Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0280

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tat-28 ta' Novembru 2013.
    il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea vs Fulmen u Fereydoun Mahmoudian.
    Appell - Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari - Iffriżar ta’ fondi - Obbligu li tiġi ġġustifikata l-fondatezza tal-miżura.
    Kawża C-280/12 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:775

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    28 ta’ Novembru 2013 ( *1 )

    “Appell — Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Obbligu li tiġi ġġustifikata l-fondatezza tal-miżura”

    Fil-Kawża C‑280/12 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentant fl-4 ta’ Ġunju 2012,

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u R. Liudvinaviciute-Cordeiro, bħala aġenti,

    rikorrent,

    sostnut minn:

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn J. Beeko u A. Robinson, bħala aġenti, assistiti minn S. Lee, barrister,

    Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. Ranaivoson u D. Colas, bħala aġenti,

    intervenjenti fl-appell,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Fulmen, stabbilita f’Tehran (l-Iran),

    Fereydoun Mahmoudian, residenti f’Tehran,

    irrappreżentati minn A. Kronshagen u C. Hirtzberger, avukati,

    rikorrenti fl-ewwel istanza,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Konstantinidis, bħala aġent,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas (Relatur), D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

    Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Lulju 2013,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tiegħu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Marzu 2012 Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali annullat, sa fejn dawn jikkonċernaw lil Fulmen u F. Mahmoudian:

    id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39, u r-rettifika ĠU L 197, p. 19);

    ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 195, p. 25);

    id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 281, p. 81);

    ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1, iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kontenzjużi”),

    u żammet l-effetti tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, sad-dħul fis-seħħ tal-annullament tar-Regolament Nru 961/2010, u ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

    Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

    2

    It-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari kien infetaħ għall-firem fl-1 ta’ Lulju 1968 f’Londra, f’Moska u f’Washington. It-28 stat membru tal-Unjoni Ewropea huma partijiet kontraenti, kif ukoll ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

    3

    L-Artikolu II ta’ dan it-trattat jipprovdi b’mod partikolari li “[k]ull Stat li ma għandux armi nukeari li huwa parti għat-Trattat jintrabat li […] ma jipproduċix u ma jiksibx bi kwalunkwe mod ieħor armi nukleari jew dispożittivi esplossivi nukleari oħra […]”.

    4

    L-Artikolu III tal-imsemmi trattat jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[k]ull Stat li ma għandux armi nukeari li huwa parti għat-Trattat jintrabat li jaċċetta l-garanziji stipulati fil-ftehim li jkun negozjat u konkluż mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika [(iktar ’il quddiem, l-‘AIEA’)], b’mod konformi mal-Istatut tal-[AIEA] u mas-sistema ta’ garanziji tal-imsemmija Aġenzija, bil-għan biss li tiġi verifikata l-implementazzjoni tal-obbligi assunti mill-imsemmi Stat skont it-Trattat preżenti bil-għan li jipprevjenu milli l-enerġija nukleari tkun mibdula mill-użi paċifiċi tagħha f’armi nukeari jew dispożittivi esplossivi nukleari oħra […]”.

    5

    B’mod konformi mal-Artikolu III B 4 tal-istatuti tagħha, l-AIEA tibgħat rapporti annwali fuq ix-xogħlijiet tagħha lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u, meta jkun f’loku, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”).

    6

    Preokkupat mill-varji rapporti tad-Direttur Ġenerali tal-AIEA u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tal-gvernaturi tal-AIEA dwar il-programm nukleari tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, il-Kunsill tas-Sigurtà, fit-23 ta’ Diċembru 2006, adotta r-Riżoluzzjoni 1737 (2006), fejn l-anness, jelenka serje ta’ persuni u ta’ entitajiet li huma implikati fil-proliferazzjoni nukleari u fejn il-fondi kif ukoll ir-riżorsi ekonomiċi għandhom jiġu ffriżati.

    7

    Sabiex tiġi implimentata fl-Unjoni r-Riżoluzzjoni 1737 (2006), il-Kunsill adotta fis‑27 ta’ Frar 2007, il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK, dwar miżuri restrittivi kontra l‑Iran (ĠU L 4M, 8.1.2008, p. 155).

    8

    L-Artikolu 5(1) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140 jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi kollha u tar-riżorsi ekonomiċi kollha ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni u ta’ entitajiet enumerati fil-punti (a) u (b) ta’ din id-dispożizzjoni. B’hekk, il-punt (a) ta’ dan l-Artikolu 5(1) jipprovdi għall-persuni u l-entitajiet indikati fl-anness tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006) kif ukoll il-persuni u l-entitajiet l-oħra indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà kkreat b’mod konformi mal-Artikolu 18 tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006). Il-lista ta’ dawn il-persuni u entitajiet kienet tinsab fl-Anness I tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140. Il-punt (b) tal-imsemmi Artikolu 5(1) ikopri l-persuni u l-entitajiet mhux imsemmija fl-Anness I li, b’mod partikolari, jipparteċipaw, huma direttament assoċjati jew jappoġġaw l-attivitajiet nukleari tal-Iran, huma ta’ riskju għall-proliferazzjoni. Il-lista ta’ dawn il-persuni u ta’ dawn l-entitajiet tidher fl-Anness II tal-imsemmija pożizzjoni komuni.

    9

    Sa fejn il-kompetenzi tal-Komunità Ewropea kienu kkonċernati, ir-Riżoluzzjoni 1737 (2006) ġiet implementata bir-Regolament (KE) Nru 423/2007, tad-19 ta’ April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 335M, 13.12.2008, p. 969), adottat fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, bil-għan tal-pożizzjoni komuni 2007/140 u li l-kontenut huwa essenzjalment simili għal dak ta’ din tal-aħħar, l-istess ismijiet ta’ entitajiet u ta’ persuni fiżiċi jidhru fl-Annessi IV (persuni, entitajiet u organizzazzjonijiet indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà) u V (persuni, entitajiet u organizzazzjonijiet oħra minn dawk li jidhru fl-Anness IV) ta’ dan ir-regolament.

    10

    L-Artikolu 7(2)(a) tar-Regolament Nru 423/2007 huwa mfassal b’dan il-mod:

    “Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma l-proprjetà ta’, huma miżmuma jew huma kkontrollati mill-persuni, entitajiet u korpi elenkati fl-Anness IV għandhom ikunu ffriżati. L-Anness V għandu jinkludi persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi, mhux koperti mill-Anness IV, li, f’konformità ma’ l-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK […]:

    a)

    kienu involuti fi, assoċjati direttament ma, jew jipprovdu appoġġ għall-attivitajiet nukleari ta’ l-Iran sensittivi għall-proliferazzjoni, jew”.

