Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0419

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-13 ta’ Frar 2014.
    Crono Service scarl et (C‑419/12) u Anitrav – Associazione Nazionale Imprese Trasporto Viaggiatori vs Roma Capitale u Regione Lazio.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikoli 49 TFUE, 101 TFUE u 102 TFUE — Servizzi ta’ kiri ta’ karozzi b’xufier — Sitwazzjoni purament interna — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà.
    Kawżi magħquda C‑419/12 u C‑420/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:81

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    13 ta’ Frar 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikoli 49 TFUE, 101 TFUE u 102 TFUE — Servizzi ta’ kiri ta’ karozzi b’xufier — Sitwazzjoni purament interna — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà”

    Fil-Kawżi magħquda C‑419/12 u C‑420/12,

    li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-20 ta’ Ġunju 2012, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Settembru 2012, fil-proċeduri

    Crono Service scarl et (C‑419/12),

    Anitrav – Associazione Nazionale Imprese Trasporto Viaggiatori (C‑420/12)

    vs

    Roma Capitale,

    Regione Lazio (C‑420/12),

    fil-preżenza ta’:

    UGL Taxi – Unione Generale del Lavoro Taxi et,

    Codacons – Coordinamento delle associazioni per la tutela dell’ambiente e dei diritti degli utenti e consumatori (C‑420/12),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Ġunju 2013,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Crono Service scarl et, minn P. Troianiello, avukat,

    għal Anitrav — Associazione Nazionale Imprese Trasporto Viaggiatori, minn M. Piancatelli u V. Porro, avukati,

    għal Roma Capitale, minn R. Rocchi u A. Rizzo, avukati,

    għal UGL Taxi — Unione Generale del Lavoro Taxi et, minn N. Moravia u M. Giustiniani, avukati,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Moro u J. Hottiaux, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Settembru 2013,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 TUE, 3 TFUE sa 6 TFUE, 49 TFUE, 101 TFUE u 102 TFUE.

    2

    Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, Crono Service scarl u mija u ħdax-ir rikorrent u Roma Capitale kif ukoll, min-naħa l-oħra, Anitrav — Associazione Nazionale Imprese Trasporto Viaggiatori u Roma Capitale u r-Regione Lazio dwar ir-regolamentazzjoni tal-eżerċizzju tal-attività ta’ kiri ta’ karozzi b’xufier (“noleggio con conducente”, iktar ’il quddiem il-“kiri b’xufier”).

    Id-dritt Taljan

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    3

    L-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 21, tal-15 ta’ Jannar 1992, li tikkostitwixxi l-liġi qafas għat-trasport ta’ persuni permezz ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport bil-karozza ta’ natura mhux regolari (GURI Nru 18, tat-23 ta’ Jannar 1992), kif emendata bid-Digriet Liġi Nru 207, tat-30 ta’ Diċembru 2008 (GURI Nru 304, tal-31 ta’ Diċembru 2008), li sar liġi, wara emenda, permezz tal-Liġi Nru 14, tas-27 ta’ Frar 2009 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 49, tat-28 ta’ Frar 2009, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 21/1992”), jiddefinixxi s-“servizzi pubbliċi ta’ trasport mhux regolari” bħala “dawk intiżi għat-trasport kollettiv jew individwali ta’ persuni, bil-funzjoni li jikkompletaw u jsaħħu t-trasport pubbliku ta’ natura regolari”.

    4

    L-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 21/1992 jipprovdi li:

    “1.   Is-servizz ta’ kiri [...] b’xufier huwa intiż għal utent speċifiku li jressaq talba għal dan il-għan mal-garaxx għal servizz speċifiku għal dak li jirrigwarda t-tul jew it-traġitt.

    2.   Il-karozzi kkonċernati għandhom jiġu pparkjati fil-garaxx […]

    3.   Is-sede tat-trasportatur u l-garaxx għandhom ikunu jinsabu esklużivament fit-territorju tal-komun li jkun ta l-awtorizzazzjoni.”

