Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0301

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-3 ta’ April 2014.
Cascina Tre Pini Ss vs Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa — Direttiva 92/43/KEE — Siti ta’ importanza għall-Komunità — Reviżjoni tal-istatus ta’ tali sit fil-każ ta’ tniġġis jew ta’ deterjorament tal-ambjent — Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix il-possibbiltà għall-persuni kkonċernati li jitolbu tali reviżjoni — Għoti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ setgħa diskrezzjonali li jibdew ex officio proċedura ta’ reviżjoni tal-imsemmi status.
Kawża C‑301/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:214

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

3 ta’ April 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa — Direttiva 92/43/KEE — Siti ta’ importanza għall-Komunità — Reviżjoni tal-istatus ta’ tali sit fil-każ ta’ tniġġis jew ta’ deterjorament tal-ambjent — Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix il-possibbiltà għall-persuni kkonċernati li jitolbu tali reviżjoni — Għoti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ setgħa diskrezzjonali li jibdew ex officio proċedura ta’ reviżjoni tal-imsemmi status”

Fil-Kawża C‑301/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Ġunju 2012, fil-proċedura

Cascina Tre Pini Ss

vs

Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare,

Regione Lombardia,

Presidenza del Consiglio dei Ministri,

Consorzio Parco Lombardo della Valle del Ticino,

Comune di Somma Lombardo,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis (Relatur), J.‑C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Mejju 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Cascina Tre Pini Ss, minn E. Cicigoi, avvocatessa,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. De Stefano, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u D. Hadroušek, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Moro u L. Banciella, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Ġunju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 92/43/KEE, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bl-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 92/43”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Cascina Tre Pini Ss (iktar ’il quddiem “Cascina”), kumpannija rregolata mid-dritt Taljan, u l-Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare (Ministeru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tat-Territorju u tal-Baħar, iktar ’il quddiem, il-“Ministero”), ir-Regione Lombardia (reġjun tal-Lombardi), il-Presidenza del Consiglio dei Ministri (presidenza tal-Kunsill tal-Ministri), il-Consorzio Parco Lombardo della Valle del Ticino (l-assoċjazzjoni tal-park tal-Lombardia tal-wied ta’ Ticino) u l-Comune di Somma Lombardo (muniċipalità ta’ Somma Lombardo), fir-rigward tal-proċedura ta’ reviżjoni tal-istatus ta’ sit ta’ importanza Komunitarja (iktar ’il quddiem “SIK”) ta’ sit li jinkludi art fil-proprjetà ta’ Cascina.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/43, li jiddefinixxi l-għanijiet tal-imsemmija direttiva, jipprovdi:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat [KE].

2.   Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità

3.   Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.”

4

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, li jistabbilixxi l-ħolqien tan-netwerk Natura 2000, jipprovdi:

“1.   Għandu jiġi stabbilit n etwork ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni [iktar ’il quddiem, iż-“ŻSK”] taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

In-network Natura 2000 se jkun fiha ż-żoni ta’ protezzjoni speċjali klassifikati mill-Istati Membri skond id-Direttiva [tal-Kunsill] 79/409/KEE[, tat-2 ta’ April 1979, Dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU L 103, p. 1)].

2.   Kull Stat Membru għandu jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ Natura 2000 skond ir-rappreżentanza fit-territorju tiegħu tat-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan kull Stat Membru għandu jinnomina, skond l-Artikolu 4, xi siti bħala [ŻSK] waqt li jitqiesu l-għanjiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

3.   Meta jaraw li jkun hekk meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jippruvaw itejjbu l-koerenza ekoloġika ta’ Natura 2000 billi jżommu, u fejn jixraq, jiżviluppaw, fatturi tal-paesaġġ li huma ta’ importanza kbira għall-fawna u l-flora selvaġġa, kif imsemmi fl-Artikolu 10.”

5

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/43 jispeċifika l-proċedura għat-tfassil tal-lista tas-SIK kif ġej:

“1.   Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom. [...] Fejn jixraq, l-Istati Membri għandhom jipproponu l-adattament tal-lista in vista tar-riżultati tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11.

Il-lista għandha tkun mgħoddija lill-Kummissjoni, fi żmien tliet snin min-notifika ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ informazzjoni dwar kull sit. [...]

2.   Skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 2) u fl-istruttura kemm ta’ kull wieħed mill-ħames reġjuni bioġeografiċi msemmija fl-Artikolu 1(ċ) (iii) kif ukoll dik tat-territorju kollu msemmi fl-Artikolu 2(1), il-Kummissjoni trid tistabilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, lista preliminari tas-siti li huma ta’ importanza għall-Komunità msawra mil-listi tal-Istati Membri li tidentifika dawk li jospitaw waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità.

[...]

Il-lista tas-siti magħżula bħala siti ta’ importanza għall-Komunità, li tidentifika dawk li jilqgħu fihom waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

3.   Il-lista msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi stabbilita fi żmien sitt snin min-notifika ta’ din id-Direttiva.

