EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62012CJ0401
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 13 January 2015.#Council of the European Union and Others v Vereniging Milieudefensie and Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht.#Appeals — Directive 2008/50/EC — Directive on ambient air quality and cleaner air for Europe — Decision regarding the notification by the Kingdom of the Netherlands of the postponement of the deadline for attaining the limit values for nitrogen dioxide and the exemption from the obligation to apply the limit values for particulate matter (PM10) — Request for internal review of that decision, submitted pursuant to Regulation (EC) No 1367/2006 — Commission decision declaring the request inadmissible — Measure of individual scope — Aarhus Convention — Validity of Regulation (EC) No 1367/2006 in the light of that convention.#Joined Cases C-401/12 P to C-403/12 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-13 ta’ Jannar 2015.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht.
Appell — Direttiva 2008/50/KE — Direttiva dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa — Deċiżjoni dwar in-notifika mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tal-posponiment tat-terminu stabbilit sabiex jintlaħqu l-valuri limitu annwali stabbilit għad-dijossidu tan-nitroġenu u tal-eżenzjoni mill-obbligu li jiġu applikati l-valuri limitu stabbiliti għall-materja partikulata (PM10) — Talba għal eżami mill-ġdid intern ta’ din id-deċiżjoni, imressqa abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara t-talba inammissibbli — Miżura ta’ portata individwali — Konvenzjoni ta’ Aarhus — Validità tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 fid-dawl ta’ din il-konvenzjoni.
Kawżi magħquda C-401/12 P sa C-403/12 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-13 ta’ Jannar 2015.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht.
Appell — Direttiva 2008/50/KE — Direttiva dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa — Deċiżjoni dwar in-notifika mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tal-posponiment tat-terminu stabbilit sabiex jintlaħqu l-valuri limitu annwali stabbilit għad-dijossidu tan-nitroġenu u tal-eżenzjoni mill-obbligu li jiġu applikati l-valuri limitu stabbiliti għall-materja partikulata (PM10) — Talba għal eżami mill-ġdid intern ta’ din id-deċiżjoni, imressqa abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara t-talba inammissibbli — Miżura ta’ portata individwali — Konvenzjoni ta’ Aarhus — Validità tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 fid-dawl ta’ din il-konvenzjoni.
Kawżi magħquda C-401/12 P sa C-403/12 P.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:4
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
13 ta’ Jannar 2015 ( *1 )
“Appell — Direttiva 2008/50/KE — Direttiva dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa — Deċiżjoni dwar in-notifika mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tal-posponiment tat-terminu stabbilit sabiex jintlaħqu l-valuri limitu annwali stabbilit għad-dijossidu tan-nitroġenu u tal-eżenzjoni mill-obbligu li jiġu applikati l-valuri limitu stabbiliti għall-materja partikulata (PM10) — Talba għal eżami mill-ġdid intern ta’ din id-deċiżjoni, imressqa abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara t-talba inammissibbli — Miżura ta’ portata individwali — Konvenzjoni ta’ Aarhus — Validità tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 fid-dawl ta’ din il-konvenzjoni”
Fil-Kawżi magħquda C‑401/12 P sa C‑403/12 P,
li għandhom bħala suġġett tliet appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fl-24 ta’ Awwissu 2012 (C‑401/12 P u C‑402/12 P) u fis-27 ta’ Awwissu 2012 (C‑403/12 P),
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Moore u K. Michoel, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn L. Visaggio u G. Corstens, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-P. Keppenne, P. Oliver, P. Van Nuffel u G. Valero Jordana kif ukoll minn S. Boelaert, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
sostnuti minn:
Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn D. Hadroušek, bħala aġent,
intervenjenti fl-appell,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Vereniging Milieudefensie, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi),
Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, stabbilita f’Utrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi),
irrappreżentati minn A. van den Biesen, avukat,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, A. Ó Caoimh u J.‑C. Bonichot (Relatur), Presidenti tal-Awla, E. Levits, C. Toader, M. Berger, A. Prechal, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2013,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Mejju 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appelli tagħhom, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht vs Il-Kummissjoni (T‑396/09, EU:T:2012:301, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha din laqgħet it-talba ta’ Vereniging Milieudefensie u ta’ Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (C-2009) 6121, tat-28 ta’ Lulju 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”), li ċaħdet bħala inammissibbli t-talba tagħhom intiża sabiex il-Kummissjoni teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha C(2009) 2560 finali, tas-7 ta’ April 2009, li biha tagħti lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi deroga temporanja mill-obbligi previsti mid-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, p. 1). |
Il-kuntest ġuridiku
Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus
