EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0438

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-3 ta’ April 2014.
Irmengard Weber vs Mechthilde Weber.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht München.
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Punt 1 tal-Artikolu 22 — Ġurisdizzjoni esklużiva — Tilwim fil-qasam tad-drittijiet fuq proprjetà immobbli in rem — Natura tad-dritt ta’ prelazzjoni — Artikolu 27(1) — Lis alibi pendens — Kunċett ta’ talbiet ippreżentati bejn l-istess partijiet u li jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni — Rabta bejn il-punt 1 tal-Artikolu 22 u l-Artikolu 27(1) — Artikolu 28(1) — Konnessjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni tas-sospensjoni tad-deċiżjoni.
Kawża C‑438/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:212

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

3 ta’ April 2014 ( *1 )

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Punt 1 tal-Artikolu 22 — Ġurisdizzjoni esklużiva — Tilwim fil-qasam tad-drittijiet fuq proprjetà immobbli in rem — Natura tad-dritt ta’ prelazzjoni — Artikolu 27(1) — Lis alibi pendens — Kunċett ta’ talbiet ippreżentati bejn l-istess partijiet u li jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni — Rabta bejn il-punt 1 tal-Artikolu 22 u l-Artikolu 27(1) — Artikolu 28(1) — Konnessjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni tas-sospensjoni tad-deċiżjoni”

Fil-Kawża C‑438/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht München (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Frar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Ottubru 2012, fil-proċedura

Irmengard Weber

vs

Mechthilde Weber,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Irmengard Weber, minn A. Seitz, avukat,

għal Mechthilde Weber, minn A. Kloyer, avukat, F. Calmetta, avukat, u H. Prütting,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Beeko, bħala aġent, assistita minn M. Gray, barrister,

għall-Gvern Svizzeru, minn D. Klingele, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Bogensberger u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Jannar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 22, u tal-Artikoli 27 u 28 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Irmengard Weber (iktar ’il quddiem “I. Weber”) u oħtha, Mechthilde Weber (iktar ’il quddiem “M. Weber”), u intiża sabiex din tal-aħħar tiġi kkundannata tagħti l-kunsens tagħha għar-reġistrazzjoni fil-katast ta’sabiex I. Weber titniżżel fil-katast bħala proprjetarja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 2 tar-Regolament Nru 44/2001 tipprovdi:

“Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l- formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenzali.”

4

Il-premessa 15 ta’ dan ir-regolament taqra kif ġej:

“Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. Għandu jkun hemm mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti każijiet ta’ lis pendens u azzjonijiet relatati u għal problemi ovvji li jirriżultaw minn differenzi nazzjonali dwar id-determinazzjoni taż-żmien meta jiġi rreġistrat każ bħala pendenti. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament dak iż- żmien għandu jiġi definit b’mod awtonomu.”

5

Il-premessa 16 tal-imsemmi regolament tipprovdi:

“Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni ta’ ġustizzja [fl-Unjoni] tiġġustifika illi sentenzi mogħtija fi Stat Membru jiġu awtomatikament rikonoxxuti mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura ħlief f’każijiet ta’ tilwim.”

6

Il-punt 1 tal-Artikolu 22 tal-istess regolament, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 6 tal-Kapitolu II tiegħu, dwar il-ġurisdizzjonijiet esklużivi jipprevedi:

“Dawn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju:

1)

fi proċedimenti li jkollhom l-obbjettiv tagħhom in rem fi propjetà immobbli [fil-qasam tad-drittijiet fuq proprjetà immobbli in rem] jew kirjiet ta’ propjetà immobbli, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih tkun tinstab il-propjetà.

[...]”

7

Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fis-Sezzjoni 8 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolata “Eżami dwar ġurisdizzjoni u ammisibilità”:

“Meta qorti ta’ Stat Membru jkollha quddiemha talba li tkun prinċipalment konċernata b’materja li dwarha l-qrati ta’ Stat Membru ieħor ikollhom il-ġurisdizzjoni esklussiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22, din għandha tiddikjara b’inizjattiva tagħha li m’għandhiex ġurisdizzjoni.”

8

L-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, li jinsab fis-Sezzjoni 9 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Lis pendens - azzjonijiet relatati”, jipprovdi:

“1.   Meta proċedimenti jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata.

2.   Meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata, xi qorti oħra apparti mill-ewwel qorti invokata għandha tastieni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”

9

L-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament, li jirregola l-konnessjoni, jipprovdi:

“1.   Meta azzjonijiet relatati jkunu pendenti fi qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mill-qorti li tkun l-ewwel invokata għandha tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha.

[...]

