EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0399

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-7 ta’ Ottubru 2014.
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 218(9) TFUE – Determinazzjoni tal-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea f’organu stabbilit minn ftehim internazzjonali – Ftehim internazzjonali li ma hijiex parti kontraenti fih l-Unjoni Ewropea – Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dwieli u tal-Inbejjed (OIV) – Kunċett ta’ ‘atti li għandhom effetti legali’ – Riżoluzzjonijiet tal-OIV.
Kawża C‑399/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2258

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

7 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )

“Rikors għal annullament — Azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 218(9) TFUE — Determinazzjoni tal-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea f’organu stabbilit minn ftehim internazzjonali — Ftehim internazzjonali li ma hijiex parti kontraenti fih l-Unjoni Ewropea — Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dwieli u tal-Inbejjed (OIV) — Kunċett ta’ ‘atti li għandhom effetti legali’ — Riżoluzzjonijiet tal-OIV”

Fil-Kawża C‑399/12,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fit-28 ta’ Awwissu 2012,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze, B. Beutler u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, E. Ruffer u D. Hadroušek, bħala aġenti,

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn P. Frantzen, bħala aġent,

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman u B. Koopman kif ukoll minn J. Langer, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn B. Ricziová, bħala aġent,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn J. Holmes, barrister,

intervenjenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Sitbon u J.‑P. Hix, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Erlbacher u B. Schima kif ukoll minn B. Eggers, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V Skouris, President, K. Lenaerts (Relatur), viċi-President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta u T. von Danwitz, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, E. Levits, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, D. Šváby, M. Berger, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Novembru 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tat-18 ta’ Ġunju 2012, li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ ċerti riżoluzzjonijiet li għandu jittieħed vot fuqhom fil-qafas tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dwieli u tal-Inbejjed (OIV) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

2

Skont l-Artikolu l(2) tal-Ftehim dwar l-istabbiliment tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dwieli u tal-Inbejjed, konkluż fit-3 ta’ April 2001 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim OIV”), “[l-]OIV għandha tfittex li tikseb l-għanijiet tagħha u teżerċita l-miżuri ddefiniti fl-Artikolu 2, bħala organu intergovernattiv ta’ natura xjentifika u teknika b’kompetenza rrikonoxxuta fil-qasam tad-dwieli, l-inbid, xorb ibbażat fuq inbid, għeneb tal-mejda, żbib u prodotti oħra li joriġinaw mid-dwieli”.

3

L-Artikolu 2 tal-Ftehim OIV jipprovdi:

“1.   Fil-qasam tal-kompetenzi tagħha, l-għanijiet tal-OIV huma dawn li ġejjin:

a)

li tindika lill-membri tagħha liema miżuri jippermettu li jitqiesu l-punti tat-tħassib għall-prodotturi, għall-konsumaturi u għal entitajiet oħra fil-qasam tal-inbid;

b)

li tgħin lil organizzazzjonijiet internazzjonali intergovernattivi oħra u mhux governattivi, partikolarment dawk involuti f’attivitajiet regolatorji;

c)

tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-prattiki u tar-regoli eżistenti, u fejn meħtieġ, fl-iżvilupp tar-regoli internazzjonali ġodda, bil-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ żvilupp u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tad-Dwieli u tal-Inbejjed, u biex jitqiesu l-interessi tal-konsumaturi.

2.   L-OIV għandha tieħu dawn l-azzjonijiet li ġejjin sabiex tilħaq dawn l-għanijiet:

[…]

b)

it-tfassil u l-formulazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u r-reviżjoni tal-applikazzjoni tagħhom flimkien mal-membri tagħha, partikolarment fl-oqsma li ġejjin:

(i)

il-kundizzjonijiet għall-produzzjoni tal-inbid,

(ii)

il-proċeduri enoloġiċi,

(iii)

id-definizzjoni u/jew id-deskrizzjoni tal-prodotti, l-ittikkettar u l-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq,

(iv)

il-metodi ta’ analiżi u valutazzjoni għall-prodotti tad-dwieli.

