Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0483

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ Mejju 2014.
    Pelckmans Turnhout NV vs Walter Van Gastel Balen NV et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Grondwettelijk Hof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni — Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Assenza — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
    Kawża C‑483/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:304

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    8 ta’ Mejju 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni — Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Assenza — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

    Fil-Kawża C‑483/12,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Grondwettelijk Hof (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ottubru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Ottubru 2012, fil-proċedura

    Pelckmans Turnhout NV

    vs

    Walter Van Gastel Balen NV,

    Walter Van Gastel NV,

    Walter Van Gastel Lifestyle NV,

    Walter Van Gastel Schoten NV,

    fil-preżenza ta’:

    Ministerraad,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Berger, S. Rodin u F. Biltgen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Pelckmans Turnhout NV, par G. Philipsen, avukat,

    għal Walter Van Gastel Balen NV, Walter Van Gastel NV, Walter Van Gastel Lifestyle NV u Walter Van Gastel Schoten NV, minn P. Wytinck, P. Verstraeten u D. Dobson, avukati,

    għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u J.‑C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn J.‑F. De Bock u V. De Schepper, avukati,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u E. White, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Id-domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) TUE u tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), moqrija fid-dawl kemm tal-Artikoli 15 u 16 tagħha kif ukoll f’dak tal-Artikoli 34 TFUE sa 36 TFUE, 56 TFUE u 57 TFUE.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Pelckmans Turnhout NV (iktar ’il quddiem “Pelckmans”) u Walter Van Gastel Balen NV, Walter Van Gastel NV, Walter Van Gastel Lifestyle NV u Walter Van Gastel Schoten NV, li lkoll huma kumpanniji attivi fil-qasam tal-ġardinaġġ.

    Il-kuntest ġuridiku Belġjan

    3

    L-Artikolu 8 tal-Liġi tal-10 ta’ Novembru 2006 dwar l-orarju ta’ ftuħ għan negozju, għall-artiġjanat u għas-servizzi (Belgisch Staatsblad, 19 ta’ Diċembru 2006, p. 72879, iktar ’il quddiem il-“LHO”) jipprevedi li:

    “L-aċċess tal-konsumatur għal sede ta’ stabbiliment, il-bejgħ dirett ta’ prodotti jew ta’ servizzi lill-konsumatur u l-kunsinna d-dar huma pprojbiti matul perijodu mhux interrott ta’ erbgħa u għoxrin siegħa li jibda fil-ħamsa ta’ filgħodu jew fis-siegħa ta’ wara nofsinhar il-Ħadd u jintemm l-għada fl-istess ħin.”

    4

    L-Artikolu 9 tal-LHO jipprovdi li:

    “Kull negozjant jew fornitur ta’ servizzi jista’ jagħżel ġurnata oħra ta’ serħan fil-ġimgħa li ma hijiex dik prevista fl-Artikolu 8, li tibda fil-ħamsa ta’ filgħodu jew fis-siegħa ta’ wara nofsinhar tal-ġurnata magħżula u tispiċċa l-għada fl-istess ħin.”

    5

    L-Artikolu 13 tal-LHA jipprovdi li:

    “In-negozjant jew il-fornitur ta’ servizzi li jagħżel ġurnata oħra ta’ serħan fil-ġimgħa li ma hijiex dik prevista fl-Artikolu 8 għandu jindika b’mod ċar u viżibbli minn barra, il-ġurnata ta’ serħan u l-ħin minn meta tibda.”

    6

    L-Artikolu 14 tal-LHO huwa fformulat kif ġej:

    “In-negozjanti u l-fornituri ta’ servizzi li ma għażlux ġurnata oħra minflok il-Ħadd bħala ġurnata ta’ serħan fil-ġimgħa jistgħu jidderogaw mill-obbligu previst fl-Artikolu 8 sabiex jassumu obbligu ta’ għassa ta’ nhar ta’ Ħadd rikjest mill-professjoni tagħhom.”

