EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0423

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-16 ta’ Jannar 2014.
Flora May Reyes vs Migrationsverket.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Kammarrätten i Stockholm – Migrationsöverdomstolen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2004/38/KE — Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri — Dritt ta’ residenza fi Stat Membru ta’ ċittadin ta’ Stat terz li jkun dixxendent dirett ta’ persuna li għandha dritt ta’ residenza f’dan l-Istat Membru — Kunċett ta’ persuna ‘dipendenti’.
Kawża C‑423/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:16

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Jannar 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2004/38/KE — Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri — Dritt ta’ residenza fi Stat Membru ta’ ċittadin ta’ Stat terz li jkun dixxendent dirett ta’ persuna li għandha dritt ta’ residenza f’dan l-Istat Membru — Kunċett ta’ persuna ‘dipendenti’”

Fil-Kawża C‑423/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kammarrätten i Stokholm – Migrationsöverdomstolen (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Settembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Settembru 2012, fil-proċedura

Flora May Reyes

vs

Migrationsverket,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Mħallef tar-Raba’ Awla, M. Safjan, J. Malenovský u A. Prechal (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Settembru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal F.‑M. Reyes, minn S. Hansson, advokat, u T. Fraenkel,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u H. Karlsson, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u C. Wissels, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Beeko, bħala aġent, assistita minn G. Facenna, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Tufvesson u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Novembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn F.‑M. Reyes, ċittadina mill-Filippini, u l-Migrationsverket (Uffiċċju tal-migrazzjonijiet) dwar iċ-ċaħda tat-talba tal-persuna kkonċernata li tikseb permess ta’ residenza fl-Isvezja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 5 tad-Direttiva 2004/38 tipprovdi li:

“Id-dritt taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqalu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri għandu, jekk se jiġi eżerċitat taħt il-kondizzjonijiet objettivi tal-libertà u d-dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza [...]”.

4

Skont il-premessa 28 ta’ din id-direttiva:

“Biex jipproteġu kontra abbuż tad-drittijiet jew ta’ frodi [...], l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibilità li jadottaw il-miżuri neċessarji.”

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1)

‘ċittadin ta’ l-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ- ċittadinanza ta’ Stat Membru;

2)

‘membru tal-familja’ tfisser:

[...]

(ċ)

id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba [...]”.

6

L-Artikolu 7 tal-istess direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur” jipprovdi:

“1.   Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

[...]

b)

għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; [...]

[...]

2.   Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 [(b)].

[...]”

7

Skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Drittijiet relatati”:

“Irrispettivament miċ-ċittadinanza, il-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li għandu d-dritt ta’ residenza jew id-dritt ta’ residenza permanenti fi Stat Membru għandhom ikunu ntitolati li jaħdmu jew li jaħdmu għal rashom hemmhekk.”

Id-dritt Svediż

8

Emendi magħmula għal-liġi (2005:716) dwar il-barranin [Utlänningslagen (2005:716)] u għar-regolament (2006:97) dwar il-barranin [utlänningsförordningen (2006:97)], li daħlu fis-seħħ fit‑30 ta’ April 2006, kienu intiżi li jittrasponu d-Direttiva 2004/38. Id-dispożizzjonijiet hekk adottati essenzjalment jikkorrispondu għal dawk ta’ din id-direttiva.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

F.‑M. Reyes, imwielda fl‑1987 u ċittadina Filippina, ġiet fdata għat-trobbija lil nannitha materna fl-età ta’ 3 snin, flimkien maż-żewġ ħutha bniet, peress li ommha kienet marret tgħix il-Ġermanja biex taħdem hemm u sabiex tipprovdi għall-bżonnijiet tal-familja tagħha li tgħix il-Filippini. Omm F.‑M. Reyes kisbet iċ-ċittadinanza Ġermaniża.

