EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0528

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tas-6 ta' Frar 2014.
Mömax Logistik GmbH vs Bundesamt für Justiz.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Landgericht Bonn - il-Ġermanja.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Dritt tal-kumpanniji - Direttiva 78/660/KEE - Pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali kkonsolidati ta’ ċerti forom ta’ kumpanniji - Applikazzjoni tar-regoli ta’ pubblikazzjoni ta’ dawn il-kontijiet għal kumpanniji rregolati mid-dritt ta’ Stat Membru u li jiffurmaw parti minn grupp li l-kumpannija parent tiegħu hija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor.
Kawża C-528/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:51

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

6 ta’ Frar 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Dritt tal-kumpanniji — Direttiva 78/660/KEE — Pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali kkonsolidati ta’ ċerti forom ta’ kumpanniji — Applikazzjoni tar-regoli ta’ pubblikazzjoni ta’ dawn il-kontijiet għal kumpanniji rregolati mid-dritt ta’ Stat Membru u li jiffurmaw parti minn grupp li l-kumpannija parent tiegħu hija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor”

Fil-Kawża C‑528/12,

Li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Bonn (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Novembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Novembru 2012, fil-proċedura

Mömax Logistik GmbH

vs

Bundesamt für Justiz,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

komposta minn E. Juhász (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Novembru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Mömax Logistik GmbH, minn H. Meichelbeck, Wirtschaftsprüfer, u W. Krauß, avukat,

għal Bundesamt für Justiz, minn H.‑J. Friehe, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u K.‑P. Wojcik, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 TFUE u 57(a) tar-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KE, tal-25 ta’ Lulju 1978, ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 21), kif emendata bid-Direttiva 2006/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006 (ĠU L 224, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 78/660”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Mömax Logistik GmbH (iktar ’il quddiem “Mömax Logistik”) u l-Bundesamt für Justiz (Uffiċċju Federali tal-Ġustizzja) dwar l-obbligu ta’ pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali magħluqa fil-31 ta’ Marzu 2009 fil-bullettin elettroniku Ġermaniż tal-avviżi legali mandatorji.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 78/660 jipprovdi:

“Il-kontijiet annwali, approvati kif imiss, u r-rapport annwali, flimkien ma’ l-opinjoni mogħtija mill-persuna responsabbli għall-verifika tal-kontijiet, għandhom jiġu pubblikati kif speċifikat mil-liġijiet ta’ kull Stat Membru skond l-Artikolu 3 [tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 1968, dwar il-kordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 3)].

[...]”

4

L-Artikolu 50b ta’ din id-Direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-korpi amministrattivi, ta’ tmexxija u ta’ sorveljanza tal-kumpannija jkollhom kollettivament id-dmir li jiżguraw li l-kontijiet annwali, ir-rapporti annwali u, meta prodotti separatament, id-dikjarazzjoni dwar it-tmexxija korporattiva li għandha tiġi provduta skond l-Artikolu 46a, ikunu mfassla u pubblikati skond ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u, fejn ikun applikabbli, skond l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà adottati skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Lulju 2002, rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 60)]. Tali korpi għandhom jaġixxu skond il-kompetenzi assenjati lilhom mil-liġi nazzjonali.”

5

L-Artikolu 57 tal-imsemmija Direttiva jipprovdi dan li ġej:

“Minkejja d-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva 68/151] u [tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE, tat-13 ta’ Diċembru 1976, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 8)], Stat Membru ma għandux għalfejn japplika d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-kontenut, verifika u pubblikazzjoni ta’ kontijiet annwali għal kumpanniji regolati bil-liġijiet nazzjonali tagħhom li huma impriżi sussidjarji, kif imfisser [fis-Seba’ Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE, tat-13 ta’ Ġunju 1983, ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet konsolidati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 58)] meta jitwettqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

l-impriża ewlenija [parent] għandha tkun suġġetta għal-liġijiet ta’ Stat Membru;

b)

l-azzjonisti kollha jew membri ta’ l-impriża sussidjarja iridu bilfors ikunu dikjaraw il-ftehim tagħhom għall-eżenzjoni minn dak l-obbligu; din id-dikjarazzjoni għandha ssir relattiva għal kull sena finanzjarja;

