This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62012CJ0222
Judgment of the Court (Sixth Chamber), 13 March 2014.#A. Karuse AS v Politsei- ja Piirivalveamet.#Request for a preliminary ruling from the Tartu ringkonnakohus.#Road transport — Regulation (EC) No 561/2006 — Obligation to use a tachograph — Derogation for vehicles used in connection with road maintenance — Vehicle transporting gravel from the loading site to the road maintenance works site.#Case C‑222/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-13 ta’ Marzu 2014.
A. Karuse AS vs Politsei- ja Piirivalveamet.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tartu ringkonnakohus.
Trasport bit-triq – Regolament (KE) Nru 561/2006 – Obbligu li jintuża takografu – Deroga għal vetturi użati fil-kuntest ta’ attivitajiet marbuta mal-manutenzjoni tat-toroq – Vettura li tittrasporta żrar mill-post fejn issir it-tagħbija sal-post fejn isiru x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni tat-toroq.
Kawża C‑222/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-13 ta’ Marzu 2014.
A. Karuse AS vs Politsei- ja Piirivalveamet.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tartu ringkonnakohus.
Trasport bit-triq – Regolament (KE) Nru 561/2006 – Obbligu li jintuża takografu – Deroga għal vetturi użati fil-kuntest ta’ attivitajiet marbuta mal-manutenzjoni tat-toroq – Vettura li tittrasporta żrar mill-post fejn issir it-tagħbija sal-post fejn isiru x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni tat-toroq.
Kawża C‑222/12.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:142
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
13 ta’ Marzu 2014 ( *1 )
“Trasport bit-triq — Regolament (KE) Nru 561/2006 — Obbligu li jintuża takografu — Deroga għal vetturi użati fil-kuntest ta’ attivitajiet marbuta mal-manutenzjoni tat-toroq — Vettura li tittrasporta żrar mill-post fejn issir it-tagħbija sal-post fejn isiru x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni tat-toroq”
Fil-Kawża C‑222/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tartu ringkonnakohus (l-Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Mejju 2012, fil-proċedura
A. Karuse AS
vs
Politsei- ja Piirivalveamet,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn A. Borg Barthet, President tal-Awla, E. Levits u M. Berger (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Wahl,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Gvern Estonjan, minn M. Linntam, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Grieg, minn I. Bakopoulos u O. Souropani, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Svediż, minn U. Persson, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux, bħala aġent, assistita minn C. Ginter, avukat, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1)(h) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, p. 1). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Karuse AS (iktar ’il quddiem “Karuse”) u l-Politsei- ja Piirivalveamet dwar id-deċiżjoni ta’ uffiċjal pubbliku li jissottometti vettura li tappartjeni lil din il-kumpannija u li ma għandhiex takografu skont il-liġi għal test straordinarju dwar jekk hijiex f’kundizzjoni tajba għas-sewqan. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 227), kif emendat permezz tar-Regolament Nru 561/2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3821/85”), jipprovdi fl-Artikolu 3(1) u (2) tiegħu: “1. It-tagħmir ta’ reġistrazzjoni għandu jkun stallat u wżat fil-vetturi reġistrati fi Stat Membru li jintużaw għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija bit-triq, ħlief il-vetturi msemmija fl-Artikoli 3 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006. [...] 2. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw il-vetturi msemmija fl-Artikolu 13(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.” |