    11

    Billi ġie kkonstatat li r-Repubblika Iżlamika tal-Iran ma kinitx irrispettat ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, billi bniet ċentrali (Qom) bi ksur tal-obbligu tagħha milli tissospendi l-attivitajiet kollha marbuta mal-arrikkiment nukleari u żvelat dan biss f’Settembru 2009, li hija ma infurmatx lill-AIEA u rrifjutat milli tikkoopera ma’ din l-aġenzija, il-Kunsill tas-Sigurtà, permezz tar-Riżoluzzjoni 1929 (2010), tad-9 ta’ Ġunju 2010, adotta miżuri iktar severi li laqtu b’mod partikolari l-kumpanniji marittimi Iranjani, is-settur tal-missili ballistiċi li jistgħu jġorru armi nukeari u l-Korpi tal-Gwardja Rivoluzzjonarja Iżlamika.

    12

    F’dikjarazzjoni annessa mal-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew sostna li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar kien preokkupat bil-programm nukleari Iranjan, filwaqt li laqgħa b’mod pożittiv l-adozzjoni, mill-Kunsill tas-Sigurtà, tar-Riżoluzzjoni 1929 (2010) u kkunsidra l-aħħar rapport tal-AIEA, datat il-31 ta’ Mejju 2010.

    13

    Fil-punt 4 ta’ din id-dikjarazzjoni, il-Kunsill Ewropew ikkunsidra li l-introduzzjoni ta’ miżuri restrittivi ġodda kienet saret inevitabbli. Hekk kif jirriżulta mix-xogħlijiet imwettqa mill-Kunsill għall-Affarijiet Barranin, huwa stieden lil dan tal-aħħar jadotta, fil-laqgħa li jmiss, miżuri li jimplimentaw dawk previsti fir-Riżoluzzjoni 1929 (2010) tal-Kunsill tas-Sigurtà kif ukoll ta’ miżuri ta’ akkompanjament, sabiex tikkontribwixxi sabiex tingħata risposta, permezz tan-negozjati, għall-preokkupazzjonijiet kollha li jkomplu jiġu kkawżati mill-iżvilupp mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran tat-teknoloġiji sensittivi insostenn tal-programmi nukleari u ballistiċi tagħha. Dawn il-miżuri għandhom ikopru s-setturi segwenti:

    “Is-settur tal-kummerċ, b’mod partikolari l-iskambju ta’ oġġetti b’użu doppju u ta’ restrizzjonijiet supplementari fil-qasam ta’ assigurazzjoni fuq l-iskambji kummerċjali; is-settur finanzjarju, inkluż fih l-iffriżar tal-assi ta’ banek Iranjani oħra u restrizzjonijiet fis-settur tal-banek u tal-assigurazzjoni; is-settur Iranjan tat-trasport, inkluż fih il-kumpannija tat-trasport marittimu tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran (IRISL) u s-sussidjarji tagħha, u t-trasport ta’ merkanzija bl-ajru; is-setturi l-kbar tal-industrija tal-gass u taż-żejt, bil-projbizzjoni ta’ investimenti ġodda, tal-assistenza teknika u tat-trasferimenti tat-teknoloġiji, ta’ tagħmir u ta’ servizzi marbuta ma’ dawn is-setturi, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda t-teknoloġiji ta’ raffinar, ta’ likwifikazzjoni u tal-GNL; għandhom ukoll jiġu estiżi l-miżuri li jipprojbixxu viżi u l-iffriżar ta’ assi u b’mod partikolari kontra membri tal-Korpi tal-Gwardja Rivoluzzjonarja (IRGC).”

    14

    Permezz tad-Deċiżjoni 2010/413, il-Kunsill implimenta din id-dikjarazzjoni, billi ħassar il-pożizzjoni komuni 2007/140 u adotta miżuri restrittivi supplementari meta kkomparati ma’ din tal-aħħar.

    15

    L-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni 2010/413 jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi ta’ numru ta’ kategoriji ta’ persuni u ta’ entitajiet. Il-punt (a) ta’ dan l-Artikolu 20(1) ikopri l-persuni u l-entitajiet indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà, li huma elenkati fl-Anness I tad-deċiżjoni. Il-punt (b) tal-imsemmi Artikolu 20(1) jikkonċerna, b’mod partikolari, l-“persuni u entitajiet mhux koperti mill-Anness I li jkunu impenjati fi, assoċjati direttament ma’, jew jipprovdu appoġġ għal, attivitajiet nukleari sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni tal-Iran jew għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ twassil ta’ armi nukleari, inkluż permezz ta’ involviment fl-akkwist tal-oġġetti, merkanzija, tagħmir, materjal u teknoloġija pprojbiti, jew persuni jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew entitajiet ta’ proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, inkluż permezz ta’ mezzi illeċti, [...] kif elenkati fl-Anness II.”

    16

    Ir-rikorrenti fil-Kawża T‑439/10, Fulmen, hija kumpannija Iranjana, attiva b’mod partikolari fis-settur tat-tagħmir tal-elettriku. Hija inkluża fil-punt 13 tal-Parti I B tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413. Il-motivazzjoni hija s-segwenti:

    “Fulmen kienet implikata fl-istallazzjoni ta’ tagħmir elettroniku fuq is-sit ta’ Qom/Fordoo fi żmien meta l-eżistenza ta’ dan is-sit kienet għadha mhiex magħrufa.”

    17

    Skont il-punt 2 tas-sentenza appellata, ir-rikorrent fil-kawża T‑440/10, F. Mahmoudian, huwa azzjonarju maġoritarju u president tal-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ Fulmen. Huwa inkluż fil-punt 9 tal-Parti I A tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413. Il-motivazzjoni hija s-segwenti: “Direttur ta’ Fulmen”.

    18

    Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, adottat għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007, l-isem ta’ Fulmen, imsemmi fil-punt 11 tal-Parti I B tal-anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, ġie miżjud mal-lista ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet u organizzazzjonijiet li jidhru fit-Tabella I tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007.

    19

    Il-motivazzjoni segwenti ġiet użata:

    “Fulmen kienet involuta fl-istallazzjoni ta’ tagħmir elettriku fuq is-sit ta’ Qom/Fordoo fi żmien meta l-eżistenza ta’ dan is-sit kienet għadha mhux magħrufa.”