2 |
Il-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), tipprovdi fl-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Suġġett”: “Għall-finijiet ta’ kontribuzzjoni għall-ħarsien tad-dritt ta’ kull persuna tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, li tgħix f’ambjent adattat għas-saħħa u l-benesseri tagħha, kull Parti għandha tiggarantixxi d-drittijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
3 |
L-Artikolu 9 tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi: “1. Kull Parti għandha tiżgura, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, li kull persuna li tqis li t-talba għal informazzjoni li hija ppreżentat skont l-Artikolu 4 ġiet injorata, inġustament miċħuda, kemm jekk kollha kemm hi kif ukoll jekk parzjalment, jew ma ttieħditx inkunsiderazzjoni b’mod xieraq jew ma ġietx ipproċessata skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, ikollha l-possibbiltà tressaq proċedura għal reviżjoni mill-ġdid quddiem qorti indipendenti u imparzjali stabbiliti bil-liġi. Fil-każijiet fejn il-Parti tipprovdi għal tali reviżjoni mill-ġdid quddiem qorti, hija għandha tiżgura li l-persuna kkonċernata jkollha wkoll aċċess għal proċedura mħaffa stabbilita bil-liġi li tkun bla ħlas jew irħisa, bil-għan ta’ eżami mill-ġdid tat-talba minn awtorità pubblika jew tal-eżami tagħha minn korp indipendenti u imparzjali li ma huwiex qorti tal-ġustizzja. Id-deċiżjonijiet finali meħuda skont il-paragrafu 1 għandhom jorbtu lill-awtorità pubblika li jkollha t-tagħrif. Ir-raġunijiet għandhom jingħataw bil-miktub, minn tal-inqas meta l-aċċess għat-tagħrif jiġi rrifjutat skont dan il-paragrafu. 2. Kull parti għandha tiżgura li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, il-membri tal-pubbliku kkonċernat
ikunu jistgħu jippreżentaw rikors quddiem qorti u/jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit bil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità sostanzjali u proċedurali ta’ kull deċiżjoni, att jew omissjoni li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, jekk previst mid-dritt nazzjonali u bla ħsara għall-paragrafu 3 iktar ’il quddiem, ta’ dispożizzjonijiet oħra rilevanti ta’ din il-konvenzjoni. Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u ksur ta’ dritt għandu jiġi stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u b’mod konformi mal-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni. Għal dan il-għan, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 2(5) għandu jitqies suffiċjenti għall-finijiet tas-subparagrafu (a) ta’ dan l-artikolu. L-imsemmija organizzazzjonijiet għandhom ukoll jitqiesu li għandhom drittijiet li jistgħu jkunu suġġett ta’ ksur għall-finijiet tas-subparagrafu (b) iktar ’il fuq. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu 2 ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ reviżjoni preliminari quddiem awtorità amministrattiva u ma għandhomx jeżentaw l-obbligu li jiġu eżawriti l-proċeduri ta’ reviżjoni amministrattiva qabel ma jsir rikors għall-proċeduri ta’ reviżjoni ġudizzjarja, fil-każ fejn tali obbligu ikun previst fid-dritt nazzjonali. 3. Barra minn hekk, u bla ħsara għall-proċeduri ta’ reviżjoni mill-ġdid imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, kull Parti għandha tiżgura li, meta jkunu sodisfatti l-kriterji stabbiliti fid-dritt nazzjonali tagħha, jekk applikabbli, il-membri tal-pubbliku jkollhom aċċess għall-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji sabiex jikkontestaw atti u ommissjonijiet ta’ individwi privati jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiksru dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent. 4. Barra minn hekk u bla ħsara għall-paragrafu 1, il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 iktar ’il fuq għandhom jipprovdu rimedji xierqa u effettivi, inkluż ordnijiet fejn ikun xieraq, u għandhom ikunu ġusti, ekwi, rapidi u mhux eċċessivament onerużi. Id-deċiżjonijiet meħuda skont dan l-artikolu għandhom jingħataw jew jiġu rreġistrati bil-miktub. Deċiżjonijiet ta’ qrati, u kull fejn possibbli ta’ korpi oħra, għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku. 5. Sabiex id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu jkunu iktar effikaċi, kull Parti għandha tiżgura li l-pubbliku jkun informat bil-possibbiltà mogħtija lilu li jressaq proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji, u għandha tikkunsidra l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi xierqa ta’ assistenza bil-ħsieb li jiġu eliminati jew jitnaqqsu l-ostakoli finanzjarji jew ostakoli oħra li jfixklu l-aċċess għall-ġustizzja.” |
Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006
4 |
Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13), jipprovdi fil-premessa 18 tiegħu: “L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprovdi għal aċċess għal proċeduri ġudizzjarji jew proċeduri oħra ta’ reviżjoni għall-kontestazzjoni ta’ atti u ommissjonijiet minn persuni fiżiċi u minn awtoritajiet pubbliċi li jiksru disposizzjonijiet tal-liġi relattivi għall-ambjent. Id-disposizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja għandhom ikunu konsistenti mat-Trattat. Huwa xieraq f’dan il-kuntest li dan ir-Regolament jindirizza biss atti u ommissjonijiet minn awtoritajiet pubbliċi.” |
5 |
L-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi: “L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ l-obbligi li jirriżultaw taħt [il-Konvenzjoni ta’ Aarhus], billi jiġu stabbiliti regoli sabiex jiġu applikati d-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni għall-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità, partikolarment billi: [...]