    5

    L-Artikolu 4 ta’ din il-liġi jipprovdi li “ir-reġjuni, wara li jistabbilixxu l-kriterji li l-komuni għandhom josservaw fir-redazzjoni tar-regoli tagħhom dwar l-eżerċizzju ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport mhux regolari, għandhom jiddelegaw lill-awtoritajiet lokali l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet amministrattivi ta’ eżekuzzjoni [...] sabiex tinkiseb stampa ġenerali tat-trasport pubbliku mhux regolari li jifforma parti mill-mezzi l-oħra ta’ trasport, fil-kuntest tal-programmazzjoni ekonomika u territorjali” u li“fl-osservanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-awtoritajiet territorjali, li lilhom ikun ġie ddelegat l-eżerċizzju tal-funzjonijiet amministrattivi [...], għandhom jirregolaw l-eżerċizzju tas-servizz pubbliku ta’ trasport mhux regolari permezz ta’ regoli speċifiċi, b’mod partikolari armonizzati fuq livell reġjonali bil-għan ta’ razzjonalizzazzjoni u effikaċja aħjar.”

    6

    L-Artikolu 5(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi li:

    “Il-komuni, meta jistabbilixxu regoli dwar l-eżerċizzju tas-servizz pubbliku ta’ trasport mhux regoli, għandhom jispeċifikaw:

    a)

    in-numru u t-tip tal-vettura [...] li ser tiġi allokata għal kull servizz;

    [...]

    d)

    il-kriterji u l-kundizzjonijiet għall-finijiet tal-ħruġ tal-liċenzja għall-eżerċizzju tas-servizz ta’ taxi u tal-għoti tal-awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju tas-servizz ta’ kiri [...] b’xufier.”

    7

    L-Artikolu 5a tal-Liġi Nru 21/1992, intitolat “Aċċess għat-territorju ta’ komuni oħra”, jippermetti lill-komuni jirregolaw l-aċċess, fil-konfront tad-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija minn komuni oħra, għat-territorju tagħhom jew speċifikament għaż-żoni ta’ traffiku limitat tagħhom (“Zone a traffico limitato”, iktar ’il quddiem iż-“ZTL”), “permezz ta’ komunikazzjoni minn qabel u bil-kundizzjoni li jiddikjaraw, taħt ir-responsabbiltà tagħhom, li huma jissodisfaw u li huma fil-pussess tal-prerekwiziti għal funzjonament previsti minn din il-liġi u li jibagħtu l-informazzjoni dwar is-servizz li huwa s-suġġett tal-komunikazzjoni u/jew tal-ħlas ta’ tariffa ta’ aċċess”.

    8

    Skont l-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 21/1992:

    “1.   Il-liċenzja għall-finijiet tal-eżerċizzju tas-servizz ta’ taxi u l-awtorizzazzjoni għall-finijiet tal-eżerċizzju tas-servizz ta’ kiri […] b’xufier għandhom jingħataw mill-awtoritajiet komunali, permezz ta’ sejħa għal offerti, lill-persuni li huma proprjetarji ta’ vettura […] jew li jkollhom vettura b’leasing; dawn il-persuni jistgħu joperaw l-imsemmija servizzi waħedhom jew permezz ta’ assoċjazzjoni.

    2.   Il-liċenzja jew l-awtorizzazzjoni għandha tkopri vettura waħda […]. L-istess persuna jista’ [...] jkollha diversi awtorizzazzjonijiet għall-finijiet tal-eżerċizzju tas-servizz ta’ kiri b’xufier [...]

    3.   Sabiex persuna tikseb u żżomm l-awtorizzazzjoni għall-provvista tas-servizz ta’ kiri b’xufier, huwa obbligatorju li hija jkollha, b’titolu legali validu, sede, garaxx […] li jkunu jinsabu fit-territorju tal-komun li jkun ta l-awtorizzazzjoni.”

    9

    L-Artikolu 11(4) tal-Liġi Nru 21/1992 jipprovdi li:

    “Il-prenotazzjonijiet għat-trasport b’xufier għandhom isiru mal-garaxxijiet ikkonċernati. Il-bidu u t-tmiem ta’ kull servizz ta’ kiri b’xufier għandhom iseħħu fil-garaxx li jinsab fil-komun li jkun ta l-awtorizzazzjoni, b’ritorn fl-istess garaxx, filwaqt li l-ġbir u l-wasla fid-destinazzjoni tal-utent jistgħu jseħħu wkoll fit-territorju ta’ komuni oħra.”