ċ)

l-impriża ewlenija [parent] trid bilfors tkun iddikjarat illi hija tiggarantixxi l-obbligi li tkun daħlet għalihom l-impriża sussidjarja;

d)

id-dikjarazzjonjiet imsemmija f’(b) u (ċ) għandhom jiġu pubblikati mill-impriża sussidjarja kif speċifikat mil-liġijiet ta’ l-Istat Membru skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva [68/151];

e)

l-impriża sussidjarja għandha tiġi inkluża fil-kontijiet konsolidati magħmula mill-impriża ewlenija [parentħ skond id-Direttiva [83/349];

f)

l-eżenzjoni ta’ hawn fuq għandha tintwera fin-noti tal-kontijiet konsolidati magħmula mill-impriża ewlenija [parent];

g)

il-kontijiet konsolidati msemmija f’(e), ir-rapport annwali konsolidat, u r-rapport mill-persuna responsabbli għall-verifika ta’ dawk il-kontijiet għandhom jiġu pubblikati għall-impriża sussidjarja kif speċifikat mil-liġijiet ta’ l-Istat Membru skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva [68/151].”

Id-dritt Ġermaniż

6

L-Artikolu 264(3) tal-Handelsgesetzbuch (il-Kodiċi Kummerċjali, iktar ’il quddiem il-“HGB”), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Kumpannija b’kapital azzjonarju li tkun sussidjarja ta’ kumpannija parent li għandha l-obbligu li tistabbilixxi l-kontijiet konsolidati skont l-Artikolu 290 [tal-HGB] ma hijiex obbligata li tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ din is-sotto taqsima kif ukoll dawk tat-tielet u tar-raba’ sotto taqsima ta’ din it-taqsima meta:

1.

l-azzjonisti kollha tas-sussidjarja jkunu approvaw l-eżenzjoni għall-eżerċizzju soċjali kkonċernat u meta r-riżoluzzjoni tagħhom tkun ġiet ippubblikata skont l-Artikolu 325;

2.

l-kumpannija parent hija obbligata li tassorbi t-telf skont l-Artikolu 302 tal-Liġi dwar il-kumpanniji b’kapital azzjonarju jew assumit tali obbligu volontarjament u meta din id-dikjarazzjoni tkun ġiet ippubblikata skont l-Artikolu 325;

3.

is-sussidjarja ġiet inkluża fil-kontijiet konsolidati skont id-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima; u

4.

l-eżenzjoni tas-sussidjarja

a)

hija indikata fl-anness tal-kontijiet konsolidati li ġew stabbiliti mill-kumpannija parent u li, skont l-Artikolu 325, ġew ippubblikati permeżż ta’ att iddepożitat mal-editur tal-bullettin elettroniku tal-avviżi legali mandatorji u

b)

ġiet barra minn hekk ippubblikata fil-bullettin elettroniku tal-avviżi legali mandatorji għas-sussidjarja, flimkien ma riferiment għal din id-dispożizzjoni u l-indikazzjoni tal-kumpannija parent.”

7

L-Artikolu 290(1) tal-HGB jipprovdi dan li ġej:

“Ir-rappreżentanti legali ta’ kumpannija b’kapital azzjonarji (kumpannija parent) li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fit-territorju nazzjonali għandhom jistabbilixxu, matul l-ewwel ħames xhur tal-eżerċizzju soċjali tal-grupp, kontijiet konsolidati u rapport dwar il-ġestjoni tal-grupp għall-eżerċizzju preċedenti meta din tkun f’pożizzjoni li teżerċita, direttament jew indirettament, influwenza dominanti fuq kumpannija oħra (sussidjarja). Jekk il-kumpannija hija kumpannija b’kapital azzjonarju fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 325(4), kemm il-kontijiet konsolidati kif ukoll ir-rapport ta’ ġestjoni tal-grupp għandhom jiġu stabbiliti matul l-ewwel erba’ xhur tal-eżerċizzju soċjali tal-grupp għall-eżerċizzju preċedenti.”

