EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0239

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-28 ta’ Mejju 2013.
Abdulbasit Abdulrahim vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PBSK) — Miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet marbuta ma’ Osama bin Laden, man-netwerk Al-Qaida u mat-Taliban — Regolament (KE) Nru 881/2002 — Rikors għal annullament — Tneħħija tal-persuna kkonċernata mil-lista ta’ persuni u ta’ entitajiet ikkonċernati — Interess ġuridiku.
Kawża C‑239/12 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:331

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

28 ta’ Mejju 2013 ( *1 )

“Appell — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PESK) — Miżuri ristrettivi kontra ċerti persuni u entitajiet marbuta ma’ Osama bin Laden, man-netwerk Al-Qaida u mat-Taliban — Regolament (KE) Nru 881/2002 — Rikors għal annullament — Tneħħija tal-persuna kkonċernata mil-lista ta’ persuni u ta’ entitajiet ikkonċernati — Interess ġuridiku”

Fil-Kawża C‑239/12 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-13 ta’ Mejju 2012,

Abdulbasit Abdulrahim, residenti f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentat minn P. Moser, QC, u minn E. Grieves, barrister, b’mandat minn H. Miller, solicitor,

appellant,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Finnegan u G. Étienne, bħala aġenti,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Paasivirta u G. Valero Jordana, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, viċi-President, M. Ilešič, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, A. Rosas (Relatur), G. Arestis, J. Malenovský u E. Jarašiūnas, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, C. Toader, C. G. Fernlund, J. L. da Cruz Vilaça u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Jannar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, A. Abdulrahim jitlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Frar 2012, Abdulrahim vs Il-Kunsill u L-Kummissjoni (T‑127/09, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li permezz tiegħu din il-qorti ddeċidiet, b’mod partikolari, li ma kienx għad hemm lok li tiddeċiedi fuq ir-rikors għal annullament li huwa kien ippreżenta kontra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002, tas-27 ta’ Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-friża fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 294), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2008, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2008, tat-22 ta’ Diċembru 2008 (ĠU L 345, p. 60), jew ir-Regolament Nru 1330/2008.

Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

2

Fil-21 ta’ Ottubru 2008, l-isem ta’ A. Abdulrahim żdied mal-lista stabbilita mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet imwaqqaf permezz tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-15 ta’ Ottubru 1999, dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan (iktar ’il quddiem il-“lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet”).

3

Permezz tar-Regolament Nru 1330/2008, l-isem ta’ A. Abdulrahim żdied għaldaqstant mal-lista ta’ persuni u ta’ entitajiet li l-fondi u riżorsi ekonomiċi oħrajn tagħhom għandhom jiġu ffriżati skont ir-Regolament Nru 881/2002 (iktar ’il quddiem il-“lista kkontestata”).

4

Fil-punt 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1330/2008, l-imsemmija żieda hija mmotivata b’dan il-mod:

“Informazzjoni oħra: (a) [...] (b) Involut fil-ġbir tal-fondi f’isem il-Libyan Islamic Fighting Group (il-Grupp ta’ Ġellieda Iżlamiċi Libjani (Libjan Islamic Fighting Group [iktar ’il quddiem il-’LIFG’]); (c) Kellu pożizzjonijiet għo[l]ja fi ħdan l-LIFG fir-Renju Unit; (d) Assoċjat mad-Diretturi tas-SANABEL Relief Agency, Ghuma Abd’rabbah, Taher Nasuf u Abdulbaqi Mohammed Khaled u ma’ membri tal-LIFG fir-Renju Unit, inkluż Ismail Kamoka, membru għoli tal-LIFG fir-Renju Unit li nstab ħati u ġie kkundannat fir-Renju Unit f’Ġunju tal-2007 fuq il-bażi ta’ akkużi ta’ finanzjament tat-terroriżmu.”

5

Permezz ta’ rikors, li l-oriġinali ffirmat tiegħu ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-15 ta’ April 2009, A. Abdulrahim ippreżenta, kontra l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea, rikors li essenzjalment jirrigwarda, minn naħa talba għall-annullament tar-Regolament Nru 881/2002, kif emendat bir-Regolament Nru 1330/2008, jew tar-Regolament Nru 1330/2008, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh, u min-naħa l-oħra, talba għall-kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat minn dawn l-atti. Dan ir-rikors ġie rreġistrat bin-numru T-127/09.

6

Fir-rikors tiegħu, A. Abdulrahim sostna li la l-Kunsill u lanqas il-Kummissjoni ma kienu spjegaw ir-raġunijiet għall-inklużjoni tiegħu fil-lista kkontestata. Huwa ma ġiex informat bl-elementi użati kontrih u ma nstemax f’dan ir-rigward. Huwa argumenta li l-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi li jappartjenuh kienet tikkawżalu dannu għad-dritt tiegħu għall-proprjetà u għall-ħajja privata u kienet sproporzjonata. Fl-aħħar nett, A. Abdulrahim sostna li huwa qatt ma kien marbut ma’ Osama bin Laden jew man-netwerk Al-Qaida jew mat-Taliban. Billi jirreferi għal ittra tal-Foreign and Commonwealth Office tal-5 ta’ Novembru 2008 li kienet tindika rabta ma’ Al-Qaida permezz tal-LIFG, huwa sostna li, għalkemm uħud mill-grupp Afganistan tal-LIFG kien ingħaqad ma’ Al-Qaida fl-2007, dan ma kienx il-każ għal membri kollha tal-grupp. Fi kwalunkwe każ, A. Abdulrahim ma baqax involut fil-LIFG mill-2001.

7

Fit-22 ta’ Diċembru 2010, isem A. Abdulrahim tħassar mil-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

8

Fis-6 ta’ Jannar 2011, l-avukati ta’ A. Abdulrahim kitbu lill-Kummissjoni sabiex jitolbu t-tħassir ta’ ismu mil-lista kkontestata.

9

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 36/2011, tat-18 ta’ Jannar 2011, li jemenda għal mija u tlieta u erbgħin darba ir-Regolament Nru 881/2002 (6) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 294), l-isem ta’ A. Abdulrahim tneħħa mil-lista kkontestata.

10

Permezz ta’ ittra li waslet fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni bagħtet kopja tar-Regolament Nru 36/2011 lill-Qorti Ġenerali.

11

Permezz ta’ ittra mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Novembru 2011, il-partijiet kienu mistiedna jikkummentaw bil-miktub dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskop tar-rikors ta’ A. Abdulrahim, mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 36/2011.

12

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill u l-Kummissjoni talbu lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddikjara li t-talba għal annullament ma kienx għad għandha skop u li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni f’dan ir-rigward. Fir-rigward tat-talba għad-danni u għall-ispejjeż, dawn l-istituzzjonijiet żammew it-talbiet preċedenti tagħhom.