4.   Ladarba [SIK] jkun adottat skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala [ŻSK] kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien, u jistabilixxi prioritajiet skont l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti.

5.   Hekk kif sit jitniżżel fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4).”

6

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, li japplika għaż-ŻSK, jipprevedi fil-paragrafi 2 sa 4 tiegħu:

“2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-[ŻSK], id-deterjorament tal-habitat naturali u l-habitat tal-ispeċi kif ukoll t-tfixkil tal-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skont l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.   Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati tal-evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet għas-sit u skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.   Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

[...]”

7

L-Artikolu 9 tal-istess direttiva jipprovdi:

“Il-Kummissjoni, li taġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, għandha tirrevedi minn żmien għall-żmien is-sehem li qed tagħti Natura 2000 biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 u 3. F’dan il-kuntest, [ŻSK] tista’ titiqies għal diklassifikazzjoni fejn dan ikun ġustifikat minn żviluppi naturali osservati bħala riżultat tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11.”

8

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/43 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom iwettqu sorveljanza fuq l-istat ta’ konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u l-ispeċi msemmija fl-Artikolu 2 b’attenzjoni speċjali għat-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità u speċi ta’ priorità.”

Id-dritt Taljan

9

L-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 357 tal-President tar-Repubblika, għall-implementazzjoni tad-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (Decreto del Presidente della Repubblica n. 357 – Regolamento recante attuazione della direttiva 92/43/CEE relativa alla conservazione degli habitat naturali e seminaturali, nonché della flora e della fauna selvatiche), tat-8 ta’ Settembru 1997 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru°248, tat-23 ta’ Ottubru 1997), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem, id-“DPR Nru 357/97”) jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-DPR Nru 357/97 b’dan il-mod:

“1.   Dan id-digriet jirregola l-proċeduri għall-adozzjoni previsti permezz tad-Direttiva [92/43] dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-biodiversità bil-konservazzjoni tal-habitats naturali li jinsabu fl-Anness A kif ukoll tal-ispeċi ta’ flora u fawna selvaġġa msemmija fl-Annessi B, D u E ta’ dan id-digriet.

2.   Il-proċeduri rregolati b’dan id-digriet huma intiżi sabiex jiżguraw iż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-habitats naturali u tal-ispeċi ta’ fawna u flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.

3.   Il-proċeduri rregolati b’dan id-digriet għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ekonomiċi, soċjali u kulturali, kif ukoll il-karatteristiċi reġjonali u lokali.

[...]”

10

L-Artikolu 3 tad-DPR Nru 357/97 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Ir-reġjuni u l-provinċji awtonomi ta’ Trento u ta’ Bolzano għandhom iħejju l-lista tas-siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitats li jinsabu fl-Anness A u l-habitats tal-ispeċi elenkati fl-Anness B; huma għandhom jibagħtu din il-lista lill-Ministeru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tat-Territorju sabiex dan ikun jista’ jibgħat lill-Kummissjoni [...] il-lista tas-[SIK] proposti bil-għan li jinħoloq in-netwerk ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ [ŻSK] ‘Natura 2000’.

2.   B’digriet, il-Ministeru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tat-Territorju għandu jindika, bi ftehim ma’ kull reġjun ikkonċernat, is-siti msemmija fil-paragrafu 1, jiġifieri s-[ŻSK], f’mhux iktar minn sitt snin minn meta tiġi stabbilita l-lista tas-siti mill-Kummissjoni.

[...]

4a.   Sabiex tiġi ggarantita implementazzjoni funzjonali tad-Direttiva [92/43] u l-aġġornament tad-data, f’dak li jirrigwarda wkoll il-modifiki tal-annessi previsti fl-Artikolu 19 tad-Direttiva, ir-reġjuni u l-provinċji awtonomi ta’ Trento u ta’ Bolzano għandhom iwettqu, abbażi tal-miżuri ta’ sorveljanza msemmija fl-Artikolu 7, evalwazzjoni perjodika tan-natura idonea tas-siti sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva, li tippermettilhom jipproponu lill-Ministeru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tat-Territorju aġġornament tal-lista tas-siti, id-delimitazzjoni tagħhom u tal-kontenut tal-iskema ta’ informazzjoni korrispondenti. Il-Ministeru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tat-Territorju għandu jibgħat din il-proposta lill-Kummissjoni [...] għall-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva.”

11

L-Artikolu 7 tad-DPR Nru 357/97, dwar il-proċedura ta’ sorveljanza, jipprovdi:

“1.   B’digriet, il-Ministeru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tat-Territorju, wara li jkun ikkonsulta lill-Ministeru tal-Politika Agrikola u għall-Foresti u l-Istitut nazzjonali għall-fawna selvaġġa, fil-limiti tas-setgħat tagħhom, kif ukoll il-Kumitat permanenti tar-relazzjonijiet bejn l-Istati, ir-reġjuni u l-provinċji awtonomi ta’ Trento u ta’ Bolzano, għandu jistabbilixxi l-linji gwida għas-sorveljanza, il-ġbir ta’ kampjuni u d-derogi rigward l-ispeċi tal-annimali u tal-pjanti protetti taħt dan id-digriet.