4 |
Il-premessa 17 tar-Regolament Nru 561/2006 tiddikjara: “Dan ir-Regolament għandu l-iskop li jtejjeb il-kondizzjonijiet soċjali għall-impjegati li jaqgħu taħtu, kif ukoll li jtejjeb is-sigurtà ġenerali fit-triq. [...]” |
5 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 561/2006 jipprovdi: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-ħinijiet ta’ sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ għax-xufiera li jaħdmu fit-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bit-triq sabiex ikunu armonizzati l-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-modi ta’ trasport fuq l-art, speċjalment fir-rigward tas-settur tat-triq, u sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà fit-triq. Dan ir-Regolament għandu l-għan ukoll li jippromwovi t-titjib fil-prattika ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar mill-Istati Membri u t-ti[t]jib fil-prattiċi ta’ xogħol fl-industrija tat-trasport bit-triq.” |
6 |
L-Artikoli 5 sa 9 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxu r-regoli li japplikaw għall-ekwipaġġ ta’ vettura għat-trasport, għall-ħinijiet tas-sewqan, għall-pawżi kif ukoll għall-perijodi ta’ mistrieħ. |
7 |
L-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi: “Sakemm ma jkunux preġudikati l-għanijiet ta’ l-Artikolu 1, kull Stat Membru jista’ jagħti eċċezzjonijiet [derogi] għall-Artikoli 5 sa 9 u jagħmel tali eċċezzjonijiet soġġetti għal kondizzjonijiet individwali fit-territorju tiegħu stess jew, bi ftehim mal-Istati kkonċernati, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li jkunu applikabbli għat-trasport b’dawn li ġejjin: […]
[…]” |
Id-dritt Estonjan
8 |
Il-Liġi dwar it-traffiku, tal-14 ta’ Diċembru 2000 (RT I 2001, 3, 6) fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“LS”), tiddisponi, fl-Artikolu 203 tagħha: “Rekwiżiti partikolari fir-rigward tal-ħinijiet ta’ xogħol u ta’ mistrieħ tas-sewwieq
[…]
[…]
[…]” |
9 |
L-Artikolu 204 tal-LS jipprovdi: “L-użu ta’ takografu
[…]
|
10 |
Skont l-Artikolu 71 tal-LS, intitolat “Vetturi użati għal servizz speċjali”:
[…]
[…]
|
11 |
L-Artikolu 10 tal-Liġi dwar it-toroq (Teeseadus), tas-17 ta’ Frar 1999 (RT I 1999, 26, 377, iktar ’il quddiem it-“TeeS”), intitolat “Stat tat-toroq”, jistabbilixxi:
|
12 |
L-Artikolu 14 tat-TeeS, li jirrigwarda l-funzjonijiet li jikkonċernaw it-toroq, jistabbilixxi:
|
13 |
L-Artikolu 17(3) tat-TeeS, li jirrigwarda l-pjanifikazzjoni, il-kostruzzjoni, it-tiswija u l-manutenzjoni tat-toroq, jipprovdi:
|
Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
14 |
Fid-19 ta’ Awwissu 2009, matul verifika fit-triq pubblika, uffiċjal tal-Lõuna Politseiprefektuur waqqaf trakk li jappartjeni lil Karuse, li kien qiegħed jittrasporta tagħbija ta’ żrar lejn post fejn kienu qegħdin isiru xogħlijiet fit-toroq. Il-vettura twaqqfet bejn wieħed u ieħor 42 kilometru mis-sede tal-imsemmija kumpannija u bejn wieħed u ieħor 10 kilometri mill-post fejn kienu qegħdin isiru dawn ix-xogħlijiet. |
15 |
Dan l-uffiċjal, minn naħa, ta lis-sewwieq ta’ dan it-trakk multa ta’ 900 korona Estonjana (EEK), talli b’mod partikolari saq vettura li ma kellhiex takografu li kien jippermetti l-verifika tal-osservanza tal-ħinijiet ta’ sewqan u ta’ mistrieħ tas-sewwieqa skont ir-rekwiżiti msemmija fil-LS. Min-naħa l-oħra, huwa eżiġa, għal din l-istess raġuni, li l-imsemmija vettura tiġi sottomessa għal test straordinarju dwar jekk hijiex f’kundizzjoni tajba għas-sewqan. |
16 |
Miċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tal-imsemmi trakk jirriżulta li huwa trakk tat-tip “dumper”, li jimxi bil-magna tiegħu stess bi tliet fusijiet b’piż massimu ta’ 25.5 tunnellata. Fil-parti ta’ dan iċ-ċertifikat irriżervata għall-osservazzjonijiet tissemma l-frażi “vettura għall-manutenzjoni”. |
