Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0277

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-24 ta’ Ottubru 2013.
Vitālijs Drozdovs vs Baltikums AAS.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākās tiesas Senāts.
Assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur — Direttiva 72/166/KEE — Artikolu 3(1) — Direttiva 90/232/KEE — Artikolu 1 — Inċident tat-traffiku — Mewt tal-ġenituri tal-applikant minorenni — Dritt għal kumpens tat-tfal — Dannu mhux materjali — Kumpens — Kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja.
Kawża C‑277/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:685

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

24 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )

“Assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur — Direttiva 72/166/KEE — Artikolu 3(1) — Direttiva 90/232/KEE — Artikolu 1 — Inċident tat-traffiku — Mewt tal-ġenituri tal-applikant minorenni — Dritt għal kumpens tat-tfal — Dannu mhux materjali — Kumpens — Kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja”

Fil-Kawża C‑277/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, mressqa mill-Augstākās tiesas Senāts (il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Ġunju 2012, fil-proċedura

Vitālijs Drozdovs, irrappreżentata minn Valentīna Balakireva

vs

Baltikums AAS,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.-C. Bonichot, u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Marzu 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal V. Drozdovs, irrappreżentata minn V. Balakireva, minn N. Frīdmane, advokāte,

għal Baltikums AAS, minn G. Radiloveca, advokāte,

għall-Gvern Latvjan, minn A. Nikolajeva u I. Kalniņš, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn F. Wannek u T. Henze, bħala aġenti,

għall-Gvern Litwan, minn R. Janeckaitė u A. Svinkūnaitė kif ukoll minn D. Kriaučiūnas, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Sauka u K.-P. Wojcik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Lulju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 06, Vol. 01, p. 10, iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva”), kif ukoll tal-Artikolu 1(1) u (2) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 06, Vol. 07, p. 3, iktar ’il quddiem it-“Tieni Direttiva”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn V. Drozdovs, irrappreżentata minn V. Balakireva, kontra Baltikums AAS (iktar ’il quddiem “Baltikums”), impriża tal-assigurazzjoni, dwar il-kumpens minn din tal-aħħar, abbażi tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, tad-danni morali subiti minn V. Drozdovs b’riżultat tal-mewt tal-ġenituri tagħha, f’inċident tat-traffiku.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1 tal-Ewwel Direttiva jistabbilixxi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

2.

’il-parti inġurjata’ tfisser kull persuna ntitolata għal kumpens fir-rigward ta’ telf jew inġurja kkawżata minn vetturi;

[…]”

4

L-Artikolu 3(1) tal-ewwel Direttiva jipprevedi:

“Kull Stat Membru għandu, […] jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu ikun kopert minn assigurazzjoni. Il-limiti koperti tar-responsabbiltà u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ dawn il-miżuri.”

5

L-Artikolu 1(1) u (2) tat-Tieni Direttiva jipprovdi li:

“1.   L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) [tal-Ewwel Direttiva] għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali.

2.   Mingħajr preġudizzju għal xi garanziji ogħla li Stati Membri jistgħu jistabilixxu, kull Stat Membru għandhu jkun jeħtieġ li l-ammonti li għalihom din l-assigurazzjoni hi obbligatorja jkunu mill-anqas:

fil-każ ta’ korriment personali, [EUR] 350 000 meta jkun hemm vittma waħda biss; meta jkun hemm aktar minn vittma waħda involuta fi pretensjoni waħda, dan l-ammont għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ vittmi,

fil-każ ta’ ħsara lill-proprjetà [EUR] 100 000 għal kull pretensjoni, independentement min-numru ta’ vittmi.

L-Istati Membri jistgħu, minflok l-ammonti minimi ta’ hawn fuq, jipprovdu għal ammont minimu ta’ [EUR] 500 000 għal korriment personali meta aktar minn vittma waħda tkun involuta fi pretensjoni waħda jew, fil-każ ta’ korriment personali u ħsara lill-proprjetà, ammont totali minimu ta’ [EUR] 600 000 għal kull pretensjoni independentement min-numru ta’ vittmi jew min-natura tal-ħsara.”

