EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0425

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2013.
Portgás – Sociedade de Produção e Distribuição de Gás SA vs Ministério da Agricultura, do Mar, do Ambiente e do Ordenamento do Território.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Administrativo e Fiscal do Porto.
Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet – Direttiva 93/38/KEE – Nuqqas ta’ traspożizzjoni fid-dritt intern – Possibbiltà tal-Istat li jinvoka din id-direttiva fil-konfront ta’ organu konċessjonarju ta’ servizz pubbliku fl-assenza ta’ traspożizzjoni ta’ dak l-att fid-dritt intern.
Kawża C‑425/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:829

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Diċembru 2013 ( *1 )

“Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet — Direttiva 93/38/KEE — Nuqqas ta’ traspożizzjoni fid-dritt intern — Possibbiltà tal-Istat li jinvoka din id-direttiva fil-konfront ta’ organu konċessjonarju ta’ servizz pubbliku fl-assenza ta’ traspożizzjoni ta’ dak l-att fid-dritt intern”

Fil-Kawża C‑425/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Administrativo e Fiscal do Porto (il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Settembru 2012, fil-proċedura

Portgás – Sociedade de Produção e Distribuição de Gás SA

vs

Ministério da Agricultura, do Mar, do Ambiente e do Ordenamento do Território,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Lulju 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Portgás — Sociedade de Produção e Distribuição de Gás SA, minn J. Vieira Peres, advogado,

għall-Ministério da Agricultura, do Mar, do Ambiente e do Ordenamento do Território, minn M. Ferreira da Costa u M. Pires da Fonseca, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Afonso u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Settembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 194), kif emendata bid-Direttiva 98/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 91, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/38”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Portgás — Sociedade de Produção e Distribuição de Gás SA (iktar ’il quddiem “Portgás”) u l-Ministério da Agricultura, do Mar, do Ambiente e do Ordenamento do Território (Ministeru għall-agrikoltura, l-baħar, l-ambjent u l-ippjanar tat-territorju, iktar ’il quddiem “il-Ministério”), dwar deċiżjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna finanzjarja li ngħatat lil din il-kumpannija fil-kuntest tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, peress li, waqt l-akkwist tal-arloġġi tal-gass mingħand kumpannija oħra, Portgás ma osservatx ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 93/38/KEE jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal entitajiet kontraenti li:

a)

jkunu awtoritajiet pubbliċi jew intrapriżi pubbliċi u li jeżerċitaw wieħed mix-xogħlijiet li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2;

b)

meta ma jkunux awtoritajiet pubbliċi jew intrapriżi pubbliċi, ikollhom bħala waħda mill-attivitajiet tagħhom kwalunkwe waħda minn dawk li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2 jew xi assoċjazzjoni minnhom u li joperaw fuq il-bażi ta’ drittijiet speċjali jew esklussivi maħruġa minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru.”

4

Fost l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 93/38 hemm inkluż il-provvista jew it-tħaddim ta’ networks fissi maħsuba sabiex jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tal-produzzjoni, tat-trasport jew tad-distribuzzjoni tal-gass.

5

Skont l-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-direttiva:

“1.   Meta jagħtu kuntratti ta’ provvista, xogħlijiet jew servizz, jew meta jorganizzaw konkorsi ta’ disinn, l-entitajiet kontraenti għandhom japplikaw il-proċeduri li jkunu addattati għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

2.   L-entitajiet kontraenti għandhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn fornituri, kuntratturi jew fornituri ta’ servizzi differenti.”

6

L-Artikolu 14(1)(ċ)(i) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li din tal-aħħar tapplika għal kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti li jwettqu l-attivitajiet fil-qasam tat-trasport jew tad-distribuzzjoni tal-gass meta l-valur stmat, nett mit-taxxa fuq il-valur miżjud, ma jkunx inqas minn EUR 400 000.

7

Skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 93/38, il-kuntratti ta’ provvista u ta’ xogħlijiet u kuntratti li għandhom bħala għan is-servizzi elenkati fl-Anness XVI A ta’ din id-direttiva għandhom jingħataw skont id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III, IV u V ta’ din tal-aħħar.

8

Skont l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 93/38, ir-Repubblika Portugiża kienet obbligata li tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ dik id-direttiva u li tapplikahom mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 1998. Fir-rigward tal-emendi li saru fir-rigward tal-imsemmija direttiva bid-Direttiva 98/4, dawn tal-aħħar kellhom jiġu trasposti fl-ordinament ġuridiku intern Portugiż mhux iktar tard mis-16 ta’ Frar 2000.