3.   Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, azzjonijiet huma meqjusa li jkunu relatati meta jkunu konnessi hekk mill-qrib illi jkun aktar konvenjenti illi jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex ikun evitat ir-riskju ta’ ġudizzji irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati.”

10

L-Artikolu 34 tal-istess regolament jipprovdi:

“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

1)

jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika [l-ordni pubbliku] ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

2)

meta jkun b’nuqqas ta’ dehra, jekk il-konvenut ma kienx ġie servut bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sa kemm id-difensur ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza meta kien possibli għalih jagħmel hekk;

3)

jekk ikun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija fi kwistjoni bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

4)

jekk ikun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija aktar kmieni fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz li jinvolvi l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet, basta illi dik is-sentenza aktar kmieni twettaq il-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru indirizzat.”

11

L-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 jipprovdi:

“1.   Aktar minn hekk, sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta [jekk] tmur kontra s-Sezzjonijiet 3, 4 jew 6 ta’ Kapitolu II, jew fil-każ li hemm disposizzjoni dwaru fl-Artikolu 72.

2.   Fl-eżami tal-bażi tas-sentenza msemmija fil-paragrafu ta’ qabel, il-qorti jew l-awtorità għandha tkun marbuta bis-sejbiet dwar il-fatt li fuqhom il-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini tkun ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha.

3.   Suġġett għal paragrafu 1, il-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini ma tistax tiġi reveduta. It-test ta’ strateġija pubblika [ordni pubbliku] msemmija f’punt 1 ta’ l-Artikolu 34 ma’ jistax jiġi applikat għal regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ ġurisdizzjoni.”

Id-dritt Ġermaniż

12

L-Artikolu 1094(1) tal-Kodiċi Ċivili (Bürgerliches Gesetzbuch, iktar ’il quddiem il-“BGB”) jiddefinixxi l-kontenut tad-dritt ta’ prelazzjoni fuq proprjetà immobbli bil-mod li ġej:

“Proprjetà immobbli jista’ jkollha oneri b’tali mod li l-persuna li favuriha hemm l-oneru għandha d-dritt tipprelataha fir-rigward tal-proprjetarju.”

13

L-Artikoli 463 u 464 tal-BGB jipprevedu r-regoli dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta’ prelazzjoni gravanti proprjetà immobbli.

14

L-Artikolu 463 tal-BGB jipprovdi:

“Min huwa l-proprjetarju ta’ dritt ta’ prelazzjoni fuq oġġett jista’ jeżerċita dan id-dritt mill-mument li d-debitur jikkonkludi kuntratt ta’ bejgħ fuq l-oġġett ma’ terzi.”

15

Skont l-Artikolu 464 tal-BGB:

“(1)   L-eżerċizzju tad-dritt ta’ prelazzjoni jirriżulta mid-dikjarazzjoni lid-debitur. Id-dikjarazzjoni ma hijiex suġġetta għall-forma ddeterminata mill-kuntratt ta’ bejgħ.

(2)   Permezz tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ prelazzjoni, il-bejgħ huwa konkluż bejn il-proprjetarju u d-debitur bil-kundizzjonijiet miftiehma bejn id-debitur u t-terzi.”

16

L-Artikolu 873(1) tal-BGB, dwar il-kundizzjonijiet tat-trasferiment tal-proprjetà fuq immobbli, tipprevedi:

“Sabiex tiġi ttrasferita l-proprjetà fuq immobbli [...] huwa neċessarju li l-proprjetarju tad-dritt u l-parti l-oħra jkunu ftehmu dwar l-emenda skont il-liġi li għandha ssir u li din l-emenda għandha tiġi rreġistrata fil-katast sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor.”

17

L-Artikolu 19 tal-Liġi dwar iż-żamma tal-katast (Grundbuchordnung) jipprovdi:

“Ir-reġistrazzjoni titqies li seħħet meta l-persuna li d-dritt tagħha huwa affettwat tawtorizzaha.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

I. u M. Weber, żewġ aħwa nisa ta’ 82 sena u ta’ 78 sena rispettivament, huma ko‑proprjetarji ta’, rispettivament, 60 % u 40 % ta’ proprjetà immobbli li tinsab f’ München (il-Ġermanja).

19

Abbażi ta’ att notarili tal-20 ta’ Diċembru 1971, ġie rreġistrat fil-katast dritt in rem ta’ prelazzjoni dwar il-parti ta’ 40 % appartenenti għal M. Weber, favur I. Weber.

