Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0588

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-27 ta’ Frar 2014.
    Lyreco Belgium NV vs Sophie Rogiers.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-arbeidshof te Antwerpen.
    Politika soċjali — Direttiva 96/34/KE — Ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri — Klawżoli 1 u 2(4) — Leave parentali part-time — Tkeċċija ta’ ħaddiem mingħajr raġuni serja jew suffiċjenti — Kumpens b’rata fissa għal protezzjoni minħabba li jittieħed leave parentali — Bażi għall-kalkolu tal-kumpens.
    Kawża C‑588/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:99

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    27 ta’ Frar 2014 ( *1 )

    “Politika Soċjali — Direttiva 96/34/KE — Ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri — Klawżoli 1 u 2(4) — Leave parentali part-time — Tkeċċija ta’ ħaddiem mingħajr raġuni serja jew suffiċjenti — Kumpens b’rata fissa għal protezzjoni minħabba li jittieħed leave parentali — Bażi għall-kalkolu tal-kumpens”

    Fil-Kawża C‑588/12,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-arbeidshof te Antwerpen (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Diċembru 2012, fil-proċedura

    Lyreco Belgium NV

    vs

    Sophie Rogiers,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Lyreco Belgium NV, minn E. Lievens, avukat,

    għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Gheorghiu u M. van Beek, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżoli 1 u 2(4), tal-Ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri [leave parentali], konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 97/75/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5 Vol. 3, p. 263, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 96/34”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Lyreco Belgium NV (iktar ’il quddiem “Lyreco”) u S. Rogiers dwar il-kalkolu tal-kumpens b’rata fissa għall-protezzjoni li jingħatalha minħabba fit-tkeċċija illegali tagħha li seħħet matul il-perijodu ta’ leave parentali fuq bażi part-time.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-preambolu tal-Ftehim qafas jistabbilixxi fl-ewwel paragrafu tiegħu:

    “Il-Ftehim qafas anness jirrappreżenta l-impenn tal-UKIIE [Unjoni tal-Konfederazzjonijiet Industrijali u ta’ min iħaddem fl-Ewropa], ĊEIP [Ċentru Ewropew tal-Intrapriżi Pubbliċi] u ta’ KETU [Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions] biex jistabbilixxu l-ħtiġiet minimi dwar il-leave tal-ġenituri [leave parentali] […], bħala mezz importanti biex jistgħu jkunu rikonċiljati l-ħajja tax-xogħol u tal-familja u biex jippromwovu l-opportunitajiet u trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa.”

    4

    Skont il-punti 4 sa 6 tal-kunsiderazzjoni ġenerali tal-istess Ftehim qafas:

    “4.

    Billi l-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali [tal-ħaddiema, adottata matul il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Strasbourg fid-9 ta’ Diċembru 1989,] tipprovdi fil-punt 16 li jitkellem dwar it-trattament ugwali, li għandhom ikunu żviluppati miżuri biex jippermettu lill-irġiel u n-nisa li jaqdu flimkien l-obbligi tagħhom tax-xogħol u tal-familji;

    5.

    Billi r-Rizoluzzjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Diċembru 1994 irrikonoxxiet li politika effettiva ta’ opportunitajiet ugwali tippresupponi strateġija integrata ġenerali li tippermetti l-organizzazzjoni aħjar tal-ħinijiet tax-xogħol u flessibilità akbar, u għal ritorn iktar faċli għall-ħajja tax-xogħol, u nnotat ir-rwol importanti tal-imsieħba soċjali f’dan il-qasam u fl-offerta kemm lill-irġiel u lin-nisa tal-opportunità li jaqdu flimkien ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u l-obbligi familjari;

    6.

    Billi miżuri biex jiġu rrikonċiljati ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u l-ħajja familjari għandhom jinkoraġġixxu l-introduzzjoni ta’ modi ġodda flessibbli fl-organizzazzjoni tax-xogħol u tal-ħin li jkunu iktar adatti għall-bżonnijiet qed jinbidlu tas-soċjetà u li tieħu inkonsiderazzjoni il-bżonnijiet kemm tal-impriża kif ukoll tal-ħaddiema”.

    5

    Il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas tipprovdi:

    “1.

    Dan il-ftehim jistabilixxi ħtiġiet minimi intiżi biex jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni tar-responsabbilitajiet professjonali u tal-familja għall-ġenituri li jaħdmu.

    2.

    Dan il-ftehim japplika għall-ħaddiema kollha, rgiel u nisa, li għandhom kuntratt ta’ mpjieg jew relazzjoni ta’ xogħol kif definit mill-liġi, ftehim kollettiv jew prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru.”