2.   Ir-reġjuni u l-provinċji awtonomi ta’ Trento u ta’ Bolzano, abbażi tal-linji gwida msemmija fil-paragrafu preċedenti, għandhom jadottaw il-miżuri intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja u s-sorveljanza, fi stat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi u tal-habitats li huma ta’ interess għall-Komunità, b’mod partikolari dawk li huma meqjusa ta’ prijorità, u għandhom jinformaw lill-ministeri msemmija fil-paragrafu 1.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Cascina hija proprjetarja ta’ art inkluża fis-sit “Brughiera del Dosso”, li jinsab fit-territorju tal-muniċipalità ta’ Somma Lombardo, qrib l-ajruport ta’ Milan-Malpensa, fil-Lombardia. Fl-2002, dan is-sit ġie inkluż fil-perimetru tal-park naturali tal-wied tat-Tessin stabbilit b’liġi tar-reġjun tal-Lombardia.

13

B’deċiżjoni tal-Giunta regionale (korp eżekuttiv reġjonali) tar-Regione Lombardia, tat-8 ta’ Awwissu 2003, l-imsemmi sit ġie inkluż fil-lista tas-siti proposti bħala SIK, b’mod konformi mal-Artikolu 3 tad-DPR Nru 357/97. Dan l-istess sit imbagħad ġie inkluż fil-lista tas-SIK bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2004/798/KE, tas-7 ta’ Diċembru 2004, li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-elenku tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku kontinentali (ĠU L 382, p. 1). Is-sit ta’ Brughiera del Dosso ġie wkoll ikklassifikat bħala SIK b’digriet tal-Ministero, tal-25 ta’ Marzu 2005.

14

Sadattant, l-ajruport ta’ Milan-Malpensa kien is-suġġett ta’ estensjoni prevista mill-pjan ta’ żvilupp taż-żona ta’ Malpensa approvat b’liġi tar-Regione Lombardia tal-1999. Skont Cascina, dan il-pjan jipprovdi li ż-żoni li jinsabu fit-territorju tal-muniċipalità ta’ Somma Lombardo huma intiżi għal żvilupp ta’ natura kummerċjali u industrijali. Cascina tallega li ż-żieda progressiva tat-traffiku tal-ajru ta’ dan l-ajruport wasslet għal dannu ambjentali tas-sit ta’ Brughiera del Dosso.

15

Peress li qieset li l-kwalità ekoloġika tas-sit ta’ Brughiera del Dosso kienet kompromessa, Cascina talbet, tul is-sena 2005, lill-Consorzio Parco Lombardo della Valle del Ticino, fil-kwalità tiegħu ta’ organu inkarigat mill-ġestjoni ta’ dan is-sit, jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jiġi prekluż id-deterjorament ambjentali tal-imsemmi sit.

16

Fl-assenza ta’ risposta, Cascina indirizzat lill-Ministero, tul is-sena 2006, applikazzjoni formali, ibbażata fuq l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/43 u fuq l-Artikolu 3(4a) tad-DPR Nru 357/97, intiża għall-ksib ta’ delimitazzjoni ġdida jew għad-deklassifikazzjoni ta’ dan is-sit mil-lista tas-SIK, għaliex, fil-fehma tagħha, il-kundizzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli kif ukoll, b’mod partikolari, il-kriterji ta’ għażla tas-siti li jistgħu jiġu identifikati bħala SIK imsemmija fl-Anness III ta’ din id-direttiva, ma baqgħux issodisfatti. L-interess ta’ Cascina li tikseb din id-delimitazzjoni ġdida jew din id-deklassifikazzjoni jirriżulta mill-fatt li d-dritt għall-proprjetà relatat mal-art tagħha inkluża fis-sit ta’ Brughiera del Dosso ġie affettwat bil-leġiżlazzjoni restrittiva li tirregola s-SIK li għaliha huwa suġġett kull żvilupp tal-art. Din ir-restrizzjoni tipprekludi kull bidla fl-użu tal-art filwaqt li tali bidliet huma previsti mill-pjan ta’ żvilupp taż-żona ta’ Malpensa.

17

B’deċiżjoni tat-2 ta’ Mejju 2006, il-Ministero ddikjara li ma kienx kompetenti u stieden lil Cascina tindirizza ruħha lir-Regione Lombardia, filwaqt li sostna li, skont l-Artikolu 3 tad-DPR Nru 357/97, huma r-reġjuni li għandhom jidentifikaw is-siti meqjusa u li għandhom jibagħtulu din il-lista. Għaldaqstant Cascina bagħtet mill-ġdid l-applikazzjoni tagħha lir-Regione Lombardia, li ċaħditha b’deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2006 għar-raġuni li din l-applikazzjoni “tista’ biss tittieħed inkunsiderazzjoni jekk il-[Ministero] kellu jitlob lir-reġjuni jibdew il-proċedura prevista fl-Artikolu 3(4a) tad-[DPR Nru 357/97]”.