20

Permezz ta’ kuntratt notarili tat-28 ta’ Ottubru 2009, M. Weber biegħet il-parti tagħha ta’ 40 % lil Z. GbR, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, fejn wieħed mid-diriġenti ta’ din il-kumpannija huwa binha, M. Calmetta, li huwa avukat stabbilit f’Milano (l-Italja). Skont klawżola ta’ dan il-kuntratt, M. Weber, bħala bejjiegħa, irriżervat id-dritt ta’ ritrattazjoni validu sat-28 ta’ Marzu 2010 u suġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

21

Wara li ġiet informata min-nutar li ppubblika l-imsemmi kuntratt f’München, I. Weber, permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Diċembru 2009, eżerċitat id-dritt ta’ prelazzjoni fuq dan is-sehem tal-proprjetà immobbli.

22

Fil-25 ta’ Frar 2010, permezz ta’ kuntratt konkluż quddiem dan in-nutar, I. u M. Weber mill-ġdid irrikonoxxew espressament l-eżerċizzju effettiv ta’ dritt ta’ prelazzjoni minn I. Weber u ftehmu dwar it-trasferiment tal-proprjetà lil din, bl-istess prezz bħal dak miftiehem fil-kuntratt ta’ bejgħ iffirmat bejn M. Weber u Z. GbR. Madankollu, iż-żewġ partijiet talbu lill-imsemmi nutar sabiex iwettaq ir-riċerki għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni tat-trasferiment tal-proprjetà fil-katast, skont l-Artikolu 873(1) tal-BGB, biss wara li M. Weber tkun iddikjarat bil-miktub lill-istess nutar li hija ma kinitx eżerċitat id-dritt tagħha ta’ ritrattazzjoni jew li hija kienet irrinunzjat għal dan id-dritt li jirriżulta mill-kuntratt konkluż ma’ Z. GbR, u dan fit-terminu stabbilit, li kien jiskadi fit-28 ta’ Marzu 2010. Fit-2 ta’ Marzu 2010, I. Weber ħallset il-prezz tax-xiri miftiehem, jiġifieri EUR 4 miljuni.

23

Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Marzu 2010, M. Weber iddikjarat li, fir-rigward ta’ I. Weber, ser teżerċita d-dritt tagħha ta’ ritrattazzjoni, skont il-kuntratt konkluż fit-28 ta’ Ottubru 2009.

24

Permezz ta’ rikors tad-29 ta’ Marzu 2010, Z. Gbr ippreżentat, quddiem it-Tribunale ordinario di Milano (qorti ċivili ta’ Milan) (l-Italja), azzjoni kontra I. u M. Weber, intiża li tikkonstata, minn naħa, l-invalidità tal-eżerċizzju, minn I. Weber, tad-dritt ta’ prelazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-validità tal-kuntratt konkluż bejn M. Weber u din il-kumpannija.

25

Fil-15 ta’ Lulju 2010, I. Weber ressqet lil M. Weber quddiem il-Landgericht München I (qorti reġjonali ta’ München I) (il-Ġermanja), sabiex din tiġi mġiegħla tawtorizza r-reġistrazzjoni tat-trasferiment tal-proprjetà tas-sehem ta’ 40 % inkwistjoni fil-katast. Insostenn tat-talba tagħha, I. Weber b’mod partikolari sostniet li, minħabba l-eżerċizzju tad-dritt ta’ prelazzjoni, id-dritt ta’ ritrattazzjoni miftiehem bejn Z. GbR u M. Weber ma kienx jagħmel parti mill-klawżoli kuntrattwali applikabbli għaliha.

26

Billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u, b’mod sussidjarju, fuq l-Artikolu 28(1) u (3) tiegħu, il-Landgericht München I iddeċidiet, fid-dawl tal-proċedura diġa’ mibdija qudiem it-Tribunale ordinario di Milano, li tissospendi l-proċeduri quddiemha. I. Weber appellat minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht München (tribunal reġjonali superjuri ta’ München) (il-Ġermanja).

27

Billi qieset li, bħala prinċipju, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament jew, tal-inqas, dawk previsti fl-Artikolu 28(1) u (3) tal-imsemmi regolament kienu ssodisfatti, l-Oberlandesgericht München iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament [Nru 44/2001], ikopri wkoll sitwazzjonijiet fejn żewġ partijiet ikunu konvenuti fil-kuntest tal-ewwel azzjoni minħabba li jkunu s-suġġett ta’ rikors ippreżentat minn terz filwaqt li jkunu wkoll rispettivament rikorrent u konvenut fil-kuntest ta’ azzjoni oħra? F’tali sitwazzjoni jista’ jingħad li hemm azzjoni “bejn l-istess partijiet” jew id-diversi talbiet tar-rikorrent fil-konfront taż-żewġ konvenuti, invokati fil-kuntest ta’ wieħed mill-proċedimenti, għandhom jiġu eżaminati separatament, bil-konsegwenza li jkollu jiġi rrikonoxxut li ma hemmx azzjoni “bejn l-istess partijiet”?