    20

    F. Mahmoudian, imsemmi fil-punt 2 tal-Parti I, A, tal-anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, ġie miżjud mal-lista ta’ persuni fiżiċi li tidher fit-Tabella I tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007. Il-motivazzjoni li jirrigwardah hija identika għal dik li tidher fid-Deċiżjoni 2010/413.

    21

    L-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 ġie rrivedut u miktub mill-ġdid bid-Deċiżjoni 2010/644.

    22

    Il-premessi 2 sa 5 tad-Deċiżjoni 2010/644 jaqraw kif ġej:

    “(2)

    Il-Kunsill wettaq reviżjoni sħiħa tal-lista ta’ persuni u entitajiet, kif tidher fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/413/PESK, li għalihom japplikaw l-Artikoli 19(1)(b) u 20(1)(b) ta’ dik id-Deċiżjoni. Meta għamel dan, il-Kunsill ħa kont ta’ osservazzjonijiet ippreżentati minn dawk ikkonċernati.

    (3)

    Il-Kunsill ikkonkluda li, bl-eċċezzjoni ta’ żewġ entitajiet, il-persuni u l-entitajiet elenkati fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/413/PESK għandhom jibqgħu soġġetti għall-miżuri restrittivi speċifiċi previsti fiha.

    (4)

    Il-Kunsill ikkonkluda wkoll li d-daħliet li jikkonċernaw ċerti entitajiet fil-lista għandhom jiġu emendati.

    (5)

    Il-lista tal-persuni u l-entitajiet imsemmijin fl-Artikoli 19(1)(b) u 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK għandha tiġi aġġornata kif meħtieġ.”

    23

    L-isem ta’ Fulmen ġie inkluż fil-punt 13 tal-lista ta’ entitajiet li jidhru fit-Tabella I tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 hekk kif jirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644. Il-motivazzjoni li tikkonċernaha hija identika għal dik li tidher fid-Deċiżjoni 2010/413.

    24

    F. Mahmoudian ġie inkluż fil-punt 9 tal-lista ta’ persuni li jidhru fit-Tabella I tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 hekk kif jirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644. Il-motivazzjoni li tikkonċernah hija identika għal dik li tidher fid-Deċiżjoni 2010/413.

    25

    Ir-Regolament Nru 423/2007 ġie abrogat bir-Regolament Nru 961/2010.

    26

    L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 961/2010 jipprovdi b’mod partikolari għall-iffriżar ta’ fondi u tar-riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lil ċerti persuni, entitajiet jew lil ċerti organizzazzjonijiet jew huma kkontrollati minnhom. Il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdi għal persuni, entitajiet jew organizzazzjonijiet indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà u elenkati fl-Anness VII ta’ dan ir-regolament.

    27

    Skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010:

    “2.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma l-proprjetà ta’, huma miżmuma jew huma kkontrollati mill-persuni, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Anness VIII għandhom ikunu ffriżati. L-Anness VIII għandu jinkludi l-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi, [...] li f’konformità mal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni [2010/413], ġew identifikati li:

    a)

    huma impenjati, huma direttament assoċjati ma’, jew jipprovdu apoġġ għal attivitajiet nukleari ta’ natura sensittiva fir-rigward tal-proliferazzjoni jew l-iżvilupp ta’ sistemi li jwasslu l-armi nukleari mill-Iran, inkluż permezz l-involviment fl-akkwist ta’ oġġetti u teknoloġija pprojbiti, jew li jkunu propjetà ta’, jew ikkontrollati minn, tali persuna, entità jew korp, inkluż permezz ta’ mezzi illeċiti, jew li jaġixxu f’isimhom jew taħt it-tmexxija tagħhom;

    […]”

    28

    L-isem ta’ Fulmen ġie inkluż mill-Kunsill fil-punt 13 tal-lista ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet u organizzazzjonijiet elenkati fl-Anness VIII, B, tar-Regolament Nru 961/2010. Il-motivi ta’ din l-iskrizzjoni huma identiċi għal dawk li jidhru fid-Deċiżjoni 2010/413.

    29

    Fereydoun Mahmoudian ġie inkluż fil-punt 14 tal-lista ta’ persuni fiżiċi li jidhru fil-lista taħt l-Anness VIII, A, tar-Regolament Nru 961/2010. Ir-raġunijiet għal din l-iskrizzjoni huma identiċi għal dawk li jidhru fid-Deċiżjoni 2010/413.

    30

    B’ittri rispettivi tas-26 ta’ Awwissu u tal-14 ta’ Settembru 2010, F. Mahmoudian u Fulmen talbu lill-Kunsill sabiex iħassar isimhom mil-listi inkwistjoni u min-naħa l-oħra stiednuh jibgħatilhom l-elementi li kien ibbaża ruħu fuqhom sabiex jadotta l-miżuri restrittivi fir-rigward tagħhom. B’ittri tat-28 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill ċaħad dawn it-talbiet. F’dan ir-rigward, il-Kunsill irrisponda lil F. Mahmoudian u lil Fulmen li d-deċiżjoni tiegħu ta’ żamma tal-ismijiet tagħhom fil-listi kkontestati kienet ibbażata biss fuq l-elementi msemmija fil-motivazzjoni ta’ dawn tal-aħħar.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

    31

    B’rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Settembru 2010, Fulmen u F. Mahmoudian kull wieħed ippreżentaw rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni 2010/413 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010. Dawn il-kawżi, irreġistrati rispettivament bin-numri T‑439/10 u T‑440/10 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

    32

    Fir-repliki tagħhom, Fulmen u F. Mahmoudian estendew il-kapijiet tat-talbiet tagħhom, billi talbu wkoll l-annullament tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawhom. Huma barra minn hekk talbu lill-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi d-dannu li huma subew minħabba l-fatt tal-adozzjoni tal-atti kontenzjużi.

    33

    Il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett ċaħdet l-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fejn ikkunsidrat, essenzjalment, li l-motivazzjoni tal-atti inkwistjoni, għalkemm qasira, kienet suffiċjenti sabiex tippermetti lill-Fulmen u lil F. Mahmoudian jifhmu dak li kienu akkużati bih u sabiex jippreżentaw rikors.