8

L-Artikolu 302(1) tal-Aktiengesetz (Liġi dwar il-kumpanniji b’kapital azzjonarju, tas-6 ta’ Settembru 1965 (BGBl. 1965 I, p. 1089), kif emendata bl-Artikolu 3 tal-liġi tal-20 ta’ Diċembru 2008 (BGBl. 2012 I, p. 2751), huwa fformulat kif ġej:

“Meta jeżisti ftehim ta’ kontroll u ta’ trasferiment tal-profitti, il-parti kontraenti l-oħra għandha tikkumpensa t-telf kollu annwali li jseħħ matul il-perijodu ta’ validità tal-ftehim, sa kemm dan it-telf ma jkunx ikkumpensat mill-profitti l-oħra mhux imqassma li ġew imputati lilha matul il-perijodu ta’ validità tal-ftehim.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

Il-kumpannija Lutz Service GmbH (iktar ’il quddiem “Lutz Service”) hija l-kumpannija parent ta’ Mömax Logistik, li tipprovdi servizzi fil-qasam tal-loġistika lil grupp Lutz, li l-attività prinċipali tagħha hija l-bejgħ tal-għamara.

10

B’ittra tas-26 ta’ Awwissu 2010, ikkomunikata fl-1 ta’ Settembru 2010, il-Bundesamt für Justiz imponiet fuq Mömax Logistik terminu ta’ sitt ġimgħat sabiex tiddepożita d-dokumenti ta’ kontabbiltà meħtieġa abbażi tal-Artikolu 325 tal-HGB, stabbiliti fid-data tal-għeluq tal-kontijiet tal-31 ta’ Marzu 2009, mal-editur tal-bullettin elettroniku Ġermaniż tal-avviżi legali mandatorji, sabiex jippubblika dawn id-dokumenti f’dan il-bullettin. Mömax Logistik ippreżentat rikors amministrattiv quddiem il-Bundesamt für Justiz kontra din id-deċiżjoni permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ottubru 2010. Fir-rikors tagħha, hija invokat l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 264(3) tal-HGB, billi indikat il-fatt li hija kienet inkluża fil-kontijiet konsolidati ta’ Lutz Service li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab f’Wels (l-Awstrija).

11

Lutz Service stabbilixxiet il-kontijiet konsolidati tal-eżerċizzju soċjali li dam mill-1 ta’ April 2008 sal-31 ta’ Marzu 2009, li fihom huma b’mod partikolari inklużi l-kontijiet annwali ta’ Mömax Logistik. Dawn il-kontijiet konsolidati ta’ Lutz Service ġew ippubblikati fil-bullettin elettroniku Ġermaniż tal-avviżi legali mandatorji. L-imsemmija eżenzjoni ta’ Mömax Logistik hija indikata fl-anness tal-imsemmija kontijiet konsolidati. Barra minn hekk, Lutz Service impenjat ruħha volontarjament ma Mömax Logistik li tassorbi t-telf ta’ din tal-aħħar skont l-Artikolu 302 tal-Liġi dwar il-kumpanniji b’kapital azzjonarji, tas-6 ta’ Settembru 1965. Din id-dikjarazzjoni ġiet ippubblikata. Barra minn hekk, fl-imsemmi bullettin, skont kif previst fl-Artikolu 264(3) tal-HGB, ġiet indikata l-eżenzjoni, prevista f’dik id-dispożizzjoni, li minnha tibbenefika Mömax Logistik u l-fatt li din tal-aħħar kellha lill-Lutz Service bħala kumpannija parent. Din l-indikazzjoni kienet akkumpanjata mill-preċiżazzjoni li l-kontijiet konsolidati ta’ Lutz Service kienu ġew ippubblikati. L-azzjonist ta’ Mömax Logistik approva l-użu tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 264(3) tal-HGB, għall-eżerċizzju soċjali li dam mill-1 ta’ April 2008 sal-31 ta’ Marzu 2009. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata.

