Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0291

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tas-17 ta' Ottubru 2013.
Michael Schwarz vs Stadt Bochum.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgericht Gelsenkirchen - il-Ġermanja.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja - Passaport bijometriku - Marki tas-swaba’ diġitali - Regolament (KE) Nru 2252/2004 - Artikolu 1(2) - Validità - Bażi legali - Proċedura ta’ adozzjoni - Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Dritt għar-rispett tal-ħajja privata - Dritt għall-protezzjoni tad-data personali - Proporzjonalità.
Kawża C-291/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:670

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

17 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Passaport bijometriku — Marki tas-swaba’ diġitali — Regolament (KE) Nru 2252/2004 — Artikolu 1(2) — Validità — Bażi legali — Proċedura ta’ adozzjoni — Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Dritt għar-rispett tal-ħajja privata — Dritt għall-protezzjoni tad-data personali — Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑291/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Gelsenkirchen (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Mejju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Ġunju 2012, fil-proċedura

Michael Schwarz

vs

Stadt Bochum,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Safjan, J. Malenovský (Relatur), U. Lõhmus u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Marzu 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Schwarz, minnu stess u minn W. Nešković, avukat,

għall-iStadt Bochum, minn S. Sondermann, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u A. Wiedmann, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Parlament Ewropew, minn U. Rösslein u P. Schonard, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn I. Gurov u Z. Kupčová, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Martenczuk u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-validità tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004, tat-13 ta’ Diċembru 2004, dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri (ĠU L 153M, 07.06.2006, p. 375), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 444/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009 (ĠU L 142, p. 1, u rettifika fil-ĠU L 188, p. 127, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2252/2004”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Schwarz u l-iStadt Bochum (il-belt ta’ Bochum) dwar ir-rifjut minn din tal-aħħar li toħroġlu passaport mingħajr ma jittiħdulu, fl-istess ħin, il-marki tas-swaba’ diġitali tiegħu sabiex jinħażnu f’dan il-passaport.

Il-kuntest ġuridiku

3

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355) tipprovdi, fl-Artikolu 2 tagħha:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

a)

‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

b)

‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

[...]”

4

L-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46 jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

[...]

e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur jew f’parti terza li lilha jkun żvelat id-data”.

5

Il-premessi 2, 3 u 8 tar-Regolament Nru 2252/2004 jipprovdu:

“(2)

Standards minimi ta’ sigurtà għall-passaporti kienu introdotti b’Riżoluzzjoni tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri, mlaqqgħin fil-Kunsill, fis- 17 ta’ Ottubru 2000 [li tikkompleta r-riżoluzzjonijiet tat-23 ta’ Ġunju 1981, tat-30 ta’ Ġunju 1982, tal-14 ta’ Lulju 1986 u tal-10 ta’ Lulju 1995 fir-rigward tal-proċess sabiex tittejjeb is-sigurtà tal-passaporti u ta’ dokumenti oħra tal-ivvjaġġar (ĠU C 310, p. 1)]. Issa huwa xieraq li din ir-Riżoluzzjoni tiġi aġġornata b’miżura Komunitarja sabiex jinkisbu standards ta’ sigurtà armonizzati u msaħħa għal passaporti u dokumenti ta’ l-ivvjaġġar biex ikun hemm protezzjoni kontra l-falsifikazzjoni. Fl-istess ħin identifikaturi bijometriċi għandhom jiġu integrati fil-passaport jew id-dokument ta’ l-ivvjaġġar sabiex tiġi stabbilita rabta affidabbli bejn id-detentur ġenwin u d-dokument.

(3)

L-armonizzazzjoni ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà u l-integrazzjoni ta’ identifikaturi bijometriċi huma pass importanti lejn l-użu ta’ elementi ġodda fil-perspettiva ta’ żviluppi fil-ġejjieni fuq livell Ewropew, li jagħmlu d-dokument ta’ l-ivvjaġġar iktar sigur u jistabbilixxu rabta iktar affidabbli bejn id-detentur u l-passaport u d-dokument ta’ l-ivvjaġġar bħala kontribut importanti biex jiġi żgurat li hu protett kontra l-użu bi frodi. Għandu jittieħed kont ta’ l-ispeċifikazzjonijiet ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Avjazzjoni Ċivili (ICAO), u b’mod partikolari dawk stabbiliti fid‑Dokument 9303 dwar dokumenti ta’ l-ivvjaġġar li jistgħu jinqraw minn magna.