6

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 06, Vol. 01, p. 249, iktar ’il quddiem it-“Tielet Direttiva”), jipprovdi li “l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(1) [tal-Ewwel Direttiva] għandha tkopri r-responsabbiltà għal korrimenti fuq il-persuna tal-passiġġieri, apparti minn għax-xufier, li joriġinaw mill-użu ta’ vettura”.

Id-dritt Latvjan

7

L-Artikolu 15 tal-liġi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili tal-proprjetarji tal-vetturi tal-art, [Sauszemes transportlīdzekļu īpašnieku civiltiesiskās atbildības obligātās apdrošināšanas likums, Latvijas Vēstnesis, 2004, no 65 (3013)], fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem tal-Liġi “OCTA”), intitolat “Limitu tar-responsabbiltà tal-assiguratur”, jipprovdi:

“(1)   F’każ ta’ inċident, l-assiguratur li jkun assigura r-responsabbiltà ċivili tal-proprjetarju tal-vettura li tkun ikkawżat l-inċident jew l-uffiċċju tal-assiguraturi tal-vetturi (jekk il-kumpens għandu jitħallas mill-Fond ta’ Garanzija) għandu jagħti kumpens għad-dannu, fil-limiti tar-responsabbiltà tal-assiguratur:

1)

sa LVL 250 000 [Lats Latvjani] għal kull vittma ta’ korriment personali;

2)

sa [LVL] 70 000 għal dannu materjali, irrispettivament min-numru ta’ terzi vittmi;

(2)   It-terzi jistgħu jitolbu kumpens, skont id-dritt komuni, għad-danni li ma jkunux ikkumpensati skont din il-liġi jew li jaqbżu l-limiti tar-responsabbiltà tal-assiguratur.”

8

L-Artikolu 19 tal-Liġi OCTA, intitolat “Danni kkawżati lill-persuni”, jipprovdi:

“(1)   Id-danni materjali kkawżati lill-vittmi f’inċidenti tat-traffiku huma:

1)

l-ispiża għat-trattament mediku;

2)

l-inkapaċità temporanja milli wieħed jaħdem;

3)

l-inkapaċità permanenti milli wieħed jaħdem;

4)

il-mewt.

(2)   Id-danni mhux materjali huma d-danni relatati mal-uġigħ u t-tbatija psikoloġiċi, jiġifieri:

1)

it-trawma fiżika subita mill-vittma;

2)

il-mutilazzjoni jew l-invalidità tal-vittma;

3)

il-mewt tal-persuna li hija dipendenti fuqha, il-persuna dipendenti jew il-konjuġi;

4)

l-invalidità tal-grupp 1 tal-persuna li hija dipendenti fuqha, il-persuna dipendenti jew il-konjuġi.

(3)   L-ammont tal-metodu ta’ kalkolu tal-indennizzi tal-assigurazzjoni tad-danni materjali u mhux materjali kkawżati lill-persuni huma stabbiliti mill-Kunsill tal-Ministri.”

9

L-Artikolu 23 tal-liġi OCTA, intitolat “Danni marbuta mal-mewt tal-vittma”, jipprovdi:

(1)   Għandhom dritt għall-indennizz tal-assigurazzjoni f’każ ta’ mewt tal-persuna li huma dipendenti fuqha:

1)

it-tfal, anki jekk ikunu adottati:

a)

sal-età meta jsiru maġorenni,

[…]

10

L-Artikolu 5 tal-Kodiċi Ċivili (Civillikums, Latvijas Republikas Saeimas un Ministru Kabineta Ziņotājs, 1993, no 1), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), jipprovdi:

“Meta kawża hija deċiża b’ekwità jew liġi stretta, il-qorti tiddeċiedi skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt.”

11

L-Artikolu 1635 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:

“Kull dannu illeċitu, jiġifieri kull azzjoni illeċita, jagħti li dak li jkun safa vittma, d-dritt li jeżiġi kumpens minn min ikun wettqu, sa fejn l-azzjoni tista’ tiġi attribwita lilu.”