13

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Diċembru 2011, A. Abdulrahim oppona għal digriet li jiddikjara li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet għall-finijiet tal-annullament tar-Regolament Nru 1330/2008. Billi bbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq il-punti 46 sa 51 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ April 2008, PKK vs Il-Kunsill (T‑229/02), huwa invoka l-argumenti fil-qosor fil-punt 19 tad-digriet appellat, li għalihom il-Qorti Ġenerali rrispondiet f’dan l-istess digriet.

Id-digriet appellat

14

Id-digriet appellat ingħata abbażi tal-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jipprovdi li din tal-aħħar tista’ f’kull mument, ex officio, wara li jinstemgħu l-partijiet, tiddeċiedi dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku jew tikkonstata li r-rikors ma għadx għandu skop u li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni.

15

Fil-punt 22 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza li tipprovdi li l-iskop tal-kawża, bħall-interess ġuridiku ta’ rikorrent, għandu jkun preżenti sal-mument tad-deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, li jippresupponi li r-rikors jista’, jekk dan jirnexxi, jagħti benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C-362/05 P, Ġabra p. I-4333, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Diċembru 2010, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T-494/08 sa T-500/08 u T-509/08, Ġabra p. II-5723, punti 42 sa 43).

16

Fil-punt 24 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll il-ġurisprudenza li tipprovdi li l-irtirar, jew it-tħassir f’ċerti ċirkustanzi, tal-att ikkontestat mill-istituzzjoni konvenuta jxejjen l-iskop tar-rikors għal annullament, peress li jwassal, għar-rikorrent, għar-riżultat li huwa ried u hu jagħtih sodisfazzjon sħiħ (ara d-digrieti tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Marzu 2006, Mediocurso vs Il-Kummissjoni, T‑451/04, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas-6 ta’ Lulju 2011, SIR vs Il-Kunsill, T‑142/11, punt 18, kif ukoll Petroci vs Il-Kunsill, T‑160/11, punt 15).

17

Fil-punt 27 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, permezz tar-Regolament Nru 36/2011, il-Kummissjoni neħħiet l-isem ta’ A. Abdulrahim mil-lista kkontestata, minkejja li dan l-isem jissemma fir-Regolament Nru 1330/2008. Skont il-Qorti Ġenerali, tali tneħħija kienet timplika t-tħassir ta’ dan ir-regolament, sa fejn dan l-att kien jikkonċerna lill-appellant.

18

Fil-punti 29 u 30 tad-digriet ikkontestat, il-Qorti Ġenerali fakkret li huwa minnu, li fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, ir-rikorrent jista’ jżomm interess fl-annullament ta’ att imħassar fil-mori tal-kawża jekk l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu fih innifsu konsegwenzi legali (digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Marzu 1997, Arbeitsgemeinschaft Deutscher Luftfahrt-Unternehmen u Hapag-Lloyd vs Il-Kummissjoni, T-25/96, Ġabra p. II-363, punt 16 kif ukoll tal-10 ta’ Marzu 2005, IMS Health vs Il-Kummissjoni, T-184/01, Ġabra p. II-817, punt 38). Fil-fatt, fil-każ fejn att huwa annullat, l-istituzzjoni li adottat l-att hija obbligata, skont l-Artikolu 266 TFUE, tieħu l-miżuri li l-eżekuzzjoni tas-sentenza timplika. Dawn il-miżuri ma jirrigwardawx it-tneħħija tal-att bħala tali mill-ordinament ġuridiku Komunitarju, peress li din tirriżulta mis-sustanza stess tal-annullament tal-att mill-qorti. Dawn pjuttost jikkonċernaw l-eliminazzjoni tal-illegalitajiet ikkonstatati fis-sentenza ta’ annullament. Għaldaqstant l-istituzzjoni kkonċernata tista’ tiġi meħtieġa tieħu l-passi adegwati sabiex terġa’ tqiegħed lir-rikorrent fis-sitwazzjoni tiegħu li kien fiha qabel jew li tevita li jiġi adottat att identiku (ara d-digriet Arbeitsgemeinschaft Deutscher Luftfahrt-Unternehmen u Hapag-Lloyd vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

Fil-punt 31 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet madankollu li, fil-każ ineżami, ma kienx jirriżulta la mill-proċess u lanqas mill-argumenti tar-rikorrent li, wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 36/2011, ir-rikors għal annullament seta’ jagħtih benefiċċju, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 22 ta’ dan l-istess digriet, b’tali mod li huwa jżomm interess ġuridiku.

20

B’mod partikolari, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-fatt li t-tħassir ta’ att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni ma huwiex rikonoxximent tal-illegalità tiegħu u jipproduċi effett ex nunc, bid-differenza għal sentenza ta’ annullament li permezz tagħha l-att annullat huwa eliminat b’mod retroattiv mill-ordinament ġuridiku u jitqies li qatt ma eżista (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 1995, Exporteurs in Levende Varkens et vs Il-Kummissjoni, T-481/93 u T-484/93, Ġabra p. II-2941, punt 46), il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 32 tad-digriet appellat, li tali fatt ma jistax jistabbilixxi interess fir-rikorrent li jikseb l-annullament tar-Regolament Nru 1330/2008.

21

Fil-punt 33 tad-digriet ikkontestat, il-Qorti Ġenerali spjegat li, minn naħa, fil-fatt, ebda element ma jindika li t-tneħħija ex tunc ta’ dan l-att tipproduċi xi benefiċċju għar-rikorrent. B’mod partikolari, xejn ma jippermetti li jiġi stabbilit li, fil-każ ta’ sentenza ta’ annullament ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni tkun meħtieġa, skont l-Artikolu 266 TFUE, li tadotta miżuri intiżi għall-eliminazzjoni tal-illegalità li tkun ikkonstatata.

22

Fil-punt 34 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali qieset li, min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rikonoxximent tal-allegata illegalità nnifisha, hija tista’ ċertament tikkostitwixxi waħda mill-forom ta’ kumpens imfittxija fil-kuntest ta’ rikors għad-danni skont l-Artikoli 268 TFUE u 340 TFUE. Min-naħa l-oħra, skont din il-qorti, ma huwiex biżżejjed li tiġi stabbilita l-persistenza tal-interess ġuridiku f’kawża intiża għall-annullament ta’ atti ta’ istituzzjonijiet implementati permezz tal-Artikoli 263 TFUE u 264 TFUE. Fil-każ kuntrarju, ir-rikorrent dejjem iżomm interess li jitlob l-annullament ta’ att minkejja l-irtirar jew it-tħassir tiegħu, u dan ikun inkompatibbli mal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 24 u 29 tad-digriet appellat u mfakkra fil-punti 16 u 18 ta’ din is-sentenza rispettivament.