Id-dritt Portugiż

9

Id-Direttiva 93/38 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Portugiż permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 223/2001, tad-9 ta’ Awwissu 2001 (Diário da República I, série A, Nru 184, tad-9 ta’ Awwissu 2001, p.5002). Skont l-Artikolu 53(1) tiegħu, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 223/2001 għandu jidħol fis-seħħ 120 ġurnata wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Portgás hija kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Portugiż li topera fis-settur tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-gass naturali.

11

Fis-7 ta’ Lulju 2001, Portgás ikkonkludiet ma’ Soporgás — Sociedade Portuguesa de Gás Lda kuntratt li jirrigwarda l-provvista ta’ arloġġi tal-gass. Il-valur ta’ dan il-kuntratt kien ta’ EUR 532 736.92.

12

Fil-21 ta’ Diċembru 2001, Portgás ressqet talba ta’ ko-finanzjament Komunitarju fil-kuntest tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, liema talba ġiet approvata. Il-kuntratt tal-għoti tal-għajnuna finanzjarja maħsuba sabiex tkopri l-ispejjeż eliġibbli tal-proġett POR/3.2/007/DREN, li kien jifforma parti minnu l-akkwist ta’ dawn l-arloġġi tal-gass, ġie ffirmat fil-11 ta’ Ottubru 2002.

13

Wara awditu mwettaq mill-Inspecção-Geral das Finanças (Inspezzjoni ġenerali tal-Finanzi), fid-29 ta’ Ottubru 2009, il-mexxej tal-Programa Operacional Norte (programm operazzjonali tat-Tramuntana) ordna l-irkupru tal-għajnuna finanzjarja li kienet ingħatat lil Portgás fil-kuntest ta’ dan il-proġett, peress li, fir-rigward tal-akkwist tal-imsemmija arloġġi tal-gass, Portgás kienet kisret ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni relatati mal-għoti tal-kuntratti pubbliċi, b’tali mod li l-ispejjeż kollha suġġetti għal ko-finanzjament pubbliku ma kinux eliġibbli.

14

Portgás ippreżentat kawża amministrattiva speċjali quddiem it-Tribunal administrativo Administrativo e Fiscal do Porto bil-għan li tikseb l-annullament tad-deċiżjoni li tordna dan l-irkupru. Quddiem din il-qorti, din il-kumpannija sostniet li l-Istat Portugiż ma setax jobbligha, bħala impriża privata, li tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/38. Fil-fatt, skont l-imsemmija kumpannija, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt li ngħata lil Soporgás — Sociedade Portuguesa de Gás Lda, id-dispożizzjonijiet ta’ dik id-direttiva ma kinux għadhom ġew trasposti fl-ordinament ġuridiku Portugiż u, għaldaqstant, dawn ma setgħux jipproduċu effett dirett fil-konfront tagħha.

15

Il-Ministério rrileva quddiem il-qorti tar-rinviju li d-Direttiva 93/38 tindirizza mhux biss lill-Istati Membri, iżda wkoll lill-awtoritajiet kontraenti, kif definiti minn din tal-aħħar. Skont il-Ministério, fil-kwalità tiegħu ta’ konċessjonarju ta’ servizz pubbliku esklużiv fiż-żona koperta mill-konċessjoni, Portgás kienet suġġetta għall-obbligi li jirriżultaw minn dik id-direttiva.

16

Billi kellha xi dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati fil-kuntest tal-kawża prinċipali, it-Tribunal Administrativo e Fiscal do Porto ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lil Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 4(1) tad-[Direttiva 93/38 u] l-Artikolu 14(1)(ċ)(i) tal-istess direttiva, [...] kif ukoll id-dispożizzjonijiet l-oħra [ta’ din id-direttiva] jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju applikabbli, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li joħolqu obbligi għal konċessjonarji speċifiċi ta’ servizzi pubbliċi – b’mod partikolari, entità rregolata taħt l-Artikolu 2(1)(b) tad-[Direttiva 93/38] – sa fejn din id-direttiva ma ġietx trasposta għall-finijiet tad-dritt intern mill-Istat Portugiż, liema nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi jista’ jiġi invokat kontra dik l-entità konċessjonarja speċifika mill-istess Stat Portugiż, permezz tal-att imputabbli lill-ministeri tagħha?”