12

L-Artikolu 2347 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:

“Jekk persuna tikkawża, permezz ta’ azzjoni attribwibbli lilha u li hija illeċita, dannu fiżiku lil persuna oħra, hija għandha tikkumpensa lil din il-persuna l-oħra għall-ispejjeż mediċi tagħha u, skont l-evalwazzjoni tal-qorti, għat-telf tad-dħul eventwali.

Dik il-persuna li tipprattika attività li hija partikolarment perikoluża għall-persuni ta’ madwarha (trasport, industrija, xogħol ta’ kostruzzjoni, sustanzi perikolużi eċċ) hija obbligata tikkumpensa d-danni li jirriżultaw minn dan il-perikolu jekk ma jiġix muri li d-dannu ġie kkawżat minħabba forza maġġuri, tort tal-vittma jew b’negliġenza kbira. Jekk intilef il-kontroll tal-kawża tal-periklu lill-proprjetarju, il-possessur jew l-utent, mingħajr ma jirriżulta li dan kien tort tiegħu, minħabba l-azzjoni illeċità ta’ persuna oħra, dan huwa responsabbli tad-dannu kkawżat. Jekk id-detentur (proprjetarju, possessur, utent) aġixxa huwa wkoll b’mod inġustifikat, huwa possibbli li tiġi kkontestata r-responsabbiltà għad-dannu kkawżat kemm tal-persuna li użat l-oġġett, kawża tal-periklu żejjed, kif ukoll tad-detentur tiegħu, skont il-livell tat-tort ta’ kull wieħed minnhom.”

13

Skont l-Artikolu 22 tal-kodiċi ta’ proċedura kriminali [Kriminālprocesa likums, Latvijas Vēstnesis, 2005, no 74 (3232)], intitolat “Dritt għal kumpens tad-dannu subit”:

“Id-dritt tal-applikant u li jikseb permezz tal-qrati kumpens morali u materjali huwa ggarantit lill-persuna li subiet dannu minħabba att illegali, inkluż fosthom id-danni morali, id-danni fiżiċi u l-ħsara lill-proprjetà.”

14

L-Artikoli 7 u 10 tad-Digriet Nru°331 tal-Kunsill tal-Ministri, dwar l-ammont u l-metodu ta’ kalkolu tal-kumpens tal-indennizzi tal-assigurazzjoni għad-danni morali kkawżati lill-persuni (Noteikumi par apdrošināšanas atlīdzības apmēru un aprēķināšanas kārtību par personai nodarītajiem nemateriālajiem zaudējumiem), tas-17 ta’ Mejju 2005 [Latvijas Vēstnesis, 2005, no 80 (3238), iktar ’il quddiem id-“Digriet”)], li jimplementaw l-Artikolu 19(3) tal-liġi OCTA, jipprovdu:

“Artikolu 7

L-ammont tal-kumpens tal-indennizzi tal-assigurazzjoni għall-uġigħ u t-tbatija psikoloġiċi sussegwenti għall-mewt ta’ persuna li fuqha jiddependu, ta’ persuna dipendenti jew ta’ konjuġi hija ta’ [LVL] 100 għal kull applikant u għal kull persuna fis-sens tal-Artikolu 23(1), tal-liġi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili tal-proprjetarji tal-vetturi tal-art.

[…]

Artikolu 10

L-ammont totali tal-indennizzi tal-assigurazzjoni huwa limitat għal [LVL] 1 000 għal kull vittma ta’ inċident tat-traffiku jekk id-danni kollha previsti fil-punti 3, 6, 7 u 8 huma kkumpensati.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Fl-14 ta’ Frar 2006, il-ġenituri ta’ V. Drozdovs mietu f’inċident tat-traffiku li seħħ f’Riga (il-Latvja). V. Drozdovs, li twieldet fil-25 ta’ Awwissu 1995, konsegwentement tpoġġiet taħt it-tutela tan-nanna tagħha, V. Balakireva (iktar ’il quddiem il-“kuratriċi”).