10

F.‑M. Reyes trabbiet min-nanna materna tagħha tul it-tfulija u l-adolexxenza taghħa. Qabel ma marret toqgħod l-Isvezja, hija għexet matul erba’ snin f’Manila (il-Filippini) flimkien ma’ oħtha l-kbira, li llum il-ġurnata ma għadhiex ħajja. Bejn l-età ta’ 17-il sena u dik ta’ 23 sena, hija studjat għal sentejn fi skola sekondarja, u sussegwentement segwiet erba’ snin ta’ studji post sekondarji. Wara li segwiet taħriġ li jinkludi stages, hija kisbet il-kwalifika ta’ infirmiera awżiljarja. Wara l-eżamijiet tagħha, hija għenet lil oħtha billi ħadet ħsieb it-tfal tagħha. Omm F.‑M Reyes kompliet iżżomm rabtiet mill-qrib mal-membri tal-familja tagħha fil-Filippini billi kull xahar kienet tibgħatilhom il-flus għall-bżonnijiet tagħhom u tiffinanzja l-istudji tagħhom, filwaqt li kienet iżżurhom ta’ kull sena. F.‑M. Reyes qatt ma talbet sabiex tibbenefika minn għajnuna soċjali mingħand l-awtoritajiet Filippini.

11

Fix-xahar ta’ Diċembru 2009, omm F.‑M. Reyes marret tgħix l-Isvezja biex tikkonvivi ma’ ċittadin Norveġiż li kien jirrisjedi f’dan l-Istat Membru. Hija żżewġet lil dan iċ-ċittadin Norveġiż matul is-sajf tal-2011. Mill‑2009, din tal-aħħar, li għandha riżorsi minn pensjoni ta’ rtirar, tibgħat il-flus b’mod regolari lil F.‑M. Reyes kif ukoll lill-membri l-oħra tal-familja tal-konjuġi tagħha li jgħixu fil-Filippini. Minn meta waslet l-Isvezja, omm F.‑M. Reyes ma taħdimx u tgħix minn fuq il-pensjoni ta’ rtirar ta’ żewgha.

12

Fit‑13 ta’ Marzu 2011, F.‑M. Reyes daħlet fl-ispazju Shengen. Hija talbet permess ta’ residenza fl-Isvezja fid‑29 ta’ Marzu 2011 bħala membru tal-familja ta’ ommha u tas-sieħeb Norveġiż ta’ ommha fejn iddikjarat li kienet dipendenti tagħhom.

13

Il-Migrationsverket ċaħdet din it-talba fil‑11 ta’ Mejju 2011 minħabba l-fatt li F.‑M. Reyes ma kinitx uriet li s-somom li, mingħajr dubju, kienu tħallsu lilha minn ommha u mis-sieħeb tagħha kienu servew biex jiġu żgurati l-bżonnijiet essenzjali tagħha ta’ akkomodazzjoni u ta’ alimentazzjoni kif ukoll ta’ aċċess għal sistema ta’ kura fil-Filippini. Barra minn hekk, hija ma stabbilixxietx b’liema mod is-sistema ta’ assigurazzjoni u ta’ protezzjoni soċjali tal-pajjiż ta’ oriġini tagħha setgħet tkopri lil persuni fis-sitwazzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, hija ġġustifikat il-fatt li kienet ikkwalifikata fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha u li segwiet stages. Barra minn hekk, matul it-tfulija u l-adolexxenza tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet qed tieħu ħsieb in-nanna materna tagħha. Konsegwentement, il-Migrationsverket qies li hija ma kinitx iġġustifikat il-fatt li kienet dipendenti tal-membri tal-familja tagħha fl-Isvezja.

14

F.‑M. Reyes ikkontestat id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-Migrationsverket quddiem il-förvaltningsrätten i Göteborg – Migrationsdomstolen (qorti amministrattiva ta’ Göteborg bħala qorti tal-ewwel istanza li taqta’ kwistjonijiet dwar l-immigrazzjoni), li ċaħdet ir-rikors. Din il-qorti ma kkontestatx il-fatt li l-bżonnijiet essenzjali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu ġew żgurati minn ommha u mir-raġel ta’ ommha. Madankollu, is-sitwazzjoni soċjali ta’ F.‑M. Reyes ma tqisitx tali li hija ma setgħetx tieħu ħsieb il-bżonnijiet essenzjali tagħha fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha mingħajr l-għajnuna materjali ta’ ommha u tar-raġel ta’ ommha. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, din il-qorti kkonstatat li F.‑M. Reyes kienet għadha żagħżugħa, kienet studjat u għexet f’Manila, kienet ikkwalifikat ruħha mill-iskola post sekondarja u li l-membri tal-familja tagħha kienu jgħixu fil-Filippini. Is-sempliċi ċirkustanza li l-omm u r-raġel ta’ omm F.‑M. Reyes impenjaw ruħhom sabiex jagħmlu tajjeb għall-bżonnijiet tagħha ma dehritx lilha li kienet qed tistabbilixxi relazzjoni ta’ dipendenza tali li tagħti lill-persuna kkonċernata dritt ta’ residenza fl-Isvezja.