    34

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali eżaminat it-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-implikazzjoni ta’ Fulmen u ta’ F. Mahmoudian fil-proliferazzjoni nukleari. Huma jsostnu li l-Kunsill ma kienx ressaq il-prova tal-intervent ta’ Fulmen fuq is-sit ta’ Qom/Fordoo. Il-Kunsill irrisponda li ma setax jiġi mistenni minn naħa tagħha li tressaq il-prova ta’ din l-allegazzjoni. Fil-fatt, skont il-Kunsill, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għall-verifika li l-motivi invokati sabiex tiġi ġġustifikata l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi jkunu “verosimili”. Dan huwa l-każ f’din il-kawża, fid-dawl tal-fatt li Fulmen hija kumpannija li ilha għal ħafna żmien attiva fis-suq tat-tagħmir elettriku Iranjan u li għandha numru kunsiderevoli ta’ impjegati.

    35

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 96 sa 104 tas-sentenza appellata, dan li ġej:

    “96

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ att li bih ikunu ġew adottati miżuri restrittivi fir-rigward ta’ entità, jestendi għall-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi invokati sabiex jiġġustifikawh, kif ukoll għall-verifika tal-provi u tal-informazzjoni li tkun ibbażata fuqhom din l-evalwazzjoni. F’każ ta’ kontestazzjoni, huwa l-Kunsill li jkollu jippreżenta dawn il-provi bil-għan li jiġu vverifikati mill-Qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, [T-390/08, Ġabra p. II-3967], punti 37 u 107).

    97

    Għalhekk, b’mod kuntrarju għal dak li jsostni l-Kunsill, l-istħarriġ ġudizzjarju li għandu jiġi eżerċitat f’dan il-każ ma huwiex limitat għall-verifika tal-“verosomiljanza” astratta tal-motivi invokati, iżda għandu jinkludi l-kwistjoni jekk dawn tal-aħħar humiex sostnuti, b’mod suffiċjenti fil-liġi, minn provi u informazzjoni konkreta.

    98

    Il-Kunsill lanqas ma jista’ jsostni li huwa ma huwiex marbut li jippreżenta tali elementi.

    99

    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Kunsill isostni li l-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrenti ġew adottati fuq proposta ta’ Stat Membru, b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23(2) tad-Deċiżjoni 2010/413. Issa, din iċ-ċirkustanza ma tbiddel xejn mill-fatt li l-atti [kontenzjużi] huma atti tal-Kunsill, li għandu, għaldaqstant, jiżgura ruħu li l-adozzjoni tagħhom tkun iġġustifikata, jekk ikun il-każ billi jitlob lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jippreżentalu l-provi u l-informazzjoni neċessarja għal dan il-għan.

    100

    It-tieni nett, il-Kunsill ma jistax jinvoka li l-elementi kkonċernati huma provenjenti minn sorsi kunfidenzjali u li bħala konsegwenza, ma jistgħux jixxandru. Fil-fatt, għalkemm din iċ-ċirkustanza tista’, eventwalment, tiġġustifika restrizzjonijiet fir-rigward tal-komunikazzjoni ta’ dawn l-elementi lir-rikorrenti jew lill-avukati tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li, fid-dawl tar-rwol essenzjali tal-istħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi, il-Qorti tal-Unjoni għandha tkun tista’ tistħarreġ il-legalità u l-fondatezza ta’ tali miżuri, mingħajr ma jistgħu jiġu invokati kontriha s-sigriet jew il-kunfidenzjalità tal-provi u tal-informazzjoni użati mill-Kunsill (ara, b’analoġija, is-sentenza [tat-12 ta’ Diċembru 2006, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T-228/02, Ġabra p. II-4665], punt 155). Barra minn hekk, il-Kunsill ma għandux id-dritt li jibbaża att li jadotta miżuri restrittivi fuq informazzjoni jew fuq elementi mill-fajl ikkomunikati minn Stat Membru, jekk dan l-Istat Membru ma jkunx dispost li jawtorizza l-komunikazzjoni tagħhom lill-Qorti tal-Unjoni inkarigata mill-istħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Diċembru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T-284/08, Ġabra p. II-3487, punt 73).

    101

    It-tielet nett, il-Kunsill jiżbalja meta jsostni li ma tistax tintalab mingħandu l-prova dwar l-involviment ta’ entità fil-proliferazzjoni nukleari, fid-dawl tan-natura klandestina tal-aġir ikkonċernat. Min-naħa waħda, is-sempliċi fatt li l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi tkun proposta abbażi tal-Artikolu 23(2) tad-Deċiżjoni 2010/413 jippresupponi li l-Istat Membru kkonċernat jew ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika tas-Sigurtà, skont il-każ, ikollu provi jew elementi ta’ informazzjoni li turi, fil-fehma tiegħu, li l-entità kkonċernata hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari. Min-naħa l-oħra, id-diffikultajiet eventwalment affrontati mill-Kunsill meta jfittex li jipprova dan l-involviment jistgħu, jekk ikun il-każ, ikollhom impatt fuq il-livell ta’ prova meħtieġa mingħandu. Min-naħa l-oħra, dawn ma jistgħux ikollhom il-konsegwenza li jeżentawh totalment mill-oneru tal-prova li għandu.

    102

    Fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dan il-każ, il-Kunsill ma ppreżenta ebda informazzjoni jew prova insostenn tal-motiv invokat fl-atti [kontenzjużi]. Hekk kif jammetti, essenzjalment, huwa stess, huwa bbaża ruħu fuq sempliċi allegazzjonijiet mhux sostanzjati li jgħidu li Fulmen installat tagħmir elettriku fis-sit ta’ Qom/Fordoo qabel ma ġiet skoperta l-eżistenza ta’ dan is-sit.

    103

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma ressaqx il-prova li Fulmen kienet intervjeniet fis-sit ta’ Qom/Fordoo u, għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi milqugħ mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi ttrattat it-tieni argument, imressaq minn F. Mahmoudian fil-Kawża T‑440/10, dwar il-pożizzjoni tiegħu fi ħdan Fulmen.

    104

    Peress li l-Kunsill ma invokax, fl-atti [kontenzjużi], ċirkustanzi oħra li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward ta’ Fulmen u ta’ F. Mahmoudian, l-atti msemmija għandhom jiġu annullati sa fejn dawn jikkonċernaw [lill-Fulmen u lil F. Mahmoudian].”