[…]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

L-Artikolu 8 tal-Ftehim OIV jipprovdi li organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali tista’ tipparteċipa fil-ħidma tal-OIV jew issir membru tal-OIV u tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-organizzazzjoni taħt il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti, każ b’każ, mill-Assemblea Ġenerali fuq proposta tal-Kumitat Eżekuttiv.

5

Fl-Unjoni Ewropea, 21 Stat Membru tagħha huma membri tal-OIV. Min-naħa l-oħra, l-Unjoni ma hijiex membru. Madankollu hija tgawdi minn status ta’ “mistiedna”, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Intern tal-OIV. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni Ewropea hija awtorizzata tassisti fil-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti u tal-kummissjonijiet tal-OIV u tintervjeni fihom, fiċ-ċirkustanzi speċifikati fir-regolament intern.

Id-dritt tal-Unjoni

6

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament dwar OKS Unika) (ĠU L 299, p. 1), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament (KE) Nru 1234/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 2010 (ĠU L 346, p. 11, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1234/2007”), jipprovdi fl-Artikolu 120f tiegħu, intitolat “Kriterji għall-awtorizzazzjoni”:

“Il-Kummissjoni, meta tawtorizza prattiki enoloġiċi skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 195(4), għandha:

a)

tibbaża fuq il-prattiki enoloġiċi rakkomandati u ppubblikati mill-[OIV] kif ukoll fuq ir-riżultati tal-użu sperimentali ta’ prattiki enoloġiċi li jkunu għadhom mhux awtorizzati;

[…]”

7

L-Artikolu 120g tar-Regolament Nru 1234/2007, intitolat “Metodi ta’ Analiżi” jipprevedi:

“Il-metodi ta’ analiżi sabiex tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tal-prodotti tas-settur tal-inbid u r-regoli li permezz tagħhom jista’ jiġi stabbilit jekk dawn il-prodotti jkunux għaddew minn proċessi li jmorru kontra l-prattiki enoloġiċi awtorizzati għandhom ikunu dawk rakkomandati u ppubblikati mill-OIV.

Fejn m’hemmx metodi u regoli rakkomandati u ppubblikati mill-OIV, il-Kummissjoni għandha tadotta metodi u regoli korrispondenti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 195(4).

Sakemm jiġu adottati tali regoli, il-metodi u r-regoli li għandhom jintużaw għandhom ikunu dawk permessi mill-Istat Membru kkonċernat.”

8

L-Artikolu 158a tar-Regolament Nru 1234/2007, dwar ir-“[r]ekwiżiti speċjali għall-importazzjoni tal-inbid”, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, jistabbilixxi:

“1.   Għajr fejn previst mod ieħor, b’mod partikolari fi ftehimiet konklużi skont l-Artikolu [218 TFUE], id-dispożizzjonijiet dwar denominazzjonijiet tal-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi u tikkettar stabbiliti fis-Subtaqsima I tat-Taqsima Ia tal-Kapitolu I tat-Titolu II tal-Parti II, kif ukoll l-Artikolu 113d(1) ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 200961, 200969 u 2204 li huma importati fil-Komunità.

2.   Għajr fejn previst mod ieħor fi ftehimiet konklużi skont l-Artikolu [218 TFUE], il-prodotti imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu prodotti skont il-prattiki enoloġiċi rrakkomandati u ppubblikati mill-OIV jew awtorizzati mill-Komunità skont dan ir-Regolament u l-miżuri implimentattivi tiegħu.”

9

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009, tal-10 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tal-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli, il-prattiċi enoloġiċi u r-restrizzjonijiet applikabbli (ĠU L 193, p. 1), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 315/2012, tat-12 ta’ April 2012 (ĠU L 103, p. 38, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 606/2009”), fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tiegħu jipprovdi:

“Fejn mhumiex stabbiliti bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/84/KE […], l-ispeċifikazzjonijiet ta’ purità u ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi użati mill-prattiċi enoloġiċi msemmija fl-Artikolu 32, it-tieni subparagrafu, il-punt e) tar-Regolament (KE) Nru 479/2008, huma dawk stabbiliti u ppubblikati fil-Kodiċi Enoloġiku Internazzjonali tal-[OIV]”

10

Skont l-Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 606/2009:

Il-Kummissjoni għandha tippubblika, fis-sejre C ta’ Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea, il-lista u d-deskrizzjoni tal-metodi ta’ analiżi msemmija fl-[ewwel subparagrafu tal-Artikolu 120g tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007] u deskritti fil-Kompendju tal-Metodi Internazzjonali ta’ Analiżi tal-Inbejjed u l-Mosti (Compendium of International Methods of Analysis of Wines and Musts) tal-OIV, li huma applikabbli għall-kontroll tal-limiti u tar-rekwiżiti stabbiliti fir-regolamentazzjoni Komunitarja għall-produzzjoni tal-prodotti tal-inbid.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

11

Sa Ġunju 2010, fuq inizjattiva tagħhom stess l-Istati Membri tal-Unjoni kkoordinaw il-pożizzjoni tagħhom fil-grupp ta’ ħidma dwar l-inbid u l-l-alkoħol tal-OIV.

12

Fis-16 ta’ Mejju 2011, skont l-Artikolu 218(9) TFUE, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni komuni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ ċerti riżoluzzjonijiet li għandhom jiġu adottati fil-qafas tal-OIV. Madankollu, din il-proposta ma ġietx adottata.

13

Fil-kuntest ta’ laqgħat ta’ kooridnazzjoni li saru f’Porto (il-Portugal) fit-22 u l-24 ta’ Ġunju 2011, l-Istati Membri li huma wkoll membri tal-OIV ftehmu fuq il-pożizzjonijiet tagħhom dwar ir-riżoluzzjonijiet inklużi fl-aġenda tal-Assemblea Ġenerali ta’ din l-organizzazzjoni. Il-Kummissjoni ddikjarat li dawn l-Istati Membri ma jistgħux jieħdu pożizzjoni li taffettwa lill-acquis tal-Unjoni u li, konsegwentement, huma għandhom jopponu kwalunkwe riżoluzzjoni ta’ din l-organizzazzjoni, li tista’ temenda dan l-acquis. Hija ppreżentat ukoll lista mhux konklużiva ta’ 14-il abbozz ta’ riżoluzzjoni, li l-adozzjoni tagħhom mill-imsemmija assemblea tikser, fl-opinjoni tagħha, l-acquis tal-Unjoni.

14

Matul l-assemblea ġenerali tal-OIV tal-24 ta’ Ġunju 2011, ġew approvati diversi riżoluzzjonijiet skont il-proċedura ta’ kunsens prevista fl-Artikolu 5(3)(a) tal-Ftehim OIV, b’mod partikolari mid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri.

15

Il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill ibbażata fuq l-Artikolu 218(9) TFUE, fid-dawl tal-assemblea ġenerali straordinarja tal-OIV tat-28 ta’ Ottubru 2011 f’Montpellier (Franza). Madankollu, din il-proposta ma ġietx adottata.

16

Fid-dawl tal-assemblea ġenerali tal-OIV tat-22 ta’ Ġunju 2012 f’Izmir (it-Turkija), il-Kummissjoni bagħtet lill-Kunsill, fis-27 ta’ April 2012, proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea f’dak li jikkonċerna ċerti riżoluzzjonijiet li għandhom jiġu mqiegħda għall-vot fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dwieli u tal-Inbejjed (OIV) [COM (2012) 192 finali].

17

Peress li ma nkisbet l-ebda maġġoranza favur l-imsemmija proposta għal deċiżjoni, il-presidenza tal-Unjoni ppreżentat żewġ proposti suċċessivi ta’ kompromess. It-tieni waħda, bid-data tas-6 ta’ Ġunju 2012, ġiet adottata bil-maġġoranza kwalifikata fil-laqgħa tal-Kunsill “Agrikoltura u Sajd” tat-18 ta’ Ġunju 2012 u din tikkostitwixxi d-deċiżjoni kkontestata.

18

Ċertu numru ta’ Stati Membri, fosthom inkluża r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ivvutaw kontra l-imsemmija proposta.