23

Fir-rigward tal-ġurisprudenza tagħha li tipprovdi li rikorrent jista’ jżomm interess li jikseb l-annullament ta’ deċiżjoni li timponi miżuri restrittivi li tħassret u ġiet issostitwita (ara f’dan is-sens, minbarra s-sentenza PKK vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 46 sa 51, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-KuConseil, T-228/02, Ġabra p. II-4665, punt 35; tal-11 ta’ Lulju 2007, Al-Aqsa/Conseil, T‑327/03, punt 39, u tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T-256/07, Ġabra p. II-3019, punt 48), il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 35 tad-digriet appellat, li din il-ġurisprudenza ġiet żviluppata f’kuntest speċifiku u differenti minn dak tal-każ inkwistjoni. Fil-fatt, għall-kuntrarju tar-Regolament Nru 1330/2008, l-atti inkwistjoni f’dawn il-kawżi ma tħassrux biss, iżda ġew issostitwiti wkoll minn atti ġodda, u l-miżuri restrittivi li jirrigwardaw l-entitajiet ikkonċernati kienu nżammu. L-effetti inizjali tal-atti mħassra baqgħu għalhekk, fir-rigward tal-entitajiet ikkonċernati, permezz tal-atti li ssostitwixxewhom. Issa, fil-każ ineżami, ir-Regolament Nru 36/2011 ipproduċa purament u sempliċement it-tneħħija tal-isem l-appellant mil-lista kkontestata, u ħassar hekk b’mod impliċitu r-Regolament Nru 1330/2008 sa fejn jikkonċernah, mingħajr ma ssostitwixxa l-miżuri redatti minn dan ir-regolament. Għalhekk l-effetti prodotti minnu ma jippersistux. Barra minn hekk, l-imsemmija ġurisprudenza hija bbażata fuq id-differenza li teżisti bejn l-effetti ta’ tħassir u dawk ta’ annullament ta’ att, u kif jirriżulta mill-punt 32 tad-digriet appellat, dan il-fatt ma huwiex rilevanti fil-każ ineżami inkwistjoni.

24

Fil-punt 36 tal-imsemmi digriet, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-imsemmija distinzjoni tissaħħaħ mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Diċembru 2009, Hassan u Ayadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-399/06 P u C-403/06 P, Ġabra p. I-11393). Fil-fatt, minn naħa, minflok ma kkonkludiet awtomatikament li r-rikorrenti kkonċernati kien fadlilhom interess ġuridiku fil-kawżi inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet ex officio, fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, il-kwistjoni jekk, fid-dawl tat-tneħħija tar-Regolament ikkontestat u tas-sostituzzjoni retroattiva tiegħu permezz ta’ att ieħor, għadx hemm lok li tittieħed deċiżjoni f’dawn il-kawżi. Min-naħa l-oħra, fil-punti 59 sa 63 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat numru ta’ partikolaritajiet tal-każ quddiemha, li wassluha li tikkonkludi, fil-punti 64 u 65 tal-imsemmija sentenza, li “[f]’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari”, u bid-differenza għal dak li ġie deċiż fid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Marzu 1993 Lezzi Pietro vs Il-Kummissjoni (C-123/92, Ġabra p. I-809), l-adozzjoni ta’ att ġdid, u t-tħassir fl-istess waqt tar-Regolament ikkontestat, ma jistax ikun ikkunsidrat bħala ekwivalenti għall-annullament pur u sempliċi tiegħu. Issa, dawn il-partikolaritajiet ma jeżistux fil-kawża preżenti. Iktar speċifikament, fil-każ ineżami, ir-Regolament Nru 36/2011 huwa definittiv inkwantu jistax ikun iktar is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Għalhekk, jista’ jiġi eskluż li r-Regolament Nru 1330/2008 jidħol fis-seħħ mill-ġdid sa fejn dan jirrigwarda l-appellant, għall-kuntrarju ta’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 63 tas-sentenza tagħha Hassan u Ayadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

25

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fatt li rikorrent jista’ jibqagħlu interess li jitlob l-annullament ta’ att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni sabiex jevita li l-allegata illegalità subita ma sseħħx fil-futur, il-Qorti Ġenerali fil-punt 37 tad-digriet appellat fakkret, li tali interess ġuridiku, li jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, ma jistax jeżisti ħlief jekk l-allegata illegalità tista’ terġa sseħħ fil-futur indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-kawża li taw lok għar-rikors (sentenza Wunenburger vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 51 u 52). Issa, fil-każ ineżami, ebda element tal-proċess ma jindika li dan jista’ jkun il-każ. Għall-kuntrarju, peress li r-Regolament Nru 36/2011 kien ġie adottat fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika tal-appellant kif ukoll, apparentament, tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni fil-Libja, il-Qorti Ġenerali qieset li ma huwiex probabbli li l-allegata illegalità tista’ terġa sseħħ indipendentement miċ-ċirkustanzi li taw lok għar-rikors.

26

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li hemm interess pubbliku superjuri li jiġi ssanzjonat l-allegat ksur ta’ dispożizzjoni imperattiva tad-dritt internazzjonali, il-Qorti Ġenerali fil-punt 38 tad-digriet appellat ikkunsidrat li, filwaqt li l-Kummissjoni ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta bħala li għandha kwalunkwe impunità, dan l-argument ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit l-interess personali tal-appellant fir-rikors. Anki jekk, kif osserva l-appellant, il-Kummissjoni għandha tosserva d-dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt internazzjonali u ma tistax tadotta deċiżjoni bbażata fuq informazzjoni miksuba taħt tortura, l-appellant ma jistax jaġixxi fl-interess tal-liġi jew tal-istituzzjonijiet u jista’ jsostni biss interess u oġġezzjonijiet personali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Lulju 1983, Schloh vs Il-Kunsill, 85/82, Ġabra p. 2105, punt 14).

27

Fir-raba’ lok, fir-rigward ta’ konsegwenzi dannużi eventwali li jistgħu, skont il-każ, jirriżultaw mill-allegata illegalità tar-Regolament Nru 1330/2008, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 39 tad-digriet appellat, irrilevat, li t-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni magħmula mill-istituzzjonijiet konvenuti tikkonċerna biss it-talba għal annullament ta’ dan ir-regolament. Għalhekk A. Abdulrahim xorta waħda jkun jista’ jkompli bit-talba għal kumpens għad-dannu li huwa jallega li sofra, fil-kuntest tat-talba għad-danni tiegħu bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u t-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 340 TFUE.