    Il-leġiżlazzjoni reġjonali tal-Lazio

    10

    L-Artikolu 5 tal-Liġi Reġjonali tal-Lazio Nru 58, tas-26 ta’ Ottubru 1993, li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-attività ta’ trasport pubbliku mhux regolari u r-regoli dwar ir-rwol tas-sewwieqa fis-servizzi pubbliċi ta’ trasport mhux regolari, imsemmija fl-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 21/1992 (Bollettino ufficiale della Regione Lazio Nru 31, tal-10 ta’ Novembru 1993), kif emendata mill-Artikolu 58 tal-Liġi Reġjonali tal-Lazio Nru 27, tat-28 ta’ Diċembru 2006 (suppliment ordinarju Nru 5 tal-Bollettino ufficiale della Regione Lazio Nru 36, tat-30 ta’ Diċembru 2006, iktar ’il quddiem il-“Liġi Reġjonali Nru 58/1993”), jipprovdi li:

    “Is-servizz ta’ kiri b’xufier huwa intiż għal utent speċifiku li jressaq talba għal dan il-għan mas-sede tat-trasportatur għal servizz iddeterminat għal dak li jirrigwarda t-tul tiegħu jew it-traġitt tiegħu. Il-ġbir tal-utent jew il-bidu tas-servizz għandhom iseħħu fit-territorju tal-komun li jkun ta l-awtorizzazzjoni. Is-servizz jista’ jiġi pprovdut lejn kull destinazzjoni. Il-karozzi għandhom jiġu pparkjati fil-garaxxijiet.”

    11

    L-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali Nru 58/1993, intitolat “Obbligi tad-detenturi ta’ liċenzja għall-użu ta’ servizzi ta’ taxis u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-provvista ta’ servizzi ta’ kiri b’xufier”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu li:

    “Bla ħsara għal dak previst [...], il-ġbir tal-utent u l-bidu tas-servizz għandhom iseħħu esklużivament fit-territorju tal-komun li jkun ħareġ l-liċenzja jew li jkun ta l-awtorizzazzjoni u jistgħu jiġu pprovduti lejn kull destinazzjoni, bil-kunsens minn qabel tax-xufier għad-destinazzjonijiet barra mit-territorju komunali.”

    12

    L-Artikolu 13a ta’ din il-liġi reġjonali stabbilixxa l-kriterji li għandhom jiġu osservati għall-kalkolu tan-numru ta’ liċenzji ta’ taxi u ta’ awtorizzazzjonijiet għas-servizz ta’ kiri b’xufier f’territorju ddeterminat. Skont din id-dispożizzjoni:

    “1.   Il-provinċja għandha tiddetermina l-kriterji li għandhom jiġu osservati mill-komuni sabiex jiġi kkalkolat l-bżonn lokali għal servizzi ta’ taxi u ta’ kiri […] b’xufier kif ukoll sabiex jiġi stabbilit, fir-regolamenti msemmija fl-Artikolu 14, in-numru ta’ vetturi […] neċessarji fl-eżerċizzju tas-servizzi nfushom.

    2.   Il-kriterji msemmija fil-paragrafu preċedenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari: a) il-popolazzjoni residenzjali; b) il-portata tat-territorju; c) l-intensità tal-flussi turistiċi; d) il-preżenza ta’ djar ta’ kura, ta’ djar ta’ villeġġjatura, ta’ ċentri ta’ mobbiltà; e) l-offerta ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport oħra; f) in-numru ta’ liċenzji u awtorizzazzjonijiet mogħtija.

    3.   Il-provinċja għandha twettaq il-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 wara konsultazzjoni, fil-kuntest ta’ fażi ta’ investigazzjoni speċifika, mal-komuni u mar-rappreżentanti tal-kategoriji professjonali kkonċernati.

    […]”

    13

    L-Artikolu 17 tal-Liġi Reġjonali Nru 58/1993 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet meħtieġa għar-reġistrazzjoni fir-reġistru provinċjali tas-sewwieqa. Il-paragrafu 1(a) ta’ dan l-artikolu jipprovdi li, sabiex tirreġistra lilha nfisha, huwa neċessarju li l-persuna “tkun ċittadina Taljana jew ċittadina ta’ pajjiż tal-Komunità Ekonomika Ewropea”.