16

Dan l-inċident kien ikkaġunat mis-sewwieq ta’ vettura bil-mutur li kienet assigurata minn Baltikums. L-awtur tal-imsemmi inċident, li kien taħt l-effetti tal-alkoħol, li kien qed isuq b’veloċità eċċessiva vettura li kienet fi stat ħażin fuq livell tekniku u li kien wettaq, fil-mument tal-imsemmi inċident, manuvra perikoluża sabiex jaqbeż vettura oħra, ġie kkundannat, permezz ta’ sentenza kriminali, kkonfermata fl-appell, għal piena ta’ sitt snin priġunerija u għas-sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan għal ħames snin.

17

Fit-13 ta’ Diċembru 2006, il-kuratriċi infurmat lill-Baltikums dwar l-inċident u stiednet lil din tal-aħħar tħallas il-kumpens previst, inkluż dak dovut għad-danni morali, li ġew stmati għal LVL 200 000. Fid-29 ta’ Jannar 2007, Baltikums ħallset, b’mod konformi mal-Artikolu 7 tad-Digriet, somma ta’ LVL 200 bħala kumpens għat-tbatija psikoloġiċi li sofriet V. Drozdovs, kif ukoll, għad-dannu patrimonjali, ammont ta’ LVL 4 497.47, li ma huwiex ikkontestat.

18

Fit-13 ta’ Settembru 2007, il-kuratriċi ppreżentat, kontra Baltikums, rikors għall-ħlas ta’ kumpens ta’ LVL 200 000, għad-dannu morali mġarrab minn V. Drozdovs. Dan ir-rikors, li kien motivat mill-fatt li l-mewt tal-ġenituri ta’ V. Drozdovs ikkawża tbatija psikoloġiċi lil din tal-aħħar minħabba l-età żgħira tagħha, kien ibbażat fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2), u l-Artikolu 39(1) u (6) tal-liġi OCTA, kif ukoll fuq l-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva.

19

Peress li l-imsemmi rikors u l-appell imressqa mill-kuratriċi ġew miċħuda, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tad-Digriet, din ppreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem l-qorti tar-rinviju, fejn talbet l-annullament tas-sentenza mogħtija mill-qorti tal-appell u r-rinviju tal-kawża lil din il-qorti għal eżami mill-ġdid.

20

Permezz ta’ dan l-appell, il-kuratriċi ssostni b’mod partikolari li l-qorti tal-appell evalwat b’mod żbaljat l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tal-liġi OCTA, peress li din id-dispożizzjoni kellha tkun interpretata b’mod konformi, b’mod partikolari, mal-Ewwel u t-Tieni Direttiva. Issa, minn din il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jirriżulta li Stat Membru ma jistax jiffissa limiti ta’ kumpens iktar baxxi mill-ammonti minimi previsti fl-Artikolu 1 tat-Tieni Direttiva. B’hekk jirriżulta li l-Artikolu 7 tad-Digriet jinjora l-limiti ta’ kumpens stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tal-liġi OCTA u mid-direttivi msemmija iktar ’il fuq.

21

Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-Artikolu 1 tat-Tieni Direttiva jistabbilixxi ammont obbligatorju ta’ garanzija għad-danni fiżiċi u d-danni lill-proprjetà, iżda ma jindirizzax direttament id-danni morali kkawżati lill-persuni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-fatt li l-Ewwel u t-Tieni Direttiva ma għandhomx bħala għan li jarmonizzaw is-sistemi ta’ responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri, b’mod li dawn tal-aħħar jibqgħu liberi li jistabbilixxu s-sistema applikabbli għall-inċidenti tat-traffiku. Jista’ jiġi dedott ukoll li d-direttivi previsti ma jikkonċernawx l-ammont tal-kumpens għad-danni morali kkawżati lill-persuni.

22

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li jkun ukoll raġonevoli li tikkonkludi li dawn id-direttivi jostakolaw ir-regolamenti tal-Istati Membri li jistabbilixxu limitu massimu għal sistema ta’ assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur. Fil-fatt, l-għan ta’ din l-assigurazzjoni tkun li tikkumpensa, għall-inqas parzjalment, il-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku tad-danni li jistgħu jiġu evalwati b’mod oġġettiv, b’mod partikolari tad-danni kkawżati lill-proprjetà u lil persuni, inkluż fosthom id-danni morali.