    6

    Il-klawżola 2 tal-Ftehim qafas, intitolata “Il-leave tal-ġenituri”, hija fformulata b’dan il-mod:

    “1.

    Dan il-ftehim jagħti, b’riżerva tal-klawsola 2.2, lill-ħaddiema rġiel u dawk nisa, id-dritt individwali għall-leave tal-ġenituri għar-raġuni tat-twelid jew tal-adozzjoni biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild, għall-anqas għal tliet xhur, sal-età li tista’ tkun ta’ tmien snin li għandha tiġi definita mill-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali.

    […]

    3.

    Il-kondizzjonijiet tal-aċċess u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-leave tal-ġenituri għandhom ikunu definiti mill-liġi u /jew bi ftehim kollettiv fl-Istati Membri, sakemm il-ħtiġiet minimi ta’ dan il-ftehim ikunu mħarsa. L-Istati Membri u /jew l-imsieħba soċjali jistgħu, in partikulari:

    a)

    jiddeċiedu jekk il-leave tal-ġenituri jingħatax fuq bażi ta’ full-time jew part-time, b’mod frammentat jew b’sistema ta’ kreditu ta’ ħin;

    b)

    jissoġġettaw il-kwalifikazzjoni għall-leave tal-ġenituri għal perijodu ta’ xogħol u/jew ta’ anzjanità fix-xogħol li ma jistax ikun iktar minn sena;

    […]

    4.

    Biex jiżguraw li l-ħaddiema jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tal-leave tal-ġenituri, l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jieħdu il-miżuri neċċessarji biex jipproteġu lill-ħaddiem kontra t-tkeċċija abbażi ta’ applikazzjoni għal, jew minħabba li jittieħed, leave tal-ġenituri skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv u l-prattiċi nazzjonali.

    5.

    Fl-aħħar tal-leave tal-ġenituri, il-ħaddiema għandu jkollhom id-dritt jirritornaw għall-istess impjieg jew, jekk dan mhuwiex possibbli, għal impjieg ekwivalenti jew simili konsistenti mal-kuntratt tal-impjieg jew mar-relazzjoni tax-xogħol tagħhom.

    6.

    Id-drittijiet akkwiżiti jew fil-proċess li jkunu akkwiżiti mill-ħaddiem fid-data li fiha l-leave tal-ġenituri jibda’ għandhom jibqgħu kif inhuma sa meta jintemm il-leave tal-ġenituri. Fit-tmiem tal-leave tal-ġenituri, dawn id-drittijiet, inkluż kull tibdil ikkawżat mill-liġi, mill-ftehim kollettiv u mill-prattiċi nazzjonali, għandhom japplikaw.

    […]”

    Id-dritt Belġjan

    7

    Fil-Belġju, it-traspożizzjoni tad-Direttiva 96/34 saret għall-ħaddiema impjegati fis-settur privat permezz tad-Digriet Irjali dwar l-introduzzjoni ta’ dritt għal leave parentali fil-kuntest ta’ interruzzjoni tal-karriera professjonali (koninklijk besluit tot invoering van een recht op ouderschapsverlof in het kader van de onderbreking van de beroepsloopbaan), tad-29 ta’ Ottubru 1997 (Belgisch Staatsblad, 7 ta’ Novembru 1997, p. 29930), fil-verżjoni applikabbli tiegħu fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“digriet irjali tal-1997”), u permezz ta’ ċerti dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5, tal-Kapitolu IV, intitolata “Interruzzjoni tal-karriera professjonali”, tal-Liġi ta’ konsolidazzjoni li fiha dispożizzjonijiet soċjali (herstelwet houdende sociale bepalingen), tat-22 ta’ Jannar 1985 (Belgisch Staatsblad, tal-24 ta’ Jannar 1985, p. 6999, iktar ’il quddiem il-“Liġi ta’ konsolidazzjoni”).

    8

    Skont l-Artikolu 2(1) tad-Digriet Irjali tal-1997, moqri flimkien mal-Artikoli 100 u 102 tal-Liġi ta’ konsolidazzjoni, il-ħaddiem għandu d-dritt li jieħu leave parentali skont wieħed mill-metodi li ġejjin:

    jew tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu matul perijodu ta’ tliet xhur (Artikolu 100 tal-imsemmija liġi);

    jew iwettaq l-attività ta’ xogħol tiegħu part-time matul perijodu ta’ sitt jew ħmistax-il xahar, taħt il-forma, rispettivament, ta’ nofs il-ħin normali ta’ xogħol jew ta’ tnaqqis fil-ħin ta’ xogħol tiegħu b’waħda minn kull ħames partijiet f’impjieg fuq bażi full-time (Artikolu 102 tal-istess liġi).