2)

Ikun hemm rikors bl-“istess kawża ta’ azzjoni” fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 meta, għalkemm it-talbiet u l-motivi fiż-żewġ proċedimenti jkunu differenti,

a)

ikun meħtieġ li tinstab soluzzjoni għall-istess kwistjoni preliminari sabiex tkun tista’ tingħata deċiżjoni fiż-żewġ proċedimenti jew meta

b)

fil-kuntest ta’ wieħed mill-proċedimenti, bħala waħda mit-talbiet sussidjarji, jintalab li tiġi kkonstatata relazzjoni legali li fi proċediment ieħor hija kwistjoni preliminari?

3)

Ikun hemm rikors dwar dritt in rem fi proprjetà immobbli, fis-sens tal-[punt 1 tal-Artikolu 22] tar-Regolament Nru 44/2001, meta jintalab li jiġi kkonstatat li l-konvenut ma eżerċitatx b’mod validu d-dritt in rem ta’ prelazzjoni tiegħu, li huwa paċifiku li jeżisti fid-dritt Ġermaniż, fir-rigward ta’ art li tinsab fil-Ġermanja?

4)

Il-qorti li quddiemha jitressaq it-tieni proċediment hija obbligata teżamina fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u għalhekk qabel ma l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tiġi deċiża mill-qorti li quddiemha tressaq l-ewwel proċediment, jekk din tal-aħħar ma għandhiex ġurisdizzjoni skont [il-punt 1 tal-Artikolu 22], u dan għaliex tali nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha tressaq l-ewwel proċediment skont l-Artikolu 35(1) tar-Regolament Nru 44/2001 iwassal għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-deċiżjoni eventwali tal-qorti li quddiemha tressaq l-ewwel proċediment? L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa inapplikabbli għall-qorti li quddiemha jitressaq it-tieni proċediment jekk din il-qorti tasal għall-konklużjoni li l-qorti li quddiemha tressaq l-ewwel proċediment ma għandhiex ġurisdizzjoni skont [il-punt 1 tal-Artikolu 22]?

5)

Il-qorti li quddiemha jitressaq it-tieni proċediment hija obbligata, fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u għalhekk qabel ma l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tiġi deċiża mill-qorti li quddiemha tressaq l-ewwel proċediment, teżamina l-ilment ta’ waħda mill-partijiet li l-parti l-oħra wettqet abbuż ta’ dritt meta ressqet proċediment quddiem il-qorti li quddiemha tressaq l-ewwel proċediment? L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa inapplikabbli għall-qorti li quddiemha jitressaq it-tieni proċediment jekk din tasal għall-konklużjoni li l-proċediment tressaq quddiem l-ewwel qorti b’mod abbużiv?

6)

L-applikazzjoni tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 44/2001 tippressupponi li l-qorti li quddiemha jitressaq it-tieni proċediment tkun diġà ddeċidiet li l-Artikolu 27(1) [ta’ dan ir-regolament] ma japplikax f’dak il-każ partikolari?

7)

Fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali rikonoxxuta fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 44/2001, jistgħu jiġu kkunsidrati

a)

il-fatt li l-qorti li quddiemha tressaq l-ewwel proċediment hija stabbilita fi Stat Membru fejn il-proċedimenti, minn perspettiva ta’ statistika, idumu ħafna iktar milli fl-Istat Membru fejn hija stabbilita l-qorti li quddiemha jitressaq it-tieni proċediment,

b)

il-fatt li skont il-qorti li quddiemha jitressaq it-tieni proċediment għandu jiġi applikat id-dritt tal-Istat Membru fejn hija stabbilita din il-qorti,

c)

l-età ta’ waħda mill-partijiet,

d)

il-perspettivi ta’ eżitu pożittiv għar-rikors ippreżentat quddiem l-ewwel qorti?

8)

Fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikoli 27 u 28 tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-għan li jiġu evitati deċiżjonijiet inkompatibbli jew kontradittorji, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja tat-tieni rikorrent?”

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

28

Permezz ta’ att tal-11 ta’ Frar 2014, li wasal fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Frar 2014, M. Weber, wara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fit-30 ta’ Jannar 2014, talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, minħabba li dawn kien fihom xi żbalji ta’ fatt u ta’ liġi.