    Il-leġiżlazzjoni reġjonali ta’ Ruma

    14

    Permezz ta’ Deċiżjoni Nru 68 tal-Kunsill tal-komun ta’ Ruma, tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2011, li temenda ir-regolament li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar it-trasport pubbliku mhux regolari, il-komun ta’ Ruma adotta r-regolament li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar it-trasport pubbliku mhux regolari (iktar ’il quddiem ir-“Regolament capitolino”).

    15

    L-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi b’mod partikolari li, għas-servizz ta’ kiri b’xufier, “il-ġbir tal-utent jew il-bidu tas-servizz għandhom iseħħu fit-territorju tal-komun li jkun ta l-awtorizzazzjoni, lejn kull destinazzjoni, fl-osservanza tal-obbligi previsti fl-Artikolu 11(3) u (4) tal-Liġi Nru [21/1992]”.

    16

    L-Artikolu 9(2) tal-imsemmi regolament jirrikjedi, għall-eżerċizzju tal-attività ta’ kiri b’xufier, id-disponibbiltà fit-territorju komunali ta’ garaxx li fih jistgħu jiġu pparkjati l-vetturi użati għas-servizz.

    17

    L-Artikolu 29(1) tar-Regolamento capitolino jipprovdi li “il-karozzi [użati għas-servizz ta’ kiri b’xufier], li fir-rigward tagħhom l-awtorizzazzjoni tkun ingħatat mill-komun ta’ Ruma, għandhom jiġu pparkjati esklużivament fil-garaxxijiet indikati fl-awtorizzazzjoni u li fihom il-vetturi għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-utenti”. L-Artikolu 29(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, għal dak li jirrigwarda d-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività ta’ kiri b’xufier mogħtija minn komuni oħra, “l-aċċess għat-territorju ta’ Roma Capitale u [għaż-] ZTL huwa awtorizzat” bil-kundizzjoni li jiddikjaraw, taħt ir-responsabbiltà tagħhom, li huma “jissodisfaw” u li huma “fil-pussess tal-prerekwiżiti għal funzjonament” previsti mill-Liġi Nru 21/1992.

    18

    F’dan ir-rigward, id-Deċiżjoni Nru 403 tal-Kumitat Eżekuttiv tal-komun ta’ Ruma, tal-14 ta’ Diċembru 2011, tirregola l-modalitajiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-aċċess ta’ vetturi użati għas-servizz ta’ kiri b’xufier li jkun ġew awtorizzati minn komuni oħra għat-territorju ta’ Roma Capitale u għaż-ZTL stabbiliti fiċ-ċentru tagħha.

    19

    Skont żewġ deċiżjonijiet ippubblikati rispettivament fit-12 u fit-22 ta’ Marzu 2012 fuq is-siti tal-internet tal-komun ta’ Ruma u tal-Agenzia Roma Servizi per la Mobilità srl, li t-tnejn li huma daħlu fis-seħħ fit-2 ta’ April 2012, l-operaturi li jeżerċitaw l-attività ta’ kiri b’xufier u li jkollhom awtorizzazzjoni mogħtija minn komuni oħra minn dak ta’ Roma Capitale għandhom iħallsu madwar 90 EUR fis-sena għall-awtorizzazzjoni għall-aċċess għaż-ZTL ta’ dan il-komun.

    Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

    20

    Il-kawżi prinċipali jirrigwardaw żewġ proċeduri intiżi għall-annullament tar-Regolamento capitolino, tad-Deċiżjoni Nru 403 tal-Kumitat Eżekuttiv tal-komun ta’ Ruma, tal-14 ta’ Diċembru 2011, kif ukoll tad-deċiżjonijiet tat-12 u tat-22 ta’ Marzu 2012 imsemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza.

    21

    Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali invokaw varji kawżi ta’ illegalità, kemm fuq il-livell tad-dritt Taljan kif ukoll fuq dak tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżultaw mil-Liġi Nru 21/1992 kif implementata f’Roma Capitale mill-Artikoli 8(3), 9(2) u 29 tar-Regolamento capitolino.