19

Skont il-premessi 5 sa 7 tad-deċiżjoni kkontestata:

“(5)

L-abbozz tar-Riżoluzzjonijiet OENO-TECHNO 08-394A, 08-394B, 10-442, 10-443, 10-450A, 10-450B, 11-483 u 11-484 jistabbilixxu prattiki enoloġiċi ġodda. Skont l-Artikoli 120(f) u 158(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, dawn ir-Riżoluzzjonijiet ser jaffettwaw l-acquis

(6)

L-abbozz tar-Riżoluzzjonijiet OENO-SCMA 08-385, 09-419B, 10-436, 10-437, 10-461, 10-465 u 10-466, jistabbilixxu l-metodi tal-analiżi. Skont l-Artikolu 120(g) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, dawn ir-riżoluzzjonijiet ser jaffettwaw l-acquis

(7)

L-abbozz tar-Riżoluzzjonijiet OENO-SPECIF 08-363, 08-364, 09-412, 10-451, 10-452, 10-459, 11-485, 11-486B, 11-489, 11-490, 11-491 u 11-494 jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet ta’ purità u identifikazzjoni tas-sustanzi użati fil-prattiċi enoloġiċi. Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 606/2009, dawn ir-Riżoluzzjonijiet ser jaffettwaw l-acquis.”

20

Id-deċiżjoni kkontestata hija fformulata kif ġej:

“Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra t-[Trattat FUE], u b’mod partikolari l-Artikolu 43 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu

[…]

Artikolu 1

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV li għandha ssir fit-22 ta’ Ġunju 2012 għandha tkun skont l-Anness għal din id-Deċiżjoni u għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma Membri tal-OIV, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 2

1.   Meta l-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 x’aktarx li tkun ser tiġi affettwata b’informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida li tkun ippreżentata qabel jew waqt il-laqgħat tal-OIV, l-Istati Membri li huma Membri tal-OIV għandhom jitolbu li l-votazzjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV tiġi posposta sakemm il-pożizzjoni tal-Unjoni tkun stabbilita fuq il-bażi tal-elementi l-ġodda.

2.   B’segwitu għall-koordinazzjoni, partikolarment fil-post, u mingħajr deċiżjoni oħra tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri li huma Membri tal-OIV, waqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, jistgħu jaqblu ma’ bidliet għall-abbozzi ta’ riżoluzzjonijiet imsemmija fl-Anness għal din id-Deċiżjoni li ma jaffettwawx is-sustanza tagħhom.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.”

21

L-Anness tal-imsemmija deċiżjoni jidentifika l-abbozzi ta’ riżoluzzjonijiet milquta mill-pożizzjoni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

23

Il-Kunsill jitlob li r-rikors jiġi miċħud u li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Sussidjarjament, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, huwa jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja żżomm l-effetti tagħha.

24

Ir-Repubblika Ċeka, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Slovakka kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, filwaqt li l-Kummissjoni ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

Fuq ir-rikors

25

Ir-rikors huwa bbażat fuq motiv uniku, ibbażat fuq l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 218(9) TFUE f’dan il-każ.

26

Barra minn hekk, fin-noti ta’ intervent tagħhom, l-Ungerija u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi qajmu motivi bbażati fuq il-ksur ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE differenti minn dawk invokati fil-kuntest tal-motiv uniku msemmi fil-punt preċedenti.

27

Madankollu, skont l-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, parti li hija ammessa bħala intervenjent f’kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tbiddel is-suġġett tal-kawża kif ċirkoskritt mit-talbiet u mill-motivi tal-partijiet prinċipali. Minn dan jirriżulta li huma biss l-argumenti ta’ intervenjent li huma stabbiliti fil-kuntest deskritt minn dawn il-konklużjonijiet u motivi li huma ammissibbli.

28

Għaldaqstant, il-motivi tal-Ungerija u tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi msemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza għandhom jiġu mill-ewwel miċħuda bħala inammissibbli.

L-argumenti tal-partijiet

29

Fil-kuntest tal-motiv uniku tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta mir-Repubblika Ċeka, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mill-Ungerija, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Repubblika tal-Awstrija, mir-Repubblika Slovakka kif ukoll mir-Renju Unit, targumenta, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 218(9) TFUE ma huwiex applikabbli fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali li, bħall-Ftehim OIV, ġie konkluż minn Stati Membri u mhux mill-Unjoni bħala tali.