23

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-direttivi għandhom bħala għan li jipprojbixxu kemm milli jiġi rrifjutat jew illimitat b’mod sproporzjonat il-kumpens tad-danni subiti mill-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku kif ukoll li jipprovdu għal ammonti massimi ta’ garanzija li jkunu iktar baxxi mill-ammonti minimi ta’ garanzija stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva.

24

Issa, il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li sistema ta’ assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili effettiva għandha twassal sabiex tikkonċilja l-interessi differenti tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku, tal-proprjetarji ta’ vetturi bil-mutur u tal-assiguraturi tagħhom. Limiti ċari ta’ kumpens jiggarantixxu lill-vittmi l-kumpensi previsti għad-dannu subit, jillimitaw l-premiums tal-assigurazzjoni għal somom raġonevoli u jippermettu lill-assiguraturi milli jibbenefikaw minn dħul.

25

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-leġiżlatur nazzjonali llimita l-kumpens permezz tal-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-inċidenti tat-traffiku billi jiġu stabbiliti limiti u li huwa ddelega lill-gvern il-kompitu li jistabbilixxi r-regoli li jirrigwardaw l-ammont u l-metodu ta’ kalkolu tal-kumpens mill-assigurazzjoni tad-danni mhux patrimonjali kkawżati lill-persuni. Issa, skont din, dawn ir-regoli jillimitaw b’mod sproporzjonat id-dritt għal kumpens mill-imsemmija assigurazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-għoti ta’ kumpens “redikolu” ta’ LVL 100 previst għat-tbatija psikoloġika kkawżata mill-mewt ta’ persuna li tiddependi fuqha l-persuna kkonċernata.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākās Tiesas Senāts iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-kumpens obbligatorju għad-dannu personali previst fl-Artikolu 3 tal-[Ewwel Direttiva] u [tal-Artikolu 1(2)] tat-Tieni Direttiva, jinkludi wkoll id-danni morali?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun waħda affermattiva, l-Artikolu 3 tal-[Ewwel Direttiva] u l-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu lil Stat Membru milli jillimita l-ammont massimu tal-kumpens għad-danni mhux materjali (morali), billi jiffissa limitu li huwa sostanzjalment inqas mil-limitu tar-responsabbiltà tal-assigurazzjoni ffissat mid-direttivi u mil-liġi nazzjonali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

27

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 tat-Tieni Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur għandha tkopri l-kumpens tad-danni mhux materjali subiti mill-qraba tal-vittmi li mietu f’inċident tat-traffiku.

28

Għandu jitfakkar li l-preamboli tal-Ewwel u tat-Tieni Direttivi juru li dawn jippruvaw, minn naħa, jiżguraw il-moviment liberu kemm tal-vetturi bil-mutur normalment ibbażati fit-territorju tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-persuni li jinsabu abbord tagħhom u, min-naħa l-oħra, jiggarantixxu li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi bil-mutur jibbenefikaw minn trattament paragunabbli, ikun fejn ikun il-post fit-territorju tal-Unjoni fejn iseħħ l-inċident (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Għaldaqstant, l-Ewwel Direttiva, kif iċċarata u kkompletata mit-Tieni u t-Tielet Direttiva, timponi fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur normalment ibbażati fit-territorju tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni u tippreċiża, b’mod partikolari, it-tipi ta’ danni u t-terzi li jkunu sfaw vittmi li din l-assigurazzjoni għandha tkopri (sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Madankollu, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ kopertura mill-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili ta’ danni kkawżati lil terzi minn vetturi bil-mutur huwa distint mill-portata tal-kumpens ta’ dawn id-danni, ibbażat fuq ir-responsabbiltà ċivili tal-assigurat. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel wieħed huwa ddefinit u ggarantit mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, it-tieni wieħed huwa rregolat, essenzjalment, mid-dritt nazzjonali (sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-fatt, li mill-għan tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Direttiva, kif ukoll mill-kliem tagħhom, jirriżulta li huma ma humiex intiżi li jarmonizzaw is-sistemi ta’ responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri u li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, dawn tal-aħħar jibqgħu liberi li jiddeterminaw is-sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli għall-inċidenti li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi bil-mutur (sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Konsegwentement, u fir-rigward b’mod partikolari tal-Artikolu 1(2) tal-Ewwel Direttiva, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, ħielsa li jiddeterminaw, fil-kuntest tas-sistemi tagħhom ta’ responsabbiltà ċivili, b’mod partikolari, id-danni kkawżati minn vetturi bil-mutur li għandhom ikunu kkompensati, il-portata tal-kumpens ta’ dawn id-danni u l-persuni li għandhom dritt għall-imsemmi kumpens.