29

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk din tqis li ma għandhiex biżżejjed informazzjoni jew li l-kawża għandha tinqata’ abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Pohotovost’, C-470/12, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Madankollu, dan ma huwiex il-każ fil-kawża ineżami. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tkun tista’ tiddeċiedi. Fir-rigward tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex marbuta bihom, ma huwiex indispensabbli li jsir ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali kull darba li l-Avukat Ġenerali jqajjem punt li fuqu l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux miegħu.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali ma għandhiex tintlaqa’.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tielet domanda

32

Permezz ta’ din id-domanda, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kategoriji tal-kawżi “li jkollhom l-obbjettiv tagħhom in rem fi propjetà immobbli [fil-qasam tad-drittijiet fuq proprjetà immobbli in rem]” imsemmija minn din id-dispożizzjoni, azzjoni, bħalma hija dik mibdija fil-kawża ineżami quddiem il-qorti ta’ Stat Membru ieħor, intiża sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità tal-eżerċizzju ta’ dritt ta’ prelazzjoni gravanti din il-proprjetà immobbli u li tipproduċi effetti fir-rigward ta’ kulħadd.

Fuq l-ammissibbiltà

33

M. Weber invokat l-inammissibbiltà ta’ din id-domanda billi sostniet li din tikkonċerna punt li ma għandu ebda rwol fil-proċedura pendenti quddiem il-qorti Ġermaniża adita bil-kawża fit-tieni lok, minkejja li, madankollu, dan jista’ jkollu rwol f’dik quddiem il-qorti Taljana li ġiet adita fl-ewwel lok. Hija ssostni b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li l-qorti adita fit-tieni lok ma hijiex awtorizzata teżamina l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita fl-ewwel lok. L-imsemmija domanda għalhekk ma hijiex rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni tad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju tista’ tieħu b’applikazzjoni tal-Artikoli 27 u 28 tar-Regolament Nru 44/2001.

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali biss għandha ġurisdizzjoni li tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll li tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li tista’ tevalwa, fir-rigward tal-partikolaritajiet tal-kawża, kemm in-neċessità’ kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li din tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, ProRail, C-332/11, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Għalhekk, iċ-ċaħda, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija biss possibbli meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realta’ jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León, C‑413/12, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Issa, dan ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti.

37

Fil-fatt, mill-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li din tista’ titwassal sabiex teżamina l-kwistjoni tal-validità tal-eżerċizzju, minn I. Weber, ta’ dritt ta’ prelazzjoni fuq proprjetà immobbli, kwistjoni li hija s-suġġett ta’ kawża oħra pendenti quddiem il-qorti Taljana. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 ser tippermetti lill-qorti tar-rinviju li ssir taf jekk il-kawża li għandha quddiemha taqax fil-kategorija tal-kawżi “li jkollhom l-obbjettiv tagħhom in rem fi propjetà immobbli [fil-qasam tad-drittijiet fuq proprjetà immobbli in rem]” u li tiddeċiedi dwarha.

38

F’dawn il-kundizzjonijiet, it-tielet domanda għandha titqies bħala ammissibbli.

Fuq il-mertu

39

Hekk kif jirriżulta mill-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, il-qrati tal-Istat Membru fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli (forum rei sitae) għandhom ġurisdizzjoni esklużiva fil-qasam tad-drittijiet fuq proprjetà immobbli in rem.

40

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni, fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 16(1)(a) tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”, liema konvenzjoni tapplika wkoll għall-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 22, tirrileva li, sabiex tiżgura, sa fejn huwa possibbli, l-ugwaljanza u l-uniformità tad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn din il-konvenzjoni għall-Istati Membri u l-persuni kkonċernati, is-sens tal-frażi “li jkollhom l-obbjettiv tagħhom in rem fi propjetà immobbli [fil-qasam tad-drittijiet fuq proprjetà immobbli in rem]” għandu, fid-dritt tal-Unjoni, jiġi ddeterminat b’mod awtonomu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 1990 Reichert u Kockler, C-115/88, Ġabra p. I-27, punt 8 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Minn din il-perspettiva, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-raġuni essenzjali tal-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat membru fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli hija ċ-ċirkustanza li l-forum rei sitae hija l-iktar waħda, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prossimità, li jkollha għarfien tajjeb tas-sitwazzjonijiet fattwali u li tapplika r-regoli u użanzi li huma, inġenerali, dawk tal-Istat ta’ fejn tinsab il-proprjetà immobbli (sentenza Reichert u Kockler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 10).

