klassi skont il-Ftehim ta’ Nice ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li teżisti tali omoġenjità, peress li dawn il-klassijiet ta’ spiss ikollhom varjetà kbira ta’ prodotti jew ta’ servizzi li mhux neċessarjament ikollhom rabta diretta u konkreta suffiċjenti bejniethom (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-18 ta’ Marzu 2010, CFCMCEE vs UASI, C-282/09 P, Ġabra p. I-2395, punt 40). |
28 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali stess għamlet distinzjoni bejn il-prodotti fl-istess klassi tal-Ftehim ta’ Nice, skont il-kundizzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, kellha l-obbligu li timmotiva d-deċiżjoni tagħha fir-rigward ta’ kull wieħed mill-gruppi ta’ prodotti li ħolqot fi ħdan din il-klassi. |
29 |
Billi tali motivazzjoni hija nieqsa fir-rigward tal-prodotti tal-imsemmija klassi 5 minbarra dawk elenkati fil-punt 40 tas-sentenza appellata, jiġifieri l-ikel għat-trabi, materjali għal faxex għal feriti, diżinfettanti, prodotti għall-qerda tal-annimali li jagħmlu ħsara, funguċidi u erbiċidi, dik is-sentenza ma tippermettix lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li fuqhom tibbaża ruħha l-Qorti Ġenerali, f’dan ir-rigward, sabiex tannulla d-deċiżjoni kkontestata u lanqas ma tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fil-kuntest ta’ dan l-appell. |
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, u mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra invokati minn Isdin insostenn tal-appell tagħha, dan l-appell għandu jintlaqa’ u s-sentenza appellata għandha tiġi annullata. |
31 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha. F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża. |
32 |
Għaldaqstant, il-kawża għandha tiġi rrinvjata quddiem il-Qorti Ġenerali u l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.