33

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam filwaqt li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kumpens għall-ħsarat li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi bil-mutur ma jistgħux iċaħħdu l-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Direttiva mill-effettività tagħhom (sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Fir-rigward tal-kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja tad-danni kkawżati mill-vetturi bil-mutur li għandhom ikunu kkumpensati skont id-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà ċivili, it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva tħalli, ċertament, hekk kif sostna l-Gvern Ġermaniż, f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddeterminaw id-danni koperti kif ukoll il-modalitajiet tal-assigurazzjoni obbligatorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 1996, Ruiz Bernáldez, C-129/94, Ġabra p. I-1829, punt 15).

35

Madankollu, huwa sabiex inaqqas id-diverġenzi li hemm fir-rigward tal-portata tal-obbligu tal-assigurazzjoni bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri li l-Artikolu 1 tat-Tieni Direttiva, fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili, impona kopertura obbligatorja ta’ ħsara lil proprjetà u tad-danni fiżiċi, sal-ammonti speċifikati. L-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva estenda dan l-obbligu għall-kopertura tad-danni fiżiċi kkawżati lill-passiġġieri oħra li ma humiex ix-xufiera (sentenza Ruiz Bernáldez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

36

B’hekk, l-Istati Membri huma marbuta jiggarantixxu li r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur applikabbli skont id-dritt nazzjonali tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Direttiva (sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

B’hekk jirriżulta li l-libertà li għandhom l-Istati Membri sabiex jiddeterminaw id-danni koperti kif ukoll il-metodi tal-assigurazzjoni obbligatorja ġiet limitata mit-Tieni u mit-Tielet Direttiva, sa fejn dawn għamlu obbligatorju l-kopertura ta’ ċerti danni sal-ammonti minimi speċifikati. Fost dawn id-danni li l-kopertura tagħhom hija obbligatorja jidhru b’mod partikolari d-danni fiżiċi, hekk kif speċifikat fl-Artikolu 1(1) tat-Tieni Direttiva.

38

Issa, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punti 68 sa 73 tal-konklużjonijiet tiegħu u hekk kif deċiż mill-Qorti AELE fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Ġunju 2008, Celina Nguyen vs The Norwegian State (E‑8/07, EFTA Court Report, p. 224, punti 26 u 27), għandu jiġi kkunsidrat, fir-rigward tal-verżjonijiet differenti lingwistiċi tal-Artikoli 1(1) tat-Tieni Direttiva u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva kif ukoll tal-għan ta’ protezzjoni tat-tliet direttivi msemmija iktar ’il fuq, li mill-kunċett ta’ danni fiżiċi jirriżulta kull dannu, sa fejn il-kumpens tagħhom huwa previst mir-responsabbiltà ċivili tal-persuna assigurata mid-dritt nazzjonali applikabbli għall-kawża, li jirriżulta minn ksur tal-integrità tal-persuna, li tinkludi t-tbatija kemm fiżika kif ukoll psikoloġika.

39

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2005, Jyske Finans, C-280/04, Ġabra p. I-10683, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

B’hekk, peress li l-verżjonijiet lingwistiċi varji tal-Artikolu 1(1) tat-Tieni Direttiva jużaw, essenzjalment, il-kunċetti kemm ta’ “dannu fiżiku” kif ukoll tad-“dannu personali”, għandha ssir referenza għall-istruttura u l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u d-direttiva. F’dan ir-rigward, għandu, minn naħa, jingħad li dawn il-kunċetti jikkompletaw dak tal-“ħsara lil proprjetà” u, min-naħa l-oħra, li jitfakkar li l-imsemmija dispożizzjoni u direttiva għandhom bħala għan, b’mod partikolari, li jsaħħu l-protezzjoni tal-vittmi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa tal-imsemmija kunċetti li jidhru fil-punt 38 tas-sentenza preżenti.