    22

    Għalkemm jidher li r-rikorsi fil-kawżi prinċipali jikkonċernaw il-leġiżlazzjoni kollha msemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għall-finijiet tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, qed jiġu kkontestati quddiem t-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio b’mod iktar partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8(3), 9(2) u 29(1) u (2) tar-Regolamento capitolino “sa fejn dawn jirrefeu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(4) tal-Liġi Nru ]21/1992]”.

    23

    Għall-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni fil-kawżi prinċipali, sa fejn din tipprovdi li s-sede tat-trasportatur u l-garaxx għandhom ikunu jinsabu esklużivament fit-territorju tal-komun li jkun ta l-awtorizzazzjoni, li l-prenotazzjonijiet għas-servizz ta’ kiri b’xufier għandhom isiru mal-garaxx, u li l-bidu u t-tmiem ta’ kull servizz għandhom iseħħu fil-garaxx li jinsab fil-komun li jkun ta l-awtorizzazzjoni, b’ritorn fl-istess garaxx, filwaqt li l-ġbir u l-wasla fid-destinazzjoni tal-utent jistgħu jseħħu wkoll fit-territorju ta’ komuni oħra, tidher li tmur kontra l-Artikolu 49 TFUE u l-“prinċipji Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni”.

    24

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti, li hija fformulata f’termini identiċi fil-Kawżi C‑419/12 u C‑420/12:

    “L-Artikoli 49 TFUE, 3 TUE, [3 TFUE sa 6 TFUE], 101 [TFUE] u 102 TFUE jipprekludu l-applikazzjoni tal-Artikoli 3(3), 8(3) u 11 tal-Liġi Nru [21/1992] fil-partijiet li fihom dawn jistabbilixxu rispettivament li ‘is-sede tat-trasportatur u l-garaxx għandhom jinsabu esklużivament fit-territorju tal-komun li jkun ħareġ l-awtorizzazzjoni’, li ‘għall-kisba u għaż-żamma tal-awtorizzazzjoni li jiġi pprovdut servizz ta’ kiri b’xufier hemm bżonn, abbażi ta’ titolu legali validu, ta’ sede, ta’ garaxx jew ta’ pjattaforma ta’ aċċess li jinsabu fit-territorju tal-komun li jkun ħareġ l-awtorizzazzjoni’ u li ’il-prenotazzjonijiet ta’ trasport għas-servizz ta’ kiri b’xufier għandhom jitwetqqu mal-garaxx. Il-bidu u t-tmiem ta’ kull servizz ta’ kiri b’xufier għandhom iseħħu fil-garaxx li jinsab fil-komun li jkun ħareġ l-awtorizzazzjoni, b’ritorn fl-istess garaxx, filwaqt li l-ġbir u l-wasla fid-destinazzjoni tal-utent jistgħu jseħħu anki fit-territorju ta’ komuni oħra’[?]”

    25

    Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Novembru 2012, il-Kawżi C‑419/12 u C‑420/12 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

    Fuq it-talbiet għal deċiżjoni preliminari

    26

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jipprekludux ċerti kundizzjonijiet imposti minn leġiżlazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u komunali dwar l-awtorizzazzjoni u l-eżerċizzju tal-attività ta’ kiri b’xufier fil-komun ta’ Ruma.

    27

    Fid-dawl tal-formulazzjoni tad-domanda magħmula, għandu jitfakkar qabelxejn li, fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-ġurisdizzjoni tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ liġijiet jew regolamenti nazzjonali jew dwar il-konformità ta’ tali liġijiet jew regolamenti mad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal, C-107/98, Ġabra p. I-8121, punt 33, kif ukoll tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse, C-237/04, Ġabra p. I-2843, punt 24 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Madankollu, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, fil-preżenza ta’ domandi fformulati b’mod inadegwat jew li jmorru lil hinn mill-kuntest tal-funzjonijiet mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 267 TFUE, din għandha tislet, mill-elementi kollha mogħtija mill-qorti nazzjonali u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group, C-384/08, Ġabra p. I-2055, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, skont il-każ, għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Attanasio Group, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19; tal-14 ta’ Ottubru 2010, Fuß, C-243/09, Ġabra p. I-9849, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2012, Byankov, C‑249/11, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    B’applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, jista’ jiġi ammess li, anki jekk, minħabba l-formulazzjoni tagħha, id-domanda magħmula tidher li tfittex applikazzjoni diretta tad-dritt tal-Unjoni għall-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju tixtieq, fir-realtà, interpretazzjoni ta’ dan id-dritt għall-finijiet ta’ dawn il-kawżi.