30

Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 218(9) TFUE jirriżulta li din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu “f’isem l-Unjoni”, liema ħaġa tippresupponi li din tal-aħħar għandha, fil-kamp internazzjonali kkonċernat, dritt ta’ rappreżentanza jew ta’ vot.

31

L-istruttura tal-Artikolu 218 TFUE tikkonferma li l-paragrafu (9) tiegħu japplika biss fil-kuntest ta’ ftehim konklużi mill-Unjoni.

32

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-ħolqien u mill-funzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE. Din id-dispożizzjoni, li tirriproduċi kważi litteralment l-Artikolu 300(2) KE, tipprevedi proċedura speċifika li tippermetti reazzjoni rapida tal-Unjoni f’każ ta’ ksur, mill-partijiet kontraenti l-oħra ta’ ftehim internazzjonali li l-Unjoni hija wkoll parti minnu.

33

Il-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi li jirregola l-limiti tal-Unjoni, jistabbilixxi fl-Artikolu 5(1) u (2) TUE, projbizzjoni tal-estensjoni, b’analoġija, tal-proċess proċedurali previst fl-Artikolu 218(9) TFUE għall-implementazzjoni tal-ftehim internazzjonali konklużi minn Stati Membri.

34

Barra minn hekk, il-prattiki u r-regoli kkonċernati mir-riżoluzzjonijiet tal-OIV ma jaqgħux taħt qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni, iżda fil-qasam tal-agrikoltura, skont l-Artikolu 4(2)(d) TFUE, li jikkostitwixxi qasam b’kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

35

Fit-tieni lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Istati Membri ammessi bħala intervenjenti insostenn tagħha jargumentaw li huma biss meqjusin bħala “atti li għandhom effetti legali”, skont l-Artikolu 218(9) TFUE, l-atti tad-dritt internazzjonali vinkolanti fir-rigward tal-Unjoni. Din l-interpretazzjoni tirriżulta mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni u hija kkorroborata mill-istruttura tad-dispożizzjonijiet li fihom jinkwadra ruħu dan l-Artikolu 218(9) TFUE.

36

F’dan il-każ, ir-riżoluzzjonijiet tal-OIV ma jidħlux fil-kategorija tal-atti msemmija fl-Artikolu 218(9) TFUE. Fil-fatt, minn naħa, dawn ir-riżoluzzjonijiet huma nieqsa minn natura tad-dritt internazzjonali vinkolanti. Min-naħa l-oħra, ir-riferimenti għar-riżoluzzjonijiet tal-OIV, li jinsabu fl-Artikoli 120f(a), 120g u 158a(1) u (2) tar-Regolament Nru 1234/2007 kif ukoll fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 606/2009, jirriżultaw minn att unilaterali tal-leġiżlatur tal-Unjoni li ma huwiex ta’ natura li jikkonferixxi lil dawn ir-riżoluzzjonijiet il-klassifikazzjoni ta’ att tad-dritt internazzjonali vinkolanti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ Stati terzi.

37

It-tielet nett, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jargumenta li l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 218(9) TFUE f’dan il-każ hija rrinforzata mill-fatt li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma kienx hemm ċertezza assoluta fir-rigward tar-riżoluzzjonijiet li kienu se jiġu effettivament imressqa għall-votazzjoni tal-assemblea ġenerali tal-OIV tat-22 ta’ Ġunju 2012.

38

Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jargumenta, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 218(9) TFUE huwa applikabbli għall-istabbiliment tal-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni fi ħdan organizzazzjoni, bħalma hija l-OIV, maħluqa minn ftehim internazzjonali konkluż minn Stati Membri u li għandha l-għan li tadotta atti li għandhom effetti legali, meta l-qasam inkwistjoni jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Unjoni.

39

L-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 218(9) TFUE tippermetti li jiġi kkunsidrat li, fin-nuqqas ta’ preċiżjoni fis-sens kuntrarju, din id-dispożizzjoni hija applikabbli bl-istess mod fil-kuntest ta’ ftehim li l-Unjoni ma hijiex parti minnhom, fir-rigward ta’ oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ din tal-aħħar.