    9

    L-Artikolu 6(1) tal-imsemmi Digriet Irjali jipprovdi li l-ħaddiem li jixtieq jeżerċita d-dritt għal leave parentali għandu javża lill-persuna li timpjegah minn tal-inqas xahrejn u l-iktar tliet xhur qabel. Dan it-terminu jista’ jitnaqqas bi ftehim komuni bejn il-persuna li timpjega u l-ħaddiem.

    10

    Skont l-Artikolu 4 tad-Digriet Irjali tal-1997, il-ħaddiem jista’ biss madankollu jsostni li għandu dritt għal leave parentali jekk, matul il-perijodu ta’ ħmistax-il xahar li jippreċedu l-komunikazzjoni bil-miktub lill-persuna li timpjega, kien marbut ma’ dan tal-aħħar għal minn tal-inqas tnax-il xahar permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol.

    11

    L-Artikolu 101 tal-Liġi ta’ konsolidazzjoni jintroduċi sistema ta’ protezzjoni kontra t-tkeċċija li tapplika b’mod partikolari għal leave parentali. Dan l-artikolu huwa redatt kif ġej:

    “Meta l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol tiġi sospiża […] jew meta l-provvisti ta’ xogħol jonqsu skont l-Artikolu 102(1) […], il-persuna li timpjega ma tista’ tieħu l-ebda azzjoni intiża li twaqqaf unilateralment ir-relazzjoni ta’ xogħol, ħlief għal raġuni serja fis-sens tal-Artikolu 35 tal-liġi […] dwar il-kuntratti ta’ xogħol [(wet betreffende de arbeidsovereenkomsten), tat-3 ta’ Lulju 1978 (Belgisch Staatsblad, tat-22 ta’ Awwissu 1978, p. 9277, iktar ’il quddiem “il-Liġi tal-1978”)] jew għal raġuni suffiċjenti.

    […]

    Hija suffiċjenti r-raġuni li kienet tkun ġiet rikonoxxuta bħala tali mill-qorti u li n-natura u l-oriġini tagħha ma jirrigwardawx is-sospensjoni msemmija fl-Artikoli 100 u 100(a) jew it-tnaqqis imsemmi fl-Artikoli 102 u 102(a).

    […]

    Il-persuna li timpjega li, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu, teżerċita l-azzjoni ta’ rexxissjoni tal-kuntratt ta’ xogħol mingħajr raġuni serja jew raġuni suffiċjenti, għandha tħallas lill-ħaddiem kumpens b’rata fissa [għall-protezzjoni] ekwivalenti għar-remunerazzjoni ta’ sitt xhur, bla ħsara għal kumpens dovut lill-ħaddiem fil-każ ta’ ksur tal-kuntratt ta’ xogħol.”

    12

    Mill-proċess jirriżulta li dan l-aħħar kumpens jinkludu b’mod partikolari l-“kumpens minflok preavviż ta’ tkeċċija”, prevista fl-Artikolu 39 tal-Liġi tal-1978. Dan l-artikolu jipprovdi b’mod partikolari:

    “Jekk il-kuntratt ġie konkluż għal perijodu indeterminat, il-parti li teżerċita l-azzjoni ta’ rexxissjoni tal-kuntratt mingħajr raġuni serja jew mingħajr ma tosserva t-terminu ta’ preavviż iffissat fl-Artikoli 59, 82, 83, 84 u 115 [tal-Liġi tal-1978], għandha l-obbligu li tħallas lill-parti l-oħra kumpens ekwivalenti għar-remunerazzjoni fis-seħħ li tikkorrispondi jew għall-perijodu tat-terminu ta’ preavviż, jew għall-parti minn dan it-terminu li jkun għad fadal.

    […]

    Il-kumpens għal-leave jinkludi mhux biss ir-remunerazzjoni fis-seħħ, iżda wkoll il-vantaġġi miksuba skont il-kuntratt.”

    13

    Skont l-Artikolu 103 tal-Liġi ta’ konsolidazzjoni:

    “F’każ ta’ rexxissjoni unilaterali tal-kuntratt ta’ xogħol mill-persuna li timpjega, it-terminu ta’ preavviż innotifikat lill-ħaddiem li jkun naqqas l-attività ta’ xogħol tiegħu skont l-Artikolu 102 (u 102(a)), ser jiġi kkalkolat bħallikieku ma naqqasx l-attività ta’ xogħol tiegħu. Dan l-istess terminu ta’ preavviż għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit il-kumpens [għat-tkeċċija] previst fl-Artikolu 39 tal-Liġi [tal-1978].”