28

Fl-aħħar nett, fil-ħames lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-allegata neċessità li tingħata deċiżjoni fuq il-mertu tar-rikors preżenti għall-finijiet tal-irkupru tal-ispejjeż esposti mill-appellant, il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment, fil-punt 40 tad-digriet appellat, għad-deċiżjoni tagħha dwar l-ispejjeż.

29

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 41 tad-digriet appellat, li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet għall-finijiet tal-annullament tar-Regolament Nru 1330/2008.

30

Fir-rigward tat-talba għad-danni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li din kienet tidher bħala manifestament infondata fid-dritt, u anki manifestament inammissibbli, fid-dawl tal-atti tal-proċedura, tal-indikazzjonijiet li jinsabu fil-proċess u mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-partijiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom.

31

Wara li fakkret, fil-punt 45 tad-digriet appellat, il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għall-aġir illegali tal-organi tagħha, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 48 ta’ dan id-digriet, iddeċidiet li d-dannu la ġie kkwantifikat u lanqas ipprovat.

32

Fil-punt 52 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li r-rabta każwali bejn l-atti inkwistjoni fil-każ ineżami u d-dannu allegat ma ġietx stabbilita, għax id-dannu materjali allegatament subit minn A. Abdulrahim, li jirriżulta mill-fatt li l-fondi, beni finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħra tiegħu ma jkunux disponibbli, u li jikkonsisti fin-nuqqas ta’ tgawdija tagħhom, isib il-kawża diretta u immedjata tiegħu mhux fl-adozzjoni tal-atti Komunitarji inkwistjoni fil-każ ineżami, iżda fl-adozzjoni ta’ dawn l-atti, jiġifieri, fil-21 ta’ Ottubru 2008, minn naħa, bid-deċiżjoni tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet li jżid ismu mal-lista tal-imsemmi kumitat u, min-naħa l-oħra bid-deċiżjoni tal-awtoritajiet tar-Renju Unit li jadottaw il-miżuri restrittivi kontra l-persuna kkonċernata.

It-talbiet tal-appell

33

A. Abdulrahim jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

tiddikjara li r-rikors għal annullament tiegħu ma kienx mingħajr skop;

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar ir-rikors għal annullament tiegħu; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dan l-appell u għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, inkluż dawk marbuta mal-osservazzjonijiet ippreżentati fuq talba tal-Qorti Ġenerali.

34

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lil A. Abdulrahim għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

35

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant isostni d-dritt tiegħu għal rikors effettiv u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Minbarra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punti 38 u 39, kif ukoll tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C-229/05 P, Ġabra p. I-439, punti 76 u 77), huwa jinvoka l-Artikoli 47 u 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll l-Artikolu 7 tagħha, li huwa ekwivalenti għall-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u li jipprovdi li kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha.

36

Iktar speċifikament, insostenn tal-argument tiegħu, l-appellant jinvoka żewġ aggravji, l-ewwel minnhom jinkludi tliet partijiet.

Fuq l-ewwel aggravju

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali billi naqset milli tisma’ l-Avukat Ġenerali

37

L-appellant isostni li, billi naqset milli tisma’ l-Avukat Ġenerali qabel tagħti d-deċiżjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 114(4) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 113 ta’ dawn ir-regoli, li abbażi tiegħu ġie adottat id-digriet appellat.

38

Madankollu, kif ukoll ġustament fakkru l-Kunsill u l-Kummissjoni, l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tisma’ lill-Avukat Ġenerali qabel tagħti d-deċiżjoni tagħha għandu jinqara fid-dawl tal-Artikoli 2(2), 18 u 19 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li minnhom jirriżulta, minn naħa, li n-nomina ta’ Imħallef tal-Qorti Ġenerali bħala Avukat Ġenerali hija fakultattiva meta l-Qorti Ġenerali tkun f’seduta plenarja, u min-naħa l-oħra, li r-riferimenti għall-Avukat Ġenerali fl-imsemmi regoli ta’ proċedura japplikaw biss fil-każ fejn Imħallef ġie effettivament innominat bħala Avukat Ġenerali (digrieti tal-25 ta’ Ġunju 2009, Srinivasan vs Médiateur, C‑580/08 P, punt 35; tat-22 ta’ Ottubru 2010, Seacid vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑266/10 P, punt 11, u s-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, Bell & Ross vs UASI, C-426/10 P, Ġabra p. I-8849, punt 28).

39

Peress li ebda Avukat Ġenerali ma ġie nnominat għall-finijiet tar-rikors ippreżentat minn A. Abdulrahim quddiem il-Qorti Ġenerali, li kien assenjat għat-Tieni Awla tagħha, ma jeżisti ebda obbligu li jinstema’ l-Avukat Ġenerali qabel jiġi ddikjarat li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni.

40

Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija infondata.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq

41

L-appellant isostni li, billi naqset milli tistieden lill-konvenut jippreżenta osservazzjonijiet dwar in-neċessità li tinfetaħ fażi orali tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għal smigħ xieraq. Huwa jenfasizza li l-Artikolu 120 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-formulazzjoni tiegħu applikabbli fid-data tal-preżentata tal-appell, jipprovdi li parti tista’ tippreżenta osservazzjonijiet qabel ma tittieħed ebda deċiżjoni rigward il-ftuħ ta’ eventwali fażi orali tal-proċedura. Xejn ma jiġġustifika approċċ differenti quddiem il-Qorti Ġenerali. Skont l-appellant, l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kif interpretat minn din il-qorti, ma huwiex konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-applikazzjoni tal-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma tiggarantixxix il-ftuħ ta’ fażi orali, peress li l-Qorti Ġenerali tista’, skont l-Artikolu 114(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li għalih jirreferi l-Artikolu 113 tal-istess Regoli, tiddeċiedi wara t-tmiem ta’ proċedura li ssir biss bil-miktub (sentenzi tad-19 ta’ Jannar 2006, AIT vs Il-Kummissjoni, C-547/03 P, Ġabra p. I-845, punt 35, u tat-2 ta’ Mejju 2006, Regione Siciliana, C-417/04 P, Ġabra p. I-3881, punt 37).

43

Madankollu, l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura jimponi lill-Qorti Ġenerali tisma’ lill-partijiet qabel tiddeċiedi fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku jew tikkonstata li r-rikors ma għadx għandu skop u li ma għadx hemm lok għal deċiżjoni. Skont din id-dispożizzjoni, l-appellant ġie mistieden sabiex jesprimi ruħu, bil-miktub, fuq il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 36/2011, b’mod partikolari fid-dawl tal-iskop tar-rikors tiegħu. Huwa seta’ għaldaqstant jistenna li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali qieset li r-rikors kien sar mingħajr skop, hija tagħti d-deċiżjoni tagħha permezz ta’ digriet, peress li hija waħda mill-ipoteżi, imsemmija fl-Artikolu 113, fejn il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi fi kwalunkwe mument.