[...]

(8)

Fir-rigward tad-data personali li trid tiġi proċessata fil-kuntest ta’ passaporti u dokumenti ta’ l-ivvjaġġar, id-Direttiva [95/46] tapplika. Għandu jiġi żgurat li l-ebda informazzjoni ulterjuri ma għandha tiġi maħżuna fil-passaport sakemm mhux prevista f’dan ir-Regolament, l-anness tiegħu jew sakemm ma tkunx imsemmija fid-dokument ta’ l-ivvjaġġar rilevanti.”

6

Skont il-premessa 5 tar-Regolament Nru 444/2009:

“Ir-Regolament [Nru 2252/2004] jirrikjedi li d-data bijometrika tinġabar u tinħażen fil-mezz ta’ ħażna tal-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar bil-ħsieb li jinħarġu dawn id-dokumenti. Dan huwa bla ħsara għal kwalunkwe użu jew ħżin ieħor ta’ din id-data skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri. Ir-Regolament [Nru 2252/2004] ma jipprovdix bażi legali biex ikunu stabbiliti jew miżmuma bażijiet tad-data għall-ħżin ta’ dawk id-data fl-Istati Membri, ħaġa li hi strettament kwistjoni tal-liġi nazzjonali.”

7

Skont l-Artikolu 1(1) sa (2a) tar-Regolament Nru 2252/2004:

“1.   Il-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri għandhom ikunu konformi mal-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti fl-Anness.

[...]

2.   Il-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar għandhom jinkludu mezz sikur ħafna ta’ ħażna li għandu jkun fih immaġni tal-wiċċ. L-Istati Membri għandhom jinkludu wkoll żewġ marki tas-swaba’ meħuda ċatti f’format interoperabbli. Id-data għandha tkun żgurata u l-mezz ta’ ħażna għandu jkun ta’ daqs u kapaċità suffiċjenti biex jiggarantixxi l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità tad-data.

2a.   Dawn il-persuni li ġejjin għandhom jkunu eżentati mir-rekwiżit tal-marki tas-swaba’:

a)

Tfal taħt l-età ta’ 12-il sena. [...]

[...]

b)

persuni li għalihom huwa fiżikament impossibbli li jitteħdulhom il-marki tas-swaba’.”

8

L-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali [...] għandhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(2):

a)

karatteristiċi u rekwiżiti addizzjonali ta’ sigurtà, inklużi standards imsaħħa ta’ protezzjoni kontra l-falsifikazzjoni, u l-kontrafazzjoni”.

9

L-Artikolu 3(1) tar-regolament imsemmi jipprovdi:

“Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(2) jista’ jiġi deċiż li l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 għandhom ikunu sigrieti u ma għandhomx jiġu ppubblikati. F’dak il-każ, għandhom jitpoġġew għad-disposizzjoni biss tal-korpi magħżula mill-Istati Membri bħala responsabbli għall-istampar u tal-persuni awtorizzati kif dovut minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni [Ewropea].”

10

Skont l-Artikolu 4(3) tal-istess regolament:

“Id-data bijometrika għandha tinġabar u tinħażen fil-mezz ta’ ħażna tal-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar bil-ħsieb li jinħarġu dawn id-dokumenti. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament il-karatteristiċi bijometriċi fil-passaporti u fid-dokumenti tal-ivvjaġġar għandhom jintużaw biss biex ikunu vverifikati:

a)

l-awtentiċità tal-passaport jew tad-dokument tal-ivvjaġġar;

b)

l-identità tad-detentur permezz ta’ karatteristiċi komparabbli direttament disponibbli meta l-passaport jew dokument tal-ivvjaġġar ikun meħtieġ li jintwera bil-liġi.