    14

    Mill-proċess jirriżulta wkoll li, insegwitu għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ottubru 2009, Meerts (C-116/08, Ġabra p. I-10063), l-Artikolu 105(3) tal-Liġi ta’ konsolidazzjoni ġie emendat u issa jinkludi l-formulazzjoni li ġejja:

    “Meta l-kuntratt ta’ xogħol jintemm matul il-perijodu ta’ tnaqqis ta’ attività ta’ xogħol fil-kuntest ta’ leave parentali meħud biex jeżegwixxi din it-taqsima, il-kliem “remunerazzjoni fis-seħħ” skont l-Artikolu 39 tal-Liġi [tal-1978], ifisser ir-remunerazzjoni li jkollu d-dritt għaliha l-ħaddiem skont il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu li kieku ma naqqasx l-attività ta’ xogħol tiegħu.”

    15

    Skont il-qorti tar-rinviju, l-ebda emenda ma saret fil-“leġiżlazzjoni dwar il-kumpens [b’rata fissa] għall-protezzjoni.”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    16

    S. Rogiers ilha taħdem mit-3 ta’ Jannar 2005 bħala impjegata fuq bażi full-time għal Lyreco fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

    17

    L-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt ġiet sospiża minħabba fil-leave tal-maternità li bbenefikat minnu S. Rogiers mid-9 ta’ Jannar sas-26 ta’ April 2009.

    18

    Mis-27 ta’ April 2009, S. Rogiers kellha terġa’ tibda xogħolha fuq bażi part-time fil-kuntest ta’ leave parentali li kien ingħatalha għal erba’ xhur.

    19

    Permezz ta’ ittra rreġistrata tas-27 ta’ April 2009, Lyreco temmet il-kuntratt ta’ xogħol ta’ S. Rogiers b’terminu ta’ preavviż ta’ ħames xhur li beda jiddekorri mil-1 ta’ Mejju 2009. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-kuntratt ta’ xogħol ta’ din tal-aħħar intemm fil-31 ta’ Awwissu 2009.

    20

    S. Rogiers ippreżentat rikors kontra t-tkeċċija tagħha quddiem l-arbeidsrechtbank te Antwerpen (Tribunal Industrijali ta’ Anvers), fejn ikkontestat ir-raġunijiet għal din it-tkeċċija pprovduti minn Lyreco, jiġifieri, essenzjalment, minn naħa, l-impossibbiltà li hija tiġi impjegata minħabba f’nuqqas ta’ xogħol u, min-naħa l-oħra, ir-rifjut tagħha li taċċetta l-pożizzjonijiet l-oħra li kienu ġew proposti lilha wara li l-pożizzjoni ta’ “Recruitment Manager”, li hija kellha qabel ma ħadet il-leave parentali, ġiet eliminata.

    21

    Permezz tas-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2011, l-imsemmija qorti kkundannat lil Lyreco għall-ħlas ta’ kumpens b’rata fissa għall-protezzjoni ekwivalenti għal sitt xhur ta’ remunerazzjoni prevista fl-Artikolu 101 tal-Liġi ta’ konsolidazzjoni, minħabba li hija eżerċitat l-azzjoni ta’ rexxissjoni unilateralment tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ S. Rogiers, mingħajr raġuni serja jew suffiċjenti, matul il-perijodu tal-leave parentali tagħha. Skont din is-sentenza, l-ammont ta’ dan il-kumpens kellu jiġi kkalkolat abbażi tar-remunerazzjoni mħallsa lil S. Rogiers fid-data tat-tkeċċija tagħha, fis-27 ta’ April 2009, jiġifieri s-salarju li jikkorrispondi għall-attività ta’ xogħol fuq bażi part-time li hija kienet twettaq minħabba fil-leave parentali part-time li kienet tibbenefika minnu.

    22

    Fl-14 ta’ Diċembru 2011, Lyreco ppreżentat appell mill-imsemmija sentenza quddiem l-arbeidshof te Antwerpen (Qorti Industrijali Superjuri ta’ Anvers). S. Rogiers ippreżentat appell inċidentali quddiem din l-istess qorti filwaqt li talbet li l-ammont tal-kumpens b’rata fissa għall-protezzjoni li Lyreco kienet ikkundannata tħallsilha tiġi kkalkolata abbażi tar-remunerazzjoni tal-attività ta’ xogħol imwettqa fuq bażi full-time.

    23

    Permezz tas-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2012, l-arbeidshof te Antwerpen kkonfermat li S. Rogiers kienet ġiet imkeċċija mingħajr raġuni serja jew suffiċjenti matul il-perijodu tal-leave parentali tagħha u li, konsegwentement, hija kellha dritt għall-ħlas ta’ kumpens b’rata fissa għall-protezzjoni ekwivalenti għal sitt xhur remunerazzjoni.