17 |
Karuse ippreżentat rikors quddiem it-Tartu halduskohus (Qorti amministrattiva ta’ Tartu) għall-annullament tad-deċiżjoni tal-uffiċjal sa fejn din teħtieġ it-twettiq ta’ test straordinarju dwar jekk il-vettura hijiex f’kundizzjoni tajba għas-sewqan. Hija b’mod partikolari sostniet, f’dan ir-rigward, li l-vettura inkwistjoni kienet vettura għall-manutenzjoni, kif jirriżulta miċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tagħha u li, meta saret il-verifika, hija kienet sejra f’post fejn kienu qegħdin isiru xogħlijiet b’tagħbija ta’ żrar intiża għal xogħlijiet ta’ manutenzjoni fit-toroq. Għaldaqstant, din il-vettura taqa’ taħt id-deroga mill-obbligu li jintuża takografu previst fil-punt 8 tal-Artikolu 203(8) tal-LS. |
18 |
Dan ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2009, minħabba l-fatt li s-sempliċi frażi “vettura għall-manutenzjoni” li tissemma fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex tagħti awtomatikament dan l-istatus lill-vettura inkwistjoni u għaldaqstant ma teħlishiex, minħabba dan il-fatt biss, mill-obbligu li jintuża takografu. It-Tartu halduskohus ikkunsidra wkoll li x-xogħlijiet inkwistjoni ma setgħux jitqiesu bħala xogħlijiet ta’ manutenzjoni tat-toroq, skont l-Artikolu 14 tat-TeeS, f’liema kuntest il-vetturi marbuta ma’ dawn ix-xogħlijiet huma eżentati mill-użu ta’ takografu. |
19 |
Fil-5 ta’ Jannar 2010, Karuse appellat minn din id-deċiżjoni quddiem it-Tartu ringkonnakohus (Qorti tal-Appell ta’ Tartu). |
20 |
Hija ssostni li l-manutenzjoni tat-toroq tippreżupponi l-użu ta’ ċerti materjali u tat-tagħmir neċessarju, li jittieħdu fil-post fejn ikunu qegħdin isiru xogħlijiet permezz tal-mezzi ta’ trasport li jintużaw ukoll għat-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni. F’dan il-każ, il-vettura inkwistjoni kienet intużat sabiex tifrex iż-żrar fit-triq pubblika li kienet is-suġġett tax-xogħlijiet ta’ manutenzjoni, u s-sewwieq ta’ din il-vettura kien ukoll responsabbli li jagħmel dan il-kompitu. Konsegwentement, hija tqis li t-trasport tal-materjal intiż għax-xogħlijiet fit-toroq għandu jitqies li jagħmel parti mill-manutenzjoni tat-toroq. |
21 |
Il-Lõuna Politseiprefektuur titlob, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni tat-Tartu halduskohus tiġi kkonfermata. |
22 |
Fid-deċiżjoni tar-rinviju, it-Tartu ringkonnakohus tfakkar, b’mod partikolari, li r-Repubblika tal-Estonja ttrasponiet kważi litteralment id-deroga li tissemma fl-Artikolu 13(1)(h) tar-Regolament Nru 561/2006, u għalhekk, fl-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ “vetturi użati fil-kuntest ta’ attivitajiet marbuta mal-manutenzjoni tat-toroq”, li jissemma fil-punt 8 tal-Artikolu 203(8) tal-LS, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. |
23 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li, minbarra s-sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 1992, British Gas (C-116/91, Ġabra p. I-4071), li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “vetturi marbuta mas-servizz tal-gass”, kif ukoll tal-21 ta’ Marzu 1996, Mrozek u Jäger (C-335/94, Ġabra p. I-1573), li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “vetturi li joffru s-servizz ta’ ġbir taż-żibel”, ma teżistix ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tippermetti li l-kunċett ta’ “vetturi wżati b’konnessjoni mal-manutenzjoni tat-toroq”, fis-sens tal-Artikolu 13(1)(h) tar-Regolament Nru 561/2006, jiġi interpretat b’mod inekwivoku fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża. |
24 |
Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tartu ringkonnakohus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-espressjoni ‘b’konnessjoni [...] mal-manutenzjoni [...] tat-toroq’, użata fid-definizzjoni tad-deroga awtorizzata mill-Artikolu 13(1)(h) tar-[Regolament (KE) Nru 561/2006] għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi t-trakkijiet tat-tip ‘dumper’, li jimxu bil-magna tagħhom stess u b’piż massimu ta’ 25.5 tunnellata, li jkunu qegħdin jittrasportaw, billi jużaw it-triq pubblika, iż-żrar mill-barriera [minn fejn jiġi estratt] sal-post fejn ikunu qegħdin isiru x-xogħlijiet ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni tat-toroq?” |
Fuq id-domanda preliminari
25 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “vetturi wżati b’konnessjoni mal-manutenzjoni tat-toroq”, li jissemma fl-Artikolu 13(1)(h) tar-Regolament Nru 561/2006, liema vetturi jistgħu jiġu eżentati mill-użu ta’ takografu, għandux jiġi interpretat fis-sens li jinkludi vettura li tittrasporta ż-żrar mill-post fejn issir it-tagħbija sal-post fejn ikunu qegħdin isiru x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni tat-toroq. |
26 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1)(h) tar-Regolament Nru 561/2006 jirriproduċu, essenzjalment, dawk tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 3820/85, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 319). |
27 |
Issa, peress li r-Regolament Nru 561/2006 ma għamilx tibdil sostanzjali fir-rigward tal-kundizzjonijiet li kienu suġġetti għalihom id-derogi previsti fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 3820/85 u li l-għanijiet imfittxija mill-imsemmija regolamenti huma identiċi, għandu jsir riferiment għall-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq British Gas kif ukoll Mrozek u Jäger, fir-rigward tad-derogi previsti f’din l-aħħar dispożizzjoni. |
28 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fl-imsemmija sentenzi li, peress li l-imsemmija dispożizzjoni tar-Regolament Nru 3820/85 telenka ċerti kategoriji ta’ vetturi li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u għalhekk tikkostitwixxi deroga mis-sistema ġenerali, hija ma tistax tiġi interpretata b’mod li l-effetti tagħha jestendu lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi li hija tfittex li tiggarantixxi. Iktar minn hekk, il-portata tad-derogi li hija tipprovdi għandha tiġi ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-finijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara s-sentenzi British Gas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12; Mrozek u Jäger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9; tal-21 ta’ Marzu 1996, Goupil, C-39/95, Ġabra p. I-1601, punt 8). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’termini identiċi fir-rigward tad-derogi previsti fl-Artikoli 13(1)(d) u 3(h) tar-Regolament Nru 561/2006 (sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2005, Raemdonck u Raemdonck-Janssens, C-128/04, Ġabra p. I-2445, punt 19; tat-28 ta’ Lulju 2011, Seeger, C-554/09, Ġabra p. I-7131, punt 33, kif ukoll tat-3 ta’ Ottubru 2013, Lundberg, C‑317/12, punt 20). |
29 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 561/2006 għandu bħala għan, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 17 tiegħu u mill-Artikolu 1 tiegħu, li jarmonizza l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fir-rigward tas-settur tat-trasport bit-triq u li jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll tas-sigurtà fit-triq u dawn l-għanijiet jirriżultaw b’mod partikolari fl-obbligu li, fil-prinċipju, il-vetturi tat-trasport bit-triq jiġu mgħammra b’takografu approvat li jippermetti l-verifika tal-osservanza tal-ħinijiet ta’ sewqan u ta’ mistrieħ tas-sewwieqa (ara s-sentenza Lundberg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31 u ġurisprudenza ċċitata). |
30 |