12

B’deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2010, il-Bundesamt für Justiz ċaħad ir-rikors amministrattiv ta’ Mömax Logistik u imponilha multa ta’ EUR 2 500 minħabba li, peress li l-kumpannija parent tagħha ma kellhiex l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Ġermanja, Mömax Logistik ma kinitx eżenti mill-obbligu ta’ pubblikazzjoni tal-kontijiet tagħha abbażi tad-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 264(3) tal-HGB u 290 tal-HGB.

13

B’ittra tas-27 ta’ Diċembru 2010, Mömax Logistik ressqet rikors amministrattiv ġdid kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesamt für Justiz. Insostenn ta’ dan ir-rikors, hija sostniet li t-traspożizzjoni tal-Artikolu 57 tad-Direttiva 78/660, bid-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 264(3) tal-HGB u 290 tal-HGB, kienet kontra d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-libertà ta’ stabbiliment.

14

Le Bundesamt für Justiz ma laqax ir-rikors. Huwa b’mod partikolari kkunsidra li l-inugwaljanza fit-trattament bejn sussidjarja li l-kumpannija parent tagħha tirrisjedi fil-Ġermanja u sussidjarja li l-kumpannija parent tagħha tirrisjedi fi Stat Membru ieħor hija meħtieġa minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

15

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Landgericht Bonn iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Dispożizzjoni legali nazzjonali li ma teżentax lill-kumpanniji suġġetti għad-dritt tal-Istat Membru inkwistjoni mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 57[...] tad-Direttiva [78/660] fir-rigward tal-kontenut, tal-verifika kif ukoll tal-pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali ħlief meta l-kumpannija parent tkun suġġetta għad-dritt tal-istess Stat Membru u meta din tkun stabbilixxiet il-kontijiet [konsolidati] skont id-dritt li hija suġġetta għalih hija kompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 49 TFUE)?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

16

Il-Bundesamt für Justiz u l-Gvern Ġermaniż iqisu li d-domanda preliminari hija ta’ natura ipotetika u hija, għalhekk, inammissibbli. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li r-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 264(3) tal-HGB ma humiex sodisfatti fil-kawża prinċipali sa fejn Mömax Logistik ma ppreżentatx fit-termini legali d-dikjarazzjoni li l-kumpannija parent ser tassorbi t-telf magħmul matul l-eżerċizzju inkwistjoni sabiex tkun tista’ tinvoka l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

17

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jinqatgħu l-kawżi li jkunu tressqu quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Fish Legal u Shirley, C‑279/12, punt 29).

18

Id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għal domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew saħansitra meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Fish Legal u Shirley, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

19

F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punt 12 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju indikat li kien il-fatt li l-kumpannija parent ta’ Mömax Logistik ma kellhiex l-uffiċċju rreġistrat tagħha fit-territorju Ġermaniż li wassal lill-Bundesamt für Justiz sabiex tiċħad ir-rikors ta’ Mömax Logistik intiż li jinvoka l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali tagħha previst mid-dritt nazzjonali. L-imsemmija qorti indikat ukoll li, jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, il-multa imposta fuq Mömax Logistik għandha tiġi annullata.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

21

Mill-Artikolu 5b tad-Direttiva 78/660 jirriżulta li l-membri tal-korpi amministrattivi, ta’ tmexxija u ta’ sorveljanza tal-kumpannija għandhom jiżguraw li l-kontijiet annwali, ir-rapporti annwali u d-dikjarazzjoni dwar it-tmexxija korporattiva, ikunu mfassla u ppubblikati skont ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u, fejn ikun applikabbli, skont l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà adottati skont ir-Regolament Nru 1606/2002.

