EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0302

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-21 ta’ Novembru 2013.
X vs Minister van Financiën.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 43 KE — Vetturi bil-mutur — Użu fi Stat Membru ta’ vettura bil-mutur privata rreġistrata fi Stat Membru ieħor — Intaxxar ta’ din il-vettura fl-ewwel Stat Membru meta tintuża għall-ewwel darba fin-netwerk ta’ toroq nazzjonali kif ukoll fit-tieni Stat Membru meta tiġi rreġistrata — Vettura użata miċ-ċittadin ikkonċernat kemm għal finijiet privati kif ukoll sabiex imur, mill-Istat Membru ta’ oriġini, lejn il-post tax-xogħol li jinsab fl-ewwel Stat Membru.
Kawża C‑302/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:756

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

21 ta’ Novembru 2013 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 43 KE — Vetturi bil-mutur — Użu fi Stat Membru ta’ vettura bil-mutur privata rreġistrata fi Stat Membru ieħor — Intaxxar ta’ din il-vettura fl-ewwel Stat Membru meta tintuża għall-ewwel darba fin-netwerk ta’ toroq nazzjonali kif ukoll fit-tieni Stat Membru meta tiġi rreġistrata — Vettura użata miċ-ċittadin ikkonċernat kemm għal finijiet privati kif ukoll sabiex imur, mill-Istat Membru ta’ oriġini, lejn il-post tax-xogħol li jinsab fl-ewwel Stat Membru”

Fil-Kawża C‑302/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjizi l-Baxxi), b’deċiżjoni tas-6 ta’ April 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Ġunju 2012, fil-proċedura

X

vs

Minister van Financiën

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.‑C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal X, minn B. Schuver, avukat,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn B. Koopman u C. Wissels, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou u G. Papagianni, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Barslev u W. Roels, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Settembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 43 KE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn X u l-Minister van Financiën (il-Ministeru tal-finanzi) dwar nota ta’ aġġustament indirizzata lill-persuna kkonċernata minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa fuq il-vetturi privati u l-muturi (iktar ’il quddiem it-“taxxa VM”), meta l-vettura bil-mutur privata ntużat għall-ewwel darba fin-netwerk tat-toroq tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 1(1) tal-Liġi tal-1992 dwar it-taxxa fuq il-vetturi privati u l-muturi (Wet op de belasting van personenauto’s en motorrijwielen 1992, Stb. 1992, Nru 709, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1992”), jipprovdi li din it-taxxa għandha tinġabar fuq dawn il-vetturi bil-mutur privati.

4

Skont l-Artikolu 1(2) u (5) tal-liġi tal-1992, it-taxxa VM hija dovuta meta l-vettura bil-mutur tiġi rreġistrata fir-reġistru tal-pajjiżi l-Baxxi. Madandkollu, meta vettura tal-passiġġieri jew mutur mhux irreġistrat fil-Pajjiżi l-Baxxi, jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ persuna fiżika jew ġuridika, residenti jew stabbilita f’dan l-Istat Membru, din it-taxxa hija dovuta sa mill-ewwel użu ta’ din il-vettura bil-mutur fin-netwerk ta’ toroq tal-Pajjiżi l-Baxxi.

5

L-Artikolu 5(2) tal-liġi tal-1992 jipprovdi li, għall-vetturi bil-mutur tal-passiġġieri jew il-muturi mhux irreġistrati, il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa VM hija dik li effettivament tuża l-vettura bil-mutur.

6

Skont l-Artikolu 9(1) tal-imsemmija liġi, għal vettura bil-mutur tal-passiġġieri, ir-rata tal-imsemmija taxxa tammonta, bla ħsara għat-tnaqqis u għaż-żidiet indikati f’din id-dispożizzjoni, għal 45.2 % tal-prezz tal-katalgu nett ta’ din il-vettura. Dan il-prezz jikkorrispondi għall-prezz ta’ bejgħ issuġġerit mill-fabbrikant jew l-importatur lill-bejjiegħ, mingħajr it-taxxa fuq il-valur miżjud.

7

Fir-rigward tal-vetturi bil-mutur ġodda, il-prezz tal-katalgu nett huwa ddeterminat skont il-ġurnata meta jingħatalhom in-numuru ta’ reġistrazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fir-rigward tal-vetturi bil-mutur mhux ġodda, il-prezz tal-katalgu nett tagħhom huwa ddeterminat skont id-data tal-ewwel użu tagħha, kemm jekk dan ikun sar fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll jekk ikun sar barra minnu.