    7

    L-Artikolu 16 tal-LHO jipprovdi li:

    “1.   Il-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6 u fl-Artikolu 8 ma japplikawx għal:

    a)

    bejgħ fid-dar ta’ konsumatur li ma huwiex ix-xerrej, sakemm il-bejgħ iseħħ fil-parti abitata ta’ abitazzjoni użata esklużivament għal finijiet privati;

    b)

    bejgħ id-dar imwettaq fuq stedina tal-konsumatur, li fir-rigward tiegħu l-klijent talab espliċitament minn qabel iż-żjara tal-bejjiegħ, sabiex jinnegozjaw ix-xiri ta’ prodott jew ta’ servizz;

    c)

    bejgħ u provvisti ta’ servizzi fis-sedi ta’ stabbiliment ta’ kumpanniji tat-trasport pubbliku u fl-istazzjonijiet operati direttament jew indirettament minn SNCB-Holding jew mis-sussidjarji tagħha, kif ukoll fil-bini kollu fejn jinsabu dawn l-istazzjonijiet;

    d)

    bejgħ u provvisti ta’ servizzi fl-ajruporti u fiż-żoni tal-portijiet miftuħa għat-traffiku internazzjonali ta’ vjaġġaturi;

    e)

    provvisti ta’ servizzi li għandhom jitwettqu fil-każ ta’ neċessità imperattiva;

    f)

    bejgħ, fil-pompi tal-petrol jew fis-sedi ta’ stabbiliment li jinsabu fuq l-awtostradi, ta’ assortiment ta’ ikel ġeneriku u artikoli għad-dar, minbarra xorb alkoħoliku ddistillat jew xarbiet abbażi tal-ħmira li għandhom kontenut alkoħoliku ta’ iktar minn 6 %, sakemm is-superfiċi kummerċjali netta ma tkunx ta’ iktar minn 250 m2.

    Il-fatt li konsumatur jaċċetta offerta ta’ żjara fuq inizjattiva tal-bejjiegħ ma jikkostitwixxix invit fis-sens tal-punt b).

    2.   Dawn il-projbizzjonijiet lanqas ma japplikaw għas-sedi ta’ stabbiliment li l-attività prinċipali tagħhom tikkonsisti fil-bejgħ ta’ wieħed mill-gruppi ta’ prodotti li ġejjin:

    a)

    gazzetti, rivisti, prodotti tat-tabakk u artikoli relatati mat-tipjip, kards tat-telefown u prodotti tal-Loterie nationale;

    b)

    prodotti tal-medja awdjoviżiv jew logħob vidjo, kif ukoll il-kiri tagħhom;

    c)

    karburant u żejt għal vetturi bil-mutur;

    d)

    ġelat f’porzjonijiet individwali;

    e)

    ikel ippreparat fis-sede ta’ stabbiliment u li ma jiġix ikkonsmat fiha.

    Ikun hemm attività prinċipali meta l-bejgħ tal-grupp ta’ prodotti li jikkostitwixxi l-attività prinċipali jirrappreżenta minn tal-inqas 50 % tad-dħul mill-bejgħ fis-sena. [...]”.

    8

    L-Artikolu 17(1) tal-LHO jipprovdi li:

    “Il-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(a) u (b) u fl-Artikolu 8 ma japplikawx għar-resorts ta’ ħdejn il-baħar u għall-muniċipalitajiet jew partijiet ta’ muniċipalitajiet irrikonoxxuti bħala ċentri turistiċi”.

    Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    9

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-konvenuti fil-kawża prinċipali jiftħu ċ-ċentri ta’ ġardinaġġ tagħhom għall-pubbliku sebat ijiem fil-ġimgħa. Peress li qieset li din il-prattika tmur kontra l-Artikoli 8 et seq tal-LHO, Pelckmans talbet lir-Rechtbank van koophandel te Antwerpen (Qorti kummerċjali ta’ Antwerpen), tordna t-tmiem ta’ din il-prattika u tordna lill-konvenuti josservaw il-ġurnata ta’ serħan fil-ġimgħa.

    10

    Quddiem din il-qorti, il-konvenuti fil-kawża prinċipali kkontestaw l-azzjoni ta’ Pelckmans billi sostnew li d-dispożizzjonijiet invokati tal-LHO jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari kontra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, p. 22), kif ukoll kontra l-Artikoli 10 u 11 tal-Kostituzzjoni Belġjana.