    24

    L-imsemmija qorti barra minn hekk laqgħet l-osservazzjonijiet li jissemmew fl-opinjoni ippreżentata quddiemha mill-Ministeru Pubbliku, li b’mod partikolari kklassifika bħala “assurda” is-sistema ta’ kalkolu tal-kumpens dovut lil S. Rogiers kif applikata fis-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2011, peress li, skont il-loġika segwita minn din tal-aħħar, il-benefiċċju ta’ leave parentali fuq bażi full-time, minħabba l-fatt li dan jimplika tnaqqis ta’ 100 % fl-attività ta’ xogħol, għandu jwassal għall-kalkolu tal-kumpens b’rata fissa għall-protezzjoni abbażi ta’ remunerazzjoni żero, ħaġa li ma tagħmel l-ebda sens. Madankollu, din il-qorti tqis li l-motivi kkunsidrati fis-sentenza Meerts, iċċitata iktar ’il fuq, rigward il-kumpens minflok preavviż ta’ tkeċċija previst fl-Artikolu 39 tal-Liġi tal-1978, ma jistgħux neċessarjament japplikaw fil-kuntest tal-kumpens b’rata fissa għall-protezzjoni inkwistjoni fil-kawża li tressqet quddiemha.

    25

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-arbeidshof te Antwerpen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “Id-dispożizzjonijet tal-klawżoli 1 u 2(4) tal-Ftehim qafas [...] jipprekludu li l-allowance [kumpens b’rata fissa] ta’ protezzjoni, li għandu jitħallas lill-ħaddiem li kien marbut mal-persuna li timpjegah permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat fuq bażi full-time u li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu ġie rexiż unilateralment minn din il-persuna li timpjega mingħajr raġuni imperattiva [serja] jew suffiċjenti matul perijodu ta’ tnaqqis tas-servizzi [ta’ attività ta’ xogħol ] minħabba t-teħid ta’ leave parentali ta’ 20 % jew ta’ 50 %, jiġi kkalkolat abbażi tal-paga dovuta matul dan il-perijodu ta’ tnaqqis ta’ servizzi [attività ta’ xogħol], meta l-istess ħaddiem ikollu dritt għal allowance [kumpens] ta’ protezzjoni li jikkorrispondi għall-paga full-time li kieku huwa naqqas is-servizzi tiegħu b’ 100 %?”

    26

    B’risposta għal talba għal kjarifiki li l-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat lill-arbeidshof te Antwerpen skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, din l-aħħar qorti speċifikat li s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Kassazzjoni fil-15 ta’ Frar 2010, li l-Gvern Belġjan semma fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu sottomessi fil-kuntest ta’ din il-kawża, ma jista’ jkollha l-ebda impatt fuq it-trattament tat-talba għal deċiżjoni preliminari, peress li l-imsemmija sentenza ma tirrigwardax il-kumpens b’rata fissa għall-protezzjoni previst fl-Artikolu 101 tal-Liġi ta’ konsolidazzjoni.

    Fuq id-domanda preliminari

    27

    Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li l-punt 2 tal-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, imsemmi mill-qorti tar-rinviju fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha, jillimita ruħu sabiex jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim qafas, billi jipprovdi li dan japplika għall-ħaddiema kollha li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ xogħol kif definit mill-liġi, ftehim kollettiv jew prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru.

    28

    Huwa stabbilit li dan kien il-każ ta’ persuna li kienet tinsab fis-sitwazzjoni ta’ S. Rogiers fil-kawża prinċipali, b’mod li din taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas.

    29

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 2(4) tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li kumpens b’rata fissa għall-protezzjoni dovut lil ħaddiem li jibbenefika minn leave parentali fuq bażi part-time, fil-każ ta’ rexxissjoni unilaterali mill-persuna li timpjegah, mingħajr raġuni serja jew suffiċjenti, tal-kuntratt ta’ dan il-ħaddiem li kien ġie impjegat għal żmien indeterminat u fuq bażi full-time, jiġi stabbilit abbażi tar-remunerazzjoni mnaqqsa riċevuta minn dan tal-aħħar fid-data tat-tkeċċija tiegħu.

    30

    Hekk kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas, mill-punti 4 u 5 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim qafas kif ukoll mill-klawżola 1(1) tiegħu, dan il-Ftehim qafas jikkostitwixxi impenn tal-imsieħba soċjali li, permezz ta’ ħtiġijiet minimi, jistabbilixxu miżuri ddestinati sabiex jagħtu kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa l-possibbiltà li jikkonċiljaw ir-responsabbiltajiet tax-xogħol tagħhom u l-obbligi familjari tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Meerts, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35; tas-16 ta’ Settembru 2010, Chatzi, C-149/10, Ġabra p. I-8489, punt 56, kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2013, Riežniece, C‑7/12, punt 31).