    36

    Sabiex tevita li tiġi mminata ċ-ċertezza legali, il-Qorti Ġenerali żammet l-effetti tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, sad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi l-appell. B’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell għandu effett sospensiv fuq id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tannulla regolament, f’din il-kawża r-Regolament Nru°961/2010 sad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-appell.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

    37

    Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ottubru 2012, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq ġew ammessi bħala partijiet intervenjenti sabiex isostnu t-talbiet tal-Kunsill.

    38

    Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-kawża u li tiċħad ir-rikors ta’ Fulmen u ta’ F. Mahmoudian kontra l-atti kontenzjużi;

    tikkundanna lil Fulmen u lil F. Mahmoudian għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill fil-kuntest tal-ewwel istanza u tal-appell preżenti.

    39

    Fulmen u F. Mahmoudian jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell;

    tikkonferma s-sentenza appellata, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat l-atti kontenzjużi sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lil Fulmen u lil F. Mahmoudian;

    sa fejn meħtieġ, tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, ir-Regolament dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1);

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

    40

    Ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell tal-Kunsill.

    41

    Il-Kummissjoni ma ppreżentatx risposta.

    Fuq l-appell

    L-argumenti tal-partijiet

    42

    Il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kunsill kellu jressaq elementi sabiex jissostanzja li Fulmen intervjeniet fis-sit ta’ Qom/Fordoo, u dan minkejja l-fatt li l-elementi li jistgħu jitressqu huma provenjenti minn sorsi kunfidenzjali. L-iżbalji ta’ liġi li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali jirrigwardaw żewġ aspetti tal-komunikazzjoni ta’ dawn l-elementi. L-ewwel jirrigwarda l-komunikazzjoni lill-Kunsill ta’ provi mill-Istati Membri u t-tieni dwar il-komunikazzjoni tal-elementi kunfidenzjali lill-qorti.

    43

    Preliminarjament, il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Franċiża, isostni li l-installazzjoni nukleari fuq is-sit ta’ Qom/Fordoo inbniet klandestinament, mingħajr ma ġiet iddikjarata lill-AIEA u bi ksur tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà. Ir-Repubblika Franċiża ċċitat f’dan ir-rigward ir-Riżoluzzjoni 1929 (2010), fil-preambolu li fih l-installazzjoni ta’ arrikkiment ta’ Qom hija msemmija. Minħabba l-karattru klandestin tal-kostruzzjoni tas-sit ta’ Qom, Stat Membru seta’ jikkunsidra neċessarju għas-sigurtà tiegħu li ma jiżvelax dokumenti kunfidenzjali, ħaġa li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx b’mod suffiċjenti.

    44

    Permezz tal-ewwel ilment tiegħu, il-Kunsill jikkontesta l-punt 99 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, sabiex tivverifika li l-adozzjoni, fuq proposta ta’ Stat Membru, ta’ miżuri restrittivi hija ġustifikata, il-Kunsill għandu, jekk ikun il-każ, jitlob lill-Istat Membru kkonċernat jippreżentalu l-provi u informazzjoni neċessarja. Skont il-Kunsill, meta dawn l-elementi jkunu ġejjin minn sorsi kunfidenzjali, huwa jista’ leġittimament jiddeċiedi li jadotta miżura restrittiva fuq il-bażi biss tal-espożizzjoni tal-motivi ppreżentata minn Stat Membru, sa fejn din l-espożizzjoni tkun oġġettivament verosimili. Dan il-mod li bih wieħed jipproċedi huwa konformi mal-prinċipju tal-fiduċja reċiproka li għandu jseħħ bejn l-Istati Membri u dan u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, hekk kif previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE.

    45

    Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra wkoll li espożizzjoni tal-motivi, oġġetivament raġonevoli, trażmessa minn Stat Membru lill-Kunsill, kienet suffiċjenti fil-kuntest tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi u tirreferi għall-Artikolu 346(1)(a) TFUE li skont din “l-ebda Stat ma jkun obbligat li jagħti tagħrif li l-kxif tiegħu ikun jikkunsidrah li jmur kontra l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu”.

    46

    Il-Kunsill isostni min-naħa l-oħra li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-dritt għad-divulgazzjoni tal-provi skont id-drittijiet tad-difiża ma hijiex assoluta (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja EDH Jasper c. Ir-Renju Unit tas-16 ta’ Frar 2000, rikors Nru 27052/95, punt 52). Din il-ġurisprudenza, dwar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, tirregola d-determinazzjoni ta’ akkużi kriminali, hija applikabbli a fortiori għall-miżuri restrittivi inkwistjoni.

    47

    Insostenn ta’ dan l-ilment tal-Kunsill, ir-Renju Unit isostni fl-ewwel lok, li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 29 TUE jeħtieġu, bis-saħħa tal-Artikolu 31 TUE, l-unanimità. Fit-tieni lok, dan l-Istat Membru jsostni li, billi jivvutaw fuq il-proposta ta’ Stat Membru, l-Istati Membri l-oħra jġiebu l-għarfien profond u l-konoxxenza tagħhom sabiex jikkontribwixxu għall-elaborazzjoni tad-deċiżjoni. Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, huwa jsostni li ċerta informazzjoni jista’ jkun li ġiet skambjata bejn ċerti Stati Membri fuq bażi bilaterali. Jekk xi Stati Membri jikkunsidraw li l-parteċipazzjoni tal-persuni jew ta’ entitajiet implikati f’atti li huma ta’ riskju għall-proliferazzjoni nukleari, allegata f’proposta tad-deċiżjoni tal-Kunsill, hija arbitrarja, mhux probabbli, jew nieqsa minn probabbiltà, huma għandhom jirrifjutaw l-adozzjoni tad-deċiżjoni.

    48

    Permezz tat-tieni lment tiegħu, il-Kunsill jikkontesta l-punt 100 tas-sentenza appellata, li permezz tagħha, l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-qorti tal-Unjoni ma tistax topponi s-sigriet jew il-kunfidenzjalità tal-provi u ta’ informazzjoni li fuqha hija bbażata l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi.