Għal dak li jirrigwarda l-interessi li l-Artikolu 13(1)(h) tar-Regolament Nru 561/2006 jfittex li jiggarantixxi l-protezzjoni tagħhom, għandu jiġi osservat li d-derogi previsti f’din id-dispożizzjoni huma bbażati fuq in-natura tas-servizzi li magħhom huma marbuta l-vetturi. Mil-lista li tinsab f’din id-dispożizzjoni jirriżulta li s-servizzi msemmija f’din id-dispożizzjoni kollha jikkostitwixxu servizzi ġenerali ta’ interess pubbliku (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 3820/85, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq British Gas, punt 13; Mrozek u Jäger, punt 10, kif ukoll Goupil, punt 9). |
31 |
Mitluba tagħti iktar speċifikament interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “vetturi użati inkonnessjoni mas-servizz ta’ gass”, imsemmi fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 3820/85, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni hija intiża biss għall-vetturi użati fil-kuntest tat-trasport marbut kompletament u esklużivament mal-produzzjoni, mat-trażmissjoni jew mad-distribuzzjoni tal-gass jew mal-manutenzjoni tal-installazzjonijiet neċessarji għal dan il-għan, hekk li l-imsemmija deroga ma tapplikax għall-vetturi li jintużaw totalment jew parzjalment għat-trasport tat-tagħmir domestiku li jaħdem bil-gass (sentenza British Gas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21). |
32 |
Kwalunkwe interpretazzjoni oħra ta’ dan il-kunċett tippreġudika, b’mod partikolari, l-għan li jikkonsisti fl-eliminazzjoni tad-differenzi li jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-qasam tat-trasport bit-triq. Fil-fatt, impriża li teżerċita l-attivitajiet tagħha fil-qasam tal-produzzjoni, tat-trasport u tad-distribuzzjoni tal-gass, iżda li tipprovdi wkoll tagħmir domestiku li jaħdem bil-gass, filwaqt li tkun eżenti mill-obbligu li tuża takografu fil-vetturi użati għat-trasport ta’ dan it-tagħmir, tibbenefika b’dan il-mod minn vantaġġ kompetittiv fir-rigward ta’ impriżi li jipprovdu biss tali tagħmir, peress li hija tagħmel l-ekonomija fl-ispejjeż marbuta mal-installazzjoni u mal-manutenzjoni tal-imsemmija strumenti fuq dawn il-vetturi, spejjeż li l-impriżi l-oħra li jipprovdu tagħmir domestiku li jaħdem bil-gass ikollhom iħallsu (ara s-sentenza British Gas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19). |
33 |
Għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “ġbir taż-żibel”, imsemmi fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 3820/85, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan ikopri biss il-ġbir taż-żibel mill-post fejn ikun ġie ddepożitat. Hija kkonstatat li l-vetturi marbuta ma’ din l-attività jivvjaġġaw distanzi limitati u matul perijodu qasir, peress li t-trasport jibqa’ anċillari għall-ġbir. Minn dan isegwi li t-trasport taż-żibel li ma jissodisfax dawn il-kriterji ma jistax jibbenefika mill-eżenzjoni mill-obbligu li jintuża takografu (ara s-sentenza Mrozek u Jäger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12). |
34 |
Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza. |
35 |
Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-esklużività tat-trasport inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirriżulta mill-proċess li, fil-kawża prinċipali, iż-żrar kien intiż biss għal xogħlijiet ta’ manutenzjoni fit-toroq. Minn dan jirriżulta li dan it-trasport kien marbut kompletament u esklużivament mal-manutenzjoni tat-toroq, fis-sens tal-Artikolu 13(1)(h) tar-Regolament Nru 561/2006 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza British Gas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21). |