L-iċċekkjar tal-karatteristiċi ta’ sigurtà addizzjonali għandu jsir bla ħsara għall-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) [(ĠU L 105, p. 1)]. In-nuqqas ta’ taqbil fih innifsu m’għandux jeffettwa l-validità tal-passaport jew tad-dokument tal-ivvjaġġar għall-iskop tal-qsim tal-fruntieri esterni.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

M. Schwarz applika sabiex jinħariġlu passaport mill-iStadt Bochum, filwaqt li fl-istess ħin irrifjuta li jittiħdulu l-marki tas-swaba’ diġitali tiegħu. Peress li l-iStadt Bochum irrifjutat l-applikazzjoni tiegħu, M. Schwarz ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex din il-belt tiġi ordnata toħroġlu passaport mingħajr ma jittiħdulu l-marki tas-swaba’ diġitali tiegħu.

12

M. Schwarz ikkontesta, quddiem dik il-qorti, il-validità tar-Regolament Nru 2252/2004, li introduċa l-obbligu li jittieħdu l-marki tas-swaba’ diġitali tal-persuni li japplikaw għal passaport. Huwa jsostni li dan ir-regolament ma huwiex ibbażat fuq bażi legali adegwata u li huwa vvizzjat b’nuqqas proċedurali. Barra minn hekk, l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament ma jirrispettax id-dritt għall‑protezzjoni tad-data personali rikonoxxut, minn naħa, f’kuntest iktar ġenerali, mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), dwar id-dritt għall-ħajja privata, u, min-naħa l-oħra, b’mod espliċitu, mill-Artikolu 8 tagħha.

13

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Gelsenkirchen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 1(2) tar-Regolament [Nru 2252/2004] huwa validu?”

Fuq id-domanda preliminari

14

Permezz tad-domanda tagħha, moqrija fid-dawl tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti nazzjonali qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 huwiex invalidu, fl-ewwel lok, minħabba li dan ir-regolament huwa bbażat fuq bażi legali inadegwata, fit-tieni lok, minħabba li l-proċedura ta’ adozzjoni ta’ dan ir-regolament hija vvizzjata b’nuqqas u, fit-tielet lok, minħabba li l-Artikolu 1(2) tal-istess regolament ma jirrispettax ċerti drittijiet fundamentali tad-detenturi ta’ passaporti maħruġa inkonformità miegħu.

Fuq il-bażi legali tar-Regolament Nru 2252/2004

15

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ir-Regolament Nru 2252/2004 setax jiġi adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 62(2)(a) KE sa fejn din id-dispożizzjoni ma ssemmix b’mod espliċitu kompetenza sabiex jiġu rregolati kwistjonijiet dwar il-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“passaporti”).

16

F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 62(2)(a) KE, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mill-1 ta’ Mejju 1999 sat-30 ta’ Novembru 2009 u li fuq il-bażi tiegħu kien adottat ir-Regolament Nru 2252/2004, kien jagħmel parti mit-Titolu IV tat-Trattat KE, intitolat “Il-Visa, l-asil, l-immigrazzjoni u politiki oħra relatati mal-moviment liberu ta’ persuni”. Din id-dispożizzjoni kienet tipprovdi li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 67 KE, kellu jadotta, f’terminu ta’ ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, “miżuri dwar il-qsim ta’ fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri li għandhom jistabilixxu [...] standards u proċeduri li għandhom ikunu segwiti minn Stati Membri fit-twettieq ta’ kontrolli fuq persuni f’dawn il-fruntieri”.

17

Kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 62(2)(a) KE u kemm mill-għan segwit minnu jirriżulta li din id-dispożizzjoni kienet tawtorizza lill-Kunsill jirregola l-iżvolġiment tal-kontrolli mwettqa mal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea li jkunu maħsuba sabiex tiġi vverifikata l-identità tal-persuni li jkunu qegħdin jaqsmu dawn il-fruntieri. Peress li tali verifika timplika neċessarjament il‑preżentazzjoni ta’ dokumenti li permezz tagħhom tkun tista’ tiġi stabbilita din l-identità, l-Artikolu 62(2)(a) KE kien għaldaqstant jawtorizza lill-Kunsill jadotta dispożizzjonijiet normattivi dwar tali dokumenti u, b’mod partikolari, dwar il-passaporti.