40

Fir-rigward tal-kuntest li fih jidħol l-Artikolu 218(9) TFUE, il-Kunsill isostni li ma tista’ tiġi inferita ebda konklużjoni mill-Artikoli 216 TFUE u 218(1) TFUE, peress li dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni, filwaqt li l-Artikolu 218(9) TFUE jirrigwarda, min-naħa tiegħu, mhux il-proċedura ta’ nnegozjar jew il-konklużjoni ta’ dawn il-ftehim, iżda l-implementazzjoni ta’ ftehim li jista’ jkollu effetti legali fl-Unjoni.

41

Minn perspettiva teleoloġika, l-Artikolu 218(9) TFUE għandu l-għan li jistabbilixxi qafas proċedurali li jippermetti li tiġi ddefinta l-pożizzjoni tal-Unjoni fl-organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluż fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali li hija ma tkunx parti minnhom, meta l-atti li għandhom jiġu adottati huma intiżi li jiġu inkorporati sussegwentement fid-dritt tal-Unjoni.

42

L-Unjoni ma tkunx qed tindaħal fil-kompetenzi tal-Istati Membri meta teżerċita, fil-livell internazzjonali, il-kompetenzi li jkunu ġew mogħtija lilha abbażi tal-Artikolu 43 TFUE fl-oqsma bħalma huma dawk tal-prattiċi enoloġiċi u l-metodi ta’ analiżi ta’ prodotti fis-settur tal-inbid.

43

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(2) TFUE, l-Unjoni għandha wkoll kompetenza esterna esklużiva fl-oqsma koperti mill-abbozzi tar-riżoluzzjonijiet imsemmija fl-Anness tad-deċiżjoni kkontestata, peress li dawn jistgħu jaffettwaw ir-regoli komuni tal-Unjoni. Fil-fatt, dawn l-abbozzi jirrelataw ma’ prattiċi enoloġiċi u ma’ metodi ta’ analiżi li, skont l-Artikoli 120f(a), 120g u 158a(2) tar-Regolament Nru 1234/2007, kif ukoll mar-Regolament Nru 606/2009, iservu bħala l-bażi tat-tfassil tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew jiġu implementati minnha.

44

Fit-tieni lok, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jargumenta li l-Artikolu 218(9) TFUE jeżiġi biss li l-atti li għandhom jiġu adottati mill-korp internazzjonali jkollhom effetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li dawn l-atti jipproduċu effetti fl-ordinament ġuridiku internazzjonali.

45

L-imsemmija dispożizzjoni tkopri konsegwentement is-sitwazzjoni li fiha r-riżoluzzjonijiet internazzjonali, għalkemm nieqsa minn natura vinkolanti, jipproduċu madankollu effetti legali fl-Unjoni abbażi ta’ dispożizzjonijiet mandatorji tagħha.

46

F’dan il-każ, ir-riżoluzzjonijiet adottati matul assemblea ġenerali tal-OIV fuq il-prattiċi enoloġiċi u l-metodi ta’ analiżi jkollhom effetti legali fl-Unjoni minħabba l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jinkorporhom fil-leġiżlazzjoni tagħha.

47

Fit-tielet lok, il-Kunsill isostni li l-argument tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi riprodott fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, jmur kontra l-kliem u l-għan tal-Artikolu 218(9) TFUE.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

48

Skont l-Artikolu 218(9) TFUE, “[i]l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni […], għandu jadotta deċiżjoni […] li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

49

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li din id-dispożizzjoni tirreferi għal korp maħluq minn “ftehim”, mingħajr ma tippreċiża li l-Unjoni għandha tkun parti minn dan il-ftehim. Bl-istess mod, ir-riferiment, fl-imsemmija dispożizzjoni, għal pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu “f’isem l-Unjoni” ma jippresupponix li din tal-aħħar għandha tkun parti mill-ftehim li jkun ħoloq il-korp internazzjonali inkwistjoni.

50

Minn dan isegwi li l-kliem tal-Artikolu 218(9) TFUE ma jipprekludix li l-Unjoni tadotta deċiżjoni li tistabbilixxi pożizzjoni li għandha tittieħed f’isimha f’korp maħluq minn ftehim internazzjonali li hi ma tkunx parti minnu.

