Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0495

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2013.
Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs vs Bridport and West Dorset Golf Club Limited.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber).
Tassazzjoni – VAT – Direttiva 2006/112/KE – Eżenzjonijiet – Artikolu 132(1)(m) – Provvista ta’ servizzi li għandhom rabta mill-qrib mal-prattika tal-isport – Aċċess għal korsa tal-golf – Viżitaturi li ma humiex membri ta’ klabb tal-golf li jħallsu miżata ta’ aċċess għall-korsa tal-golf (‘green fee’) – Esklużjoni mill-eżenzjoni – Punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 – Artikolu 134(b) – Dħul addizzjonali.
Kawża C‑495/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:861

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

19 ta’ Diċembru 2013 ( *1 )

“Tassazzjoni — VAT — Direttiva 2006/112/KE — Eżenzjonijiet — Artikolu 132(1)(m) — Provvista ta’ servizzi li għandhom rabta mill-qrib mal-prattika tal-isport — Aċċess għal korsa tal-golf — Viżitaturi li ma humiex membri ta’ klabb tal-golf li jħallsu miżata ta’ aċċess għall-korsa tal-golf (‘green fee’) — Esklużjoni mill-eżenzjoni — Punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 — Artikolu 134(b) — Dħul addizzjonali”

Fil-Kawża C‑495/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Ottubru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Novembru 2012, fil-proċedura

Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

vs

Bridport and West Dorset Golf Club Limited,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Ottubru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Bridport and West Dorset Golf Club Limited, minn A. Brown, avukat,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Murrell, bħala aġent, assistita minn R. Hill, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u C. Soulay, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 132(1)(m), il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133, u l-Artikolu 134(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (iktar ’il quddiem il-“Commissioners”) u Bridport and West Dorset Golf Club Limited (iktar ’il quddiem “Bridport”) dwar l-eżenzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) tal-miżata tad-dħul imħallsa mill-persuni li jilagħbu li ma humiex membri msieħba ma’ dan il-klabb sabiex ikollhom aċċess għall-korsa tal-golf tiegħu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 jissuġġetta għall-VAT “il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

4

L-Artikolu 132(1)(m) ta’ din id-direttiva, li jinsab fil-Kapitolu 2, intitolat “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”, tat-Titolu IX tal-imsemmija direttiva, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[...]

m)

il-provvista ta’ ċertu servizzi marbuta mill-qrib ma’ sport u edukazzjoni fiżika minn organizzazzjoniet li ma jagħmlux profitt lill persuni li jieħdu parti fl-isport jew fl-edukazzjoni fiżika”.

5

Din id-dispożizzjoni turi l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13 A(1)(m) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

6

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112:

“L-Istati Membri jistagħu jagħmlu l-għoti lil korpi għajr dawk regolati mid-dritt pubbiku ta’ kull eżenzjoni pprovduta fil-punti (b), (g), (h), (i), (l), (m) u (n) ta’ l-Artikolu 132(1) soġġett għal kull każ individwali għal wieħed jew iżjed mill-kondizzjonijet li ġejjin:

a)

il-korpi in kwistjoni m’għandhomx jimmiraw sistemikament biex jagħmlu profitt, u kwalunkwe ammonti żejda li mandanakollu jirriżultaw m’għandhomx jiġu mqassma, imma għandhom ikunu assenjati għall-kontinwament u għat-titjib tas-servizzi pprovduti;

b)

dawn il-korpi għandhom ikunu mmaniġjati u amministrati fuq bażi essenzjalment volontarja minn persuni li m’għandhomx interess dirett jew indirett, jew huma nfushom jew b’[intermedjarji], fir-riżultati ta’ l-attivitajiet ikkonċernati;

(ċ)

dawn il-korpi għandhom iżommu prezzijiet approvati mill-awtoritajiet pubbliċi jew li ma jeċċedux it-tali prezzijiet approvati jew, fir-rigward ta’ dawk is-servizzi li m’humiex soġġetti għall-approvazzjoni, prezzijiet inqas minn dawk miżmuma għal servizzi simili minn impriżi kummerċjali soġġetti għall-VAT;

d)

l-eżenzjonijiet m’għandhomx joħoolqu l-possibbiltà ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni bi żvantaġġ għal impriżi kummerċjali soġġetti għall-VAT.”