|
6 |
L-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “att amministrattiv” huwa fformulat kif ġej: “kwalunkwe miżura ta’ ambitu individwali taħt il-liġi ambjentali, meħuda minn xi istituzzjoni jew korp tal-Komunità, u li għandha effetti esterni u li jorbtu legalment.” |
7 |
L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006 intitolat “Talba għal reviżjoni interna tal-atti amministrattivi”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 11 għandha d-dritt li tagħmel talba għal reviżjoni interna lill-istituzzjoni jew korp tal-Komunità li adottaw att amministrattiv taħt xi liġi ambjentali jew, f’każ ta’ allegazzjoni ta’ ommissjoni amministrattiva, li kellhom jadottaw tali att.” |
Id-Direttiva 2008/50
8 |
L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50 jipprovdi: “1. Fejn, f’żona jew agglomerazzjoni partikolari, il-konformità mal-valuri ta’ limitu fir-rigward tad-dijossidu tan-nitroġenu jew il-benżina ma jistgħux jinkisbu sat-termini perentorji speċifikati fl-Anness XI, Stat Membru jista’ jipposponi dawk it-termini perentorji sa massimu ta’ ħames snin għal dik iż-żona jew agglomerazzjoni partikolari, sakemm ikun ġie stabbilit pjan dwar il-kwalità ta’ l-arja skond l-Artikolu 23 għaż-żona jew agglomerazzjoni li għalihom japplika l-posponiment; tali pjan dwar il-kwalità ta’ l-arja għandu jiġi supplimentat mill-informazzjoni esposta fit-Taqsima B ta’ l-Anness XV dwar is-sustanzi li jniġġsu kkonċernati u għandu juri kif il-konformità mal-valuri ta’ limitu għandha tintlaħaq qabel it-terminu perentorju l-ġdid. 2. Fejn, f’żona jew agglomerazzjoni partikolari, il-konformità mal-valuri ta’ limitu fir-rigward tal-PM10, kif speċifikat fl-Anness XI, ma tistax tinkiseb minħabba l-karatteristiċi tat-tixrid speċifiċi għas-sit, kondizzjonijiet tal-klima ħżiena jew il-kontributi transkonfinali, l-Istat Membru għandu jkun eżentat mill-obbligu li japplika dawk il-valuri ta’ limitu sal-11 ta’ Ġunju 2011, sakemm il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu osservati, u sakemm dak l-Istat Membru juri li jkun ħa l-miżuri adegwati kollha fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex ilaħħaq ma’ l-iskadenzi. 3. Fejn Stat Membru japplika l-paragrafi 1 jew 2, hu għandu jiżgura li l-valur ta’ limitu għal kull sustanza li tniġġes ma jinqabiżx b’aktar mill-marġni massimu tat-tolleranza speċifikat fl-Anness XI għal kull sustanza li tniġġes konċernata. 4. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni meta, fil-fehma tagħhom, il-paragrafi 1 jew 2 japplikaw, u għandhom jikkomunikaw il-pjan dwar il-kwalità ta’ l-arja msemmi fil-paragrafu 1 inkluż kull informazzjoni rilevanti meħtieġa għall-Kummissjoni sabiex ikun valutat jekk il-kondizzjonijiet rilevanti humiex sodisfatti. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ effetti stmati fuq il-kwalità ta’ l-arja ambjentali fl-Istati Membri, kemm fil-preżent u kemm fil-ġejjieni, ta’ miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri kif ukoll effetti stmati Komunitarji fuq il-kwalità ta’ l-arja ambjentali ta’ miżuri Komunitarji kurrenti u ta’ miżuri Komunitarji pjanati li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni. Fejn il-Kummissjoni ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni fi żmien disa’ xhur minn meta tiġi riċevuta dik in-notifika, għandhom jitqiesu sodisfatti l-kondizzjonijiet rilevanti għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 jew 2. Jekk jitqajmu oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ teħtieġ li l-Istati Membri jaġġustaw jew jipprovdu pjanijiet ġodda dwar il-kwalità ta’ l-arja.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
9 |
Fil-15 ta’ Lulju 2008, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, b’mod konformi mal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50, innotifika lill-Kummissjoni bil-posponiment tat-terminu stabbilit sabiex jintlaħaq il-valur limitu annwali stabbilit għad-dijossidu tan-nitroġenu f’disa’ żoni kif ukoll bl-eżenzjoni mill-obbligu li japplikaw il-valuri limitu ta’ kuljum u annwali stabbiliti għall-materja partikulata li tgħaddi minn entrata b’50 % effiċjenza ta’ separabbiltà f’dijametru aerodinamiku ta’ 10 µm. |
10 |
Fis-7 ta’ April 2009, il-Kummissjoni aċċettat dan il-posponiment billi adottat id-Deċiżjoni C(2009) 2560 finali. |
11 |
B’ittra tat-18 ta’ Mejju 2009, Vereniging Milieudefensie, assoċjazzjoni rregolata mid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, li għandha bħala għan il-ħarsien tal-ambjent u t-titjib tal-kwalità tal-arja fil-Pajjiżi l-Baxxi, u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, fondazzjoni rregolata mid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi li tiġġieled kontra t-tniġġis tal-arja fir-reġjun ta’ Utrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi) ressqu quddiem il-Kummissjoni talba għal eżami mill-ġdid intern ta’ din id-deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006. |
12 |
Permezz tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba bħala inammissibbli minħabba li d-Deċiżjoni C(2009) 2560 finali ma hijiex miżura ta’ portata individwali u ma tistax, għaldaqstant, titqies li hija “att amministrattiv”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006, li tista’ tkun is-suġġett tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intern previst fl-Artikolu 10 tiegħu. |
Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
13 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Ottubru 2009, Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht talbu l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni. |
14 |
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Parlament u l-Kunsill talbu jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. |
15 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors għal annullament. |
16 |
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli t-talba tar-rikorrenti, intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tiddeċiedi fuq il-mertu tal-imsemmija talba għal eżami mill-ġdid intern u tistabbilixxilha terminu f’dan ir-rigward. |
17 |
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll bħala infondat l-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi peress li kklassifikat id-deċiżjoni inkwistjoni bħala att ta’ portata ġenerali li ma tistax tiġi kklassifikata bħala att amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006 u, għaldaqstant, ma tistax tkun is-suġġett ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq l-illegalità ta’ din l-aħħar dispożizzjoni minħabba l-inkompatibbiltà tagħha mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. |
18 |
Wara li fakkret, fil-punti 51 u 52 tas-sentenza appellata, li, kif jagħmel kull ftehim internazzjonali ieħor li tiegħu hija parti kontraenti l-Unjoni, il-Konvenzjoni ta’ Aarhus tgawdi mis-supremazija fuq l-atti ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 53 tal-istess sentenza, li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tistħarreġ il-validità ta’ dispożizzjoni ta’ regolament fid-dawl ta’ trattat internazzjonali ħlief meta n-natura u l-istruttura tiegħu ma jipprekluduhiex u, barra minn hekk, meta d-dispożizzjonijiet tiegħu jidhru, fir-rigward tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u preċiżi biżżejjed. |
19 |
Madankollu, hija ppreċiżat, billi għamlet riferiment b’mod partikolari għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Fediol vs Il-Kummissjoni (70/87, EU:C:1989:254) u Nakajima vs Il-Kunsill (C‑69/89, EU:C:1991:186), li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien l-obbligu tagħha li tistħarreġ il-legalità ta’ att tal-Unjoni fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet ta’ trattat internazzjonali li ma humiex ta’ natura li joħolqu għal parti fil-kawża d-dritt li jinvokahom fil-qorti meta l-Unjoni kellha l-intenzjoni timplementa obbligu partikolari assunt fil-kuntest ta’ dan il-ftehim jew fil-każ fejn l-att ta’ dritt sekondarju jirreferi espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi tiegħu. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li l-qorti tal-Unjoni għandha tkun tista’ tistħarreġ il-legalità ta’ regolament fid-dawl ta’ trattat internazzjonali, meta dan ir-regolament ikun intiż li jimplementa obbligu impost minn dan il-ftehim fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. |
20 |
Fil-punti 57 u 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li dawn il-kundizzjonijiet kienu sodisfatti f’dan il-każ peress li, minn naħa, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza, li ma kinux invokaw l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim, ikkontestaw, b’mod inċidentali, skont l-Artikolu 241 KE, il-validità ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006 fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u li, min-naħa l-oħra, dan ir-regolament ġie adottat sabiex jissodisfa l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, li jirriżultaw mill-Artikolu 9(3) ta’ din il-konvenzjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) kif ukoll mill-premessa 18 ta’ dan ir-regolament. |
21 |
Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, sa fejn jipprovdi proċedura għal eżami mill-ġdid intern biss għall-“att[i] amministrattiv[i]”, li huma ddefiniti fl-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament bħala “miżur[i] ta’ ambitu individwali”, ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. |
22 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni inkwistjoni. |
It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
23 |
Bl-appell tiegħu, ippreżentat fl-24 ta’ Awwissu 2012 (Kawża C‑401/12 P), il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors tar-rikorrenti fl-ewwel istanza fl-intier tiegħu u tikkundanna lil dawn tal-aħħar għall-ispejjeż. |
24 |
Permezz tal-appell tiegħu, ippreżentat fl-24 ta’ Awwissu 2012 (Kawża C‑402/12 P), il-Parlament jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors tal-imsemmi partijiet fl-intier tiegħu u tikkundanna lil dawn tal-aħħar għall-ispejjeż. |
25 |
Permezz tal-appell tagħha, ippreżentat fis-27 ta’ Awwissu 2012 (Kawża C‑403/12 P), il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors tal-istess partijiet fl-intier tiegħu kif ukoll tikkundanna dawn tal-aħħar għall-ispejjeż sostnuti fl-ewwel istanza u fil-proċeduri tal-appell. |
26 |
Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 2012, il-Kawżi C‑401/12 u C‑402/12 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza. |
27 |
Fit-28 ta’ Frar 2013, Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht ippreżentaw risposta għall-appell li fiha talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli u li tikkundanna lill-Kunsill, lill-Parlament u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minnhom kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-proċeduri tal-appell. |
28 |
Huma ppreżentaw ukoll appell inċidentali li bih talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni inkwistjoni u tikkundanna lill-konvenuti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż sostnuti minnhom kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-proċeduri tal-appell. |
Fuq l-appelli
Fuq l-appell inċidentali
L-argumenti tal-partijiet
29 |
Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht sostnew li l-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata bi żball ta’ liġi billi ma rrikonoxxietx effett dirett tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, mill-inqas, inkwantu tipprovdi li l-“atti” li jippreġudikaw id-dritt nazzjonali tal-ambjent għandhom jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors u, konsegwentement, billi rrifjutat li tevalwa l-legalità tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni tal-imsemmija konvenzjoni. |
30 |
Il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni jqisu li l-appell inċidentali għandu jkun miċħud bħala inammissibbli minħabba li l-aggravju invokat jipprevedi biss fir-realtà li jqiegħed inkwistjoni parti mill-motivazzjoni tas-sentenza appellata, u mhux is-soluzzjoni tagħha, b’mod li ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 178 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
31 |
Il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni jsostnu sussidjarjament li l-aggravju invokat huwa, fi kwalunkwe każ, infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
32 |
Għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikoli 169(1) u 178(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kull appell, kemm jekk prinċipali kif ukoll jekk inċidentali, għandu jkun intiż għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. |
33 |
F’dan il-każ, Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht kisbu, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni konformement mat-talbiet tar-rikors tagħhom. L-appell inċidentali tagħhom li fir-realtà huwa intiż biss sabiex tinkiseb sostituzzjoni tal-motivi fir-rigward tal-analiżi tal-invokabbiltà tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ma jistax, għaldaqstant, jintlaqa’ (ara, b’analoġija, għal dak li jikkonċerna appell prinċipali, is-sentenza Al‑Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al‑Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punti 43 sa 45). |
34 |
Minn dak li ntqal jirriżulta li l-appell inċidentali għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
Fuq l-appelli prinċipali
35 |
Il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni jsostnu prinċipalment li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jista’ jiġi invokat sabiex tiġi evalwata l-konformità ma’ din id-dispożizzjoni tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006. |
36 |
Sussidjarjament, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset li l-Artikolu 9(3) tal-imsemmija konvenzjoni jipprekludi dispożizzjoni bħall-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament. |
Fuq l-ewwel motiv tal-appelli
L-argumenti tal-partijiet
37 |
Il-Kunsill isostni li ż-żewġ każijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-possibbiltà li għandu individwu li jinvoka dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ inkondizzjonabbiltà u ta’ preċiżjoni meħtieġa sabiex ikun jista’ jiġi invokat sabiex tiġi evalwata l-validità tad-dispożizzjonijiet ta’ att tal-Unjoni, huma eċċezzjonali u ma jirriflettux, fi kwalunkwe każ, il-każ ineżami. |
38 |
Fil-fatt, minn naħa, is-soluzzjoni adottata fis-sentenza Fediol vs Il-Kummissjoni (EU:C:1989:254) hija ġġustifikata miċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li tat lok għal din is-sentenza, li fiha r-regolament inkwistjoni jagħti lill-operaturi kkonċernati d-dritt li jinvokaw regoli tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“GATT”). Barra minn hekk, din is-soluzzjoni ma hijiex intiża li tiġi applikata barra mill-kamp speċifiku ta’ dan il-ftehim. |
39 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Nakajima vs Il-Kunsill (EU:C:1991:186), il-Kunsill iqis li hija tikkonċerna biss il-każ fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni timplementa obbligu partikolari sostnut fil-kuntest tal-GATT, liema fatt lanqas ma huwa inkwistjoni fil-każ ineżami. |
40 |
Il-Parlament u l-Kummissjoni jinvokaw, essenzjalment, argumenti simili. |
41 |
Fir-rigward tas-sentenza Fediol vs Il-Kummissjoni (EU:C:1989:254), il-Kummissjoni żżid li din tikkonċerna biss il-każ fejn att tal-Unjoni tkun espliċitament irreferiet għal dispożizzjonijiet partikolari tal-GATT. |
42 |