18

B’dan ir-rifjut min-naħa tal-amministrazzjoni li tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni tagħha, Cascina ressqet kawża fl-ewwel istanza quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lombardia) kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet billi invokat in-nuqqas li tittieħed azzjoni tal-Ministero u tar-Regione Lombardia. F’dan ir-rikors, hija talbet, barra minn hekk, il-ħlas tad-danni.

19

B’sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2009, din il-qorti ċaħdet l-imsemmi rikors kollu kemm hu. F’din is-sentenza, l-imsemmija qorti osservat li l-Artikolu 3(4a) tad-DPR Nru 357/97 kien jagħti lir-reġjuni setgħa ta’ inizjattiva u l-awtorità li jagħmlu proposti sabiex jiġu identifikati s-SIK, b’mod li l-ebda nuqqas li tittieħed azzjoni ma seta’ jiġi attribwit lill-Ministero. Minbarra dan, l-istess qorti interpretat id-deċiżjoni tar-Regione Lombardia mhux bħala rifjut ta’ azzjoni, iżda bħala l-manifestazzjoni tal-intenzjoni li s-sit ta’ Brughiera del Dosso jinżamm fil-lista tas-SIK minkejja t-tniġġis, b’mod li t-talba li jiġi kkonstatat nuqqas li tittieħed azzjoni fir-rigward ta’ dan ir-reġjun lanqas ma setgħet tintlaqa’.

20

Cascina appellat mill-imsemmija sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (Kunsill tal-Istat). Hija tikkontesta, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni li l-istess sentenza tagħti tal-Artikolu 3(4a) tad-DPR Nru 357/97 u ssostni li din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tad-Direttiva 92/43, twassal għall-kunsiderazzjoni li mhux biss ir-reġjuni, iżda wkoll l-Istat ikkonċernat għandhom s-setgħa ta’ inizjattiva għar-reviżjoni tal-lista tas-SIK, li jivvizzja bid-difett ta’ illegalità r-rifjut tal-Ministero li jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni ppreżentata fl-2006.

21

Peress li ġie mitlub jeżamina l-fondatezza ta’ dan l-argument għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima, il-Consiglio di Stato jistaqsi, b’mod partikolari, jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jagħtux lill-Istat ikkonċernat, bl-istes mod bħalma jagħtu lir-reġjuni, setgħa ta’ inizjattiva għar-reviżjoni ta’ din il-lista li l-imsemmi Stat ikun jista’ jeżerċita, jekk ikun il-każ, flok ir-reġjuni. Bl-istess mod, din il-qorti tistaqsi jekk din is-setgħa tistax tiġi eżerċitata mhux biss fuq l-inizjattiva proprja tal-awtorità amministrattiva kompetenti, iżda wkoll fuq it-talba tal-individwu, proprjetarju ta’ art inkluża f’sit imniżżel fl-imsemmija lista, u jekk l-Istati Membri għandhomx jaġixxu fis-sens ta’ reviżjoni, jew saħansitra ta’ deklassifikazzjoni ta’ dan is-sit, jekk josservaw bidla mis-sitwazzjoni oriġinali tal-imsemmi sit. L-imsemmija qorti għandha għaldaqstant dubji rigward l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmija direttiva f’dan ir-rigward.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 9 u [11] tad-Direttiva[ 92/43] jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 3(4a), tad-DPR Nru 357/97) li tattribwixxi lir-Reġjuni u lill-Provinċji awtonomi s-setgħa li ex officio jipproponu r-reviżjoni tas-SIC, mingħajr ma jipprovdu l-obbligu ta’ dawn l-amministrazzjonijiet li jeżerċitaw din is-setgħa meta dawn jiġu aditi b’talba mmotivata mressqa f’dan is-sens minn individwi, proprjetarji ta’ siti inklużi fis-SIC, għall-inqas meta dawn l-individwi jallegaw li l-ambjent tas-sit iddeterjora?

2)

L-Artikoli 9 u [11] tad-Direttiva[ 92/43] jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 3(4a), tad-DPR Nru 357/97) li tattribwixxi lir-Reġjuni u lill-Provinċji awtonomi s-setgħa li ex officio jipproponu r-reviżjoni tas-SIC, wara evalwazzjoni perjodika, mingħajr ma jipprovdu termini regolari ta’ skadenza għal din l-evalwazzjoni (pereżempju biennali jew triennali) u lanqas l-ebda forma ta’ reklamar li jikkonċerna l-ftuħ ta’ din l-evalwazzjoni perjodika sabiex tippermetti lill-partijiet interessati li jressqu l-proposti jew l-osservazzjonijiet tagħhom?