42

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u, għaldaqstant, il-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat kontraenti ta’ fejn tinsab il-proprjetà immobbli ma tinkludix l-azzjonijiet kollha li jikkonċernaw id-drittijiet fuq proprjetà immobbli in rem, iżda tinkludi biss dawk fosthom li, fl-istess waqt, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni jew rispettivament tal-imsemmi regolament, u huma fost dawk li, minn naħa, jiddeterminaw il-portata, il-konsistenza, il-proprjetà, il-pussess ta’ beni immobbli jew l-eżistenza ta’ drittijiet oħra in rem fuq dawn il-beni u, min-naħa l-oħra, jiżguraw lill-persuni li għandhom dawn id-drittijiet il-protezzjoni tal-prerogattivi li huma marbuta mat-titolu tagħhom (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Schneider, C‑386/12, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Bl-istess mod, billi għamlet riferiment għar-rapport fuq il-Konvenzjoni dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif ukoll il-protokoll li jikkonċerna l-interpretazzjoni tiegħu mill-Qorti tal-Ġustizzja, miktub minn P. Schlosser (ĠU 1979, C 59/71, punt 166), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-differenza bejn dritt in rem u dritt personali tinsab fil-fatt li l-ewwel wieħed, gravanti beni materjali, jipproduċi l-effetti tiegħu fir-rigward ta’ kulħadd, filwaqt li t-tieni wieħed jista’ biss jiġi invokat kontra d-debitur (ara d-digriet tal-5 ta’ April 2001, Gaillard, C-518/99, Ġabra p. I-2771, punt 17).

44

F’dak li jikkonċerna l-kawża preżenti, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, u kif isostnu l-qorti tar-rinviju, I. Weber, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea, azzjoni intiża sabiex jiġi kkonstatat li dritt in rem ta’ prelazzjoni fuq proprjetà immobbli li tinsab fil-Ġermanja ma ġiex eżerċitat b’mod validu, bħal dik li tressqet quddiem il-qorti Taljana minn Z. GbR, taqa’ fil-kategorija tal-azzjonijiet fil-qasam tad-drittijiet fuq proprjetà immobbli in rem, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001.

45

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, dritt ta’ prelazzjoni, kif previst fl-Artikolu 1094 tal-BGB, gravanti proprjetà immobbli u li jinsab imniżżel fil-katast, jipproduċi l-effetti tiegħu mhux biss fir-rigward tad-debitur, iżda jiggarantixxi d-dritt tad-detentur ta’ dan id-dritt għat-trasferiment tal-proprjetà anki fir-rigward ta’ terzi, b’mod li, jekk kuntratt ta’ bejgħ ikun konkluż bejn terz u l-proprjetarju tal-proprjetà li għandha oneri, l-eżerċizzju validu tad-dritt ta’ prelazzjoni jkollu l-konsegwenza li l-bejgħ ma jkollux effett għad-detentur ta’ dan id-dritt u li dan il-bejgħ huwa ddestinat li jiġi konkluż bejn dan id-detentur u l-imsemmi proprjetarju bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk miftiehma bejn dan tal-aħħar u dan it-terz.

46

Minn dan isegwi li, meta t-terz xerrej jikkontesta l-validità tal-eżerċizzju tal-imsemmi dritt ta’ prelazzjoni fil-kuntest ta’ azzjoni bħal dik imressqa quddiem it-Tribunale ordinario di Milano, din l-azzjoni tkun intiża li tiddetermina, essenzjalment, jekk l-eżerċizzju tad-dritt ta’ prelazzjoni ppermettiex li jiġi żgurat, favur id-detentur, id-dritt għat-trasferiment tal-proprjetarju tal-proprjetà immobbli inkawża. F’tali każ, hekk kif jirriżulta mill-punt 166 tar-rapport Schlosser, imsemmi fil-punt 43 tal-preżenti sentenza, it-tilwima tkun tirrigwarda dritt in rem fuq proprjetà immobbli u tkun taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-forum rei sitæ.

47

B’teħid inkunsiderazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kategorija tal-kawżi “li jkollhom l-obbjettiv tagħhom in rem fi propjetà immobbli [fil-qasam tad-drittijiet fuq proprjetà immobbli in rem]” imsemmija f’din id-dispożizzjoni, azzjoni, bħal dik li, f’dan il-każ, tressqet quddiem il-qorti ta’ Stat Membru ieħor, intiża li tiġi kkonstatata l-invalidità tal-eżerċizzju ta’ dritt ta’ prelazzjoni gravanti din il-proprjetà immobbli u li jipproduċi effetti fir-rigward ta’ kulħadd.

Fuq ir-raba’ domanda

48

Permezz ta’ din id-domanda, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li, qabel ma tissospendi d-deċiżjoni b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-qorti adita fit-tieni lok hijiex marbuta teżamina jekk, minħabba ksur tal-ġurisdizzjoni esklużiva prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, deċiżjoni eventwali, fuq il-mertu, tal-qorti adita fl-ewwel lok tiġix rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra, skont l-Artikolu 35(1) tal-imsemmi regolament.