Fuq id-domanda preliminari

17

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 4(1), 14(1)(ċ)(i) u 15 tad-Direttiva 93/38 jistgħux jiġu invokati fil-konfront ta’ impriża privata, sempliċiment abbażi tal-fatt li din tal-aħħar għandha l-kwalità ta’ konċessjonarja esklużiva ta’ servizz ta’ interess pubbliku li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-direttiva u jekk, f’każ ta’ risposta pożittiva, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru kkonċernati jistgħux jipprevalixxu ruħhom minn dawk id-dispożizzjonijiet, meta l-imsemmija direttiva ma tkunx għadha ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat Membru.

18

Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-aspett tal-kontenut tagħhom, mingħajr kundizzjonijiet u suffiċjentement preċiżi, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat meta dan jew ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew ikun għamel traspożizzjoni inkorretta tagħha (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1982, Becker, 8/81, Ġabra p. 53, punt 25, kif ukoll tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C-282/10, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

Fir-rigward tal-Artikolu 4(1), 14(1)(ċ)(i) u 15 tad-Direttiva 93/38, hemm lok li jitfakkar li dawn id-dispożizzjonijiet jimponu, b’mod inkundizzjonat u preċiż, fuq l-awtoritajiet kontraenti li jeżerċitaw attivitajiet, partikolarment, fis-setturi tat-trasport jew tad-distribuzzjoni tal-gass li jagħtu kuntratti ta’ provvista, lil-valur stmat tagħhom, nett mit-taxxa fuq il-valur miżjud, ma jkunx inqas minn EUR 400 000, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Titoli III, IV u V ta’ din id-Direttiva u li jiżguraw li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn il-fornituri, negozjanti jew fornituri ta’ servizzi.

20

Isegwi li dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/38 huma mingħajr kundizzjonijiet u suffiċjentement preċiżi sabiex jiġu invokati quddiem qrati nazzjonali.

21

F’dawn il-kundizzjonijiet, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet jistgħux, quddiem qrati nazzjonali, jiġu invokati fil-konfront ta’ impriża privata, bħal Portgás, fil-kwalità ta’ konċessjonarja esklużiva ta’ servizz pubbliku.

22

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, in-natura vinkolanti ta’ direttiva li fuqha hija msejsa l-possibbiltà ta’ invokazzjoni ta’ din tal-aħħar teżisti biss fir-rigward ta’ “l-Istati Membri [destinatarji]”. Isegwi, skont ġurisprudenza stabbilita, li direttiva ma tistax minn nnifisha toħloq obbligi fir-rigward ta’ individwu u għalhekk ma tistax tiġi invokata bħala tali fil-konfront ta’ tali persuna quddiem qorti nazzjonali (sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 1987, Kolpinghuis Nijmegen, 80/86, Ġabra p. 3969, punt 9; tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori, C-91/92, Ġabra p. I-3325, punt 20, kif ukoll Dominguez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Fir-rigward tal-entitajiet li fil-konfront tagħhom jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li dawk id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati fil-konfront ta’ Stat, indipendentement mill-kwalità li fiha li jkun qiegħed jaġixxi dan tal-aħħar, jekk hux bħala persuna li timpjega jew awtorità pubblika. Fil-fatt, fi kwalunkwe każ jeħtieġ li jiġi evitat li Stat ikun jista’ jieħu vantaġġ mill-inosservanza tiegħu tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, Ġabra p. 723, punt 49; tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et, C-188/89, Ġabra p. I-3313, punt 17, kif ukoll Dominguez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

24

Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, fost in-numru ta’ entitajiet li fil-konfront tagħhom jistgħu jiġi invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jistgħu jkollhom effetti diretti, hemm inkluż ukoll korp li, tkun xi tkun il-forma ġuridika tiegħu, ikun ġie inkarigat, bis-saħħa ta’ att tal-awtorità pubblika, iwettaq, taħt il-kontroll tagħha, servizz ta’ interess pubbliku u li jkun jiddisponi, għal dan l-għan, minn setgħat eżorbitanti b’relazzjoni mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi (sentenzi Foster et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20; tal-14 ta’ Settembru 2000, Collino u Chiappero, C-343/98, Ġabra p. I-6659, punt 23; tal-5 ta’ Frar 2004, Rieser Internationale Transporte, C-157/02, Ġabra p. I-1477, punt 24; tad-19 ta’ April 2007, Farrell, C-356/05, Ġabra p. I-3067, punt 40, kif ukoll Dominguez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

25

Minn dik il-ġurisprudenza jirriżulta li, anki jekk individwu jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ direttiva, id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar ma jistgħux jiġu invokati bħala tali fil-konfront tiegħu quddiem qrati nazzjonali. Għalhekk, kif jirrileva l-avukat ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sempliċi ċirkustanza li impriża privata konċessjonarja esklużiva ta’ servizz pubbliku tkun tifforma parti mill-entitajiet previsti espressament mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 93/38 ma tirriżultax fil-konsegwenza li jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva fil-konfront ta’ dik l-impriża.