18

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk dan l-artikolu kienx jawtorizza lill-Kunsill jadotta miżuri li jistabbilixxu l-istandards u l-modalitajiet marbuta mal-ħruġ tal-passaporti liċ-ċittadini tal-Unjoni, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li dan l-istess artikolu kien jirreferi għall-kontrolli tal-“persuni”, mingħajr iktar preċiżjoni. B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni ma kinitx tkopri biss iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi iżda anki ċ-ċittadini tal-Unjoni u, għaldaqstant, il-passaporti tagħhom ukoll.

19

Min-naħa l-oħra, kif tikkonferma wkoll id-dikjarazzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-elementi bijometriċi integrati fil-passaporti taċ-ċittadini tal-UE [COM(2004) 116 final], ippreżentata mill-Kummissjoni, l-armonizzazzjoni tal-istandards ta’ sigurtà ta’ dawn il-passaporti tista’ tkun meħtieġa sabiex jiġi evitat li dawn tal-aħħar ikollhom karatteristiċi ta’ sigurtà inqas perfezzjonati minn dawk previsti għall-mudell ta’ viża u għall-mudell uniformi tal-permess ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jitqies li għandu l-kompetenza jipprevedi elementi ta’ sigurtà ekwivalenti għall-passaporti taċ-ċittadini tal-Unjoni sa fejn tali kompetenza tippermetti li jiġi evitat li dawn il-passaporti jispiċċaw is-suġġett ta’ falsifikazzjonijiet u ta’ użu frawdolenti.

20

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 62(2)(a) KE kien jikkostitwixxi bażi legali adegwata għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 2252/2004 u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 1(2) tiegħu.

Fuq il-proċedura ta’ adozzjoni tar-Regolament Nru 2252/2004

21

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 huwiex validu fir-rigward tar-rekwiżiti proċedurali previsti fl-Artikolu 67(1) KE. F’dan id-dawl, hija tirreferi għall-argumenti tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li jikkunsidra li, għall-kuntrarju ta’ dak li kienet tipprevedi din id-dispożizzjoni, il-Parlament Ewropew ma kienx ġie debitament ikkonsultat fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva. Skont ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-proposta tal-Kummissjoni li kienet ippreżentata lill-Parlament għall-finijiet ta’ konsultazzjoni kienet tipprevedi li l-ħażna ta’ immaġni tal-marki tas-swaba’ diġitali fuq il-passaporti kienet biss possibbiltà għall-Istati Membri filwaqt li, wara li kien ikkonsultat il-Parlament, din inbidlet għal obbligu. Tali emenda kienet waħda sostanzjali u għalhekk, skont l-Artikolu 67 KE, kien meħtieġ li l-Parlament jerġa’ jiġi kkonsultat.

22

Madankollu, huwa paċifiku li r-Regolament Nru 444/2009 ssostitwixxa t-test tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004, li fir-rigward tiegħu l-Parlament allegatament ma ġiex ikkonsultat, b’test ġdid li jirripproduċi l-obbligu li l-immaġni tal-marki tas-swaba’ diġitali jinħażnu fil-passaporti. Peress li r-Regolament Nru 444/2009 huwa applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali u peress li ġie adottat skont il-proċedura ta’ kodeċiżjoni u, għaldaqstant, bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-Parlament bħala koleġiżlatur, l-allegat motiv ta’ invalidità jirriżulta ineffettiv.

Fuq id-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali

23

Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk it-teħid tal-marki tas-swaba’ diġitali u ż-żamma tagħhom fil-passaporti, previsti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004, jikkostitwixxux ksur tad-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali. Fl-affermattiv, ikun meħtieġ li jiġi vverifikat, fit-tieni lok, jekk tali ksur jistax ikun iġġustifikat.

Fuq l-eżistenza tal-ksur

24

L-Artikolu 7 tal-Karta jipprovdi, b’mod partikolari, li kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tagħha. Skont l-Artikolu 8(1) tagħha, kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha.

25

Minn dawn id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien jirriżulta li, bħala prinċipju, kull ipproċessar tad-data personali minn terz jista’ jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet imsemmija.