15

F.‑M. Reyes ippreżentat rikors quddiem il-Kammarrätten i Stockholm – Migrationsöverdomstolen (qorti amministrattiva ta’ appell ta’ Stokkolma li taqta’ kwistjonijiet dwar immigrazzjoni) mis-sentenza tal-förvaltningsrätten i Göteborg – Migrationsdomstolen. Hija ssostni li, minkejja l-fatt li studjat, hija ma sabitx impjieg fil-Filippini, fejn il-qagħad huwa ta’ natura endemika. Skont hi, ommha u r-raġel ta’ ommha ma kinux jittrasferixxu ammonti daqstant importanti b’tali regolarità li kieku dawn ma kinux indispensabbli biex jiżguraw is-sopravvivenza tal-familja fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

16

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-partijiet fil-kawża prinċipali għandhom opinjonijiet diverġenti dwar l-interpretazzjoni tar-rekwiżit li wieħed ikun “dipendenti”, li jinsab fl-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38. F’dan ir-rigward, billi tirreferi għas-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 1987, Lebon (316/85, Ġabra p. 2811), u tad‑9 ta’ Janna 2007, Jia (C-1/05, Ġabra p. I-1), hija tistaqsi jekk, meta ssir l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ persuna li tipprovdi għall-bżonnijiet essenzjali tagħha, huwiex permess li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din tal-aħħar għandha l-possibbiltà li tissodisfa dawn il-bżonnijiet permezz tal-eżerċizzju ta’ attività remunerata.

17

Barra minn hekk, il-qorti ta’ rinviju tistaqsi dwar l-effett li jista’ jkollha, fuq il-kwalifika tal-kunċett ta’ “membru tal-familja dipendenti”, fis-sens tal-imsemmija direttiva, l-intenzjoni ta’ F.‑M. Reyes li taħdem fl-Istat Membru ospitanti. Fil-fatt, skont din il-qorti, l-eżerċizzju ta’ attività remunerata għandu bħala effett li jneħħi d-dritt għal residenza minħabba r-raġuni invokata peress li, ġaladarba tibda tirċievi dħul mix-xogħol, is-sitwazzjoni ta’ dipendenza ttemm l-eżistenza tagħha.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Kammarrätten i Stockholm – Migrationsöverdomstolen iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva [2004/38] jista’ jiġi interpretat fis-sens li, f’ċerti ċirkustanzi, Stat Membru jista’ jeżiġi li, sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala dipendenti u li għalhekk jaqa’ taħt id-definizzjoni tal-kunċett ta’ ‘membru tal-familja’ f’din id-dispożizzjoni, id-dixxendent dirett li għandu 21 sena jew iktar għandu jistabbilixxi li mingħajr suċċess ipprova jsib xogħol jew jitlob għal għajnuna għas-sussistenza mingħand l-awtoritajiet tal-pajjiż tal-oriġini u/jew li pprova jiżgura l-għajxien tiegħu b’mod ieħor?

2)

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-rekwiżit li wieħed ikun ‘dipendenti’ li jissemma fl-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38, x’effett għandu l-fatt li membru tal-familja li, minħabba f’ċirkustanzi personali bħall-età tiegħu, il-kwalifiki professjonali tiegħu u l-istat ta’ saħħtu, huwa kkunsidrat bħala li għandu possibilitajiet raġonevoli li jsib xogħol u li, barra minn hekk, irid jaħdem fl-Istat Membru kkonċernat, li jimplika li r-rekwiżiti sabiex jiġi kkunsidrat bħala membru tal-familja dipendenti (fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni) ma għadhomx iktar sodisfatti?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

19

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru jirrikjedi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, sabiex ikun jista’ jitqies li huwa dipendenti u biex b’hekk ikun jista’ jaqa’ taħt id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “membru tal-familja” msemmi f’din id-dispożizzjoni, id-dixxendent f’linja diretta ta’ età ta’ 21 sena jew iktar jistabbilixxi li għalxejn ipprova jsib xogħol jew li jirċievi għajnuna għall-għixien mill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u/jew ikun ipprova b’kull mezz ieħor jiżgura s-sussistenza tiegħu.