    30

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda magħmula għandha tinftiehem b’mod li hija intiża, essenzjalment, sabiex jiġi magħruf jekk l-Artikolu 49 TFUE jew ir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, billi dawn jimponu, fir-rigward tal-attività ta’ kiri b’xufier, obbligi ddettaljati esposti f’din id-domanda.

    31

    F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, ir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, għall-inqas, tispjega s-sitwazzjonijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Dawn ir-rekwiżiti japplikaw b’mod partikolari fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat minn sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt kumplessi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Attanasio Group, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-10 ta’ Mejju 2012, Duomo Gpa et, C‑357/10 sa C‑359/10, punt 22).

    32

    Issa, f’dan il-każ, id-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jipprovdux lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jippermettulha tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom leġiżlazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jkunu jistgħu jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni. B’mod partikolari, l-imsemmija deċiżjonijiet ma jipprovdu ebda spjegazzjoni fir-rigward tar-rabta li huma jistabbilixxu bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-kawżi prinċipali jew is-suġġett tagħhom.

    33

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda magħmula għandha tiġi ddikjarata inammissibbli sa fejn tikkonċerna interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni (ara b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenzi Duomo Gpa et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24, kif ukoll ta’ din l-istess ġurnata, Airport Shuttle Express et, C‑162/12 u C‑163/12, punti 37 sa 42).

    34

    It-tieni nett, għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE, huwa minnu li l-elementi kollha fil-kawżi prinċipali huma limitati għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni f’dawn il-kawżi sabiex tiddeċiedi dwar din id-dispożizzjoni (ara b’analoġija, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, C-380/05, Ġabra p. I-349, punt 64; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Omalet, C-245/09, Ġabra p. I-13771, punti 9 u 10, kif ukoll Duomo Gpa et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

    35

    Fil-fatt, leġiżlazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li, skont il-formulazzjoni tagħhom, japplikaw mingħajr distinzjoni għall-operaturi stabbiliti fit-territorju tar-Repubblika Taljana u għall-operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra, jistgħu, bħala regola ġenerali, jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE biss sa fejn dawn ikunu japplikaw għal sitwazzjonijiet li jkollhom rabta mal-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1997, Pistre et, C-321/94 sa C-324/94, Ġabra p. I-2343, punt 45; tal-5 ta’ Diċembru 2000, Guimont, C-448/98, Ġabra p. I-10663, punt 21, kif ukoll Duomo Gpa et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-Artikolu 49 TFUE, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi applikata għal attivitajiet li ma jkollhom ebda fattur ta’ konnessjoni ma’ xi waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mid-dritt tal-Unjoni u li l-elementi rilevanti kollha tagħhom huma limitati għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 1987, Gauchard, 20/87, Ġabra p. 4879, punt 12; tal-20 ta’ April 1988, Bekaert, 204/87, Ġabra p. 2029, punt 12; tal-1 ta’ April 2008, Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja, C-212/06, Ġabra p. I-1683, punt 33, kif ukoll tal-21 ta’ Ġunju 2012, Susisalo et, C‑84/11, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    F’dan il-każ, billi l-kawżi prinċipali għandhom natura lokali u l-fatti fil-kawżi prinċipali huma limitati għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss, l-effetti transkonfinali tal-leġiżlazzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma jistgħux jiġu preżunti. Issa, ma hemm xejn fid-deċiżjonijiet tar-rinviju li jippermetti li jitqies li l-kawżi prinċipali għandhom xi interess transkonfinali jew konnessjoni ma’ waħda mis-sitwazzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju ma spjegatx kif il-leġiżlazzjonijiet fil-kawżi prinċipali jistgħu jostakolaw l-eżerċizzju, minn operaturi li huma ċittadini ta’ Stati Membri li ma humiex ir-Repubblika Taljana, tal-libertà ta’ stabbiliment previst fl-Artikolu 49 TFUE.