    49

    Skont il-Kunsill, il-Qorti Ġenerali injorat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċeduri tagħha, li skont dawn il-Qorti Ġenerali għandha tieħu biss in kunsiderazzjoni dawk id-dokumenti u inkartamenti li l-avukati u l-aġenti tal-partijiet ikunu setgħu jikkonsultaw u li fuqhom ikunu setgħu jesprimu ruħhom. Huwa jsostni li r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma jippermettux, fl-istat attwali, lil parti li jikkomunikaw lill-Qorti Ġenerali elementi kunfidenzjali b’mod li huma jistgħu jiġu kkunsidrati mingħajr ma jiġu mgħoddija lill-avukati tal-parti avversarja. Ir-Repubblika Franċiża ssostni f’dan ir-rigward li ma huwiex attribwit għall-Kunsill li ma pprovdix għal modifika tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, peress li hija l-Qorti Ġenerali li għandha tistabbilixxi r-Regoli ta’ Proċedura tagħha fi qbil mal-Qorti tal-Ġustizzja, bl-approvazzjoni tal-Kunsill. Skont ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit, sakemm il-Qorti Ġenerali ma tistax tikkunsidra l-elementi kunfidenzjali jekk ma kkomunikahomx lill-avukati tar-rikorrenti, huwa diffiċli għall-Istati Membri jaċċettaw li l-elementi kunfidenzjali li huma għandhom u li jiġġustifikaw l-fondatezza tal-miżuri restrittivi inkwistjoni jkunu kkomunikati lill-Qorti Ġenerali.

    50

    Matul is-seduta, il-Kunsill sostna li huwa ġustifikat li jimponi sanzjonijiet ekonomiċi ġenerali jew li jolqot ċerti setturi tal-ekonomija Iranjana, b’mod konformi mal-Artikolu 215(1) TFUE. L-għażla li jiġu pprivileġġjati miżuri mmirati jagħmilha possibbli li jiġu mtaffa l-effetti negattivi tal-miżuri restrittivi fuq il-popolazzjoni, iżda d-diffikultà tinstab fil-fatt tat-tressiq tal-prova tal-eżistenza ta’ attivitajiet, ta’ spiss klandestini, li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri. Huwa jsostni wkoll li, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li s-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali setgħet tiġġustifika li ssir eċċezzjoni għall-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-motivi li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, iżda li, b’mod żbaljat, huwa ma applikax din l-eċċezzjoni f’dak li jirrigwarda l-prova tal-aġir allegat.

    51

    Ir-Renju Unit isostni li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina l-mod kif l-interessi leġittimi li għandhom jiġu protetti permezz tal-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi u l-interessi li għandhom jiġu protetti billi tiġi ppreżervata l-konfidenzjalità, minn naħa, u s-salvagwardja effettiva tal-protezzjoni ġudizzjarja, min-naħa l-oħra, għandhom ikunu konċiljati. Huwa jsostni li, peress li l-Unjoni ma poġġietx fis-seħħ proċeduri li jippermettu l-komunikazzjoni lill-Qorti Ġenerali ta’ dokumenti kunfidenzjali, jeħtieġ li l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ din il-konċiljazzjoni, tagħti attenzjoni ikbar lill-interessi tal-paċi u tas-sigurtà kif ukoll lill dawk tal-persuna li hija s-suġġett ta’ miżuri restrittivi. Huwa jfakkar li l-miżuri inkwistjoni huma preventivi u mhux kriminali. Jekk huma ta’ intrużjoni u għandhom ta’ spiss effetti kunsiderevoli, huma madankollu akkumpanjati minn dispożizzjonijiet partikolari li jipproteġu l-persuni affettwati mill-miżuri, bħall-Artikoli 19 u 21 tar-Regolament Nru 961/2010.

    52

    Fulmen u F. Mahmoudian isostnu, fl-ewwel lok, li l-argument li l-eżistenza tas-sorsi għandha tibqa’ kunfidenzjali huwa argument ġdid li l-Kunsill qatt ma semma fl-ewwel istanza, ħlief waqt is-sottomissjonijiet fuq id-domandi li saru mill-Qorti Ġenerali lill-Kunsill.

    53

    Huma jsostnu, fit-tieni lok u sussidjarjament, li l-eżistenza tal-elementi provenjenti minn sorsi kunfidenzjali jammontaw għal deroga mhux biss għall-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, iżda wkoll għall-obbligu tat-tressiq tal-prova suffiċjenti tal-fatti li wasslu għad-deċiżjoni meħuda.

    54

    Min-naħa l-oħra, Fulmen u F. Mahmoudian jfakkru li, skont, b’mod partikolari, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kunsill li skont dan ma jkunx possibbli li jiġu kkomunikati lill-Qorti Ġenerali l-elementi kunfidenzjali b’mod li jistgħu jiġu kkunsidrati mingħajr ma jiġu mgħoddija lill-avukati tal-parti avversarja.

    55

    Huma jsostnu f’dan ir-rigward, li l-Kunsill qatt ma rrefera għal xi elementi kunfidenzjali insostenn tad-deċiżjoni tiegħu. Huma jfakkru li bagħtu żewġ ittri rreġistrati, fis-26 ta’ Awwissu u fl-14 ta’ Settembru 2010, fejn esprimew li kienu sorpriżi li kienu ġew milquta mill-assenza ta’ provi in sostenn tad-deċiżjonijiet meħuda. Wara l-introduzzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, l-Kunsill qatt ma rrefera għall-eżistenza tal-elementi kunfidenzjali kkomunikati minn wieħed mill-Istati Membri u/jew mis-servizzi Ewropej ta’ azzjoni esterna.

    56

    Fulmen u F. Mahmoudian isostnu wkoll li, anki jekk l-elementi kunfidenzjali jeżistu, il-motivi tad-deċiżjoni kienu vagi ħafna u ma kinux jippermettu la lil Fulmen u lanqas lil F. Mahmoudian sabiex jippreżentaw difiża effettiva. Huma jfakkru l-ħafna żbalji kemm dwar Fulmen kif ukoll dwar F. Mahmoudian li jidhru fid-deċiżjoni u li ġew indikati lill-Qorti Ġenerali. Skont huma, dawn l-iżbalji jippermettu li tiġi ddubitata l-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill fuq l-eżistenza tal-elementi kunfidenzjali.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    57

    Għandhom jiġu eżaminati mill-bidu ż-żewġ ilmenti li jiffurmaw l-aggravju tal-Kunsill. Fil-fatt, fil-punti 99 u 100 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tirrispondi għall-argument ta’ Fulmen u ta’ F. Mahmoudian, imfakkar fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li skont dan il-Kunsill ma ressaqx il-prova tal-allegazzjonijiet tiegħu dwar l-intervent ta’ Fulmen fis-sit ta’ Qom/Fordoo. Il-punt 99 għandha għalhekk tiġi interpretata fis-sens li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Kunsill għandu, jekk ikun il-każ, jitlob il-provi u l-informazzjoni neċessarja lill-Istat Membru li ppropona l-miżuri restrittivi, sabiex ikun f’pożizzjoni li jipproduċihom fil-kuntest ta’ stħarriġ ġudizzjarju msemmi fil-punt segwenti tas-sentenza appellata.