20

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, sabiex dixxendent dirett ta’ ċittadin tal-Unjoni, ta’ età ta’ 21 sena jew iktar, ikun jista’ jitqies li huwa “dipendenti” tiegħu fis-sens tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38, għandha tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ dipendenza reali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Jia, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

21

Din id-dipendenza tirriżulta minn sitwazzjoni ta’ fatt ikkaratterizzata miċ-ċirkustanza li s-sostenn materjali tal-membru tal-familja huwa żgurat miċ-ċittadin tal-Unjoni li għamel użu mill-moviment liberu jew mill-konjuġi ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Jia, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

22

Sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ tali dipendenza, l-Istat Membru ospitanti għandu jevalwa jekk, fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali tiegħu, id-dixxendent dirett ta’ ċittadin tal-Unjoni, ta’ età ta’ 21 sena jew iktar, jipprovdix għall-bżonnijiet essenzjali tiegħu. Il-ħtieġa ta’ sostenn materjali għandha teżisti fl-Istat ta’ oriġini jew ta’ provenjenza ta’ tali dixxendent fil-mument li jitlob li jingħaqad mal-imsemmi ċittadin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Jia, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

23

Min-naħa l-oħra, ma huwiex neċessarju li jiġu ddeterminati r-raġunijiet tal-imsemmija dipendenza, u għaldaqstant tar-rikors għal dan is-sostenn. Din l-interpretazzjoni hija mitluba b’mod partikolari mill-prinċipju li d-dispożizzjonijiet li, bħad-Direttiva 2004/38, jistabbilixxu l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni, parti mill-bażi tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Jia, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Issa, il-fatt li, f’ċirkustanzi bħal dawk bħal fil-kawża prinċipali, ċittadin tal-Unjoni jipproċedi b’mod regolari, matul perijodu kunsiderevoli, għall-ħlas ta’ ammont ta’ flus lil dan id-dixxendent, neċessarju sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jipprovdi għall-bżonnijiet essenzjali tiegħu fl-Istat ta’ oriġini, huwa ta’ natura li jipprova li teżisti sitwazzjoni ta’ dipendenza reali ta’ dan id-dixxendent fil-konfront tal-imsemmi ċittadin.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi mitlub mill-imsemmi dixxendent li, barra minn hekk, huwa jistabbilixxi li għalxejn ipprova jfittex xogħol jew li jirċievi għajnuna għall-għixien mill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u/jew ipprova permezz ta’ kull mezz ieħor jiżgura s-sussistenza tiegħu.

26

Fil-fatt, ir-rekwiżit ta’ tali prova addizzjonali, liema prova, fil-prattika, ma tistax tiġi prodotta faċilment, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, jista’ jirrendi eċċessivament diffiċli l-possibbiltà għal dan l-istess dixxendent li jibbenefika mid-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, meta ċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt 24 ta’ din is-sentenza jkunu diġà tali li jipprovaw l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ dipendenza reali. B’hekk, dan ir-rekwiżit jgħaddi mir-riskju li jċaħħad lill-Artikoli 2(2)(ċ) u 7 tad-Direttiva 2004/38 mill-effettività tagħhom.