51

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li din il-kawża tikkonċerna l-qasam tal-politika agrikola komuni u, b’mod iktar partikolari, l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid, qasam li huwa ampjament irregolat mil-leġiżlatur tal-Unjoni skont il-kompetenza bbażata fuq l-Artikolu 43 TFUE.

52

Meta l-qasam ikkonċernat jidħol fil-kompetenza tal-Unjoni bħal dak deskritt fil-punt preċedenti, l-assenza ta’ parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-ftehim internazzjonali inkwistjoni ma tipprekludihiex milli teżerċita din il-kompetenza billi tistabbilixxi, fil-kuntest tal-istituzzjonijiet tagħha, pożizzjoni li għandha tittieħed f’isimha fi ħdan il-korp maħluq minn dan il-ftehim, b’mod partikolari bil-medjazzjoni tal-Istati Membri li huma partijiet tal-imsemmi ftehim li jaġixxu in solidum fl-interess tagħha (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑45/07, EU:C:2009:81, punti 30 u 31; ara wkoll, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/91, EU:C:1993:106, punt 5).

53

Il-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu ma għandhomx jitpoġġew f’dubju mill-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jikkonsistu, l-ewwel nett, fid-dikjarazzjoni li d-dispożizzjonijiet li jippreċedu l-Artikolu 218(9) TFUE taħt it-Titolu V tal-ħames parti tat-Trattat FUE, li jikkonċernaw biss il-ftehim bejn l-Unjoni u wieħed jew iktar Stati terzi jew bejn l-Unjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali, u, it-tieni nett, li l-adozzjoni mill-Unjoni ta’ deċiżjoni dwar is-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ ftehim, ukoll imsemmi fl-Artikolu 218(9) TFUE, huwa possibbli biss fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni.

54

Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti minbarra l-Artikolu 218(9) TFUE għandhom bħala suġġett in-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim mill-Unjoni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 218(9) TFUE jikkonċerna l-istabbiliment ta’ pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni f’korp maħluq minn ftehim, liema pożizzjonijiet, bid-differenza ta’ deċiżjoni tal-Unjoni dwar is-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ ftehim, jistgħu jiġu adottati wkoll fil-kuntest ta’ ftehim li l-Unjoni ma tkunx parti fih, fiċ-ċirkustanza stabbilita fil-punt 52 ta’ din is-sentenza.

55

Konsegwentement, iċ-ċirkustanza li l-Unjoni ma hijiex parti fil-Ftehim OIV ma jipprekludihiex, bħala tali, milli tapplika l-Artikolu 218(9) TFUE.

56

Sussegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk ir-riżoluzzjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-OIV, inkwistjoni f’dan il-każ, jikkostitwixxux “atti li għandhom effetti legali”, skont din id-dispożizzjoni.

57

F’dan ir-rigward, mill-premessi 5 sa 7 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-Anness tagħha jirriżulta li r-riżoluzzjonijiet tal-OIV imressqa għal-votazzjoni tal-assemblea ġenerali ta’ din l-organizzazzjoni msemmija minn din id-deċiżjoni jirrigwardaw prattiċi enoloġiċi ġodda, metodi ta’ analiżi li jippermettu li tiġi stabbilita l-kompożizzjoni tal-prodotti tas-setturi tal-inbid jew speċifikazzjonijiet ta’ purità u ta’ identità tas-sustanzi użati għal dawn il-prattiċi.

58

Konsegwentement, l-imsemmija riżoluzzjonijiet jaqgħu taħt l-oqsma identifikati fl-Artikolu 2(2)(b) tal-Ftehim OIV, liema ħaġa, barra minn hekk, ma hija kkontestata mill-ebda waħda mill-partijiet f’din il-kawża.

59

Madankollu, skont l-Artikolu 2(1)(b) u (c), u (2) tal-Ftehim OIV, ir-riżoluzzjonijiet adottati mill-OIV fl-imsemmija oqsma għandhom bħala għan li jikkontribwixxu għall-ksib tal-għanijiet ta’ din l-organizzazzjoni li jikkonsistu, b’mod partikolari, f’li tassisti organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, b’mod partikolari dawk li jwettqu attivitajiet fil-qasam tal-istandards, kif ukoll li tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-prattiċi u tal-istandards eżistenti u, kif jeħtieġ, li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ standards internazzjonali ġodda.