49

Għandu jitfakkar li mill-kliem tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li, f’sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens, il-qorti adita fit-tieni lok għandha tissospendi d-deċiżjoni ex officio sakemm il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita fl-ewwel lok tiġi stabbilita u, jekk ikun il-każ, tirrexxindi l-ġurisdizzjoni tagħha favur din tal-aħħar.

50

Peress li ntalbet tagħti deċiżjoni dwar jekk id-dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell li tikkorrispondi għall-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, jiġifieri l-Artikolu 21 ta’ din il-Konvenzjoni, jawtorizzax jew jobbligax lill-qorti adita fit-tieni lok sabiex teżamina l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li bla ħsara għall-ipoteżi fejn il-qorti adita fit-tieni lok ikollha ġurisdizzjoni esklużiva prevista bil-Konvenzjoni ta’ Brussell u, b’mod partikolari, bl-Artikolu 16 tagħha, l-imsemmi Artikolu 21, dwar il-lis alibi pendens, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita fl-ewwel lok tkun ikkontestata, il-qorti adita fit-tieni lok tista’ biss tissospendi d-deċiżjoni, fil-każ li din ma tirrexxindix il-ġurisdizzjoni tagħha, mingħajr ma tkun tista’ teżamina hija stess il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita fl-ewwel lok (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 1991, Overseas Union Insurance et, C-351/89, Ġabra p. I-3317, punti 20 u 26).

51

Minn dan jirriżulta li, fl-assenza ta’ kwalunkwe invokazzjoni ta’ ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti adita fit-tieni lok fil-kawża prinċipali, kulma għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja kien li astjeniet milli tippreġudika l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell fl-ipoteżi li hija rriżervat speċifikament (sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2003, Gasser, C-116/02, Ġabra p. I-14693, punt 45, u tas-27 ta’ Frar 2014, Cartier parfums – lunettes u Axa Corporate Solutions assurances, C‑1/13, punt 26).

52

Ċertament, billi sussegwentement ġiet adita bil-kwistjoni tar-relazzjoni li teżisti bejn l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u l-Artikolu 17 tagħha, dwar il-ġurisdizzjoni esklużiva bis-saħħa ta’ klawżola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni, u li tikkorrispondi għall-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Gasser, iċċitata iktar ’il fuq, iddeċidiet li l-fatt li ġurisdizzjoni tal-qorti adita fit-tieni lok tiġi invokata skont l-Artikolu 17 ta’ din il-Konvenzjoni ma hijiex ta’ natura li tikkontesta l-applikazzjoni tar-regola proċedurali prevista fl-Artikolu 21 tal-imsemmija konvenzjoni, li hija bbażata b’mod ċar u unikament fuq l-ordni kronoloġika li fiha l-qrati inkwistjoni ġew aditi.

53

Madankollu, hekk kif intqal fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, u b’differenza għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Gasser, iċċitata iktar ’il fuq, fil-kawża preżenti, ġiet ikkonstatata ġurisdizzjoni esklużiva favur il-qorti adita fit-tieni lok, skont il-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 6 tal-Kapitolu II tiegħu.

54

Issa, skont il-kliem tal-Artikolu 35(1) ta’ dan ir-regolament, id-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru ma jiġux rikonoxxuti fi Stat Membru ieħor jekk id-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 6 tal-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, dwar il-ġurisdizzjoni esklużiva, ikunu nkisru.

55

Minn dan jirriżulta li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minkejja li l-qorti adita fl-ewwel lok tagħti deċiżjoni ta’ ksur tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tal-istess regolament, din id-deċiżjoni ma tkunx tista’ tiġi rikonoxxuta fl-Istat Membru tal-qorti adita fit-tieni lok.

56

F’dawn il-kundizzjonijiet, għaldaqstant, il-qorti adita fit-tieni lok ma għadx għandha dritt tissospendi d-deċiżjoni, u lanqas li tirrexxindi l-ġurisdizzjoni tagħha, u għandha tiddeċiedi fuq il-mertu dwar id-domanda li hija ġiet adita biha, sabiex tiżgura l-osservanza ta’ din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva.

57

Kull interpretazzjoni oħra tkun tmur kontra l-għanijiet li jsejsu l-formulazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, bħalma huma l-funzjonament armonjuż tal-ġustizzja billi jiġu evitati kunflitti negattivi bejn qrati, il-moviment liberu tad-deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali, u b’mod partikolari r-rikonoxximent tagħhom.