41

Konsegwentement, għan-numru ta’ danni li għandhom jiġu kkumpensati b’mod konformi mal-Ewwel, mat-Tieni u mat-Tielet Direttiva jidhru d-danni mhux materjali liema kumpens huwa previst għalihom taħt ir-responsabbiltà ċivili tal-assigurat mid-dritt nazzjonali applikabbli għall-kawża.

42

F’dak li jirrigwarda l-punt sabiex jiġi stabbilit min huma l-persuni li jistgħu jeżiġu kumpens ta’ dawn id-danni mhux materjali, minn naħa, għandu jingħad li minn qari flimkien tal-Artikolu 1, punt 2, u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva jirriżulta li l-protezzjoni li għandha tiġi mogħtija permezz ta’ din id-direttiva testendi għal kull persuni avventi kawża, taħt id-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà ċivili, għall-kumpens tad-dannu kkawżat minn dawn il-vetturi bil-mutur.

43

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi ppreċiżat li, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu u kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, it-Tielet Direttiva ma llimitatx iċ-ċirku tal-persuni protetti, iżda, għall-kuntrarju, għamlet obbligatorju l-kopertura tad-danni subiti minn ċerti persuni kkunsidrati bħala partikolarment vulnerabbli.

44

Barra minn hekk, peress li l-kunċett ta’ dannu li jidher fl-Artikolu 1, punt 2 tal-Ewwel Direttiva ma huwiex iktar limitat, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Latvjan u l-Gvern Litwan, li ċerti danni, bħad-danni mhux materjali, sa fejn għandhom jiġu kkumpensati skont id-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà ċivili applikabbli, għandhom jiġu esklużi minn dan il-kunċett.

45

L-ebda element tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Direttiva ma jippermettu li jiġi konkluż li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jirrestrinġi l-protezzjoni mogħtija minn dawn id-direttivi lill-persuni biss direttament implikati f’avveniment li kkawża d-danni.

46

Konsegwentement, l-Istati Membri huma marbuta jiżguraw li l-kumpens dovut, skont id-dritt nazzjonali tagħhom tar-responsabbiltà ċivili, minħabba d-dannu mhux materjali subit mill-membri tal-familja li huma qrib il-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku jkun kopert mill-assigurazzjoni obbligatorja sal-ammonti minimi stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva.

47

Fil-każ preżenti, għandu jkun hekk peress li, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, persuna li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ V. Drozdovs għandha dritt, bis-saħħa tad-dritt tar-responsabbiltà Ċivili Latvjan, għall-kumpens tad-dannu mhux materjali subit bħala konsegwenza tal-mewt tal-ġenituri tagħha.

48

Fir-rigward ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, u l-Artikolu 1(1) u (2) tat-Tieni Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur għandha tkopri l-kumpens tad-danni mhux materjali subiti mill-qraba tal-vittmi li mietu f’inċident tat-traffiku sa fejn dan il-kumpens huwa previst taħt ir-responsabbiltà ċivili tal-persuna assigurata mid-dritt nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.

Fuq it-tieni domanda

49

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva u l-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu d-dispożizzjonijiet nazzjonali li skont dawn l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur tkopri biss il-kumpens tad-dannu mhux materjali dovut, skont id-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà ċivili, minħabba l-mewt tal-membri tal-familja li huma qribha f’inċident tat-traffiku sa ammont massimu iktar baxx minn dak stabbilit fl-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva.

50

Ġie kkonstatat fil-punt 46 tas-sentenza preżenti li l-Istati Membri huma marbuta jiżguraw li l-kumpens dovut, skont id-dritt nazzjonali tagħhom tar-responsabbiltà ċivili, minħabba d-dannu mhux materjali subit mill-membri tal-familja li huma qrib il-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku jkun kopert mill-assigurazzjoni obbligatorja sal-ammonti minimi stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva.