60

Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 2(2)(b) tal-Ftehim OIV, l-OIV hija inkarigata li tissorvelja l-applikazzjoni ta’ dawn ir-riżoluzzjonijiet, flimkien mal-membri tagħha.

61

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid, il-leġiżlatur tal-Unjoni inkorpora l-imsemmija riżoluzzjonijiet fil-leġiżlazzjoni adottata f’dan ir-rigward. Fil-fatt, mill-Artikoli 120g u 158a(1) u (2) tar-Regolament Nru 1234/2007 kif ukoll mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 606/2009 jirriżulta li r-riżoluzzjonijiet tal-OIV huma espliċitament ikkunsidrati bħala regoli tad-dritt tal-Unjoni f’dak li jikkonċerna l-metodi ta’ analiżi li jippermettu li tiġi stabbilita l-kompożizzjoni tal-prodotti tas-settur tal-inbid, ir-rekwiżiti partikolari applikabbli, skont il-prattiċi enoloġiċi, għall-importazzjoni tal-inbid li jkun ġej minn pajjiżi terzi, kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet ta’ purità u ta’ identità tas-sustanzi użati għal dawn il-prattiċi.

62

Fir-rigward tal-Artikolu 120f(a) tar-Regolament Nru 1234/2007, billi jipprovdi li l-Kummissjoni “tibbaża ruħha” fuq ir-riżoluzzjonijiet tal-OIV f’dak li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni ta’ prattiċi enoloġiċi, jimplika neċessarjament li dawn ir-riżoluzzjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-iskopijiet tal-iżvilupp tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni f’dan ir-rigward.

63

Minn dan isegwi li r-riżoluzzjonijiet inkwistjoni f’dan il-każ, li, kif ġie rrilevat fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, jirrigwardaw prattiċi enoloġiċi ġodda, metodi ta’ analiżi li jippermettu li tiġi stabbilita l-kompożizzjoni tal-prodotti tas-settur tal-inbid jew l-ispeċifikazzjonijiet ta’ purità u ta’ identità tas-sustanzi użati għal dawn il-prattiċi, jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tal-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid.

64

Mill-kunsiderazzjonijiet evokati fil-punti 57 sa 63 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dawn ir-riżoluzzjonijiet, b’mod partikolari minħabba l-inkorporazzjoni tagħhom fid-dritt tal-Unjoni skont l-Artikoli 120f(a), 120g u 158a (1) u (2) tar-Regolament Nru 1234/2007 kif ukoll tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 606/2009, għandhom effetti legali, fis-sens tal-Artikolu 218(9) TFUE, fl-imsemmi qasam u li l-Unjoni, minkejja li ma hijiex parti mill-Ftehim OIV, hija awtorizzata li tistabbilixxi pożizzjoni li għandha tittieħed f’isimha fil-konfront ta’ dawn ir-riżoluzzjonijiet, fid-dawl tal-impatt dirett tagħhom fuq l-acquis tal-Unjoni f’dan il-qasam.

65

Fir-rigward tal-argument tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi riprodott fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, dan imur kemm kontra l-kliem kif ukoll l-għan tal-Artikolu 218(9) TFUE, li huwa intiż li jippermetti li pożizzjoni li tkun ġiet stabbilita minn qabel f’isem l-Unjoni tkun espressa f’korp internazzjonali li “jkollu l-għan li” jadotta atti li għandhom effetti legali, indipendentement mill-punt jekk l-atti kkonċernati mill-pożizzjoni hekk stabbilita jiġux, finalment, effettivament imressqa għall-votazzjoni fi ħdan il-korp kompetenti.

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Kunsill ġustament ibbaża ruħu fuq l-Artikolu 218(9) TFUE sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata.

67

Għalhekk, il-motiv uniku invokat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja insostenn tar-rikors tagħha ma jistax jirnexxi.

68

Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

69

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet, din għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill. Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess Regoli, li jgħid li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, għandu jiġi deċiż li r-Repubblika Ċeka, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Slovakka, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Repubblika Ċeka, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Slovakka, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top