44

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-appellant, il-Qorti Ġenerali ma kisritx id-dritt għal smigħ xieraq iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta billi talbitu jesprimi ruħu fuq il-persistenza tal-iskop tar-rikors u billi ma staqsietux mill-ġdid fuq il-possibbiltà li tinfetaħ il-fażi orali tal-proċedura.

45

Minn dawn l-elementi jirriżulta li t-tieni parti tal-ewwel aggravju hija infondata.

Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta naqset li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura

46

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura. Huwa jqis li huwa biss fil-każ eċċezzjonali li l-Qorti Ġenerali għandha l-fakultà li ma tiftaħx din il-fażi, li tikkostitwixxi komponent importanti tal-mezzi disponibbli għar-rikorrent sabiex isostni effikaċjament l-argumenti tiegħu. Skont l-appellant, il-fażi orali tal-proċedura ma tistax titħalla barra ħlief f’każijiet li ma jqajmu ebda kwistjoni kruċjali ta’ liġi u/jew ta’ fatt. Huwa josserva li, wara t-tweġiba li huwa ta lill-Qorti Ġenerali dwar iż-żamma tal-interess ġuridiku tiegħu u osservazzjonijiet qosra tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni direttament.

47

L-appellant isostni li kważi r-raġunamenti kollha tal-Qorti Ġenerali li jirrigwardaw kwistjonijiet u l-ġurisprudenza ma kinux suġġetti għal dibattitu u li dwarhom huwa ma kellux l-opportunità li jinstema’ la bil-miktub u lanqas oralment. Apparti mill-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti Ġenerali, din il-qorti qajmet b’mod partikolari fatti li jikkonċernaw is-sitwazzjoni fil-Libja u l-fatt li ma jidhirx probabbli li l-allegat ksur jista’ jseħħ fil-futur.

48

Kif tfakkar il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali setgħet, skont l-Artikoli 113 u 114(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, tadotta d-digriet appellat mingħajr ma tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura, peress li hija tqis li għandha informazzjoni biżżejjed u li l-appellant kellu l-possibbiltà, li huwa barra minn hekk uża, sabiex jippreżenta, fuq it-talba tal-Qorti Ġenerali, l-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu fuq it-talbiet ippreżentati mill-istituzzjonijiet konvenuti li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni u li jsostni b’hekk l-argumenti li fuqhom jipprekludi dawn it-talbiet.

49

Fir-rigward tal-motivazzjoni tad-digriet appellat u tal-ġurisprudenza msemmija fih, għandu jiġi enfasizzat li, jekk hija l-Qorti Ġenerali li għandha l-obbligu li tirrispetta d-drittijiet ta’ difiża tal-partijiet, ma tistax madankollu tkun meħtieġa li titlobhom li jieħdu pożizzjoni fuq ir-raġunament li hija beħsiebha li tadotta sabiex tiddeċiedi l-kawża quddiemha.

50

Minn dawn l-elementi jirriżulta li lanqas it-tielet parti tal-ewwel aggravju ma hija fondata u li, għaldaqstant, dan l-aggravju ma jistax jintlaqa’.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali billi ddeċidiet li r-rikors kien sar mingħajr skop

L-argumenti tal-partijiet

51

A. Abdulrahim isostni li l-Qorti Ġenerali applikat kriterju restrittiv ħafna tal-kunċett ta’ interess ġuridiku. Fil-fehma tiegħu, rikors ma għandux jiġi ddikjarat mingħajr skop jekk kwalunkwe preġudizzju subit jista’ jiġi rrimedjat permezz tat-tkomplija tal-eżami ta’ dan ir-rikors, peress li dan jagħti benefiċċju lir-rikorrent. Fil-każ ineżami, huwa jqis li r-rikors għal annullament tiegħu jista’ jtemm il-ksur kontinwu tad-dritt tiegħu għar-rispett tal-ħajja privata u familjari, imsemmi fl-Artikolu 8 tal-KEBD, li jirrijabilita r-reputazzjoni tiegħu, li jneħħi l-ostakli għall-impjieg u għall-ivvjaġġar kif ukoll il-konsegwenzi tal-inklużjoni tiegħu fil-lista kkontestata fuqu, inkwantu din taffettwa l-familja tiegħu u tissuġġettaha għal miżuri restrittivi.

52

Huwa jqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u applikat b’mod ħażin il-kriterju tal-benefiċċju mill-annullament, fil-punt 33 tal-imsemmi digriet, billi ssuġġettat l-eżistenza tiegħu għall-adozzjoni, mill-Kummissjoni u/jew mill-Kunsill, skont l-Artikolu 266 TFUE, ta’ miżuri intiżi għall-eliminazzjoni tal-illegalità li hija kkonstatata. F’ċerti ipoteżi, l-annullament ta’ att ma jeħtieġx l-adozzjoni ta’ ebda miżura ulterjuri. Barra minn hekk, dikjarazzjoni ta’ nullità ma tistax tiġi suġġetta għall-fatt li l-awtur tal-att għandu jaġixxi sussegwentement b’ċertu mod.

53

Skont l-appellant, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tikser il-garanzija ta’ proċedura li tirriżulta mill-Artikolu 8 tal-KEBD, li jipprovdi li huwa għandu jkollu l-fakultà li jikkontesta l-akkużi miġjuba kontrih sabiex jiġi rrimedjat il-preġudizzju kkawżat mill-istituzzjoni. L-aċċettazzjoni li ma hemmx interess ġuridiku jippermetti lill-Kummissjoni, permezz tat-tħassir tal-miżura kkontestata, li tevita l-istħarriġ mill-qrati tal-Unjoni, li huwa inkompatibbli mal-prinċipju tal-istat ta’ dritt u din l-istituzzjoni tevita kull responsabbiltà.