26

Għandu qabelxejn jitfakkar, minn naħa, li r-rispett tad-dritt għall-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali jkopri kull informazzjoni li tikkonċerna persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C-92/09 u C-93/09, Ġabra p. I-11063, punt 52, kif ukoll tal-24 ta’ Novembru 2011, ASNEF u FECEMD, C-468/10 u C-469/10, Ġabra p. I-12181, punt 42).

27

Il-marki tas-swaba’ diġitali jaqgħu taħt dan il-kunċett sa fejn fihom, oġġettivament, informazzjoni unika dwar persuni fiżiċi u jippermettu l-identifikazzjoni preċiża tagħhom (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-4 ta’ Diċembru 2008, S. u Marper vs Ir-Renju Unit, Recueil des arrêts et décisions 2008-V, p. 213, § 68 u 84).

28

Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46, ipproċessar ta’ data personali jfisser kull operazzjoni mwettqa minn terz fir-rigward ta’ din id-data, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, iż-żamma, il-konsultazzjoni jew l-użu ta’ din id-data.

29

L-applikazzjoni tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 timplika li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu l-marki tas-swaba’ diġitali tal-persuni kkonċernati u li dawn il-marki jinżammu fuq il-mezz ta’ ħażna integrat fil-passaport. Għaldaqstant, tali miżuri għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu pproċessar ta’ data personali.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li t-teħid u ż-żamma ta’ marki tas-swaba’ diġitali mill-awtoritajiet nazzjonali, irregolati mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004, jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk dan il-ksur huwiex iġġustifikat.

Fuq il-ġustifikazzjoni

31

Mill-Artikolu 8(2) tal-Karta jirriżulta li d-data personali tista’ tiġi pproċessata biss abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew bis-saħħa ta’ bażi leġittima oħra prevista mil-liġi.

32

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kundizzjoni marbuta mal-kunsens tal-applikanti għal passaporti fir-rigward tat-teħid tal-marki tas-swaba’ diġitali tagħhom, għandu jiġi osservat li l-pussess ta’ passaport huwa, bħala regoli ġenerali, indispensabbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni b’mod partikolari sabiex jivvjaġġaw lejn pajjiżi terzi u li dan id-dokument għandu jkun fih il-marki tas-swaba’ diġitali, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004. Għalhekk, iċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu jixtiequ jagħmlu tali vjaġġi ma jistgħux jopponu liberament għall-ipproċessar tal-marki tas-swaba’ diġitali tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikanti għal passaporti ma jistgħux jitqiesu li taw il-kunsens tagħhom għal tali pproċessar.

33

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-ġustifikazzjoni tal-ipproċessar tal-marki tas-swaba’ diġitali bis-saħħa ta’ bażi legali oħra prevista mil-liġi, għandu qabelxejn jiftakkar li d-drittijiet rikonoxxuti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ma humiex prerogattivi assoluti iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Volker und Markus Schecke u Eifert, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 48, kif ukoll tal-5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom, 5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom, C 543/09, Ġabra p. I 3441, punt 51).

34

Fil-fatt, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jirrikonoxxi limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ tali drittijiet bil-kundizzjoni li dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, bil-kundizzjoni li jirrispettaw il-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u bil-kundizzjoni, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li dawn il-limitazzjonijiet ikunu neċessarji u li effettivament jaqdu għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.

35

F’dan il-każ, huwa paċifiku, l-ewwel nett, li l-limitazzjoni li tirriżulta mit-teħid u miż-żamma tal-marki tas-swaba’ diġitali fil-kuntest tal-ħruġ ta’ passaporti għandha titqies li hija prevista mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, sa fejn l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 jipprevedi tali operazzjonijiet.

36

Fir-rigward, fit-tieni nett, tal-għan ta’ interess ġenerali li fuqu hija bbażata din il-limitazzjoni, mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004, moqri fid-dawl tal-premessi 2 u 3 tiegħu, jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha b’mod partikolari żewġ għanijiet preċiżi, fejn l-ewwel wieħed huwa li tiġi evitata l-falsifikazzjoni tal-passaporti filwaqt li t-tieni wieħed huwa li jiġi ostakolat l-użu frawdolenti tagħhom, jiġifieri l-użu tagħhom minn persuni li ma jkunux id-detentur leġittimu tagħhom.