7

L-Artikolu 134 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Il-provvista ta’ merkanzija jew servizzi m’għandhiex tingħata eżenzjoni, kif previst fil-[punt (m)] ta’ l-Artikolu 132(1), fil-każijiet li ġejjin:

a)

fejn il-provvista m’hijiex essenzjali għat-transazzjonijiet eżenti;

b)

fejn l-iskop bażiku tal-provvista hu li tikseb dħul addizzjonali għall-korp in kwistjoni permezz ta’ transazzjonijet li huma f’kompetizzjoni diretta ma’ dawk ta’ impriżi kummerċjali soġġetti għall-VAT.”

Id-dritt tar-Renju Unit

8

Skont il-punt 3 tal-Grupp 10 tal-Anness 9 tal-Liġi tal-1994 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (Value Added Tax Act 1994), huma eżenti mill-VAT:

“Il-provvista, ipprovduta minn organu eliġibbli, lil individwu, ta’ servizzi li għandhom rabta mill-qrib u essenzjali mal-isport jew mal-edukazzjoni fiżika pprattikati minn dan tal-aħħar, ħlief, fil-każ li dan l-organu jaġixxi fil-kuntest ta’ sistema ta’ sħubija, is-servizzi pprovduti lil individwu li ma huwiex imsieħeb miegħu.”

9

In-nota 2 ta’ dan il-Grupp 10 tipprovdi:

“Għall-finijiet tal-punt 3, individwu jitqies bħala msieħeb ma’ organu eliġibbli biss jekk dan ikun imsieħeb għal perijodu ta’ tliet xhur jew iktar.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Bridport huwa klabb tal-golf privat li l-għan tiegħu jinkludi l-manutenzjoni u l-ġestjoni tal-klabb tal-golf għall-użu u l-akkomodazzjoni tal-membri tiegħu u ta’ viżitaturi kif ukoll, b’mod partikolari, l-operat ta’ skola tal-golf u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ għalliema u ta’ ekwipaġġament għall-golf.

11

Fix-xahar ta’ Settembru 2009, madwar nofs is-737 membru ta’ Bridport kienu membri sħaħ li jibbenefikaw minn aċċess għall-korsa tal-klabb li jippermettilhom li jilagħbu f’kull ħin, sebat ijiem fil-ġimgħa, għal tariffa normali annwali ta’ 657.20 Lira Sterlina (GBP). Kien ukoll possibbli li xi viżitaturi li ma humiex membri jilagħbu f’din il-korsa billi jħallsu miżata ta’ aċċess għall-korsa tal-golf (iktar ’il quddiem il-“green fee”) ta’ GBP 32 sa GBP 38 għal partita waħda, jew skont tariffa iktar għolja għal ġurnata sħiħa. It-tariffi kemm tal-miżati annwali kif ukoll tal-green fees kienu stabbiliti minn Bridport b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prezzijiet imħaddma minn klabbs ġirien mingħajr skop ta’ lukru kif ukoll minn operatur kummerċjali ta’ korsa tal-golf.

12

Għas-sena finanzjarja li ntemmet fit-30 ta’ Settembru 2009, id-dħul mill-green fees kien jirrappreżenta 18.7 % tad-dħul ta’ Bridport u l-miżati annwali tal-membri 56.4 %, filwaqt li l-parti l-kbira tal-kumplament kien joriġina mill-ġestjoni tal-bar.

13

Wara li, għal għadd ta’ snin, iddikjara u ħallas lill-Commissioners il-VAT fuq id-dħul tiegħu mill-green fees, Bridport, filwaqt li bbaża ruħu fuq is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2008, Canterbury Hockey Club u Canterbury Ladies Hockey Club (C-253/07, Ġabra p. I-7821), talab ir-rimbors tal-ammont tal-VAT imħallsa żejda, li huwa kkalkula li jammonta għal GBP 140 359.16. Billi l-Commissioners ċaħdu din it-talba, Bridport ippreżenta rikors kontra din iċ-ċaħda quddiem il-First-tier Tribunal (Tax Chamber).

14

Il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) laqa’ dan ir-rikors, u dan billi qies li d-dritt li wieħed jilgħab il-golf fil-korsa ta’ Bridport ma kienx differenti skont jekk id-dritt ikunx mogħti lil membri tal-klabb jew lil persuni li ma humiex membri li jħallsu xi green fees, u li dawn kienu eżenti mill-VAT skont id-Direttiva 2006/112. Il-Commissioners appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem l-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber).