Fir-rigward tas-sentenza Najima vs Il-Kunsill (EU:C:1991:186), hija tqis li din ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tippermetti li jiġi mistħarreġ kull att tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-ftehim internazzjonali li jimplementa dan l-att, jekk ikun il-każ. Sabiex tali stħarriġ ikun jista’ jiġi eżerċitat, l-att tad-dritt tal-Unjoni għandu jikkostitwixxi eżekuzzjoni diretta u eżawrjenti tal-ftehim internazzjonali u għandu jintrabat ma’ obbligu suffiċjentement ċar u preċiż tiegħu, li ma huwiex il-każ ineżami. |
43 |
Il-Parlament isostni li s-sentenza Fediol vs Il-Kummissjoni (EU:C:1989:254) tipprevedi biss il-każ ta’ riferiment espress ta’ att ta’ dritt sekondarju għal dispożizzjonijiet preċiżi ta’ ftehim internazzjonali, li jikkostitwixxi mhux sempliċi riferiment għal dawn id-dispożizzjonijiet, iżda l-inkorporazzjoni tagħhom. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-premessa 18 tar-Regolament Nru 1367/2006, li sempliċement tiddeskrivi l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, sabiex tqis li din il-kundizzjoni hija sodisfatta f’dan il-każ. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jekk regolament tal-Unjoni jinkorpora d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali, dawn jistgħu jiġu invokati biss sabiex isir kontroll tal-validità ta’ dan ir-regolament stess. |
44 |
Fir-rigward tas-sentenza Nakajima vs Il-Kunsill (EU:C:1991:186), il-Parlament isostni li s-soluzzjoni li ngħatat f’din is-sentenza tikkonċerna l-każ fejn att ta’ dritt sekondarju jimplementa obbligu partikolari impost minn ftehim internazzjonali, li fil-kuntest tiegħu l-Unjoni hija obbligata taġixxi b’mod partikolari u ma tistax tibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni fl-evalwazzjoni. Madankollu, l-“obbligi” li tagħmel riferiment għalihom il-Qorti Ġenerali fil-punt 58 tas-sentenza appellata ma humiex obbligi “partikolari”, fis-sens tas-sentenza Nakajima vs Il-Kunsill (EU:C:1991:186), peress li l-partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-definizzjoni tal-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-“proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji” msemmija fl-Artikolu 9(3) ta’ din il-konvenzjoni, bla ħsara għall-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9(4) tagħha. |
45 |
Il-Parlament isostni wkoll, billi jinvoka s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:742), li meta applikat il-prinċipji li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Nakajima vs Il-Kunsill (EU:C:1991:186) mingħajr ma r-rilevanza tagħhom għall-każ inkwistjoni ġiet diskussa minn qabel bejn il-partijiet, il-Qorti Ġenerali ma osservatx il-prinċipju ta’ kontradittorju. |
46 |
Huwa jżid li ċ-ċirkustanzi tal-kawża huma distinti wkoll minn dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza Racke (C‑162/96, EU:C:1998:293) li kienet tikkonċerna l-ksur ta’ regola ta’ dritt internazzjonali konswetudinarju li taffettwa l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali li l-effett dirett tagħha ma kienx ikkontestat. |
47 |
Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi tagħha Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312) kif ukoll Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864), ma aċċettatx li tistħarreġ il-validità ta’ direttiva meta mqabbla ma’ ftehim internazzjonali minkejja li din id-direttiva kienet tirreferi għalih. |
48 |
Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht isostnu, qabelxejn, li mis-sentenza Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125) ma tirriżulta ebda indikazzjoni dwar l-effett dirett possibbli tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fir-rigward tal-atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
49 |
Huma jqisu, minn naħa, li permezz tan-natura u tal-għan tagħha, din il-konvenzjoni ma tostakolax l-istħarriġ, għat-talba tal-assoċjazzjonijiet tad-difiża tal-ambjent, tal-validità ta’ att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li l-kundizzjonijiet ta’ dan l-istħarriġ, stabbiliti fis-sentenza Fediol vs Il-Kummissjoni (EU:C:1989:254) huma sodisfatti peress li r-Regolament Nru 1367/2006 jinkludi diversi riferimenti għall-imsemmija konvenzjoni, u b’mod partikolari għall-Artikolu 9(3) tagħha. |
50 |
Sussegwentement, huma jsostnu li l-unika possibbiltà ta’ stħarriġ tal-legalità ta’ att ġenerali tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja adita bid-deċiżjonijiet tar-rinviju preliminari minn qrati nazzjonali ma humiex suffiċjenti sabiex jiżguraw l-osservanza tal-imsemmija dispożizzjoni. |
51 |
Finalment, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali tosserva l-prinċipju ta’ kontradittorju peress li tat lill-partijiet il-possibbiltà li jagħtu l-fehma tagħhom dwar l-applikazzjoni f’din il-kawża tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi Fediol vs Il-Kummissjoni (EU:C:1989:254) u Nakajima vs Il-Kunsill (EU:C:1991:186) matul is-seduta. Fi kwalunkwe każ, iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma differenti minn dawk li taw lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (EU:C:2009:742) invokata mill-Parlament. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