37

Billi ssegwi dawn l-għanijiet, din id-dispożizzjoni għandha għaldaqstant l-għan li tostakola, b’mod partikolari, id-dħul illegali ta’ persuni fit-territorju tal-Unjoni.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 għandu għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni.

39

It-tielet nett, mill-elementi li għandha quddiema l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax, kif barra minn hekk lanqas ma ġie allegat, li l-limitazzjonijiet inkwistjoni fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet rikonoxxuti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ma jirrispettawx il-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet.

40

Ir-raba’ nett, għandu jiġi vverifikat jekk il-limitazzjonijiet fir-rigward tad-drittijiet imsemmija humiex proporzjonati fir-rigward tal-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 2252/2004, u, għaldaqstant, fir-rigward tal-għan li jiġi ostakolat id-dħul illegali ta’ persuni fit-territorju tal-Unjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-mezzi implementati permezz ta’ dan ir-regolament humiex adegwati sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u jekk imorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu (ara s-sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74).

41

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 huwiex adegwat sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi evitata l-falsifikazzjoni tal-passaporti, huwa paċifiku li ż-żamma tal-marki tas-swaba’ diġitali fuq mezz ta’ ħażna b’livell ta’ sigurtà għoli ħafna, prevista minn din id-dispożizzjoni, timplika sofistikazzjoni teknika, b’tali mod li din iż-żamma hija ta’ natura li tnaqqas ir-riskju ta’ falsifikazzjoni tal-passaporti u li tiffaċilita l-kompitu tal-awtoritajiet responsabbli sabiex jeżaminaw l-awtentiċità tal-passaporti fuq il-fruntieri.

42

Fir-rigward tal-għan marbut mal-evitar tal-użu frawdolenti tal-passaporti, M. Schwarz isostni li l-metodu ta’ verifika tal-identità permezz tal-marki tas-swaba’ diġitali ma huwiex adegwat sabiex jintlaħaq dan il-għan sa fejn l-applikazzjoni fil-prattika tiegħu hija suġġetta għal żbalji. Fil-fatt, peress li żewġ kopji diġitali ta’ marki tas-swaba’ diġitali qatt ma jistgħu jkunu identiċi, is-sistemi li jużaw dan il-metodu ma humiex preċiżi biżżejjed, b’tali mod li ser jirreġistraw rata mhux negliġibbli ta’ aċċettazzjonijiet żbaljati ta’ persuni mhux awtorizzati u ta’ ċaħdiet żbaljati ta’ persuni awtorizzati.

43

F’dan id-dawl, għandu madankollu jiġu kkonstatat li ma huwiex determinanti l-fatt li dan il-metodu ma huwiex kompletament affidabbli. Fil-fatt, minn naħa, għalkemm dan il-metodu ma jeskludix kompletament l-aċċettazzjonijiet ta’ persuni mhux awtorizzati, huwa biżżejjed li dan il-metodu jnaqqas b’mod kunsiderevoli r-riskju ta’ tali aċċettazzjonijiet li kien jeżisti li kieku ma jintużax dan il-metodu.

44

Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li l-applikazzjoni tal-metodu ta’ verifika ta’ identità permezz tal-marki tas-swaba’ diġitali tista’ twassal, eċċezzjonalment, għaċ-ċaħda, b’mod żbaljat, ta’ persuni awtorizzati, xorta waħda jibqa’ l-fatt li n-nuqqas ta’ konkordanza bejn il-marki tas-swaba’ diġitali tad-detentur tal-passaport u d-data integrata f’dan id-dokument ma jfissirx, kif jipprevedi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2252/2004, li l-persuna kkonċernata ser tkun awtomatikament miżmuma milli tidħol fit-territorju tal-Unjoni. Tali nuqqas ta’ konkordanza jwassal biss sabiex jiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-persuna kkonċernata u sabiex jitwettaq, fil-konfront tagħha, kontroll f’iktar dettall maħsub sabiex l-identità tagħha tiġi stabbilita b’mod definittiv.

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li t-teħid u ż-żamma ta’ marki tas-swaba’ diġitali, imsemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004, huma adegwati sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti minn dan ir-regolament u, għaldaqstant, l-għan li jiġi ostakolat id-dħul illegali ta’ persuni fit-territorju tal-Unjoni.