22

L-Artikolu 47 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li “[l]-kontijiet annwali, approvati kif imiss, u r-rapport annwali, flimkien ma’ l-opinjoni mogħtija mill-persuna responsabbli għall-verifika tal-kontijiet, għandhom jiġu pubblikati kif speċifikat mil-liġijiet ta’ kull Stat Membru skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva [68/151]/KEE”. Id-Direttiva msemmija l-aħħar ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u ta’ partijiet terzi, huma mitluba mill-Istati Membri minn kumpaniji fl-ambitu tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (verżjoni kkodifikata) (ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11).

23

Skont l-Artikolu 57 tad-Direttiva 78/660, Stat Membru ma għandux għalfejn japplika d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 78/660 dwar il-kontenut, il-verifika u l-pubblikazzjoni ta’ kontijiet annwali fil-konfront ta’ kumpanniji rregolati bil-liġijiet nazzjonali tagħhom li huma impriżi sussidjarji, fis-sens tad-Direttiva 83/349, jekk ir-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 57(a) sa (g) ikunu sodisfatti. Fl-imsemmi Artikolu 57(a) hemm ir-rekwiżit li jipprovdi li l-kumpannija parent għandha tkun suġġetta għad-dritt ta’ Stat Membru.

24

Huwa paċifiku li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja użat il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 57 ta’ din id-direttiva. Madankollu, minn kliem l-Artikoli 264(3) u 290(1) tal-HGB jirriżulta li l-eċċezzjoni hija rriżervata biss għall-grupp ta’ impriżi fejn mhux biss is-sussidjarja iżda anki l-kumpannija parent ikunu stabbiliti fit-territorju Ġermaniż.

25

Issa, billi juża l-kliem “liġijiet ta’ Stat Membru”, l-Artikolu 57(a) tad-Direttiva 78/660 jindika mingħajr dubju li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista f’dan l-artikolu, il-kumpannija parent tista’ tkun irregolata bid-dritt ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u mhux unikament bid-dritt li għalih hija suġġetta l-kumpannija sussidjarja li qed tfittex li tibbenefika minn din l-eżenzjoni.

26

Din l-interpretazzjoni tal-imsemmija kliem hija kkonfermata mill-fatt li, b’kuntrast ma din il-frażi dwar il-kumpannija parent, il-frażi introduttiva tal-Artikolu 57 tad-Direttiva 78/660 tindika li l-Istati Membri jistgħu jeżentaw l-impriżi sussidjarji li rregolati “bil-liġijiet nazzjonali tagħhom”.

27

Barra minn hekk, ladarba Stat Membru jagħżel din l-eżenzjoni, huwa ma jistax jintroduċi, fir-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-imsemmija eżenzjoni, differenza fit-trattament bejn il-kumpanniji parent stabbiliti f’dan l-Istat Membru u l-kumpanniji parent stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

28

B’konsegwenza ta’ dan, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jillimitaw il-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali biss għas-sussidjarji li l-kumpannija parent tagħhom hija stabbilita fl-istess Stat Membru tagħhom, imorru kontra l-formulazzjoni tal-Artikolu 57(a) tad-Direttiva 78/660.

29

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ma huwiex meħtieġ li jiġi evalwat jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali flimkien inkwistjoni fil-kawża prinċipali jmorrux kontra l-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikolu 49 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Centrosteel, C-456/98, Ġabra p. I-6007, punt 18).

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 57 tad-Direttiva 78/660 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżenta lil sussidjarja rregolata mid-dritt ta’ dan l-Istat Membru mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-kontenut, il-verifika u l-pubblikazzjoni ta’ kontijiet annwali biss jekk il-kumpannija parent tkun ukoll irregolata mid-dritt tal-imsemmi Stat Membru.

Fuq l-ispejjeż

31

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 57 tar-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KE, tal-25 ta’ Lulju 1978, ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji, kif emendata bid-Direttiva 2006/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżenta lil sussidjarja rregolata mid-dritt ta’ dan l-Istat Membru mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija Direttiva dwar il-kontenut, il-verifika u l-pubblikazzjoni ta’ kontijiet annwali biss jekk il-kumpannija parent tkun ukoll irregolata mid-dritt tal-imsemmi Stat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top