15

Skont l-indikazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar, ma huwiex ikkontestat li Bridport huwa organu mingħajr skop ta’ lukru fis-sens tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112. Lanqas ma jista’ jiġi kkontestat li l-provvista li tikkonsisti fl-għoti, lill-viżitaturi li ma humiex membri, tad-dritt li jużaw il-korsa tal-golf għandha rabta mill-qrib mal-prattika tal-isport, li hija tiġi pprovduta lill-persuni li jipprattikaw l-isport u li din hija indispensabbli għat-twettiq tat-tranżazzjonijiet eżenti, fis-sens tal-Artikolu 134(a) ta’ din id-Direttiva.

16

B’hekk, il-kawża prinċipali essenzjalment tirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwiex leċitu li l-imsemmija provvista tiġi eskluża mill-benefiċċju tal-eżenzjoni inkwistjoni abbażi tal-Artikoli 134(b) jew il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Meta jkunu japplikaw id-dispożizzjonijiet mandatorji tal-Artikolu 134 [tad-Direttiva 2006/112] għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 132(1)(m) [ta’ din id-direttiva] f’ċirkustanzi fejn entita’ kkunsidrata bħala organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ [lukru] li tipprovdi drittijiet tal-użu ta’ art għall-golf, liema huma l-provvisti, jekk hemm, li jikkostitwixxu “tranżazzjonijiet eżenti”?

2)

Huwa leġittimu li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(m) [tad-Direttiva 2006/112] tiġi limitata skont jekk is-servizzi tal-għoti ta’ drittijiet tal-użu ta’ art għall-golf jingħatawx lil membru ta’ organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ [lukru]?

3)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 134 [tad-Direttiva 2006/112] għandhom jiġu interpretati bħala li jillimitaw l-eżenzjoni biss għal provvisti li huma “marbuta mill-qrib” (fis-sens periferiku) mat-“tranżazzjonijiet eżenti’ jew ma’ kwalunkwe provvista li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 132(1) [...] (m) [ta’ din id-Direttiva]?

4)

Fiċ-ċirkustanzi fejn organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ [lukru] b’riferiment għall-iskopijiet tagħha ddikjarati pubblikament, tagħti l-opportunità fuq bażi regolari u konsistenti lil dawk li ma humiex membri sabiex jilgħabu l-golf, liema għandha tkun l-interpretazzjoni li għandha tingħata lit-termini “l-iskop bażiku” li jobbliga lil dawk li ma humiex membri iħallsu?

5)

Għall-iskopijiet tal-Artikolu 134(b) [tad-Direttiva 2006/112] għal xiex għandu jkun addizzjonali d-“dħul addizzjonali”?

6)

Jekk id-dħul li ġej mill-għoti tal-aċċess għall-faċilità sportiva lil dawk li ma humiex membri ma għandux jiġi meqjus bħala “dħul addizzjonali” għall-iskop tal-Artikolu 134(b) [tad-Direttiva 2006/112], [il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal‑]Artikolu 133 [ta’ din id-Direttiva] jagħti l-opportunità lil Stat Membru li jeskludi tali dħul mill-eżenzjoni jekk hemm possibbiltà li dan ser iwassal għal distorsjoni fil-kompetizzjoni bi żvantaġġ għall-impriżi kummerċjali suġġetti għall-VAT, filwaqt li fl-istess ħin ma jirtirax l-eżenzjoni għad-dħul li ġej mill-affiljazzjonijiet għall-istess organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ [lukru] jekk ir-reġistrazzjoni [il-miżata] nnifisha tal-membri hija suxxettibbli li twassal għal ċerta distorsjoni fil-kompetizzjoni?

7)

B’mod partikolari, huwa neċessarju li kull kundizzjoni implementata taħt [il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 133(d) tad-Direttiva 2006/112] tkun tapplika għas-servizzi kollha pprovduti mill-organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ [lukru] li inkella kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni jew huwa possibbli li jkun hemm restrizzjoni parzjali, jiġifieri li tingħata eżenzjoni għall-provvista ta’ drittijiet tal-użu ta’ art għall-golf lil membri iżda mhux lil dawk li ma humiex membri, fejn kemm il-provvisti lil dawk li huma msieħba kif ukoll dawk li ma humiex, huma f’kompetizzjoni mal-organizzazzjonijiet kummerċjali?