54

L-appellant jirrileva li l-Qorti Ġenerali taċċetta li, anki fin-nuqqas ta’ preġudizzju, l-eventwalità ta’ repetizzjoni fil-futur tal-illegalità hija biżżejjed sabiex jitqies li l-interess għall-iżvolġiment tal-proċedura jippersisti (sentenza Wunenburger vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 58 u 59). Huwa jsostni li, fil-każ ineżami, il-ksur tal-Artikolu 8 tal-KEBD jibbaża fuq l-użu ta’ elementi miksuba permezz tat-tortura. Madankollu, il-Qorti Ġenerali injorat in-natura sistematika tal-irregolaritajiet invokati insostenn tar-rikors tagħha, li jistgħu jerġgħu jseħħu. Għaldaqstant l-appellant għandu interess manifest li dan il-punt jiġi deċiż permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja peress li jikkostitwixxi l-bażi tan-nomina tiegħu bħala persuna marbuta ma’ organizzazzjoni terroristika.

55

Fi kwalunkwe każ, l-appellant iqis li, fid-dawl tal-fatt li s-sitwazzjonijiet politiċi li jagħtu lok għal miżuri restrittivi bħal dawk stabbiliti bir-Regolament Nru 1330/2008 jiżviluppaw b’mod rapidu, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali huwa partikolarment inkwetanti. Fil-fatt, it-tneħħija ta’ ismu mil-lista kkontestata ma hijiex immotivata u l-Qorti Ġenerali ma tistax tikkonkludi li l-appellant ma huwiex ser jerġa’ jiġi inkluż fuq din il-lista. L-inklużjoni tiegħu fil-lista tista’ tiġi invokata bħala bażi, jew bħala sostenn, għal kull applikazzjoni futura ta’ Stat Membru intiża sabiex jerġa’ jiġi inkluż fuq l-imsemmija lista. Fl-aħħar nett, l-impatt ta’ bidliet rapidi fis-sitwazzjonijiet politiċi ma jistax jiġi eskluż, kif aċċettat il-Qorti Ġenerali billi rreferiet għas-sitwazzjoni fil-Libja.

56

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jenfasizzaw li l-appellant talab it-tneħħija tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawh u li l-adozzjoni tar-Regolament Nru 36/2011 kellha dan l-effett. F’dan ir-rigward huma jfakkru l-ġurisprudenza li tipprovdi li l-interess li jinkiseb l-annullament ta’ att imħassar jissoponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali.

57

F’dan ir-rigward, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tal-appellant li jirrigwardaw iż-żamma ta’ interess ġuridiku dwar ir-rijabilitazzjoni tar-reputazzjoni tiegħu u l-prevenzjoni ta’ inklużjoni ġdida fil-lista kkontestata. Il-Kummissjoni tfakkar li sentenza ma setgħetx tirreferi għall-perijodu preċedenti għat-22 ta’ Diċembru 2008, data li fiha l-appellant ġie inkluż fil-lista kkontestata. Barra minn hekk, fir-rikors tiegħu, l-appellant invoka motivi bbażati fuq il-ksur tad-dritt tad-difiża, tal-protezzjoni ġudizzjarja u tad-dritt tiegħu għal proprjetà, iżda ma invokax l-eżistenza ta’ żball ta’ evalwazzjoni rigward il-kwistjoni dwar jekk huwa kienx marbut ma’ Al-Qaida jew le. F’dawn il-kundizzjonijiet, sentenza li tiddeċiedi l-annullament tar-Regolament Nru 1330/2008 ibbażata fuq motivi ta’ proċedura ma kienx ikollha r-riżultat li tirrijabilitah.

58

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu wkoll li l-assenza ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq il-mertu ma tikkostitwixxix riskju li l-inklużjoni tal-appellant fil-lista terġa’ tidħol fis-seħħ. Fil-fatt, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1286/2009, tat-22 ta’ Diċembru 2009, li jemenda r-Regolament Nru 881/2002 (ĠU L 346, p. 42) inkluda f’dan l-aħħar regolament l-Artikolu 7a, li jipprovdi li deċiżjoni dwar inklużjoni ġdida tista’ tittieħed biss jekk il-Kummissjoni tikseb espożizzjoni tal-motivi mill-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li hija għandha, mingħajr dewmien wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha dwar inklużjoni, tikkomunika lill-persuna kkonċernata sabiex din tkun tista’ ssostni l-osservazzjonijiet tagħha għall-finijiet ta’ eventwali eżami mill-ġdid mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni tagħha. Fil-każ ineżami, id-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li tneħħi lill-appellant mil-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jħalli l-ebda dubju rigward in-nuqqas ta’ inklużjoni mill-ġdid ta’ dan tal-aħħar fil-lista fin-nuqqas ta’ bidla taċ-ċirkustanzi fattwali. Barra minn hekk, sentenza tal-Qorti Ġenerali ma kellha l-ebda impatt fuq id-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Sigurtà li tneħħi l-persuna kkonċernata mill-imsemmija lista fix-xahar ta’ Diċembru 2010.

59

Fir-rigward tan-natura sistematika tal-allegati illegalitajiet, il-Kunsill u l-Kummissjoni jirrepetu li r-rikors għal annullament kien jikkonċerna biss l-inklużjoni tal-appellant fil-lista kkontestata u li annullament kien jikkonċerna lilu biss. Għaldaqstant il-kwistjoni ta’ effett sistematiku ma tqumx.

60

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jinsistu, fl-aħħar nett, fuq id-distinzjoni bejn din il-kawża u dawk li taw lok għas-sentenza PKK vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, u għas-sentenzi l-oħrajn iċċitati fl-appell. Huma jenfasizzaw li, f’dawn il-kawżi tal-aħħar, ir-rikorrenti kienu għadhom inklużi fil-lista meta l-qorti ddeċidiet fuq it-talba tagħhom għal annullament, filwaqt li, fil-każ ineżami, l-isem tal-appellant kien tneħħa mil-lista kkontestata. Il-Kummissjoni tqabbel ukoll din il-kawża ma’ dik li tat lok għas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran (C-27/09 P, Ġabra p. I-13427, punti 43 sa 50), li fiha r-Repubblika Franċiża qieset li l-appell kien għad kellu skop, peress li dan l-Istat Membru sostna li d-deċiżjoni li tiġi inkluża l-People’s Mojahedin Organization of Iran fil-lista stabbilita fl-Anness tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217), kellha tinżamm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fil-każ ineżami, ma hemmx kontestazzjoni bejn l-appellant u l-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda t-tneħħija tiegħu mil-lista kkontestata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

61

Fil-punt 22 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali tfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li l-interess ġuridiku ta’ rikorrenti għandu, fid-dawl tal-iskop tar-rikors, jeżisti fil-mument tal-preżentata tiegħu taħt piena ta’ inammissibbiltà. Dan l-iskop għandu jippersisti, bħall-interess ġuridiku, sakemm tingħata deċiżjoni ġudizzjarja u fin-nuqqas ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, li jissoponi li bir-riżultat tiegħu, ir-rikors jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-parti li ppreżentatu (ara s-sentenzi Wunenburger vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-17 ta’ April 2008, Flaherty et vs Il-Kummissjoni, C-373/06 P, C-379/06 P u C-382/06 P, Ġabra p. I-2649, punt 25).