    31

    Barra min hekk, mill-punt 6 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ dan il-Ftehim qafas jirriżulta li l-miżuri intiżi biex jiġu rrikonċiljati r-responsabbiltajiet tax-xogħol u l-ħajja tal-familja għandhom jinkoraġġixxu l-introduzzjoni fl-Istati Membri ta’ modi ġodda flessibbli fl-organizzazzjoni tax-xogħol u tal-ħin li jkunu iktar adatti għall-bżonnijiet li qed jinbidlu tas-soċjetà, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet kemm tal-impriża kif ukoll tal-ħaddiema. (sentenza Meerts, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

    32

    Il-Ftehim qafas għandu għaldaqstant drittijiet soċjali fundamentali li huma mniżżla fil-punt 16 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema dwar l-ugwaljanza fit-trattament għall-irġiel u n-nisa, li għaliha jirreferi dan il-Ftehim qafas, b’mod partikolari fil-punt 4 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu, u li huma msemmija wkoll fl-Artikolu 151(1) TFUE, drittijiet soċjali li huma marbuta mat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ ħajja u ta’ xogħol kif ukoll mal-eżistenza ta’ protezzjoni soċjali adegwata tal-ħaddiema, f’dan il-każ dawk li talbu jew ħadu leave parentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Meerts, iċċitati iktar ’il fuq, punt 37; tat-22 ta’ April 2010, Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols, C-486/08, Ġabra p. I-3527, punt 52, u Chatzi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

    33

    F’din il-perspettiva, il-Ftehim qafas, skont il-klawżola 2(1) tiegħu, jippermetti lill-ġenituri l-ġodda li jinterrompu l-attività ta’ xogħol tagħhom sabiex jiddedikaw ruħhom għar-responsabbiltajiet familjari tagħhom, filwaqt li jiġu żgurati, skont il-klawżola 2(5), li huma, bħala prinċipju, ser jerġgħu jsibu l-pożizzjoni tax-xogħol tagħhom fi tmiem dan il-leave (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Chatzi, punt 57, u Riežniece, punt 32).

    34

    Sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema jkunu jistgħu effettivament jeżerċitaw dan id-dritt għal leave parentali previst mill-Ftehim qafas, il-klawżola 2(4) tiegħu ġġiegħel lill-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali sabiex jieħdu il-miżuri neċessarji biex jipproteġu lill-ħaddiem kontra t-tkeċċija abbażi ta’ applikazzjoni għal, jew minħabba li jittieħed, leave parentali skont il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv u l-prattiċi nazzjonali.

    35

    Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha, l-imsemmija dispożizzjoni hija intiża sabiex tipproteġi lill-ħaddiema kontra t-tkeċċija minħabba l-applikazzjoni għal jew it-teħid ta’ leave parentali (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Meerts, punt 33, u Riežniece, punt 34).

    36

    Fid-dawl tal-għan imfittex minn dan il-Ftehim qafas, kif innotat fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza, li jikkonsisti f’li jagħti l-possibbiltà kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa li jikkonċiljaw ir-responsabbiltajiet tax-xogħol tagħhom u l-obbligi familjari tagħhom, din il-klawżola 2(4), għandha tinftiehem bħala li tesprimi dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari u għalhekk ma tistax tiġi interpretata b’mod restrittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Meerts, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols, punt 54).

    37

    Leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ rexxissjoni unilaterali mill-persuna li timpjega, mingħajr raġuni serja jew suffiċjenti, ta’ kuntratt ta’ ħaddiem impjegat għal żmien indeterminat u full-time filwaqt li dan tal-aħħar jibbenefika minn leave parentali, tipprovdi, bħal fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-għoti lil dan il-ħaddiem, b’żieda mal-kumpens dovut minħabba l-ksur tal-kuntratt tiegħu, ta’ kumpens b’rata fissa għall-protezzjoni ekwivalenti għal sitt xhur ta’ remunerazzjoni, tista’ taqa’ taħt il-“miżuri neċċessarji biex jipproteġu lill-ħaddiem kontra t-tkeċċija abbażi ta’ applikazzjoni għal, jew minħabba li jittieħed, leave tal-ġenituri” fis-sens tal-klawżola 2(4) tal-Ftehim qafas.