8)

X’inhi d-differenza, jekk teżisti differenza, bejn il-kundizzjonijiet [tal-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112] li jirrikjedi possibbiltà ta’ “distorsjoni tal-kompetizzjoni”, u dik fl-Artikolu 134(b) [ta’ din id-direttiva] li jirreferi biss għall-eżistenza ta’ kompetizzjoni diretta?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel sal-ħames domandi

18

Permezz tal-ewwel sal-ħames domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 134(b) tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jeskludi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(m) ta’ din id-Direttiva l-provvista ta’ servizzi li jikkonsistu fl-għoti, minn organu mingħajr skop ta’ lukru li jkun jamministra korsa tal-golf u li jipproponi sistema ta’ sħubija, tad-dritt, lill-viżitaturi li ma humiex membri ta’ dan l-organu, ta’ użu ta’ din il-korsa tal-golf.

19

Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112 jirrigwarda, skont il-kliem tiegħu, il-prattika tal-isport u tal-edukazzjoni fiżika inġenerali u ma jeħtieġx, sabiex japplika, li l-attività sportiva inkwistjoni tkun prattikata fuq livell partikolari, bħal per eżempju fuq livell professjonali, u lanqas ma jeħtieġ li din l-attività tiġi pprattikata b’mod partikolari, jiġifieri b’mod regolari jew organizzat jew bl-għan li wieħed jipparteċipa f’kompetizzjonijiet sportivi (ara s-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Město Žamberk, C‑18/12, punti 21 u 22).

20

Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tiffavorixxi ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali, jiġifieri servizzi b’rabta mill-qrib mal-prattika tal-isport jew tal-edukazzjoni fiżika li huma pprovduti minn organi mingħajr skop ta’ lukru lill-persuni li jipprattikaw l-isport jew l-edukazzjoni fiżika. Għalhekk, l-imsemmija dispożizzjoni hija intiża li tippromwovi tali prattika mill-parti l-kbira tal-popolazzjoni (ara s-sentenza Město Žamberk, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

21

Billi l-aċċess għall-korsa tal-golf huwa neċessarju sabiex dan l-isport jiġi eżerċitat, il-provvista li tikkonsisti fl-għoti tad-dritt li wieħed juża korsa tal-golf għandha rabta mill-viċin mal-prattika tal-isport fis-sens tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112, indipendentement mill-fatt ta’ jekk il-persuna kkonċernata tipprattikax il-golf b’mod regolari jew organizzat jew bl-għan li tipparteċipa f’kompetizzjonijiet sportivi.

22

Minn dan isegwi li, jekk din il-provvista tkun ipprovduta minn organu mingħajr skop ta’ lukru, din tkun taqa’ taħt l-eżenzjoni tal-VAT prevista f’dan l-Artikolu 132(1)(m), mingħajr ma jkun jimporta jekk din hijiex ipprovduta lil membru msieħeb tal-organu jew lil viżitatur li ma huwiex membru.

23

Issa, skont l-Artikolu 134(a) u (b) tad-Direttiva 2006/112, il-provvisti ta’ servizzi huma esklużi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(m) ta’ din id-Direttiva, minn naħa, meta dawn ma jkunux indispensabbli għat-twettiq tat-tranżazzjonijiet eżenti u, min-naħa l-oħra, meta dawn ikunu essenzjalment intiżi sabiex jipprovdu lill-organu bi dħul addizzjonali permezz tat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet f’kompetizzjoni diretta ma’ dawk ta’ impriżi kummerċjali suġġetti għall-VAT.

24

F’dak li jikkonċerna l-provvista inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-għoti tad-dritt li tintuża korsa tal-golf, huwa stabbilit li din hija indispensabbli għat-twettiq tat-tranżazzjonijiet eżenti, fis-sens tal-Artikolu 134(a) tad-Direttiva 2006/112, peress li l-għoti ta’ dan id-dritt huwa neċessarju għall-prattika tal-golf.