58

Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva wkoll, essenzjalment, fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti adita fit-tieni lok, li għandha ġurisdizzjoni esklużiva skont il-punt 1 tal-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, tissospendi d-deċiżjoni sakemm il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita fl-ewwel lok tiġi stabbilita u, jekk dan ikun il-każ, tirrexxindi l-ġurisdizzjoni tagħha favur din tal-aħħar, ma jissodisfax ir-rekwiżit ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

59

Barra minn hekk, l-għan imsemmi fl-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri li jiġi evitat in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni minħabba l-inkompatibbiltà ma’ deċiżjoni mogħtija bejn l-istess partijiet fl-Istat meħtieġ, fil-kuntest preċiż fejn il-qorti adita fit-tieni lok għandha ġurisdizzjoni esklużiva skont il-punt 1 tal-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, ikun kompromess.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, qabel ma tissospendi d-deċiżjoni b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-qorti adita fit-tieni lok hija marbuta teżamina jekk, minħabba ksur tal-ġurisdizzjoni esklużiva prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, deċiżjoni eventwali, fuq il-mertu, tal-qorti adita fl-ewwel lok tiġix rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra, skont l-Artikolu 35(1) tal-imsemmi regolament.

Fuq l-ewwel u t-tieni kif ukoll il-ħames sat-tmien domandi

61

Fir-rigward tal-ewwel u t-tieni kif ukoll il-ħames sat-tmien domandi, hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn jikkonċernaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 u l-elementi li l-qorti adita fit-tieni lok hija marbuta tieħu inkunsiderazzjoni, meta, fil-każ ta’ lis alibi pendens, din tiddeċiedi li tissospendi d-deċiżjoni, minn naħa, u r-relazzjoni li teżisti bejn l-Artikoli 27 u 28 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll il-kriterji li l-qorti adita fit-tieni lok tista’ tieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali fil-każ ta konnessjoni, min-naħa l-oħra.

62

Hekk kif l-Avukat Ġenerali essenzjalment irrileva fil-punt 20 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-qorti adita fit-tieni lok, li għandha ġurisdizzjoni esklużiva skont il-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, ma tistax tkun obbligata teżamina l-kwistjoni ta’ jekk il-kriterji materjali tal-lis alibi pendens humiex issodisfatti f’dak li jikkonċerna kawża li tressqet quddiemha fit-tieni lok.

63

Fil-fatt, tali verifika tkun ineffettiva, peress li l-qorti adita fit-tieni lok hija awtorizzata tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha mogħtija skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, iċ-ċirkustanza li deċiżjoni eventwali tal-qorti adita fl-ewwel lok ma tiġix rikonoxxuta fl-Istati membri l-oħra, skont l-Artikolu 35(1) ta’ dan ir-regolament, minħabba ksur tal-ġurisdizzjoni esklużiva prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament.

64

Konsegwentement, il-kwistjoni ta’ liema huma l-elementi li l-qorti adita fit-tieni lok tista’ tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha, fil-każ ta’ lis alibi pendens, ma għadhiex applikabbli.

65

L-istess japplika f’dak li jikkonċerna d-domandi dwar ir-relazzjoni bejn l-Artikoli 27 u 28 tar-Regolament Nru 44/2001, minn naħa, u l-kriterji li l-qorti adita fit-tieni lok tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-każ ta’ konnessjoni, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, meta l-qorti adita fit-tieni lok ikollha ġurisdizzjoni esklużiva, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 27 u 28 ta’ dan ir-regolament ma jistgħux ikunu f’kompetizzjoni bejniethom.

66

B’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tar-risposta mogħtija lit-tielet u r-raba’ domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel u t-tieni kif ukoll għall-ħames sat-tmien domandi.

Fuq l-ispejjeż

67

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kategorija tal-kawżi “li jkollhom l-obbjettiv tagħhom in rem fi propjetà immobbli [fil-qasam tad-drittijiet fuq proprjetà immobbli in rem]” imsemmija f’din id-dispożizzjoni, azzjoni, bħal dik li, f’dan il-każ, tressqet quddiem il-qorti ta’ Stat Membru ieħor, intiża li tiġi kkonstatata l-invalidità tal-eżerċizzju ta’ dritt ta’ prelazzjoni gravanti din il-proprjetà immobbli u li jipproduċi effetti fir-rigward ta’ kulħadd.

 

2)

L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, qabel ma tissospendi d-deċiżjoni b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-qorti adita fit-tieni lok hija marbuta teżamina jekk, minħabba ksur tal-ġurisdizzjoni esklużiva prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, deċiżjoni eventwali, fuq il-mertu, tal-qorti adita fl-ewwel lok tiġix rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra, skont l-Artikolu 35(1) tal-imsemmi regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top