    38

    Madankollu għandu jiġi kkonstatat li tali miżura ta’ protezzjoni tiċċaħħad minn parti kbira tal-effettività tagħha jekk, fl-ipoteżi fejn ħaddiem impjegat għal żmien indeterminat u full-time, bħalma hija S. Rogiers fil-kawża prinċipali, jitkeċċa illegalment matul il-leave parentali fuq bażi part-time, il-kumpens b’rata fissa għall-protezzjoni li għandu d-dritt għalih dan il-ħaddiem jiġi stabbilit abbażi tar-remunerazzjoni mnaqqsa mħallsa matul il-leave parentali tiegħu fuq bażi part-time u mhux abbażi tar-remunerazzjoni marbuta mal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu fuq bażi full-time. Fil-fatt, tali metodu ta’ stabbiliment tal-ammont ta’ dan il-kumpens b’rata fissa jista’ jkun nieqes minn effett dissważiv suffiċjenti sabiex jimpedixxi t-tkeċċija tal-ħaddiema li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ leave parentali fuq bażi part-time (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Meerts, iċċitata iktar ’il fuq, punti 46 u 47).

    39

    Tali riżultat iwassal, bi ksur ta’ wieħed mill-għanijiet imfittxija mill-Ftehim qafas, imfakkar fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li jikkonsisti f’li jiżgura protezzjoni soċjali adegwata tal-ħaddiema li ħadu leave parentali, sabiex iżid il-prekarjetà tal-impjieg tal-ħaddiema li jkunu għażlu li jieħdu leave parentali fuq bażi part time billi jċaħħad is-sistema ta’ protezzjoni stabbilita bil-klawżola 2(4) tal-Ftehim qafas minn parti mis-sustanza tagħha, u b’hekk ikollu impatt serju fuq il-prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari.

    40

    Barra minn hekk, tali metodu ta’ stabbiliment tal-ammont ta’ kumpens b’rata fissa għall-protezzjoni, peress li jista’ jiddiswadi lil ċerti ħaddiema milli jieħdu leave parentali, huwa ukoll ta’ natura li jmur kontra l-għan imfittex tal-Ftehim qafas, sa fejn dan huwa intiż, kif ġie mfakkar fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, li jikkonċilja aħjar il-ħajja tax-xogħol ma’ dik tal-familja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Meerts, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

    41

    Fl-aħħar nett, peress li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tagħti lill-ħaddiema, skont il-klawżola 2(3)(a) tal-Ftehim qafas, il-possibbiltà li jagħżlu bejn leave parentali fuq bażi full-time u leave parentali fuq bażi part-time u tipprovdi, permezz tal-implementazzjoni ta’ kumpens speċifiku, għal sistema ta’ sanzjoni intiża li tipproteġi lill-ħaddiema kontra kull tkeċċija illegali matul il-perijodu ta’ dan il-leave, il-ħaddiema li jkunu għażlu li jieħdu leave parentali fuq bażi part-time pjuttost milli fuq bażi full-time ma jistgħux jiġu ppreġudikati, taħt piena li jiġi pperikolat l-għan ta’ flessibbiltà msemmi f’dan il-Ftehim qafas, kif imfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza.

    42

    Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tal-Ftehim qafas hija kkonfermata, kif sostnew il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni Ewropea, permezz tal-klawżola 2(6) ta’ dan il-Ftehim qafas, li tiddisponi li d-drittijiet akkwiżiti jew fil-proċess li jkunu akkwiżiti mill-ħaddiem fid-data li fiha jibda l-leave parentali għandhom jibqgħu kif inhuma sa meta jintemm dan il-leave.

    43

    Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, kemm mill-kliem tal-imsemmija klawżola kif ukoll mill-kuntest tagħha jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li jiġi evitat it-telf jew it-tnaqqis tad-drittijiet li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ xogħol, akkwiżiti jew fil-proċess li jkunu akkwiżiti, li l-ħaddiem jista’ dejjem jirreferi għalihom meta jibda jieħu leave parentali, u li tiggarantixxi li, fit-tmiem tal-imsemmi leave, il-ħaddiem jerġa’ jsib ruħu, fir-rigward ta’ dawn id-drittijiet, fl-istess sitwazzjoni li kien jinsab fiha qabel dan il-leave (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Meerts, punt 39, u Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols, punt 51).

    44

    Mill-għanijiet tal-Ftehim qafas, kif imfakkra fil-punti 30 sa 32 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-kunċett ta’ “drittijiet akkwiżiti jew fil-proċess li jkunu akkwiżiti” fis-sens tal-klawżola 2(6) ta’ dan il-ftehim, jkopri d-drittijiet u l-vantaġġi kollha, fi flus jew in natura, li jirriżultaw direttament jew indirettament mir-relazzjoni ta’ xogħol, li l-ħaddiem jista’ jitlob mingħand il-persuna li timpjegah fid-data tal-bidu tal-leave parentali (ara sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Meerts, punt 43, u Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols, punt 53).