    11

    Qabel ma ddeċidiet fuq il-mertu tal-kawża, ir-Rechtbank van koophandel te Antwerpen għamlet, permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 2011, minn naħa, żewġ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, dwar l-interpretazzjoni tad-direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali, kif ukoll tal-Artikoli 34 TFUE, 35 TFUE, 49 TFUE u 56 TFUE rispettivament u, min-naħa l-oħra, domanda preliminari lill-Grondwettelijk Hof.

    12

    Permezz tad-digriet tagħha Pelckmans Turnhout (C‑559/11, EU:C:2012:615), il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għall-ewwel domanda preliminari u għall-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari li d-“[d]irettiva [dwar prattiċi kummerċjali żleali] [...] għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tapplikax għal leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma hijiex intiża għall-finijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi”. Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidratha bħala manifestament inammissibbli minħabba li r-Rechtbank van koophandel te Antwerpen ma kinitx spjegat suffiċjentement ir-raġunijiet li għalihom kien jidhrilha li l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE kienet neċessarja għas-soluzzjoni tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali u ma kienet ipprovdiet l-ebda spjegazzjoni dwar ir-rabta li kienet qed tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-imsemmija kwistjoni.

    13

    Min-naħa tagħha, il-Grondwettelijk Hof, li quddiemha tressqet id-domanda preliminari dwar il-kostituzzjonalità, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Il-prinċipju ta’ ugwaljanza, stabbilit fl-Artikolu 6(3) [TUE] u fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta [...], [moqri] flimkien mal-Artikoli 15 u 16 tal-Karta [...] u flimkien mal‑Artikoli [34 TFUE sa 36 TFUE, 56 TFUE u 57 TFUE], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regola bħal dik stabbilita fl‑Artikoli 8, 9, 16 u 17 tal-[LHO], sa fejn l‑obbligu f’dawn l-artikoli li jum ta’ għeluq fil-ġimgħa jiġi pprovdut:

    ma japplikax għan-negozjanti li huma stabbiliti fl-istazzjonijiet tal-ferrovija jew fl-istabbilimenti tal-kumpanniji tat-trasport pubbliku, u lanqas għal ħwienet fl-ajruporti u fiż-żoni tal-portijiet miftuħin għat-traffiku internazzjonali ta’ vjaġġaturi u lanqas għal ħwienet fl-istazzjonijiet tas-servizz [pompi tal-petrol] jew fl-istabbilimenti li jkunu fl-awtostradi, iżda japplika għal negozjanti stabbiliti bnadi oħra,

    ma japplikax għal negozjanti li huma attivi fil-bejgħ ta’ prodotti bħal gazzetti, rivisti, prodotti tat-tabakk u prodotti tat-titjib [tipjip], kards telefoniċi u prodotti tal-lotterija nazzjonali, il-bejgħ ta’ prodotti tal-medja awdjoviżivi u ta’ video games, il-bejgħ ta’ ġelati, iżda japplika għal negożjanti li jbigħu prodotti oħra,

    japplika biss għal negozju bl-imnut, jiġifieri għal impriżi li jbigħu lill‑konsumatur, filwaqt li ma japplikax għal negozjanti oħra,

    jimplika mill-inqas, għan-negozjanti li jeżerċitaw l-attività tagħhom permezz ta’ post fiżiku ta’ bejgħ u li għandhom kuntatt dirett mal-konsumatur, limitazzjoni nettament iktar stretta minn dik għal [...] negozjanti li jeżerċitaw l-attività tagħhom permezz ta’ rivista online jew possibilment permezz ta’ forma oħra ta’ bejgħ mill-bogħod?”

    Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    14

    Permezz tad-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi jekk il-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni, stipulati fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 15 u 16 tagħha u fid-dawl tal-Artikoli 34 TFUE sa 36 TFUE, 56 TFUE u 57 TFUE, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-LHO li, bla ħsara għal xi eċċezzjonijiet, tipprojbixxi lin-negozjanti milli jiftħu l-ħanut tagħhom sebat ijiem fil-ġimgħa billi timponilhom ġurnata ta’ għeluq fil-ġimgħa.

    15

    Il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea jeċepixxu n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għal din id-domanda, minħabba l-fatt li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi l-ebda element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li s-suġġett tal-kawża prinċipali għandu xi rabta mad-dritt tal-Unjoni.