62

F’diversi ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-interess ġuridiku ta’ rikorrent mhux neċessarjament jisparixxi minħabba l-fatt li l-att ikkontestat minnu waqaf jipproduċi effetti matul il-proċeduri.

63

Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li rikorrent jista’ jżomm interess li jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni jew sabiex jerġa’ jitqiegħed fis-sitwazzjoni tiegħu li kien fiha qabel (sentenza tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il-Kummissjoni, 92/78, Ġabra p. 777, punt 32), inkella sabiex iġiegħel lill-awtur tal-att ikkontestat jagħmel, fil-futur, l-emendi xierqa u għalhekk jiġi evitat ir-riskju ta’ repetizzjoni tal-illegalità li l-att ikkontestat huwa allegatament ivvizzjat bih (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Simmenthal vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32; tal-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il-Kummissjoni, 53/85, Ġabra p. 1965, punt 21, kif ukoll Wunenburger vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

64

F’kawża bejn impriża li ġiet eskluża illegalment minn proċedura ta’ sejħa għal offerti u l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki fil-każ fejn, minħabba ċ-ċirkustanzi, jirriżulta impossibbli li jiġi sodisfatt l-obbligu, għall-istituzzjoni li l-att ġie annullat, li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw mas-sentenza li ddeċidiet dan l-annullament, ir-rikors għal annullament jista’ jżomm interess bħala bażi għal eventwali rikors għal danni (sentenza tal-5 ta’ Marzu 1980, Könecke Fleischwarenfabrik vs Il-Kummissjoni, 76/79, Ġabra p. 665, punt 9).

65

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-persistenza tal-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandha tiġi evalwata in concreto, fid-dawl, b’mod partikolari tal-konsegwenzi tal-allegata illegalità u tan-natura tad-dannu allegatament subit.

66

Kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellant sostna varji raġunijiet li, fil-fehma tiegħu, jiġġustifikaw il-persistenza tal-interess ġuridiku tiegħu minkejja l-fatt li r-Regolament Nru 36/2011 ħassar ismu mis-sezzjoni “Persuna naturali” tal-Anness I tar-Regolament Nru 881/202. Madankollu għandu jiġi speċifikat li ma humiex neċessarju li jiġu eżaminati l-aggravji kollha invokati mill-appellant jekk wieħed minnhom ikun suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita ż-żamma tal-interess ġuridiku.

67

Fil-punti 28 u 31 tad-digriet ikkontestat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-adozzjoni tar-Regolament Nru 36/2011, inkwantu dan ħassar l-isem ta’ A. Abdulrahim mil-lista kkontestata, tat sodisfazzjon kompleta lil dan tal-aħħar, b’tali mod li r-rikors għal annullament tiegħu ma kienx għadu jista’ jkun ta’ benefiċċju u li, konsegwentement, l-interess ġuridiku tiegħu ma kienx għadu preżenti.

68

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 32 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret id-distinzjoni bejn it-tħassir ta’ att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, li ma hijiex rikonoxximent tal-illegalità tiegħu u tipproduċi effett ex nunc, u sentenza ta’ annullament li permezz tagħha l-att annullat jiġi eliminat retroattivament mill-ordinament ġuridiku u jitqies bħala li qatt ma eżista.

69

Madankollu l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonkludiet, fl-aħħar sentenza tal-imsemmi punt 32, li din id-differenza ma tistax tiġġustifika interess ta’ A. Abdulrahim li jikseb l-annullament tar-Regolament Nru 1330/2008.

70

Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-miżuri restrittivi adottati skont ir-Regolament Nru 881/2002 għandhom konsegwenzi negattivi sinjifikattivi u impatt kunsiderevoli fuq id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni msemmija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punti 361 u 375). Barra l-iffriżar tal-fondi bħala tali li, permezz tal-portata wiesgħa tiegħu, ifixkel il-ħajja kemm professjonali kif ukoll familjari tal-persuni msemmija (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ April 2010, M et, C-340/08, Ġabra p. I-3913) u jimpedixxi l-konklużjoni ta’ numru ta’ atti legali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Möllendorf u Möllendorf-Niehuus, C-117/06, Ġabra p. I-8361), għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-istigma u s-suspett li jakkumpanjaw in-nomina pubblika tal-persuni msemmija bħala marbuta ma’ organizzazzjoni terroristika.

71

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 61 sa 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-interess ġuridiku ta’ rikorrent bħal A. Abdulrahim jippersisti, minkejja t-tħassir ta’ ismu mil-lista kkontestata, bil-għan li jingħata rikonoxximent mill-qorti tal-Unjoni li huwa qatt ma kellu jkun inkluż fil-lista kkontestata jew inkella li huwa qatt ma kellu jkun inkluż skont il-proċedura li ġiet segwita mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

72

Fil-fatt, filwaqt li r-rikonoxximent tal-illegalità tal-att ikkontestat ma jistax, bħala tali, jikkumpensa dannu materjali jew interferenza għal ħajja privata, huwa madankollu ta’ natura, kif sostna A. Abdulrahim, li jirrijabilita jew li jikkostitwixxi forma ta’ kumpens għad-dannu morali li huwa ġarrab minħabba din l-illegalità, u li jiġġustifika b’dan il-mod il-persistenza tal-interess ġuridiku tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Ġunju 1980, M. vs Il-Kummissjoni, 155/78, Ġabra p. 1797, punt 6, kif ukoll tas-7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il-Kummissjoni, C-343/87, Ġabra p. I-225, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali, fil-punti 28 u 31 tad-digriet ikkontestat, żbaljat meta ddeduċiet mit-tneħħija, permezz tar-Regolament Nru 36/2011, tal-isem tar-rikorrent mil-lista kkontestata li huwa kien kiseb sodisfazzjon kompleta u li r-rikors għal annullament tiegħu ma kienx għadu għalhekk ta’ natura li jagħtih benefiċċju.

74

Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kunsill u l-Kummissjoni, ma huwiex importanti li l-motivi għal annullament invokati quddiem il-qorti jirrigwardaw il-motivazzjoni tal-att inkwistjoni jew ir-rispett ta’ drittijiet proċedurali tar-rikorrent. Fil-fatt, l-annullament ta’ deċiżjoni dwar iffriżar tal-fondi għal tali motivi jista’ jagħti sodisfazzjon lir-rikorrenti inkwantu joħloq dubji serji fir-rigward tal-mod kif il-korp ikkonċernat eżerċita l-kompetenzi tiegħu rigward tiegħu.