51

Għandu wkoll jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li l-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal ammonti massimi ta’ garanzija li huma iktar baxxi mill-ammonti minimi ta’ garanzija stabbiliti minn dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2000, Mendes Ferreira u Delgado Correia Ferreira, C-348/98, Ġabra p. I-6711, punt 40, u d-digriet tal-24 ta’ Lulju 2003, Messejana Viegas, C-166/02, Ġabra p. I-7871, punt 20).

52

Sa fejn Baltikums issostni li huwa għad-diskrezzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali li jipprovdi, għall-kategoriji speċifiċi ta’ danni, tal-ammonti massimi ta’ garanzija li huma iktar baxxi mill-ammonti minimi ta’ garanzija stabbiliti minn dan l-artikolu meta huwa żgurat li, għad-danni kollha, l-ammonti minimi ta’ garanzija stabbiliti mill-istess artikolu jintlaħqu, minn naħa, għandu jingħad li l-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva ma tipprovdix u lanqas ma tawtorizza distinzjoni, fost id-danni koperti, barra minn dak stabbilit bejn danni fiżiċi u danni materjali.

53

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li fil-punt 33 tas-sentenza jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam filwaqt li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kumpens għall-ħsarat li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi bil-mutur ma jistgħux iċaħħdu t-tliet direttivi msemmija iktar ’il fuq mill-effettività tagħhom.

54

Issa, kieku kien possibbli għal-leġiżlaturi nazzjonali li jipprovdu, għal kull wieħed mill-kategoriji speċifiċi differenti danni identifikati, skont il-każ, fid-dritt nazzjonali, ammonti massimi ta’ garanzija li huma iktar baxxi mill-ammonti minimi ta’ garanzija stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva, l-imsemmija ammonti minimi ta’ garanzija u, b’hekk, dan l-artikolu, ma jkunux effettivi.

55

Barra minn hekk, mill-atti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bid-differenza taċ-ċirkustanzi li wasslu għas-sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex intiża sabiex tiddetermina d-dritt tal-vittma għal kumpens għar-responsabbiltà ċivili tal-assigurat, u lanqas il-portata eventwali ta’ dan id-dritt, iżda hija ta’ natura li tillimita l-kopertura ta’ assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili ta’ assigurat.

56

Fil-fatt, il-kuratriċi sostniet u, fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Latvjan ikkonferma li, skont id-dritt Latvjan, ir-responsabbiltà ċivili tal-assigurat abbażi, b’mod partikolari, tad-danni mhux materjali subiti minn persuni minħabba inċident tat-traffiku tista’ taqbeż l-ammonti koperti, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali kontenzjuża, mill-assigurazzjoni obbligatorja.

57

Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taffettwa l-garanzija, prevista mid-dritt tal-Unjoni, li r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi bil-mutur, iddeterminata skont id-dritt nazzjonali applikabbli, tkun koperta minn assigurazzjoni konformi mal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Marques Almeida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

B’hekk jirriżulta li hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva u l-Artikolu 1(1) u (2) tat-Tieni Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu d-dispożizzjonijiet nazzjonali li skont dawn l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur tkopri biss il-kumpens tad-dannu mhux materjali dovut, skont id-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà ċivili, minħabba l-mewt tal-membri tal-familja li huma qribha f’inċident tat-traffiku sa ammont massimu iktar baxx minn dak stabbilit fl-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva.

Fuq l-ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, u 1(1) u (2) u tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur għandha tkopri l-kumpens tad-danni mhux materjali subiti mill-qraba tal-vittmi li mietu f’inċident tat-traffiku sa fejn dan il-kumpens huwa previst taħt ir-responsabbiltà ċivili tal-persuna assigurata mid-dritt nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.

 

2)

L-Artikoli 3(1) tad-Direttiva 72/166 u 1(1) u (2) tat-Tieni Direttiva 84/5 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu d-dispożizzjonijiet nazzjonali li skont dawn l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur tkopri biss il-kumpens tad-dannu mhux materjali dovut, skont id-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà ċivili, minħabba l-mewt tal-membri tal-familja li huma qribha f’inċident tat-traffiku sa ammont massimu iktar baxx minn dak stabbilit fl-Artikolu 1(2) tat-Tieni Direttiva 84/5.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

Top