46

Fir-rigward, barra minn hekk, tal-eżami tan-natura neċessarja ta’ tali pproċessar, il-leġiżlatur huwa b’mod partikolari meħtieġ jivverifika jekk jistgħux jiġu previsti miżuri li jkunu inqas onerużi għad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta filwaqt li jikkontribwixxu b’mod effikaċi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86).

47

F’dan il-kuntest, fir-rigward tal-għan li l-passaporti jiġu protetti kontra l-użu frawdolenti tagħhom, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk il-ksur ikkostitwit mill-miżura ta’ teħid tal-marki tas-swaba’ diġitali jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan.

48

F’dan id-dawl, għandu jitfakkar, minn naħa, li t-teħid jinvolvi sempliċement it-teħid tal-marka ta’ żewġt iswaba’. Barra minn hekk, normalment, dawn is-swaba’ jkunu esposti b’mod li jkun jista’ jarahom kulħadd, b’tali mod li dan it-teħid ma jinvolvix operazzjoni ta’ natura intima. Din l-operazzjoni lanqas ma timplika inkonvenjenza fiżika jew psikika partikolari għall-persuna kkonċernata, kif lanqas ma jimplika t-teħid ta’ ritratt għall-passaport.

49

Huwa minnu li t-teħid tal-marki tas-swaba’ diġitali jsir b’mod addizzjonali għat-teħid tar-ritratt għall-passaport. Madankollu, il-fatt li jitwettqu żewġ operazzjonijiet intiżi għall-identifikazzjoni ta’ persuni ma jistax a priori jitqies bħala li jimplika, fih innifsu, ksur iktar sinjifikattiv tad-drittijiet irrikonoxxuti mill‑Artikoli 7 u 8 tal-Karta milli kieku dawn l-operazzjonijiet jiġu kkunsidrati separatament.

50

B’hekk, fir-rigward tal-kawża prinċipali, ma hemm xejn fil-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li jippermetti li jiġi kkonstatat li n-natura konkomitanti tat-teħid tal-marki tas-swaba’ diġitali u tat-teħid tar-ritratt għall-passaport timplika, għal din is-sempliċi raġuni, ksur iktar sinjifikattiv ta’ dawn id-drittijiet.

51

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-unika alternattiva reali għat-teħid tal-marki tas-swaba’ diġitali msemmija matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonsisti fit-teħid ta’ immaġni tal-ħabba tal-għajn. Issa, fil-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma hemm xejn li jindika li dan il-metodu tal-aħħar huwa inqas oneruż għad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta milli huwa t-teħid tal-marki tas-swaba’ diġitali.

52

Barra minn hekk, fir-rigward tal-effikaċità ta’ dawn iż-żewġ metodi, huwa paċifiku li l-livell ta’ maturità teknoloġika tal-metodu bbażat fuq ir-rikonoxximent tal-ħabba tal-għajn ma laħaqx il-livell tal-metodu bbażat fuq il-marki tas-swaba’ diġitali. Barra minn hekk, ir-rikonoxximent tal-ħabba tal-għan huwa proċess ħafna iktar oneruż, attwalment, minn dak li jinvolvi l-paragun tal-marki tas-swaba’ diġitali u, għalhekk, huwa inqas adegwat għal użu ġġeneralizzat.

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma tressqet ebda informazzjoni fis-sens li jeżistu miżuri li jistgħu jikkontribwixxu, b’mod suffiċjentement effikaċi, għall-għan li l-passaporti jiġu protetti kontra l-użu frawdolenti tagħhom, filwaqt li jimplikaw ksur inqas sinjifikattiv tad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta mill-ksur ikkawżat mill-metodu bbażat fuq il-marki tas-swaba’ diġitali.

54

Fit-tieni lok, sabiex ikun iġġustifikat fir-rigward ta’ tali għan, huwa meħtieġ ukoll li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 ma jimplikax ipproċessar ta’ marki tas-swaba’ diġtali meħuda li jmur lil hinn minn dak li jkun neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan.