3)

L-Artikoli 9 u [11] tad-Direttiva[ 92/43] jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 3(4a), tad-DPR Nru 357/97) li tattribwixxi lir-Reġjuni u Provinċji awtonomi s-setgħa li ex officio jipproponu r-reviżjoni tas-SIC, mingħajr ma tagħti din l-istess setgħa lill-Istat, minn tal-inqas b’mod sussidjarju, fil-każ ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni mir-Reġjuni jew mill-Provinċji awtonomi?

4)

L-Artikoli 9 u [11] tad-Direttiva[ 92/43] jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 3(4a), tad-DPR Nru 357/97) li tattribwixxi lir-Reġjuni u lill-Provinċji awtonomi s-setgħa totalment diskrezzjonali li ex officio jipproponu r-reviżjoni tas-SIC, mingħajr ma timponilhom li jużaw din is-setgħa, anki fil-każ fejn iseħħu fenomeni ta’ tniġġiż jew ta’ deterjorazzjoni – li jkunu ġew formalment ikkonstatati?

5)

[...]Il-proċedura prevista fl-Artikolu 9 tad-Direttiva[ 92/43], irregolata mil-leġiżlatur nazzjonali permezz tal-Artikolu 3(4a) tad-DPR Nru 357/97, għandha tinftiehem bħala proċedura li għandha neċessarjament tiġi konkluża b’att amministrattiv jew bħala proċedura fejn ir-riżultat huwa purament fakoltattiv [peress li p]roċedura ‘li għandha neċessarjament tiġi konkluża b’att amministrattiv’, tfisser proċedura li abbażi tagħha, ‘meta l-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, il-Ministeru tal-Ambjent u tal-protezzjoni tat-territorju għandu jittrażmetti lill-Kummissjoni [...] l-proposti tar-Reġjun’, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk din il-proċedura tistax tinfetaħ biss ex officio jew jekk tistax tinfetaħ ukoll fuq talba ta’ individwu?

6)

[...] Id-dritt [tal-Unjoni] u, b’mod partikolari, id-Direttiva[ 92/43] jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-ftuħ tal-proċedura ta’ diklassifikazzjoni, minflok l-adozzjoni ta’ miżuri ġodda ta’ kontroll u ta’ preżervazzjoni, meta individwu jissenjala l-istat ta’ degradazzjoni ta’ sit?

7)

Id-dritt [tal-Unjoni] u, b’mod partikolari, id-Direttiva[ 92/43] jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-ftuħ tal-proċedura ta’ diklassifikazzjoni ta’ sit li jappartjeni għan-netwerk Natura 2000 sabiex jiġu protetti interessi esklużivament privati ta’ natura ekonomika

8)

Id-dritt [tal-Unjoni] u, b’mod partikolari, id-Direttiva[ 92/43] jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-preżenza ta’ proġetti infrastrutturali ta’ interess pubbliku, soċjali u ekonomiku, rikonoxxuti wkoll mill-Unjoni Ewropea, li jistgħu jikkawżaw dannu lill-habitat naturali rikonoxxut fis-sens tad-direttiva, tipprovdi għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ diklassifikazzjoni tas-sit, minflok l-adozzjoni tal-miżuri kumpensatorji sabiex tiġi ggarantita l-koerenza globali tan-netwerk Natura 2000?

9)

Id-dritt [tal-Unjoni] u, b’mod partikolari, id-Direttiva[ 92/43] jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-qasam tal-habitats naturali, tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi ekonomiċi ta’ individwu proprjetarju ta’ sit billi tippermettilu li quddiem il-qrati nazzjonali jikseb deċiżjoni li timponi delimitazzjoni ġdida tal-imsemmi sit?

10)

Id-dritt [tal-Unjoni] u, b’mod partikolari, id-Direttiva[ 92/43], jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi d-diklassifikazzjoni ta’ sit fil-każ ta’ deterjorament ta’ oriġini antropika u mhux naturali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel, ir-raba’ u l-ħames domandi

23

Bl-ewwel, ir-raba’ u l-ħames domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 4(1), 9 u 11 tad-Direttiva 92/43 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma fl-obbligu li jipproponu lill-Kummissjoni d-deklassifikazzjoni ta’ sit inkluż fil-lista tas-SIK meta dawn l-awtoritajiet jiġu aditi b’applikazzjoni tal-proprjetarju ta’ art inkluża f’dan is-sit li tallega d-deterjorament ambjentali ta’ dan tal-aħħar.

24

Qabel ma jiġi eżaminat jekk din id-direttiva tipprevedix id-deklassifikazzjoni ta’ sit inkuż fil-lista tas-SIK, għandha titfakkar il-proċedura prevista mill-imsemmija direttiva għall-finijiet tal-inklużjoni ta’ sit f’din il-lista. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 4(1) u (2) tal-istess direttiva, din l-inklużjoni tirriżulta minn deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq proposta tal-Istat Membru kkonċernat. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/43 jispeċifika li l-Istati Membri għandhom jissuġġerixxu, fejn xieraq, l-adattament tal-imsemmija lista fid-dawl tar-riżultati tas-sorveljanza tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi u tal-habitats naturali kkonċernati li dawn l-Istati jwettqu b’mod konformi mal-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 4(4) tal-imsemmija direttiva jobbliga, min-naħa tiegħu, lill-Istati Membri sabiex jindikaw is-siti kollha inklużi fil-lista tas-SIK bħala ŻSK.