26

Fil-fatt jeħtieġ li l-imsemmi servizz ta’ interess pubbliku jitwettaq taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika u li l-imsemmija impriża jkollha setgħat eżorbitanti b’relazzjoni mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rieser Internationale Transporte, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 sa 27).

27

Fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ Portgás, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dik l-impriża ġiet inkarigata mill-Istat Portugiż, bħala konċessjonarja esklużiva, sabiex twettaq servizz ta’ interess pubbliku, jiġifieri t-tħaddim ta’ network ta’ distribuzzjoni tal-gass fir-reġjun tat-tramuntana tal-Portugall.

28

Issa, l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju ma jippermettux lil Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk, fil-mument tal-okkorrenza tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan is-servizz ta’ interess pubbliku kienx imwettaq taħt il-kontroll tal-awtoritajiet statali u jekk Portgás kellhiex setgħat eżorbitanti b’relazzjoni mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi.

29

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi servizz ta’ interess pubbliku kienx twettaq taħt il-kontroll tal-awtoritajiet Portugiżi, Portgás sostniet, mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Gvern Portugiż, li l-kapital azzjonarju tagħha ma jappartjenix fil-maġġoranza tiegħu jew esklużivament lill-Istat Portugiż u li dan tal-aħħar la jista’ jaħtar il-membri tal-organi ta’ tmexxija u ta’ kontroll tagħha u lanqas jagħti istruzzjonijiet li jinċidu fuq it-tmexxija tal-attività tagħha ta’ servizz pubbliku. Madankollu, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax b’mod ċar li dawn iċ-ċirkustanzi kienu jeżistu fil-mument tal-okkorrenza tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

30

Fuq il-kwistjoni dwar jekk Portgás kellhiex setgħat eżorbitanti b’relazzjoni mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, jekk tali impriża kienet tibbenefika, skont il-kuntratt ta’ konċessjoni, minn drittijiet speċjali u esklużivi, dan ma jimplikax, kif rrileva l-avukat ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, li hija kellha tali setgħat eżorbitanti. Iċ-ċirkustanza li Portgás setgħet titlob li jsiru l-esproprjazzjonijiet neċessarji għall-istabbiliment kif ukoll għat-tħaddim tal-infrastrutturi, mingħajr madankollu ma setgħet tagħmel dan hija stess, ma hijiex suffiċjenti, bħala tali, sabiex jiġi ammess li Portgás kellha setgħat eżorbitanti b’relazzjoni mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi.

31

F’dawn il-kundizzjonijiet, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-mument tal-okkorrenza tal-fatti fil-kawża prinċipali, Portgás kinitx organu inkarigat iwettaq, taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika, servizz ta’ interess pubbliku, u jekk din l-impriża kellhiex, għal dan l-għan, tali setgħat eżorbitanti.

32

F’każ li Portgás tifforma parti mill-entitajiet li fil-konfront tagħhom jistgħu, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24, jiġu invokati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/38 minn individwu, hemm lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk dawn id-dispożizzjonijiet jistgħux jiġu invokati wkoll mill-awtoritajiet Portugiżi fil-konfront ta’ Portgás.

33

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet mingħajr kundizzjonijiet u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva jistgħu jiġu invokati mill-individwi fil-konfront ta’ organu inkarigat, taħt il-kontroll tal-awtorità pubblika, minn servizz ta’ interess pubbliku u li jkollu, għal dan l-għan, setgħat eżorbitanti (ara f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Foster et, punti 18 u 20, kif ukoll Dominguez, punti 38 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), il-kawża prinċipali odjerna taqa’ f’kuntest differenti minn dak ta’ din il-ġurisprudenza.

34

Fil-kuntest tal-kawża odjerna, jeħtieġ li jitfakkar li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ Stat Membru li jadotta l-miżuri neċessarji kollha sabiex jikseb ir-riżultat stabbilit mid-direttiva huwa obbligu vinkolanti impost mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u mid-direttiva stess. Dak l-obbligu li jiġu adottati l-miżuri kollha ġenerali jew partikolari huwa impost fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie, C-129/96, Ġabra p. I-7411, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll fuq l-organi li, taħt il-kontroll ta’ dawk l-awtoritajiet, ġew inkarigati minn servizz ta’ interess pubbliku u għandhom, għal dan l-għan, setgħat eżorbitanti. Minn dan jirriżulta li l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom ikunu f’pożizzjoni li jiżguraw l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/38 minn tali organi.