8

Mal-ewwel użu fin-netwerk ta’ toroq tal-Pajjiżi l-Baxxi ta’ vetturi bil-mutur tal-passiġġieri jew ta’ muturi mhux irreġistrati fil-Pajjiżi l-Baxxi u mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ persuna fiżika jew ġuridika, residenti jew stabbilita f’dan l-Istat Membru, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprovdi l-applikazzjoni, għall-ħlas tat-taxxa KM, tal-prezz tal-katalgu nett korrispondenti għall-vetturi mhux ġodda.

9

Sabiex tinġabar l-imsemmija taxxa fuq il-karozzi mhux ġodda, jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ użu li jkun diġà għadda, billi l-ammont tat-taxxa jitnaqqas b’perċentwali stabbilita.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

X hija ċittadina Belġjana. Hija għandha, sa mis-sena 1998, uffiċċju ta’ ortodontista fil-Pajjiżi l-Baxxi fejn għandha wkoll dar fejn hija toqgħod mas-sieħeb tagħha matul il-perijodi ta’ ftugħ ta’ dan l-uffiċċju. Fil-perijodi l-oħra l-koppja toqgħod f’appartament mikri fil-Belġju.

11

X għandha vettura li hija xtrat fil-Belġju fl-2004 u li hija tuża kemm f’dan l-Istat Membru kif ukoll fil-Pajjiżi l-Baxxi, kemm għal finijiet privati kif ukoll għal finijiet professjonali. Mill-proċess jirriżulta li kull sena, id-distanzi misjuqa minn X permezz ta’ din il-vettura jsiru nofshom fil-Belġju u nofshom fil-Pajjiżi l-Baxxi.

12

X irreġistrat il-vettura tagħha fil-Belġju u ħallset, bħala taxxa għat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni Belġjana, is-somma ta’ EUR 4 957.

13

Fid-19 ta’ Lulju 2006, id-dipartiment tat-taxxa tal-Pajjiżi l-Baxxi kkonstatat li X kienet qed tuża l-vettura tagħha fin-netwerq ta’ toroq tal-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr ma kienet ħallset it-taxxa VM. Fid-dawl ta’ dan inħarġitilha nota ta’ aġġustament li kienet tindika l-ammont ta’ EUR 17 315.

14

X ressqet ilment kontra din in-nota ta’ aġġustament, li madankollu ġiet ikkonfermata mill-Belastinginspecteur (Ispettur tat-taxxi), minħabba li l-persuna kkonċernata kienet residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi u kienet tuża l-vettura tagħha fit-toroq pubbliċi tal-Pajjiżi l-Baxxi.

15

Filwaqt li r-rikors li X ippreżentat kontra din id-deċiżjoni tal-Belastinginspecteur intlaqa mir-Rechtbank te Leeuwarden, il-Gerechtshof te Leeuwarden laqa’ l-appell tal-Minister van Financiën u annulla s-sentenza tar-Rechtbank te Leeuwarden.

16

Skont il-Gerechtshof te Leeuwarden, X ma tistax tinvoka l-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li l-vettura tagħha tintuża fit-tul u prinċipalment fil-Pajjiżi l-Baxxi u peress li t-taxxa VM bl-ebda mod ma tikkostitwixxi ostakolu għall-eżerċizzju tal-libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-fatt li ħallset it-taxxa għat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni Belġjana ma jipprekludix li X tkun suġġetta għall-ħlas tat-taxxa VM fir-rigward ta’ din il-vettura, fil-kwalità tagħha ta’ residenti tal-Pajjiżi l-Baxxi, fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Pajjizi l-Baxxi.

17

X ippreżentat appell ta’ kassazzjoni mis-sentenza tal-Gerechtshof te Leeuwarden quddiem il-qorti tar-rinviju. Skont din l-aħħar qorti, huwa paċifiku li X hija residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li hija tista’ tiġi kkunsidrata wkoll bħala li hija residenti fil-Belġju, fis-sens tal-leġiżlazzjoni Belġjana. F’dan ir-rigward, sa fejn dan l-aħar punt ma huwiex ikkontestat, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-punt li jgħid li X hija residenti wkoll fil-Belġju u li l-vettura tagħha hija wkoll intiża sabiex tintuża fit-tul f’dan l-Istat Membru.