25

Minkejja li huwa minnu li l-ebda dispożizzjoni tal-istess direttiva ma tipprevedi b’mod speċifiku d-deklassifikazzjoni ta’ sit inkluż fil-lista tas-SIK, għandu madankollu jiġi osservat li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/43 jippermetti lill-Kummissjoni li tikkunsidra d-deklassifikazzjoni ta’ ŻSK meta dan ikun iġġustifikat minħabba l-iżvilupp naturali osservat fis-sorveljanza li l-Istati Membri jwettqu skont l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva. Tali deklassifikazzjoni timplika neċessarjament id-deklassifikazzjoni ta’ SIK, għaliex, skont l-Artikolu 4(4) tal-imsemmija direttiva, is-SIK kollha għandhom ikunu indikati bħala ŻSK mill-Istati Membri.

26

Minn dan jirriżulta li l-adattament tal-lista tas-SIK li l-Istati Membri jissuġġerixxu lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva jista’ jinkludi d-deklassifikazzjoni ta’ sit inkluż fil-lista tas-SIK, li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet partikolari, għandu jsir skont l-istess proċedura bħal dik tal-inklużjoni tas-sit fl-imsemmija lista.

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, minkejja li mir-regoli dwar il-proċedura ta’ identifikazzjoni tas-siti li jistgħu jiġu indikati bħala ŻSK, previsti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/43, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom ċerta marġni ta’ diskrezzjoni meta jagħmlu l-proposti tagħhom tas-siti, jibqa’ l-fatt li huma għandhom jagħmlu dan b’mod konformi mal-kriterji stabbiliti b’din id-direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑67/99, EU:C:2001:432, punt 33). Għaldaqstant, meta r-riżultati tas-sorveljanza mwettqa minn dawn l-Istati skont l-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva jwasslu għall-konklużjoni li dawn il-kriterji ma jistgħux, b’mod irrimedjabbli, jibqgħu jiġu osservati, l-imsemmija Stati għandhom, skont l-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva neċessarjament jifformulaw proposta ta’ adattament tal-lista tas-SIK li tkun intiża sabiex tirrendi lill-imsemmija lista, mill-ġdid, konformi mal-imsemmija kriterji.

28

Għaldaqstant, meta sit inkluż fil-lista tas-SIK ma jkunx jista’, definittivament, jibqa’ jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 92/43 u meta, għalhekk, ma jibqax ġustifikat li dan is-sit jibqa’ suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipproponi lill-Kummissjoni d-deklassifikazzjoni tal-imsemmi sit. Fil-fatt, jekk dan l-Istat jonqos milli jipproponi din id-deklassifikazzjoni, għandu mnejn jkompli juża għalxejn riżorsi għall-ġestjoni tal-istess sit li jirriżultaw inutli għall-konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-ispeċi. Minbarra dan, iż-żamma fin-netwerk Natura 2000 ta’ siti li, definittivament, ma jibqgħux jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija ma hijiex konformi mar-rekwiżiti ta’ kwalità ta’ dan in-netwerk.

29

L-obbligu tal-Istati Membri li jipproponu lill-Kummissjoni d-deklassifikazzjoni ta’ sit inkluż fil-lista tas-SIK, li jkun sar, b’mod irrimedjabbli, mhux xieraq sabiex jiġu ssodisfatti l-għanijiet tad-Direttiva 92/43, huwa iktar u iktar neċessarju meta dan is-sit jinkludi art li hija fil-proprjetà ta’ persuna li l-eżerċizzju tagħha tad-dritt għall-proprjetà jkun ristrett minħabba din l-inklużjoni, meta ma jibqax iġġustifikat li l-imsemmi sit ikompli jkun suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, kif tosserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tagħha, sakemm is-sit inkwistjoni jissodisfa bil-kwalitajiet tiegħu r-rekwiżiti li ppermettew il-klassifikazzjoni tiegħu, ir-restrizzjonijiet tad-dritt għall-proprjetà huma, fil-prinċipju, ġustifikati bl-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent stabbilit mill-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Križan et, C‑416/10, EU:C:2013:8, punti 113 sa 115). Madankollu, jekk dawn il-kwalitajiet jgħibu definittivament, iż-żamma tar-restrizzjonijiet tal-użu ta’ dan is-sit tkun tista’ twassal għal ksur ta’ dan l-istess dritt għall-proprjetà.