25

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni ta’ jekk, fil-każ ta’ organu li jamministra korsa tal-golf u jipproponi sistema ta’ sħubija filwaqt li jippermetti lil xi viżitaturi li ma humiex membri sabiex jużaw din il-korsa tal-golf bi ħlas, il-miżati tad-dħul li għandhom iħallsu dawn il-viżitaturi jikkostitwixxu “dħul addizzjonali” fis-sens tal-Artikolu 134(b) tad-Direttiva 2006/112, meta mqabbla mad-dħul provenjenti mill-miżata mħallsa mill-membri ta’ dan l-organu.

26

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din id-distinzjoni hija bbażata biss fuq il-kwalità ta’ membru jew non-membru tad-destinatarju tal-provvista inkwistjoni.

27

Issa, dwar id-dispożizzjoni li ppreċediet l-Artikoli 133 u 134 tad-Direttiva 2006/112, jiġifieri l-Artikolu 13 A(2) tas-Sitt Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi din id-dispożizzjoni ma tipprevedix restrizzjonijiet fir-rigward tad-destinatarji tal-provvisti ta’ servizzi inkwistjoni, l-Istati Membri ma għandhomx is-setgħa li jeskludu xi grupp ta’ destinatarji ta’ dawn il-provvisti mill-benefiċċju tal-eżenzjoni inkwistjoni (sentenza Canterbury Hockey Club u Canterbury Ladies Hockey Club, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

28

Barra minn hekk għandu jitfakkar li, kuntrarjament għall-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 132(1)(l) tad-Direttiva 2006/112 li, prima facie, hija limitata għall-provvisti ta’ servizzi u għall-kunsinni ta’ oġġetti pprovduti mill-organi li huma deskritti hemmhekk “lill-membri tagħhom”, l-eżenzjoni tal-provvisti ta’ servizzi li għandhom rabta mill-qrib mal-prattika tal-isport, li jinsabu fl-Artikolu 132(1)(m) ta’ din id-direttiva, ma hijiex limitata b’tali mod, minkejja li, skont il-proposta inizjali għas-Sitt Direttiva ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, din l-aħħar eżenzjoni kienet ukoll ristretta għall-provvisti u għall-kunsinni pprovduti lill-membri tal-organi kkonċernati, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 14 A(1)(j) tal-Proposta għas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ġunju 1973, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima [COM(73) 950 finali].

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-frażi “dħul addizzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 134(b) tad-Direttiva 2006/112, ma tistax tiġi interpretata b’mod li jwassal sabiex il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(m) ta’ din id-direttiva skont il-kwalità ta’ membru jew ta’ non-membru tad-destinatarji tal-provvisti inkwistjoni jiġi ristrett, kriterju li ġie deliberatament eskluż matul id-definizzjoni ta’ din l-eżenzjoni.

30

Issa, interpretazzjoni tal-frażi “dħul addizzjonali” li tgħid li l-miżati tad-dħul imħallsa għall-użu ta’ korsa tal-golf minn viżitaturi li ma humiex membri ta’ organu mingħajr skop ta’ lukru li jamministra din il-korsa tal-golf u li jipproponi wkoll sistema ta’ sbuħija jaqgħu taħt din il-frażi, minħabba li dawn il-miżati tad-dħul huma ta’ natura addizzjonali meta mqabbla mad-dħul li joriġina mill-miżati tal-membri ta’ dan l-organu, twassal preċiżament għal tali restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112.

31

Minn dan isegwi li l-miżati tad-dħul imħallsa għall-użu ta’ korsa tal-golf minn viżitaturi li ma humiex membri ta’ organu mingħajr skop ta’ lukru li jamministra din il-korsa tal-golf u li jipproponi wkoll sistema ta’ sħubija ma jikkostitwixxux dħul addizzjonali, fis-sens tal-Artikolu 134(b) tad-Direttiva 2006/112.

32

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel sal-ħames domandi għandha tkun li l-Artikolu 134(b) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jeskludix mill-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(m) ta’ din id-direttiva l-provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fl-għoti, minn organu mingħajr skop ta’ lukru li jamministra korsa tal-golf u li jipproponi sistema ta’ sħubija, tad-dritt li wieħed jagħmel użu minn din il-korsa tal-golf lill-viżitaturi li ma humiex membri ta’ dan l-organu.

Fuq is-sitt u s-seba’ domandi

33

Permezz tas-sitt u s-seba’ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jippermetti lill-Istati Membri li jeskludu mill-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(m) ta’ din id-direttiva l-provvista ta’ servizzi li jikkonsistu fl-għoti tad-dritt li wieħed jagħmel użu mill-korsa tal-golf amministrata minn organu mingħajr skop ta’ lukru li jipproponi sistema ta’ sħubija meta din il-provvista tiġi pprovduta lil viżitaturi li ma humiex membri tal-imsemmi organu.