36 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni jekk it-trasport inkwistjoni kienx biss ta’ natura anċillari fir-rigward tax-xogħlijiet ta’ manutenzjoni tat-toroq, għandu jiġi kkunsidrat li, sabiex dan ikun il-każ, il-vettura kkonċernata għandha tintuża direttament sabiex tifrex iż-żrar fuq il-partijiet danneġġjati tat-toroq (ara, b’analoġija, is-sentenza Mrozek u Jäger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12). Min-naħa l-oħra, it-trasport biss ta’ żrar intiż għal xogħlijiet ta’ manutenzjoni fit-toroq ma jistax jitqies li jista’ jaqa’ taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 13(1)(h) tar-Regolament Nru 561/2006. |
37 |
Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għan, imsemmi fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 561/2006, dwar l-eliminazzjoni tad-differenzi li jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-qasam tat-trasport bit-triq. Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddeċidiet li d-deroga prevista fl-Artikolu 13(1)(h) tar-Regolament Nru 561/2006 tista’ tibbenefika kemm lill-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll lill-impriżi privati li jipprovdu, taħt il-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi, servizz ġenerali ta’ interess pubbliku (sentenza Mrozek u Jäger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15). Għalhekk, it-trasport tal-materjal neċessarju għall-finijiet tax-xogħlijiet ta’ manutenzjoni jista’, bħal fil-kawża prinċipali, isir minn fornitur privat u għaldaqstant jikkostitwixxi attività kummerċjali suġġetta, bħala tali, għall-kompetizzjoni. |
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżenzjoni ta’ vettura ta’ tali fornitur, li jittrasporta biss żrar sal-post fejn ikunu qegħdin isiru xogħlijiet, mill-obbligu li juża takografu, tagħtih vantaġġ kompetittiv fir-rigward ta’ fornituri fl-istess settur, sa fejn dan jagħmel l-ekonomija fl-ispejjeż marbuta mal-installazzjoni u mal-manutenzjoni tal-imsemmi tagħmir ta’ kontroll fuq dawn il-vetturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza British Gas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19). |
39 |
Barra minn hekk, għalkemm ir-Regolament Nru 561/2006 ma jipprovdix li l-vetturi, użati fil-kuntest ta’ attivitajiet marbuta mal-manutenzjoni u mas-sorveljanza tat-toroq, jistgħu jintużaw biss viċin il-post fejn isiru x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni tat-toroq sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-deroga prevista fl-Artikolu 13(1)(h) tal-imsemmi regolament, madankollu huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura anċillari tat-trasport fir-rigward tal-imsemmija xogħlijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza Mrozek u Jäger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12). |
40 |
Fil-fatt, il-vetturi li l-vjaġġi tagħhom huma limitati fil-ħin kif ukoll fl-ispazju jistgħu jiġu eżentati mill-obbligu li jkunu mgħammra b’takografu mingħajr ma dan il-fatt jippreġudika l-għanijiet tar-Regolament Nru 561/2006 intiżi sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tas-sigurtà fit-triq. |
41 |
Għall-kuntrarju, estensjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 13(1)(h) ta’ dan ir-regolament għall-vetturi li jivvjaġġaw distanzi relattivament twal ikollha bħala konsegwenza li s-sewwieqa ta’ tali vetturi jistgħu jkollhom bżonn isuqu għal sigħat twal mingħajr mistrieħ, u għalhekk tista’ tippreġudika l-imsemmija għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Seeger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36). |
42 |
F’dan il-kuntest, madankollu għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-portata tad-deroga prevista fl-Artikolu 13(1)(h) tar-Regolament Nru 561/2006 għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-imsemmi regolament, inkluż dak tas-sigurtà fit-triq. |
43 |