30

Madankollu għandu jiġi ppreċiżat li s-sempliċi allegazzjoni ta’ deterjorament ambjentali ta’ SIK, magħmula mill-proprjetarju ta’ art inkluża f’dan is-sit, ma tistax tkun biżżejjed, minnha nfisha, sabiex jinbeda tali adattament tal-lista tas-SIK. Huwa essenzjali li tali deterjorament jirrendi l-imsemmi sit mhux xieraq, b’mod irrimedjabbli, sabiex jiżgura l-konservazzjoni tal-habitats natruali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa jew l-istabbiliment tan-netwerk Natura 2000, b’tali mod li dan l-istess sit ma jkunx jista’, definittivament, jibqa’ jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-imsemmija direttiva msemmija fl-Artikoli 2 u 3 tagħha. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(1) u (2) tal-istess direttiva, huwa sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet ta’ konservazzjoni u ta’ stabbiliment ta’ dan in-netwerk li tali sit ġie inkluż f’din il-lista.

31

Għaldaqstant, mhux kull deterjorament ta’ sit inkluż fil-lista tas-SIK jiġġustifika d-deklassifikazzjoni tiegħu.

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43, li għalih jirreferi l-Artikolu 4(5) tal-istess direttiva, jobbliga lill-Istati Membri jipproteġu s-SIK billi jadottaw il-miżuri xierqa sabiex jiġi evitat id-deterjorament tal-habitats naturali u tal-ispeċi li jgħixu fihom. In-nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq dan l-obbligu ta’ protezzjoni għal sit speċifiku ma jiġġustifikax neċessarjament id-deklassifikazzjoni ta’ dan is-sit (ara, b’mod analogu, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑418/04, EU:C:2007:780, punti 83 sa 86). Bil-kontra dan l-Istat Membru għandu jadotta l-miżuri meħtieġa għas-salwagwardja tal-imsemmi sit.

33

Minbarra dan, għandu jiġi osservat ukoll li sit jista’ jiġi affettwat legalment b’mod sinjifikattiv minn pjan jew proġett li jkun inkompatibbli mal-għanijiet ta’ protezzjoni tad-Direttiva 92/43 biss jekk jiġu rrispettati r-regoli msemmija fl-Artikolu 6(3) u (4) ta’ din id-direttiva, li għalih jirreferi l-Artikolu 4(5) tal-imsemmija direttiva, li jeżiġu evalwazzjoni xierqa tal-effetti fuq l-ambjent u, jekk ikun il-każ, l-adozzjoni tal-miżuri kollha kumpensatorji li huma meħtieġa għall-protezzjoni tiegħu.

34

Minbarra dan, għall-pjanijiet jew għall-proġetti li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva 92/43 fil-mument tal-adozzjoni tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja qiest li ma jistax jiġi eskluż li Stat Membru jkun jista’ jinvoka, b’mod analogu mal-proċedura ta’ deroga previst fl-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva, fi proċedura ta’ dritt nazzjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ pjan jew ta’ proġett li għandu mnejn jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-interessi ta’ konservazzjoni ta’ sit, raġuni ta’ interess pubbliku u jkun jista’, jekk ir-rekwiżiti stabbiliti minn din id-dispożizzjoni jkunu essenzjalment issodisfatti, jawtorizza attività li, sussegwentement, ma tibqax ipprojbita skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Madankollu, sabiex jiġi vverfikat jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43 humiex issodisfatti, l-effetti ta’ dan il-pjan jew proġett għandhom, minn qabel, jiġu eżaminati b’mod konformi mal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva (ara s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-404/09, Ġabra p. I-11853, punti 156 u 157).

35

Għaldaqstant l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma fl-obbligu li jipproponu d-deklassifikazzjoni ta’ sit biss jekk, minkejja li jiġu osservati dawn id-dispożizzjonijiet, dan tal-aħħar isir mhux xieraq, b’mod irrimedjabbli, sabiex jissodisfa l-għanijiet tad-Direttiva 92/43, b’tali mod li l-klassifikazzjoni tiegħu bħala SIK ma tibqax tidher ġustifikata.

36

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel, ir-raba’ u l-ħames domandi għandha tkun li l-l-Artikoli 4(1), 9 u 11 tad-Direttiva 92/43 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma fl-obbligu li jipproponu lill-Kummissjoni d-deklassifikazzjoni ta’ sit inkluż fil-lista tas-SIK meta dawn l-awtoritajiet jiġu aditi b’applikazzjoni tal-proprjetarju ta’ art inkluża f’dan is-sit li tallega d-deterjorament ambjentali ta’ dan tal-aħħar, sakemm din l-applikazzjoni tkun ibbażata fuq il-fatt li, minkejja li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) sa (4) ta’ din id-direttiva, l-imsemmi sit ma jkunx jista’ definittivament jibqa’ jikkontribwixxi għall-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa jew għall-istabbiliment tan-netwerk Natura 2000.

Fuq it-tieni domanda

37

Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel, ir-raba’ u l-ħames domandi, ma għadx hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda, peress li risposta għal din tal-aħħar ma għadhiex strettament meħtieġa għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

Fuq it-tielet domanda

38

Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 4(1), 9 u 11 tad-Direttiva 92/43 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti biss lill-kollettivitajiet territorjali l-kompetenza li jipproponu l-adattament tal-lista tas-SIK u mhux, mill-inqas b’mod sussidjarju fil-każ tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ dawn il-kollettivitajiet, lill-Istat.