75

Fi kwalunkwe każ, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellant ma invokax biss motivi bbażati fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, iżda huwa kkontesta wkoll li kien marbut ma’ Al-Qaida. Fil-fatt, kif dan jirriżulta mill-punti 142 sa 150 tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, A. Abdulrahim ċaħad li huwa kien involut f’attivitajiet terroristiċi jew li kien marbut ma’ Al-Qaida u sostna li huwa kien inkluż fil-lista kkontestata sempliċement minħabba li huwa kien jifforma parti minn komunità ta’ refuġjati Libjani li uħud minnhom, skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, kienu involuti f’attivitajiet terroristiċi.

76

Bl-istess mod, ma huwiex importanti li sentenza ta’ annullament ma tistax tirreferi għall-perijodu preċedenti għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1330/2008. Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 52 tad-digriet ikkontestat, għalkemm A. Abdulrahim kien diġà inkluż fil-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet u kien diġà s-suġġett ta’ miżuri restrittivi meħuda mill-awtoritajiet tar-Renju Unit qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, jibqa’ l-fatt li l-inklużjoni tiegħu fil-lista kkontestata setgħet iżżid l-istigma u s-suspett fir-rigward tiegħu u, konsegwentement, id-dannu morali li huwa allegatament sofra.

77

Għandu jingħad ukoll li l-listi stabbiliti minn regolamenti tal-Unjoni Ewropea direttament applikabbli ma humiex tal-istess natura u lanqas għandhom l-istess portata ġuridika, fit-territorju tal-Unjoni, bħal-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

78

Fil-punt 34 tad-digriet ikkontestat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikonoxximent tal-allegata illegalità ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit l-interess ġuridiku taħt l-Artikoli 263 TFUE u 264 TFUE għall-annullament ta’ atti tal-istituzzjonijiet peress li, fil-każ kuntrarju, rikorrent iżomm dejjem interess li jitlob l-annullament ta’ att minkejja t-tneħħija tiegħu jew it-tħassir tiegħu, u dan ikun inkompatibbli mal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 24 u 29 tad-digriet ikkontestat fil-punti 16 u 18 ta’ din is-sentenza.

79

Din il-konklużjoni tikkontradixxi madankollu l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li minnha jirriżulta li r-rikonoxximent tal-allegata illegalità, peress li huwa ta’ natura, bħal fil-każ ineżami, li jagħti benefiċċju lir-rikorrent, tiġġustifika l-persistenza tal-interess ġuridiku tiegħu għal annullament anki meta l-att ikkontestat ma jibqax jipproduċi effetti wara l-preżentata tar-rikors tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq M. vs Il-Kummissjoni, punti 5 u 6; AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il-Kummissjoni, kif ukoll Culin vs Il-Kummissjoni, punti 27 sa 29).

80

Fl-aħħar nett, l-imsemmija konklużjoni lanqas tista’ tiġi dedotta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali msemmija minnha fil-punt 29 tad-digriet ikkontestat, u mfakkra fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, peress li din il-ġurisprudenza hija bbażata fuq il-premessa, spjegata fil-punt 30 tal-istess digriet, li interess ġuridiku jeżisti biss meta l-annullament ta’ att jeħtieġ li miżuri jiġu adottati mill-istituzzjoni li adottat att annullat, skont l-Artikolu 266 TFUE. Madankollu, l-interess li jinkiseb l-annullament tal-att ikkontestat huwa ta’ natura li jagħti benefiċċju lir-rikorrent, u dan, irrispettivament mill-assenza ta’ neċessità, jew mill-impossibbiltà materjali, għall-istituzzjoni konvenuta, li tadotta miżuri taħt l-Artikolu 266 TFUE sabiex jikkonformaw mas-sentenza li tiddeċiedi l-annullament ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Könecke Fleischwarenfabrik vs Il-Kummissjoni, punt 9; M. vs Il-Kummissjoni, punt 6; AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il-Kummissjoni, punt 21, kif ukoll Culin vs Il-Kummissjoni, punt 26).

81

Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 34 tad-digriet ikkontestat, hija vvizzjata minn żball ta’ liġi.

82

Ukoll, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punti 35 u 36 tad-digriet ikkontestat, li n-nuqqas ta’ interess ġuridiku ta’ A. Abdulrahim jirriżulta mill-fatt li l-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tiegħu permezz tar-Regolament Nru 1330/2008 ma nżammux jew li t-tħassir ta’ dawn il-miżuri permezz tar-Regolament Nru 36/2011 huwa definittiv, kuntrarjament għas-sitwazzjoni msemmija fis-sentenza PKK vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, invokata mill-appellant insostenn tal-argument tiegħu. Fil-fatt, it-tħassir definittiv tar-Regolament Nru 1330/2008, permezz tat-tħassir tal-isem tal-appellant mil-lista kkontestata, ma jipprevjenix interess ġuridiku milli jkompli jeżisti għal dak li jikkonċerna l-effetti ta’ dan ir-regolament bejn id-data tad-dħul tiegħu u dik tat-tħassir tiegħu.

83

Fi kwalunkwe każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża u, b’mod partikolari, tal-portata tad-dannu lir-reputazzjoni ta’ A. Abdulrahim li jirriżulta mill-inklużjoni tiegħu fil-lista kkontestata, l-interess ġuridiku tiegħu jkompli jeżisti sabiex jitlob l-annullament tar-Regolament Nru 881/2002 sa fejn jikkonċernah u jikseb, fil-każ li r-rikors tiegħu jintlaqa’, ir-riabilitazzjoni tiegħu u, għalhekk, ċertu forma ta’ kumpens għad-dannu morali tiegħu.

84

Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li r-rikorrent ma kellux interess ġuridiku u li, għalhekk, ma kienx għad hemm li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament tar-Regolament Nru 881/2002 sa fejn jikkonċernah.

85

Konsegwentement, id-digriet appellat għandu jiġi annullat sa fejn jiddeċiedi li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali minn A. Abdulrahim.

Fuq ir-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali

86

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi hija stess definittivament fuq il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tista tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni.

87

Peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors għal annullament mingħajr ma eżaminat l-ammissibbiltà tiegħu jew il-mertu tal-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża u li hemm lok li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll li jiġu rriżervati l-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Frar 2012, Abdulrahim vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni (T‑127/09) huwa annullat sa fejn jiddeċiedi li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors għal annullament ippreżentat quddiemha minn Abdulbasit Abdulrahim.

 

2)

Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddeċiedi mill-ġdid fuq ir-rikors għal annullament ta’ Abdulbasit Abdulrahim.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top