    45

    Fost dawn id-drittijiet u l-vantaġġi hemm dawk kollha li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet ta’ xogħol, bħad-dritt ta’ ħaddiem impjegat fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol għal perijodu indeterminat u fuq bażi full-time li jibbenefika minn leave parentali għal kumpens b’rata fissa għall-protezzjoni f’każ ta’ rexxissjoni unilaterali mill-persuna li timpjegah, mingħajr raġuni serja jew suffiċjenti, ta’ dan il-kuntratt. Fil-fatt, dan il-kumpens, li l-ammont tiegħu huwa marbut mar-remunerazzjoni relatata mal-imsemmi kuntratt u li l-għan tiegħu huwa li jipproteġi tali ħaddiem kontra tkeċċija motivata mill-applikazzjoni jew mit-teħid ta’ leave parentali, jitħallas lil dan il-ħaddiem minħabba fl-impjieg li kellu u li kien jibqa’ jkollu li kieku ma kienx tkeċċa illegalment (ara, b’analoġija, sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 1990, Kowalska, C-33/89, Ġabra p. I-2591, punti 10 u 11; tad-9 ta’ Frar 1999, Seymour-Smith u Perez, C-167/97, Ġabra p. I-623, punti 23 sa 28, kif ukoll Meerts, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

    46

    Għalhekk, huwa paċifiku, fil-kawża prinċipali, li ħaddiem bħal S. Rogiers, li, peress li kienet taħdem għall-persuna li timpjegaha fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol matul perijodu determinat, kienet eliġibbli, skont ir-regoli ddefiniti mid-dritt nazzjonali, għall-benefiċċju ta’ leave parentali, seta’ jinvoka d-dritt għall-kumpens b’rata fissa għall-protezzjoni previst fl-Artikolu 101 tal-Liġi ta’ konsolidazzjoni mill-bidu tal-leave parentali tiegħu. Il-fatt li dan id-dritt jibbenefika effettivament lill-ħaddiem fl-ipoteżi biss fejn il-persuna li timpjegaha sussegwentement tkeċċi illegalment lil dan il-ħaddiem matul il-perijodu tal-leave parentali tiegħu ma għandux rilevanza f’dan ir-rigward.

    47

    Konsegwentement, meta ħaddiem impjegat fil-kuntest ta’ kuntratt għal żmien indeterminat u full-time jkun tkeċċa illegalment, bħal fil-kawża prinċipali, matul il-perijodu tal-leave parentali fuq bażi part-time li kien jibbenefika minnu, kumpens b’rata fissa għall-protezzjoni, kif previst mil-leġiżlazzjoni Belġjana, għandu jiġi stabbilit, sabiex ikun konformi mar-rekwiżiti tal-Ftehim qafas, abbażi tar-remunerazzjoni marbuta mal-attività ta’ xogħol imwettqa fuq bażi full-time ta’ dan il-ħaddiem.

    48

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-klawżola 2(4) tal-Ftehim qafas, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 96/34, moqrija fid-dawl kemm tal-għanijiet imfittxija minn dan il-Ftehim qafas kif ukoll tal-punt 6 tal-istess klawżola, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li kumpens b’rata fissa għall-protezzjoni dovut lil ħaddiem li jibbenefika minn leave parentali fuq bażi part-time, fil-każ ta’ rexxissjoni unilaterali mill-persuna li timpjegah, mingħajr raġuni serja jew suffiċjenti, tal-kuntratt ta’ dan il-ħaddiem li kien ġie impjegat għal żmien indeterminat u full-time, jiġi stabbilit abbażi tar-remunerazzjoni mnaqqsa riċevuta minn dan tal-aħħar fid-data tat-tkeċċija tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    49

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Il-klawżola 2(4) tal-Ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri [leave parentali], konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-Ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC , kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 97/75/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, moqrija fid-dawl kemm tal-għanijiet imfittxija minn dan il-Ftehim qafas kif ukoll tal-punt 6 tal-istess klawżola, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li kumpens b’rata fissa għall-protezzjoni dovut lil ħaddiem li jibbenefika minn leave parentali fuq bażi part-time, fil-każ ta’ rexxissjoni unilaterali mill-persuna li timpjegah, mingħajr raġuni serja jew suffiċjenti, tal-kuntratt ta’ dan il-ħaddiem li kien ġie impjegat għal żmien indeterminat u full-time, jiġi stabbilit abbażi tar-remunerazzjoni mnaqqsa riċevuta minn dan tal-aħħar fid-data tat-tkeċċija tiegħu.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top