52 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 300(7) KE (li sar l-Artikolu 216(2) TFUE), jirriżulta li l-istituzzjonijiet huma marbuta bil-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni u, għaldaqstant, dawn jipprevalu fuq l-atti adottati minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Intertanko et, EU:C:2008:312, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
53 |
Madankollu, l-effetti, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim konkluż minnha ma’ Stati terzi ma jistgħux jiġu ddeterminati billi tiġi eskluża l-oriġini internazzjonali tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Skont il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li huma kompetenti sabiex jinnegozjaw u jikkonkludu tali ftehim huma liberi li jiftiehmu mal-Istati terzi kkonċernati dwar l-effetti li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim għandu jkollhom fis-sistema legali interna tal-partijiet kontraenti. Jekk din il-kwistjoni ma tkunx ġiet espressament irregolata fl-imsemmi ftehim, huma l-qrati kompetenti, u b’mod partikolari l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha skont it-Trattat FUE, li għandhom jiddeċiedu dwarha bl-istess mod bħal ma jiddeċiedu dwar kull kwistjoni oħra ta’ interpretazzjoni relatata mal-applikazzjoni ta’ ftehim inkwistjoni fl-Unjoni b’mod partikolari billi jibbażaw ruħhom fuq l-ispirtu, l-iskema ġenerali jew it-termini ta’ dan il-ftehim (ara, is-sentenza FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
54 |
Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li għalih l-Unjoni hija parti jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ rikors għal annullament ta’ att ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni jew ta’ eċċezzjoni bbażata fuq l-illegalità ta’ tali att biss bil-kundizzjoni, minn naħa, li n-natura u l-istruttura ta’ dan il-ftehim ma jipprekludux dan u, min-naħa l-oħra, li dawn id-dispożizzjonijiet jidhru, mil-lat tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi (ara s-sentenzi Intertanko et, EU:C:2008:312, punt 45; FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, EU:C:2008:476, punti 110 u 120; kif ukoll Air Transport Association of America et, EU:C:2011:864, punt 54). |
55 |
Fir-rigward tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus dan ma jinkludi ebda obbligu inkondizzjonali u suffiċjentement preċiż ta’ natura li jirregola direttament is-sitwazzjoni legali tal-individwi u konsegwentement, ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet. Fil-fatt, peress li huma biss “il-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwali stabbiliti [bid]-dritt nazzjonali” li għandhom id-drittijiet previsti fl-istess Artikolu 9(3), din id-dispożizzjoni hija suġġetta, fl-eżekuzzjoni tagħha jew fl-effetti tagħha, għall-intervent ta’ att ulterjuri (ara s-sentenza Lesoochranárske zoskupenie, EU:C:2011:125, punt 45). |
56 |
Ċertament, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li fil-każ fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni teżegwixxi obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-ftehimiet konkluż fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (iktar ’il quddiem, il-“Ftehimiet WTO”) jew fejn l-att tal-Unjoni inkwistjoni jirreferi b’mod speċifiku għal dispożizzjonijiet preċiżi ta’ dawn il-ftehimiet, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistħarreġ il-legalità tal-att inkwistjoni u tal-atti adottati għall-applikazzjoni tiegħu fid-dawl tar-regoli ta’ dawn il-ftehimiet (ara s-sentenzi Fediol vs Il-Kummissjoni, EU:C:1989:254, punti 19 sa 23; Nakajima vs Il-Kunsill, EU:C:1991:186, punti 29 sa 32; Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-280/93, EU:C:1994:367, punt 111; u L-Italja vs Il-Kunsill, C‑352/96, EU:C:1998:531, punt 19). |
57 |
Madankollu, dawn iż-żewġ eċċezzjonijiet ġew iġġustifikati biss permezz tal-partikolaritajiet tal-ftehimiet li taw lok għall-applikazzjoni tagħhom. |
58 |
Fil-fatt, fl-ewwel lok, fir-rigward tas-sentenza Fediol vs Il-Kummissjoni (EU:C:1989:254), għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2641/84, tas-17 ta’ Settembru 1984, dwar it-tisħiħ tal-politika komuni kummerċjali rigward b’mod partikolari l-protezzjoni kontra prattiċi kummerċjali illeċiti (ĠU L 252, p. 1) inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, kien jirreferi espressament għar-regoli tad-dritt internazzjonali bbażati, essenzjalment, fuq il-GATT, u kien jagħti lill-persuni kkonċernati d-dritt li jinvokaw dispożizzjonijiet tiegħu fil-kuntest ta’ lment imressaq bis-saħħa ta’ dan l-istess regolament (sentenza Fediol vs Il-Kummissjoni, EU :C :1989:254, punt 19), minkejja li, f’dan il-każ, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 la jirreferi direttament għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u lanqas ma jagħti dritt lill-individwi. Konsegwentement, fl-assenza ta’ tali riferiment espliċitu għal dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali, l-imsemmija sentenza ma tistax titqies li hija rilevanti f’dan il-każ. |