    58

    Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fl-istħarriġ tal-miżuri restrittivi, il-Qrati tal-Unjoni għandhom, b’mod konformi mal-kompetenzi li huma għandhom taħt it-trattat, jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplut, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali li jiffurmaw parti integrali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit huwa speċifikament trattat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, punt 97, iktar ’il quddiem “Kadi II”).

    59

    Fuq quddiem ta’ dawn id-drittijiet fundamentali tidher, b’mod partikolari, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza Kadi II, iċċitata iktar ’il fuq, punt 98).

    60

    L-ewwel wieħed minn dawn id-drittijiet, li huwa previst fl-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), jinkludi d-dritt għal smigħ u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl fl-osservanza tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità (sentenza Kadi II, punt 99).

    61

    It-tieni wieħed tal-imsemmija drittijiet fundamentali, li huwa kkonfermat fl-Artikolu 47 tal-Karta, jeżiġi li l-parti interessata tista’ tkun taf il-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha kemm permezz tal-qari stess tad-deċiżjoni, kemm permezz ta’ komunikazzjoni ta’ dawn il-motivi li ssir fuq talba tagħha, bla ħsara tas-setgħa tal-qorti kompetenti li teżiġi mill-awtorità inkwistjoni li hija tikkomunikala, sabiex tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kawża jekk kienx utli li tinstema quddiem il-qorti kompetenti, kif ukoll sabiex din tal-aħħar titpoġġa f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, punt 53 u ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Kadi II, punt 100).

    62

    L-Artikolu 52(1) tal-Karta madankollu jipprovdi għal limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet pprovduti minnha, sa fejn il-limitazzjoni kkonċernata tirrispetta l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni u li, fir-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija neċessarja u tirrispondi effettivament għall-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni (ara s-sentenzi ZZ, iċċitata iktar ’il fuq punt 51, u Kadi II, punt 101).

    63

    Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi evalwata abbażi taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni, C-110/10 P, Ġabra p. I-10439, punt 63), b’mod partikolari n-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza Kadi II, punt 102; ara wkoll, f’dan is-sens, fir-rigward tal-osservanza tad-dmir ta’ motivazzjoni, sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, punti 139 u 140, kif ukoll Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, punt 53).

    64

    L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi wkoll li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li d-deċiżjoni, li għandha portata individwali għall-persuna jew l-entità kkonċernata, hija bbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tas-sunt veru tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-punt jekk dawn il-motivi, jew, għall-inqas wieħed minnhom ikkunsidrat bħala suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex sostnuti (ara s-sentenza Kadi II, punt 119).

    65

    Għal dan il-għan, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel dan l-eżami billi titlob, skont il-każ, lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni tipproduċi informazzjoni jew provi, kunfidenzjali jew mhux, rilevanti għall-finijiet ta’ tali eżami (ara s-sentenza Kadi II, punt 120, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    66

    Hija, fil-fatt l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi meqjusa kontra l-persuna kkonċernata, u mhux lil din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi (ara s-sentenza Kadi II, punt 121).

    67

    Għal dan il-għan, ma huwiex meħtieġ li din l-awtorità tipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni l-informazzjoni u provi kollha inerenti għall-motivi allegati fl-att li ġie mitlub l-annullament tiegħu. Huwa importanti madankollu li l-informazzjoni jew l-elementi prodotti jsostnu r-raġunijiet meqjusa kontra l-persuna kkonċernata (ara s-sentenza Kadi II, punt 122).

    68

    Jekk ikun impossibbli għall-awtorità kompetenti tal-Unjoni li taċċedi għat-talba tal-qorti tal-Unjoni, hija din tal-aħħar li għandha tibbaża ruħha fuq l-uniċi elementi li jkunu ġew ikkomunikati lilha, jiġifieri, f’dan il-każ, il-motivazzjoni tal-att ikkontestat, l-osservazzjonijiet u l-elementi li għandhom eventwalment jiġu prodotti mill-persuna kkonċernata kif ukoll ir-risposta tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni għal dawn l-osservazzjonijiet. Jekk dawn l-elementi ma jippermettux li tiġi kkonstatata l-fondatezza ta’ motiv, il-qorti tal-Unjoni tiċħdu fejn jikkonċerna sostenn tad-deċiżjoni dwar iskrizzjoni jew ta’ żamma tal-iskrizzjoni inkwistjoni (ara s-sentenza Kadi II, punt 123).

    69

    Jekk, bil-kontra, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tipprovdi informazzjoni jew provi rilevanti, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-eżattezza materjali tal-fatti allegati fir-rigward ta’ din l-informazzjoni jew elementi u tevalwa s-saħħa probatorja ta’ dawn tal-aħħar skont ċirkustanzi tal-każ u fid-dawl tal-eventwali osservazzjonijiet ippreżentati, b’mod partikolari, mill-persuna kkonċernata għas-suġġett tagħhom (ara s-sentenza Kadi II, punt 124).

    70

    Ċertament, kunsiderazzjonijiet imperattivi li jmissu ċ-ċertezza tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew l-aġir tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom jistgħu jipprekludu l-komunikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni jew ta’ ċerti provi lill-persuna kkonċernata. F’każ simili, hija madankollu l-qorti tal-Unjoni, li ma jistax jiġi prekluż lilha l-aċċess minħabba s-segretezza jew il-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni jew elementi, li għandha timplementa, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju li hija teżerċita, tekniki li jippermettu li jiġu kkonċiljati, minn naħa, il-kunsiderazzjonijiet leġittimi ta’ sigurtà fir-rigward tan-natura u s-sorsi ta’ informazzjoni li ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni tal-att ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiġi ggarantit biżżejjed lill-parti fil-kawża r-rispett tad-drittijiet proċedurali tagħha, bħad-dritt għal smigħ kif ukoll il-prinċipju ta’ kontradittorju (ara s-sentenzi Kadi II, punt 125, kif ukoll, b’analoġija, ZZ, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54, 57 u 59).