55

F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li l-leġiżlatur għandu jiżgura li jeżistu garanziji speċifiċi maħsuba sabiex din id-data tiġi protetta b’mod effikaċi kontra l-ipproċessar li ma jkunx f’loku u li jkun abbużiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, S. u Marper vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, § 103).

56

Dwar dan il-punt, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2252/2004 jippreċiża espliċitament li l-marki tas-swaba’ diġitali jistgħu jintużaw biss bil-għan li jiġu vverifikati n-natura awtentika tal-passaport u l-identità tad-detentur tiegħu.

57

Min-naħa l-oħra, dan ir-regolament jiżgura protezzjoni kontra r-riskju li data li tinkludi marki tas-swaba’ diġitali tinqara minn persuni li ma jkunux awtorizzati. F’dan id-dawl, mill-Artikolu 1(2) tar-regolament imsemmi jirriżulta li d-data kkonċernata għandha tinżamm fuq mezz ta’ ħażna integrat fil-passaport b’livell għoli ta’ sigurtà.

58

Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubju, fil-perspettiva eżaminata, jekk l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 huwiex proporzjonat sa fejn ir-riskju li, wara t-teħid tal-marki tas-swaba’ diġitali skont din id-dispożizzjoni, din id-data ta’ kwalità għolja ħafna tinżamm, jekk ikun il-każ b’mod ċentralizzat, u tintuża għal finijiet differenti minn dawk previsti minn dan ir-regolament.

59

F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li huwa minnu li l-marki tas-swaba’ diġitali għandhom rwol partikolari fil-qasam tal-identifikazzjoni tal-persuni b’mod ġenerali. F’dan is-sens, it-tekniki ta’ identifikazzjoni permezz tat-tqabbil tal-marki tas-swaba’ diġitali meħuda f’post partikolari mal-marki maħżuna f’database jippermettu li jiġi stabbilit li persuna partikolari kienet preżenti f’dan il-post, u dan kemm jekk fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali jew bil-għan li titwettaq sorveljanza indiretta ta’ tali persuna.

60

Madankollu, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 jipprevedi biss iż-żamma tal-marki tas-swaba’ diġitali fuq il-passaport stess, li jibqa’ fil-pussess esklużiv tad-detentur tiegħu.

61

Peress li ma jipprevedi ebda forma oħra u ebda mezz ieħor ta’ żamma ta’ dawn il-marki, dan ir-regolament ma jistax jiġi interpretat, kif tenfasizza l-premessa 5 tar-Regolament Nru 444/2009, fis-sens li jipprovdi, bħala tali, bażi legali għal eventwali ċentralizzazzjoni tad-data miġbura fuq il-bażi tiegħu jew għall-użu ta’ din id-data għal finijiet oħra għajr għall-finijiet li jiġi ostakolat id-dħul illegali ta’ persuni fit-territorju tal-Unjoni.

62

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti mqajma mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tar-riskji marbuta mal-eventwalità ta’ tali ċentralizzazzjoni ma humiex, fi kwalunkwe każ, ta’ natura li jaffettwaw il-validità ta’ dan ir-regolament u, jekk ikun il-każ, għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat, quddiem il-qrati kompetenti, kontra leġiżlazzjoni li tipprevedi database ċentralizzata għall-marki tas-swaba’ diġitali.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 ma jimplikax ipproċessar tal-marki tas-swaba’ diġitali li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li l-passaporti jiġu protetti kontra l-użu frawdolenti tagħhom.

64

Minn dan isegwi li l-ksur li jirriżulta mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 huwa ġġustifikat mill-għan li l-passaporti jiġu protetti kontra l-użu frawdolenti tagħhom.

65

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma għadx hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-mezzi implementati permezz tar-regolament imsemmi għandhomx natura neċessarja fir-rigward tal-għan l-ieħor marbut mal-prevenzjoni tal-falsifikazzjoni tal-passaporti.

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li mill-eżami ta’ din id-domanda ma rriżultaw ebda elementi ta’ natura li jolqtu l-validità tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2252/2004.

Fuq l-ispejjeż

67

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Mill-eżami tad-domanda magħmula ma rriżultaw ebda elementi ta’ natura li jolqtu l-validità tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 2252/2004, tat-13 ta’ Diċembru 2004, dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 444/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top