27

Qabel kollox, ma huwiex eskluż li l-imsemmi rekwiżit iġiegħel lid-dixxendent ikkonċernat jieħu inizjattivi iktar ikkomplikati, bħal li jipprova jikseb attestazzjonijiet li jiċċertifikaw li ma nstab ebda xogħol u li ma nkisbet ebda allokazzjoni soċjali, minn dik li tikkonsisti fil-kisba ta’ dokument mill-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ oriġini jew ta’ provenjenza li jattesta sitwazzjoni ta’ dipendenza. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali dokument ma jistax jikkostitwixxi kundizzjoni tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza (sentenza Jia, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

28

Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lil Stat Membru jeżiġi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, sabiex ikun jista’ jitqies li huwa dipendent u b’hekk jaqa’ taħt id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “membru tal-familja” imsemmi f’din id-dispożizzjoni, id-dixxendent f’linja diretta ta’ età ta’ 21 sena jew iktar jistabbilixxi li pprova għalxejn ifittex xogħol jew li jirċievi għajnuna għall-għixien mill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u/jew ipprova b’kull mezz ieħor jiżgura s-sussistenza tiegħu.

Fuq it-tieni domanda

29

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li membru tal-familja, minħabba ċirkustanzi personali bħall-età tiegħu, il-kwalifiki professjonali tiegħu u l-istat ta’ saħħa tiegħu, jitqies li għandu possibbiltajiet raġonevoli li jsib impjieg u, barra minn hekk, għandu l-intenzjoni li jaħdem fl-Istat Membru ospitanti għandux effett fuq l-interpretazzjoni tar-rekwiżit li wieħed ikun “dipendenti”, imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li s-sitwazzjoni ta’ dipendenza għandha teżisti, fil-pajjiż ta’ provenjenza tal-membru tal-familja kkonċernata, fil-mument meta jitlob li jingħaqad maċ-ċittadin tal-Unjoni li tiegħu huwa dipendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Jia, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37, u tal‑5 ta’ Settembru 2012, Rahman et, C‑83/11, punt 33).

31

Sussegwentement, hekk kif sostnew, essenzjalment, il-persuni kkonċernati kollha li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, perspettivi eventwali sabiex jinkiseb xogħol fl-Istat Membru ospitanti, li jippermettu, jekk ikun il-każ, lid-dixxendent dirett, ta’ età ta’ iktar minn 21 sena, ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jibqax dipendenti minn dan tal-aħħar ladarba jibbenefika minn dritt ta’ residenza, ma humiex tali li jkollhom effett fuq l-interpretazzjoni tar-rekwiżit li wieħed ikun “dipendenti”, imsemmi fl-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38.

32

Barra minn hekk, kif issostni ġustament il-Kummissjoni Ewropea, soluzzjoni kuntrarja tipprojbixxi, fil-prattika, lill-imsemmi dixxendent li jfittex xogħol fl-Istat Membru ospitanti u jippreġudika, minħabba f’hekk, l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, li tawtorizza espressament lil tali dixxendent, jekk jibbenefika mid-dritt ta’ residenza, jibda attività li tirrendi qliegħ bħala ħaddiem impjegat jew għal rasu (ara, b’analoġija, is-sentenza Lebon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

33

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li membru tal-familja, minħabba ċirkustanzi personali bħall-età tiegħu, il-kwalifiki professjonali tiegħu u l-istat ta’ saħħa tiegħu, jitqies li għandu opportunitajiet raġonevoli li jsib impjieg u, barra minn hekk, għandu l-intenzjoni jaħdem fl-Istat Membru ospitanti, ma għandux effett fuq l-interpretazzjoni tar-rekwiżit li wieħed ikun “dipendenti”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

34

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lil Stat Membru jeżiġi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, sabiex ikun jista’ jitqies li huwa dipendenti u b’hekk jaqa’ taħt id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “membru tal-familja” imsemmi f’din id-dispożizzjoni, id-dixxendent f’linja diretta ta’ età ta’ 21 sena jew iktar jistabbilixxi li pprova għalxejn ifittex xogħol jew li jirċievi għajnuna għall-għixien mill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u/jew ipprova b’kull mezz ieħor jiżgura s-sussistenza tiegħu.

 

2)

L-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li membru tal-familja, minħabba ċirkustanzi personali bħall-età tiegħu, il-kwalifiki professjonali tiegħu u l-istat ta’ saħħa tiegħu, jitqies li għandu opportunitajiet raġonevoli li jsib impjieg u, barra minn hekk, għandu l-intenzjoni jaħdem fl-Istat Membru ospitanti ma għandux effett fuq l-interpretazzjoni tar-rekwiżit li wieħed ikun “dipendenti”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.

Top