    71

    Għal dan il-għan, hija l-qorti tal-Unjoni, filwaqt li tipproċedi għal eżami tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt kollha pprovduti mill-awtorità kompetenti tal-Unjoni, li għandha tivverifika l-fondatezza tar-raġunijiet invokati minn din l-awtorità sabiex topponi tali komunikazzjoni (ara s-sentenzi Kadi II, punt 126, kif ukoll, b’analoġija, ZZ, iċċitata iktar ’il fuq, punti 61 u 62).

    72

    Jekk il-qorti tal-Unjoni titlob li dawn ir-raġunijiet ma jipprekludux il-komunikazzjoni, tal-inqas parzjali, tal-informazzjoni jew tal-provi kkonċernati, hija tagħti l-possibbiltà lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni li tikkomunika din l-informazzjoni fir-rigward tal-persuna kkonċernata. Jekk din l-awtorità topponi l-komunikazzjoni ta’ kull jew parti minn din l-informazzjoni jew elementi, il-qorti tal-Unjoni mbagħad tipproċedi għalhekk għall-eżami tal-legalità tal-att ikkontestat abbażi tal-elementi biss li ġew ikkomunikati lilha (ara s-sentenzi Kadi II, punt 127, u, b’analoġija, ZZ, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

    73

    Min-naħa l-oħra, jekk jirriżulta li r-raġunijiet invokati mill-awtorità kompetenti tal-Unjoni jipprekludu effettivament il-komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata ta’ informazzjoni jew ta’ provi prodotti quddiem il-qorti tal-Unjoni, huwa neċessarju li jiġu bbilanċjati b’mod xieraq ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’mod partikolari fir-rispett tal-prinċipju ta’ kontradittorju, u dawk li jirriżultaw mis-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew mit-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom (ara s-sentenzi Kadi II, iċċitata iktar ’il fuq, punt 128, kif ukoll, b’analoġija, ZZ, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).

    74

    Għall-finijiet ta’ tali bbilanċjar, huwa possibbli li jintużaw possibbiltajiet bħall-komunikazzjoni ta’ sunt tal-kontenut tal-informazzjoni jew tal-provi inkwistjoni. Indipendentement mill-użu ta’ tali possibbiltajiet, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tevalwa jekk u sa fejn l-assenza ta’ żvelar ta’ informazzjoni jew ta’ provi kunfidenzjali lill-persuna kkonċernata u l-impossibbiltà korrelattiva għaliha li ssostni l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tagħhom humiex ta’ natura li jinfluwenzaw is-saħħa probatorja tal-provi kunfidenzjali (ara s-sentenzi Kadi II, punt 129, u, b’analoġija, ZZ, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67).

    75

    F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, li l-motivazzjoni tal-iskrizzjoni ta’ Fulmen u ta’ F. Mahmoudian fil-lista tal-atti kontenzjużi, għalkemm qasira, kienet ippermettitilhom li jifhmu liema atti kienet akkużata bihom Fulmen u li jikkontestaw kemm ir-realtà tal-atti, kif ukoll ir-rilevanza tagħhom.

    76

    Għalkemm Fulmen sostniet matul is-seduta, li ġiet infurmata biss dwar il-perijodu dwar il-fatti li ġew attribwiti lilha, jiġifieri 2006‑2008, fl-istadju tal-proċeduri tal-appell, hemm lok li jingħad li dan il-perijodu seta’ jiġi faċilment dedott mid-dokumenti pubbliċi, peress li l-motivazzjoni kienet tkopri l-perijodu preċedenti għall-iskoperta tal-eżistenza tas-sit ta’ Qom u li r-Riżoluzzjoni 1929 (2010) tal-Kunsill tas-Sigurtà kienet tindika li l-kostruzzjoni taċ-ċentrali ta’ Qom ġiet żvelata fix-xahar ta’ Settembru 2009.

    77

    Fir-rigward tal-prova tal-implikazzjoni ta’ Fulmen fl-istallazzjoni ta’ tagħmir elettroniku fuq is-sit ta’ Qom/Fordoo, il-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit sostnew li l-produzzjoni tad-dokumenti li jattestaw din l-implikazzjoni ma kintix neċessarja u, f’kull każ, ma kienx possibbli minħabba l-karattru kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti u tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali li jimponu l-komunikazzjoni lill-parti avversarja.

    78

    F’dan ir-rigward, peress li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni rrifjutat li tipproduċi l-provi quddiem il-Qorti tal-Unjoni, din tal-aħħar, hekk kif jirriżulta mill-punt 68 tas-sentenza preżenti, għandha tibbaża biss fuq l-elementi li ġew ikkomunikati lilha.

    79

    F’din il-kawża, l-uniku element għad-dispożizzjoni tal-qorti tal-Unjoni hija l-allegazzjoni li tidher fil-motivazzjoni tal-atti kontenzjużi. Hija ma hijiex sostnuta mill-produzzjoni tal-elementi ta’ informazzjoni jew tal-prova, bħal sunt tal-kontenut tal-informazzjoni inkwistjoni, ta’ iktar dettalji fuq it-tagħmir elettroniku allegatament installat fis-sit ta’ Qom jew ir-raġunijiet li jippermettu li jiġi stabbilit li kienet Fulmen li kienet installat dan it-tagħmir u b’hekk, il-fondatezza tal-atti kkontestati.

    80

    Fir-rigward ta’ din iċ-ċirkustanza, għandu jiġi kkonstatat li Fulmen u F. Mahmoudian ma kinux f’pożizzjoni li jiddefendu ruħhom mill-fatti allegati u li l-qorti tal-Unjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tivverifika l-fondatezza tal-atti kontenzjużi.

    81

    Ftit huwa ta’ rilevanza li l-Artikolu 215(1) TFUE jagħti lill-Kunsill il-kompetenza sabiex jadotta miżuri ekonomiċi ġenerali kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran. Fil-fatt, il-miżura suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni hija miżura mmirata li tkopri mhux settur ekonomiku partikolari, iżda impriża individwali minħabba attività allegata speċifika.

    82

    Fir-rigward ta’ dawn l-elementi kollha, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill ma ressaqx il-prova li Fulmen kienet intervjeniet fis-sit ta’ Qom/Fordoo.

    83

    Konsegwentement, l-appell huwa infondat u għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    84

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun infondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-Artikolu 138 ta’ dawn ir-Regoli, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn tal-aħħar, jipprovdi li l-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    85

    Peress li l-Kunsill tilef il-kawża, hemm lok, b’mod konformi mat-talbiet ta’ Fulmen u ta’ F. Mahmoudian, li jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

    86

    Ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni, partijiet intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

     

    3)

    Ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top