35

Fil-fatt, ikun kontradittorju jekk jiġi deċiż li l-awtoritajiet statali u l-organi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jinsabu fil-punt 24 ta’ din is-sentenza huma obbligati li japplikaw id-Direttiva 93/38, filwaqt li l-imsemmija awtoritajiet jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jiżguraw l-osservanza, jekk ikun il-każ quddiem il-qrati nazzjonali, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva minn organu li jissodisfa dawk il-kundizzjonijiet, meta dan tal-aħħar għandu wkoll jikkonforma ruħu mal-imsemmija direttiva.

36

Barra minn hekk, jekk l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/38 minn tali organi ma tkunx tista’ tiġi żgurata fuq l-inizjattiva ta’ awtorità statali, l-Istati Membri jkunu f’pożizzjoni li jieħdu vantaġġ min-nuqqas ta’ osservanza tad-dritt tal-Unjoni billi jonqsu mill-jittrasponu b’mod korrett direttiva fid-dritt intern.

37

Fl-aħħar, din is-soluzzjoni kollha l-konsegwenza li tkun tippermetti lil kompetitur privat li jipprevalixxi ruħu mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/38 fil-konfront ta’ awtorità kontraenti li tissodisfa l-kriterji inklużi fil-punt 24 tas-sentenza odjerna, filwaqt li l-awtoritajiet statali ma jkunux jistgħu jinvokaw kontra din tal-aħħar l-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva. Għalhekk, tali awtorità kontraenti tkun obbligata jew le li tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva skont in-natura tal-persuni jew tal-organi li fil-konfront tagħhom tiġi invokata d-Direttiva 93/38. Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija direttiva ma tkunx qiegħda tiġi applikata b’mod uniformi fl-ordinament ġuridiku intern tal-Istat Membru kkonċernat.

38

Isegwi li impriża privata, li tkun inkarigata minn att tal-awtorità pubblika sabiex twettaq, taħt il-kontroll ta’ din tal-aħħar, servizz ta’ interess pubbliku u li jkollha, għal dan l-għan, is-setgħat eżorbitanti b’relazzjoni mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi hija obbligata tosserva d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/38 u għaldaqstant l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu jinvokaw fil-konfront tagħha dawn id-dispożizzjonijiet.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda li:

L-Artikoli 4(1), 14(1)(ċ)(i) u 15 tad-Direttiva 93/38 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jistgħux jiġu invokati fil-konfront ta’ impriża privata, abbażi tas-sempliċi raġuni li din tal-aħħar għandha l-kwalità ta’ konċessjonarja esklużiva ta’ servizz ta’ interess pubbliku li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-direttiva, meta l-imsemmija direttiva ma tkunx għadha ġiet trasposta fl-ordinament intern tal-Istat Membru kkonċernat.

Tali impriża, li tkun ġiet inkarigata permezz ta’ att tal-awtorità pubblika li twettaq, taħt il-kontroll ta’ din tal-aħħar, servizz ta’ interess pubbliku u li jkollha, għal dan l-għan, setgħat eżorbitanti b’relazzjoni mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi hija obbligata tosserva d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/38 u għaldaqstant dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati fil-konfront tagħha mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 4(1), 14(1)(ċ)(i) u 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni, kif emendata bid-Direttiva 98/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jistgħux jiġu invokati fil-konfront ta’ impriża privata, abbażi tas-sempliċi raġuni li din tal-aħħar għandha l-kwalità ta’ konċessjonarja esklużiva ta’ servizz ta’ interess pubbliku li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-direttiva, meta l-imsemmija direttiva ma tkunx għadha ġiet trasposta fl-ordinament intern tal-Istat Membru kkonċernat.

 

Tali impriża, li tkun ġiet inkarigata permezz ta’ att tal-awtorità pubblika li twettaq, taħt il-kontroll ta’ din tal-aħħar, servizz ta’ interess pubbliku u li jkollha, għal dan l-għan, setgħat eżorbitanti b’relazzjoni mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi, hija obbligata tosserva d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/38 kif emendata bid-Direttiva 98/4 u għaldaqstant dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati fil-konfront tagħha mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

Top