39

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li din id-direttiva tissuġġetta lill-Istati Membri għal obbligi mingħajr ma tirreferi għal kwalunkwe tqassim tal-kompetenzi fid-dritt nazzjonali għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi. B’dan il-mod, l-imsemmija direttiva ma tispeċifikax il-modalitajiet ta’ għoti fid-dritt nazzjonali tal-kompetenza sabiex jiġi propost l-adattament tal-lista tas-SIK.

40

Fl-assenza ta’ tali speċifikazzjoni, għandha tiġi osservata r-regola prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, li tipprovdi li d-direttiva, filwaqt li torbot lil kull Stat Membru destinatarju fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq, tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali l-kompetenza rigward il-forma u l-metodi. Il-ħatra tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-obbligi tad-Direttiva 92/43 taqa’ taħt din il-kompetenza.

41

F’dan ir-rigward, id-dritt tal-Unjoni jitlob biss li t-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-Direttiva 92/43, inkluż f’dawk li jikkonċerna din il-ħatra, għandha tiżgura effettivament l-applikazzjoni sħiħa ta’ din id-direttiva b’mod ċar u preċiż biżżejjed (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑507/04, EU:C:2007:427, punt 89).

42

Fil-fatt, minkejja li huwa minnu li kull Stat Membru huwa liberu li jqassam kif jidhirlu xieraq il-kompetenzi fuq il-livell nazzjonali u li jimplementa direttiva permezz ta’ miżuri adottati mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, din il-possibbiltà ma teħilsux mill-obbligu li jiżgura eżekuzzjoni kompleta tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva.

43

Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jitlobx li l-kompetenza mogħtija lil kollettivitajiet territorjali għall-eżekuzzjoni tal-obbligi tal-imsemmija direttiva tiġi kkompletata permezz ta’ kompetenza sussidjarja tal-Istat. Minbarra dan, l-obbligi imposti fuq Stat Membru skont l-istess direttiva u, b’mod partikolari, dak li jiġi propost l-adattament tal-lista tas-SIK, ma jimplikawx, f’termini ta’ tqassim nazzjonali tal-kompetenzi, li l-Istat għandu, fejn xieraq, jaġixxi minflok il-kollettivitajiet territorjali jekk jonqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom. Madankollu, id-dritt tal-Unjoni jitlob li l-miżuri kollha adottati skont il-modalitajiet tal-ordinament ġuridiku nazzjonali għandhom ikunu effettivi biżżejjed għal applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/43 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑8/88, EU:C:1990:241, punt 13).

44

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 4(1), 9 u 11 tad-Direttiva 92/43 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti biss lill-kollettivitajiet territorjali l-kompetenza li jipproponu l-adattament tal-lista tas-SIK u mhux, mill-inqas b’mod sussidjarju fil-każ tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ dawn il-kollettivitajiet, lill-Istat, sakemm dan l-għoti tal-kompetenzi jiggarantixxi l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

Fuq is-sitt sal-għaxar domanda

45

Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 KE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sakemm id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Il-preżunzjoni ta’ rilevanza marbuta mad-domandi magħmula b’mod preliminari tista’ tiġi eskluża biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt jew ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha.

47

Issa, f’dan il-każ, kif rikonoxxut mill-qorti tar-rinviju nfisha fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, huwa stabbilit li s-sitt sal-għaxar domanda, imqajma quddiema mir-Regione Lombardia, huma ta’ natura ipotetika. Fil-fatt, skont l-elementi pprovduti minn din il-qorti, dawn id-domandi jirreferu għal leġiżlazzjoni nazzjonali li ma teżistix attwalment fl-ordinament ġuridiku Taljan.

48

Għaldaqstant, is-sitt sal-għaxar domanda għandhom jiġu ddikjarata inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 4(1), 9 u 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata bl-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma fl-obbligu li jipproponu lill-Kummissjoni Ewropea d-deklassifikazzjoni ta’ sit inkluż fil-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja meta dawn l-awtoritajiet jiġu aditi b’applikazzjoni tal-proprjetarju ta’ art inkluża f’dan is-sit li tallega d-deterjorament ambjentali ta’ dan tal-aħħar, sakemm din l-applikazzjoni tkun ibbażata fuq il-fatt li, minkejja li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) sa (4) ta’ din id-direttiva, kif emendata, l-imsemmi sit ma jkunx jista’ definittivament jibqa’ jikkontribwixxi għall-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa jew għall-istabbiliment tan-netwerk Natura 2000.

 

2)

L-Artikoli 4(1), 9 u 11 tad-Direttiva 92/43, kif emendata bl-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti biss lill-kollettivitajiet territorjali l-kompetenza li jipproponu l-adattament tal-lista tas-SIK u mhux, mill-inqas b’mod sussidjarju fil-każ tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ dawn il-kollettivitajiet, lill-Istat, sakemm dan l-għoti tal-kompetenzi jiggarantixxi l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top