59 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tas-sentenza Nakajima vs Il-Kunsill (EU:C:1991:186), għandu jiġi rrilevat li l-atti tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni f’din tal-aħħar kienu marbuta mas-sistema antidumping li hija densa ħafna fil-kunċett tagħha u fl-applikazzjoni tagħha, fis-sens li tipprovdi miżuri fir-rigward tal-impriżi akkużati li jirrikorru għal prattiki ta’ dumping. B’mod iktar konkret, ir-regolament bażiku inkwistjoni f’din il-kawża kien ġie stabbilit konformement mal-obbligi internazzjonali li jeżistu fil-Komunità, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi doganali u l-kummerċ u l-protokoll anness miegħu, approvat f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea mid-Deċiżjoni 80/271/KEE tal-Kunsill, tal-10 ta’ Diċembru 1979, dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim Multilaterali li jirriżultaw min-negozjati kummerċjali mill-1973 sa’ l-1979 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim Multilaterali li jirriżultaw min-negozjati kummerċjali mill-1973 sal-1979 (ĠU 1980, L 71, p. 1) (ara sentenza Nakajima vs Il-Kunsill, EU:C:1991:186, punt 30). Madankollu, f’dan il-każ, ma hemmx inkwistjoni l-implementazzjoni, permezz tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, tal-obbligi partikolari fis-sens tal-imsemmija sentenza, sa fejn, kif jirriżulta mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, il-partijiet kontraenti tagħha għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-definizzjoni tal-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-“proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji”. |
60 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ma huwiex possibbli li jitqies li, billi adottat l-imsemmi regolament, li jikkonċerna biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u jirrigwarda biss, barra minn hekk, wieħed mir-rimedji li għandhom il-partijiet f’kawża sabiex jiġi osservat id-dritt tal-ambjent tal-Unjoni, din tal-aħħar kellha l-intenzjoni timplementa, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fid-dawl tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali, li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, barra minn hekk jaqgħu essenzjalment taħt id-dritt tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lesoochranárske zoskupenie, EU:C:2011:125, punti 41 u 47). |
61 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, billi ddeċidiet li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jista’ jiġi invokat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata bi żball ta’ liġi. |
62 |
Għaldaqstant, hemm lok, mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra invokati mill-Kunsill, mill-Parlament u mill-Kummissjoni insostenn tal-appelli tagħhom, li tiġi annullata s-sentenza appellata. |
Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali
63 |
Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u tista’ għalhekk tiddeċiedi hija stess b’mod definittiv il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġenerali sabiex din tiddeċidiha. |
64 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża u li għandha tingħata deċiżjoni fuq il-mertu dwar it-talba ta’ annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni. |
65 |
Permezz tal-ewwel motiv tar-rikors tagħhom ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht sostnew li l-Kummissjoni qieset bi żball bħala inammissibbli t-talba tagħhom ta’ eżami mill-ġdid intern tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2009, minħabba li kienet tirrigwarda miżura ta’ portata ġenerali. |
66 |
Għall-istess raġunijiet bħal dawk ikkonstatati mill-Qorti Ġenerali, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
67 |
Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht sostnew ukoll, permezz tat-tieni motiv tar-rikors tagħhom, li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 huwa invalidu, billi jillimita l-kunċett ta’ “atti” fis-sens tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus biss għall-atti amministrattivi individwali. |
68 |
Mill-punt 55 tas-sentenza preżenti jirriżulta li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma huwiex ċar u preċiż kif meħtieġ sabiex din id-dispożizzjoni tkun tista’ tiġi validament invokata quddiem il-qorti tal-Unjoni sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006. |
69 |
Konsegwentement, jeħtieġ li t-tieni motiv ukoll jiġi miċħud bħala infondat. |
70 |
Peress li ebda wieħed miż-żewġ motivi tar-rikors invokati minn Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreining Utrecht quddiem il-Qorti Ġenerali ma huwa fondat, konsegwentement dan ir-rikors għandu jiġi miċħud. |
Fuq l-ispejjeż
71 |
Skont l-Artikolu 138(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tiegħu, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba f’dan is-sens. Jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż. |
72 |
Peress li Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht tilfu l-motivi tagħhom u peress li l-Kunsill, il-Parlament kif ukoll il-Kummissjoni talbu għall-kundanna tal-ispejjeż tagħhom, għandhom jiġu kkundannati in solidum għall-ispejjeż sostnuti kemm fl-ewwel istanza kif ukoll f’dawn l-appelli mill-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni. |
73 |
Skont l-Artikolu 140(1) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li r-Repubblika Ċeka għandha tbati l-ispejjeż tagħha. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.