18

Huwa f’dan il-kuntest li l-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-eżerċizzju ta’ kompetenzi fiskali minn żewġ Stati Membri, b’mod partikolari l-impożizzjoni ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni fuq vettura bil-mutur, huwa bla limitu meta ċittadin tal-Unjoni jirrisjedi, skont [il-]leġiżlazzjonijiet nazzjonali [tagħhom], f’żewġ Stati Membri, u juża b’mod effettiv u fit-tul f’dawn iż-żewġ Stati Membri vettura bil-mutur li hija proprjetà tiegħu?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija negattiva, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jista’ jkollu effett korrettiv fuq l-impożizzjoni ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni fil-każ bħal f’din il-kawża u, f’każ affermattiv, dan il-prinċipju jimplika li Stat Membru jew iż-żewġ Stati Membri għandhom jimponu limiti fl-eżerċizzju tal-kompetenzi fiskali tagħhom u b’liema mod?”

Fuq id-domandi preliminari

19

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fid-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju ma tipprovdi ebda indikazzjoni dwar id-dispożizzjoni jew id-dispożizzjonijet tad-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha.

20

F’dan ir-rigward, f’ċirkustanzi simili, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li mill-elementi kollha mogħtija mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, hija għandha tasal għall-elementi tad-dritt tal-Unjoni rilevanti, fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali (sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, Bartlett et., C-537/09, Ġabra p. I-3417, punt 36).

21

Fil-kawża preżenti, fid-dawl tal-fatt li X hija ċittadina Belġjana li taħdem għal rasha bħala ortodontista fil-Pajjiżi l-Baxxi u li n-nota ta’ aġġustament inkwistjoni fil-kawża prinċipali nħarġitilha f’Lulju 2006, hemm lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikolu 43 KE.

22

Għalhekk, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, għandhom jinftiehmu bħala li jikkonċernaw il-kwistjoni ta’ jekk, essenzjalment, l-Artikolu 43 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta għal taxxa, meta tintuża għall-ewwel darba fin-netwerk ta’ toroq nazzjonali, vettura bil-mutur irreġistrata li diġà kienet suġġetta għal taxxa minħabba r-reġistrazzjoni tagħha fi Stat Membru ieħor, meta din il-vettura tkun intiża sabiex essenzjalment u effettivament tintuża fit-tul f’dawn iż-żewġ Stati Membri jew tkun, fil-fatt, użata b’dan il-mod.

23

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet mhux rilevanti fil-kawżi prinċipali, it-tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur ma ġietx armonizzata fuq livell tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, l-Istati Membri huma liberi li jeżerċitaw l-awtorità fiskali tagħhom f’dan il-qasam, bil-kundizzjoni li jeżerċitawha fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tas-26 ta’ April 2012, van Putten et, C‑578/10 sa C‑580/10, punt 37 u l-Ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tas-27 ta’ April 2012, Notermans-Boddenberg, C‑114/11, punt 21).

24

F’dak li jirrigwarda t-taxxi ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi, hija ġurisprudenza stabbilita li Stat Membru jista’ jissuġġetta għal taxxa ta’ reġistrazzjoni vettura bil-mutur irreġistrata fi Stat Membru ieħor meta l-imsemmija vettura hija intiża sabiex tintuża essenzjalment fit-territorju tal-ewwel Stat Membru b’mod permanenti jew meta tintuża, fil-fatt, b’dan il-mod (ara s-sentenza van Putten et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46, kif ukoll id-digriet Notermans-Boddenberg, iċċitat iktar ’il fuq, punt 26).

25

F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, it-taxxa VM, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, jekk vetturi mhux irreġistrati fil-Pajjiżi l-Baxxi huma intiżi sabiex jintużaw essenzjalment fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi b’mod permanenti jew jekk huma, fil-fatt, użati b’dan il-mod, id-differenza fit-trattament bejn il-persuna residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi u li tuża tali vettura u l-persuna li tuża, fl-istess kundizzjonijiet, vettura rreġistrata f’dan l-Istat Membru, ma teżistix, peress li din l-aħħar vettura, li hija wkoll intiża sabiex tintuża essenzjalment fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi b’mod permanenti, kienet diġà suġġetta għat-taxxa VM fil-mument tar-reġistrazzjoni tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi (ara s-sentenza van Putten et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50, kif ukoll id-digriet Notermans-Boddenberg, iċċitat iktar ’il fuq, punt 27).