    38

    Ċertament, mill-ġurisprudenza wara s-sentenza Guimont, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li, anki f’sitwazzjoni purament interna, risposta għal domandi li jirrigwardaw il-libertajiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni tista’ madankollu tkun utli għall-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari fil-każ fejn id-dritt nazzjonali jimponilha li tiżgura li ċittadin nazzjonali jibbenefika mill-istess drittijiet bħal dawk li jgawdi ċittadin ta’ Stat Membru ieħor skont id-dritt tal-Unjoni fl-istess sitwazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2010, Sbarigia, C-393/08, Ġabra p. I-6337, punt 23, kif ukoll Susisalo et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    F’dan il-każ, l-ipoteżi li għaliha jsir riferiment fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti tikkonċerna, fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, id-drittijiet li minnhom jkun jista’ jibbenefika, skont id-dritt tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Taljana li kieku jkun fl-istess sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali.

    40

    Issa, permezz tar-rikorsi tagħhom quddiem il-qorti tar-rinviju, jidher li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jixtiequ jiskbu l-aċċess, b’kundizzjonijiet differenti minn dawk li bħalissa huma applikabbli fil-konfront tagħhom, għat-territorju ta’ Roma Capitale, u b’mod partikolari għaż-ZTL li jinsabu f’dan it-territorju, sabiex hemmhekk jipprovdu s-servizz ta’ kiri b’xufier. Madankollu, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li tali aċċess qed jintalab mhux sabiex din l-attività tiġi eżerċitata b’mod stabbli u kontinwu minn dan it-territorju u skont awtorizzazzjoni għal tali attività, iżda sabiex din tiġi eżerċitata b’mod iktar puntwali u minn territorji oħra, abbażi ta’ awtorizzazzjonijiet li jkunu ngħataw minn muniċipalitajiet oħra mingħajr madankollu l-obbligu li jiġu osservati l-kundizzjonijiet kollha imposti minn dawn l-awtorizzazzjonijiet.

    41

    Għaldaqstant, għad-differenza tas-sitwazzjonijiet li taw lok għal sentenzi bħal Attanasio Group, iċċitata iktar ’il fuq; tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez (C-570/07 u C-571/07, Ġabra p. I-4629), jew tas-26 ta’ Settembru 2013, Ottica New Line Di Vincenzo (C‑539/11), is-sitwazzjoni li tat lok għar-rikorsi fil-kawżi prinċipali ma hijiex riflessa fil-libertà ta’ stabbiliment, iżda, prima facie, fil-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    42

    Madankollu, skont l-Artikolu 58 TFUE, fil-qasam tat-trasport, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma hijiex rregolata mid-dispożizzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, iżda mit-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, li jikkonċerna il-politika komuni tat-trasport (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Yellow Cab Verkehrsbetrieb, C-338/09, Ġabra p. I-13927, punti 29 u 30). Barra minn hekk, hekk kif tfakkar il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, l-attivitajiet ta’ kiri b’xufier bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati, abbażi tal-Artikolu 91(1) TFUE, għall-finijiet tal-liberalizzazzjoni tas-servizzi ta’ trasport.

    43

    Minn dan jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawżi prinċipali, interpretazzjoni eventwali tal-Artikolu 49 TFUE ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett ta’ dawn il-kawżi (ara, b’analoġija, is-sentenza Sbarigia, iċċitata iktar ’il fuq, punti 23, 24, 27 u 28). Issa, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għal domanda preliminari f’dawn iċ-ċirkustanzi (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 61; tal-1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius, C-567/07, Ġabra p. I-9021, punt 43; Omalet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11, u tas-7 ta’ Ġunju 2012, Vinkov, C‑27/11, punt 44).

    44

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio, sa fejn dawn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE. Sa fejn l-imsemmija talbiet jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, dawn għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

    Fuq l-ispejjeż

    45

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-20 ta’ Ġunju 2012 fil-Kawżi magħquda C‑419/12 u C‑420/12, sa fejn dawn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE. Sa fejn l-imsemmija talbiet jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, dawn huma inammissibbli.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top