34

Il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tal-imsemmija direttiva jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jissuġġettaw, każ b’każ, l-għoti, lil organi li ma humiex dawk irregolati mid-dritt pubbliku, tal-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 132(1)(b), (g), (h), (i), (l), (m) u (n) tad-Direttiva 2006/112, għall-osservanza tal-kundizzjoni li tistabbilixxi li dawn l-eżenzjonijiet ma għandhomx ikunu jistgħu jipprovokaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-impriżi kummerċjali suġġetti għall-VAT.

35

Madankollu, din il-fakultà mogħtija lill-Istati Membri, li l-portata tagħha għandha tiġi evalwata fil-kuntest li jirriżulta mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112, ma tippermettix li jittieħdu miżuri ġenerali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-eżenzjonijiet. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu għas-Sitt Direttiva, Stat Membru ma jistax, billi jissuġġetta l-eżenzjoni msemmija fil-Artikolu 132(1)(m) ta’ din id-direttiva għal kundizzjoni waħda jew iktar previsti fl-Artikolu 133 tagħha, jemenda l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-124/96, Ġabra p. I-2501, punt 21).

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 132(1)(b), (g), (h), (i), (l), (m) u (n) tad-Direttiva 2006/112 huwa ddefinit mhux biss fir-rigward tal-kontenut tat-tranżazzjonijiet imsemmija, iżda wkoll skont ċerti karatteristiċi li għandhom jissodisfaw dawk li jipprovdu s-servizz. Issa, billi tipprevedi eżenzjonijiet tal-VAT definiti skont tali karatteristiċi, is-sistema komuni tal-VAT timplika l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni diverġenti għal operaturi differenti.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 ma jistax jiġi interpretat b’mod li jippermetti li titneħħa d-differenza bejn il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li tirriżulta mill-eżistenza stess tal-eżenzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni, peress li tali interpretazzjoni tqiegħed f’dubju l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija eżenzjonijiet.

38

Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tosservax dawn il-limiti tal-fakultà stabbilita fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112. Hija ma tillimitax ruħha li tevita distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw minn kundizzjonijiet li fihom, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi lil din id-direttiva, tingħata l-eżenzjoni, iżda tagħmel mod li d-differenza bejn il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li tirriżulta mill-eżistenza stess tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112 tiġi kkontestata. Fil-fatt, l-esklużjoni tal-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni ssir skont il-kwalità tad-destinatarju tal-provvista ta’ servizzi inkwistjoni filwaqt li din il-kwalità ma temendax is-sustanza tal-provvista, jiġifieri l-għoti tal-aċċess għall-korsa tal-golf sabiex hemmhekk jiġi pprattikat dan l-isport.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, ir-risposta għas-sitt u s-seba’ domandi għandha tkun li l-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jippermettix lill-Istati Membri, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jeskludu mill-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(m) ta’ din id-direttiva l-provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fl-għoti tad-dritt li wieħed jagħmel użu minn korsa tal-golf amministrata minn organu mingħajr skop ta’ lukru li jipproponi sistema ta’ sħubija meta din il-provvista tiġi pprovduta lil viżitaturi li ma humiex membri tal-imsemmi organu.

Fuq it-tmien domanda

40

Fid-dawl tar-risposti għall-ewwel sas-seba’ domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tmien domanda.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 134(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jeskludix mill-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(m) ta’ din id-direttiva l-provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fl-għoti, minn organu mingħajr skop ta’ lukru li jamministra korsa tal-golf u li jipproponi sistema ta’ sħubija, tad-dritt li wieħed jagħmel użu minn din il-korsa tal-golf lill-viżitaturi li ma humiex membri ta’ dan l-organu.

 

2)

Il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jippermettix lill-Istati Membri, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jeskludu mill-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(m) ta’ din id-direttiva l-provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fl-għoti tad-dritt li wieħed jagħmel użu mill-korsa tal-golf amministrata minn organu mingħajr skop ta’ lukru li jipproponi sistema ta’ sħubija meta din il-provvista tiġi pprovduta lil viżitaturi li ma humiex membri tal-imsemmi organu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top