    16

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 94(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali. Din l-espożizzjoni, l-istess bħall-espożizzjoni fil-qosor tal-fatti rilevanti meħtieġa mill-Artikolu 94(a) tal-istess regoli tal-proċedura, għandha tippermetti li l-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika, minbarra l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari, il-ġurisdizzjoni tagħha li tirrispondi għad-domanda magħmula.

    17

    Għandu jitfakkar ukoll li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) ta’ din tal-aħħar, li jgħid li d-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 17).

    18

    Għalhekk, din id-dispożizzjoni tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet (ara s-sentenza Åkerberg Fransson, EU:C:2013:105, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    19

    Tali definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni hija kkorroborata, barra minn hekk, mill-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 51 tal-Karta, li, b’mod konformi mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u mal-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar. Skont l-imsemmija spjegazzjonijiet, “l-obbligu tar-rispett għad-drittijiet fundamentali definit f’kuntest ta’ l-Unjoni jorbot biss lill-Istati Membri meta dawn jaġixxu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni” (sentenza Åkerberg Fransson, EU:C:2013:105, punt 20).

    20

    Minn dan isegwi li, meta sitwazzjoni legali ma tkunx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom infushom, jistabbilixxu din il-ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet Currà et, C‑466/11, EU:C:2012:465, punt 26, kif ukoll is-sentenza Åkerberg Fransson, EU:C:2013:105, punt 22).

    21

    Dawn il-kunsiderazzjonijiet jikkorrispondu ma’ dawk li jservu ta’ bażi għall-Artikolu 6(1) TUE, li jgħid li d-dispożizzjonijiet tal-Karta bl-ebda mod ma jestendu l-kompetenzi tal-Unjoni kif inhuma ddefiniti fit-Trattati. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 51(2) tal-Karta, din tal-aħħar ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni u lanqas ma tistabbilixxi xi kompetenza jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti ddefiniti fit-Trattati (ara s-sentenzi McB., C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582, punt 51; Dereci et, C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 71, kif ukoll Åkerberg Fransson, EU:C:2013:105, punt 23).

    22

    Madankollu, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi l-ebda element konkret li jippermetti li jiġi deċiż li s-sitwazzjoni legali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    23

    Fil-fatt, din id-deċiżjoni, l-istess bħall-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-ebda mod ma tistabbilixxi li l-imsemmija kawża għandha elementi ta’ rabta ma’ xi waħda mis-sitwazzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat imsemmija mill-qorti tar-rinviju.

    24

    F’kull każ, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikoli 34 TFUE sa 36 TFUE fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, imsemmija minn din il-qorti, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’diversi okkażjonijiet, li dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għal leġiżlazzjoni nazzjonali fuq l-għeluq ta’ ħwienet li torbot lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati kollha li jeżeċitaw attivitajiet fit-territorju nazzjonali, u li taffettwa bl-istess mod, fid-dritt u fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti nazzjonali u dik tal-prodotti li ġejjin minn Stati Membri oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Punto Casa u PPV, C‑69/93 u C‑258/93, EU:C:1994:226, punt 15, kif ukoll Semeraro Casa Uno et, C‑418/93 sa C‑421/93, C‑460/93 sa C‑462/93, C‑464/93, C‑9/94 sa C‑11/94, C‑14/94, C‑15/94, C‑23/94, C‑24/94 u C‑332/94, EU:C:1996:242, punt 28).

    25

    Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li wkoll issemmew mill-qorti tar-rinviju, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tapplika għal kull operatur li jeżerċità attivitajiet fit-territorju nazzjonali, li barra minn hekk l-għan tagħha ma huwiex li tirregola l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-provvista ta’ servizzi tal-impriżi kkonċernati u li, fl-aħħar nett, l-effetti limitattivi li tista’ tipproduċi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma wisq aleatorji u wisq indiretti sabiex l-obbligu li hija timponi jkun jista’ jitqies bħala li huwa ta’ natura tali li jostakola din il-libertà (ara, b’analoġija, is-sentenza Semeraro Casa Uno et, EU:C:1996:242, punt 32).

    26

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Karta msemmija mill-qorti tar-rinviju ma ġietx stabbilita.

    27

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mill-Grondwettelijk Hof.

    Fuq l-ispejjeż

    28

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi d-domanda magħmula fil-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Grondwettelijk Hof (Il-Belġju).

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top