26

Barra minn hekk, ġie deċiż li f’dawn iċ-ċirkustanzi l-impożizzjoni tat-taxxa VM, mal-ewwel użu fin-netwerk tat-toroq tal-Pajjiżi l-Baxxi ta’ vetturi mhux irreġistrati fil-Pajjiżi l-Baxxi hija ġġustifikata, l-istess bħat-taxxa dovuta mar-reġistrazzjoni tal-vettura fil-Pajjiżi l-Baxxi, sakemm din it-taxxa tieħu inkunsiderazzjoni, kif jidher li jirriżulta mil-Liġi tal-1992, tad-deprezzament fil-valur tal-vettura fil-mument ta’ dan l-ewwel użu (ara s-sentenza van Putten et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51, kif ukoll id-digriet Notermans-Boddenberg, iċċitat iktar ’il fuq, punt 28).

27

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-sempliċi fatt li vettura tkun intiża sabiex essenzjalment u effettivament tintuża fit-tul jew tkun, fil-fatt, użata b’dan il-mod, mhux biss fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi, iżda wkoll fit-territorju tal-Istat Membru fejn hija rreġistrata, għandux jagħti lok għal limiti fl-eżerċizzju tal-kompetenzi fiskali ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri.

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ armonizazzjoni fuq livell tal-Unjoni, l-iżvantaġġi li jistgħu jirriżultaw mill-eżerċizzju parallel tal-kompetenzi fiskali tad-diversi Stati Membri, sakemm dan l-eżerċizzju ma jkunx diskriminatorju, ma humiex restrizzjonijiet tal-moviment liberu (ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C-157/10, Ġabra p. I-13023, punt 38).

29

Barra minn hekk, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tagħha, billi għamlet riferiment għas-sentenza Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, iċċitata iktar ’il fuq (punt 39), anki jekk jitqies li l-fatt taxxabbli tat-taxxa VM u tat-taxxa għat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni Belġjana huwa identiku, għandu jitfakkar li l-Istati Membri ma għandhomx l-obbligu li jadattaw is-sistema fiskali tagħhom għas-sistemi differenti ta’ taxxa tal-Istati Membri l-oħra, b’mod partikolari bil-għan li jeliminaw it-taxxi doppji.

30

F’din il-kawża, anki jekk X tuża l-vettura inkwistjoni fil-kawża prinċipali kemm għal finijiet privati kif ukoll sabiex tmur lejn il-post tax-xogħol tagħha, li jinsab fi Stat Membru ieħor, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tiżvantaġġjax lill-persuna kkonċernata meta mqabbla mal-persuni li jaħdmu għal rashom li kienu diġà suġġetti għat-taxxa VM, peress li kull resident fil-Pajjiżi l-Baxxi, indipendentement minn jekk jaħdimx għal rasu jew le, huwa suġġett għal din it-taxxa meta jirreġistra vettura bil-mutur fir-reġistru tal-Pajjiżi l-Baxxi jew sa mill-ewwel użu ta’ tali vettura, irreġistrata fi Stat Membru ieħor, fin-netwerk ta’ toroq tal-Pajjiżi l-Baxxi (ara f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 39 KE, id-digriet Notermans-Boddenberg, iċċitat iktar ’il fuq, punt 30).

31

Isegwi li l-iżvantaġġ fiskali subit minn X, fid-dawl tas-sitwazzjoni li fiha hija kienet teżerċita l-attivitajiet tagħha qabel l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi, li jirriżulta biss mill-eżerċizzju mhux diskriminatorju, miż-żewġ Stati Membri kkonċernati, tal-kompetenzi fiskali tagħhom, ma jiksirx l-Artikolu 43 KE.

32

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 43 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta għal taxxa, meta tintuża għall-ewwel darba fin-netwerk ta’ toroq nazzjonali, vettura bil-mutur irreġistrata li diġà kienet suġġetta għal taxxa minħabba r-reġistrazzjoni tagħha fi Stat Membru ieħor, meta din il-vettura tkun intiża sabiex essenzjalment u effettivament tintuża fit-tul f’dawn iż-żewġ Stati Membri jew tkun, fil-fatt, użata b’dan il-mod, sakemm din it-taxxa ma tkunx diskriminatorja.

Fuq l-ispejjeż

33

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 43 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta għal taxxa, meta tintuża għall-ewwel darba fin-netwerk ta’ toroq nazzjonali, vettura bil-mutur irreġistrata li diġà kienet suġġetta għal taxxa minħabba r-reġistrazzjoni tagħha fi Stat Membru ieħor, meta din il-vettura tkun intiża sabiex essenzjalment u effettivament tintuża fit-tul f’dawn iż-żewġ Stati Membri jew tkun, fil-fatt, użata b’dan il-mod, sakemm din it-taxxa ma tkunx diskriminatorja.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top