F’dan il-kuntest, huwa importanti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-attivitajiet marbuta mal-manutenzjoni tat-toroq jinkludu bosta xogħlijiet differenti bħal, b’mod partikolari, it-tiswija tad-danni fit-toroq, il-ġlieda kontra l-borra jew it-tneħħija tas-silġ. Dawn ix-xogħlijiet huma, b’mod partikolari, ikkaratterizzati minn diffikultà fl-ippjanar, li tvarja skont l-avvenimenti li jikkawżaw id-dannu lit-triq pubblika u min-neċessità li jsiru malajr kemm jista’ jkun. Iktar minn hekk, il-frekwenza ta’ dawn ix-xogħlijiet tiddependi ħafna mill-kundizzjonijiet meteoroloġiċi u mid-distanzi li jkollhom jivvjaġġaw il-vetturi użati bejn id-diversi postijiet fejn ikunu qegħdin isiru x-xogħlijiet, peress li dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jvarjaw fid-diversi reġjuni tal-Unjoni. Dan huwa l-każ għall-itwal distanzi bejn l-agglomerazzjonijiet tal-Istati Membri li huma kkaratterizzati minn densità ta’ popolazzjoni baxxa, bħal, b’mod partikolari, l-Istati Membri li jinsabu fit-Tramuntana tal-Unjoni Ewropea, għall-kuntrarju ta’ ċerti reġjuni fl-Istati Membri tal-Ewropa Ċentrali. |
44 |
Fil-każ ineżami, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-vettura inkwistjoni twaqqfet bejn wieħed u ieħor 42 kilometru mis-sede ta’ Karuse u bejn wieħed u ieħor 10 kilometri mill-post fejn kienu qegħdin isiru x-xogħlijiet. Min-naħa l-oħra, id-distanza bejn il-post fejn kienu qegħdin isiru dawn ix-xogħlijiet u l-post fejn tgħabba ż-żrar fuq din il-vettura ma ġietx indikata. |
45 |
Konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tal-kawża pendenti quddiemha u l-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq dwar iċ-ċirkustanzi ġeografiċi u klimatiċi partikolari li jipprevalu fir-reġjuni kkonċernati, jekk l-ivvjaġġar tal-vettura inkwistjoni fil-kawża prinċipali josservax ir-rekwiżiti ta’ distanza limitata u ta’ perijodu qasir sabiex it-trasport inkwistjoni ma jippreġudikax l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 561/2006. |
46 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 13(1)(h) tar-Regolament Nru 561/2006 ma jipprovdix li l-vetturi użati fil-kuntest tal-attivitajiet elenkati fih huma suġġetti għal limitazzjoni fir-rigward tal-piż massimu tagħhom jew tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-deroga minn din id-dispożizzjoni. Għalhekk, ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tar-risposta għad-domanda li saret, il-piż massimu ta’ 25.5 tunnellata tal-vettura użata f’dan il-każ, u lanqas il-fatt li dan il-każ jirrigwarda trakk tat-tip “dumper”, li jimxi bil-magna tiegħu stess. |
47 |
Barra minn hekk, għandu jiġi speċifikat li, fil-limitazzjonijiet hekk iddefiniti, vjaġġi mingħajr tagħbija tal-vetturi użati fil-kuntest ta’ attivitajiet marbuta mal-manutenzjoni tat-toroq kif ukoll il-vjaġġi li jagħmlu fil-kuntest tal-preparazzjoni tal-imsemmija trasport jaqgħu wkoll taħt l-Artikolu 13(1)(h) tar-Regolament Nru 561/2006 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mrozek u Jäger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14). |
48 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-kunċett ta’ “vetturi wżati b’konnessjoni mal-manutenzjoni tat-toroq”, li jissemma fl-Artikolu 13(1)(h) tar-Regolament Nru 561/2006, liema vetturi jistgħu jiġu eżentati mill-użu ta’ takografu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi vetturi li jittrasportaw materjal sal-post fejn ikunu qegħdin isiru x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni tat-toroq, sakemm it-trasport ikun marbut kompletament u esklużivament mat-twettiq tal-imsemmija xogħlijiet u jikkostitwixxi attività anċillari għalihom. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti fil-kawża prinċipali. |
Fuq l-ispejjeż
49 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Il-kunċett ta’ “vetturi wżati b’konnessjoni mal-manutenzjoni tat-toroq”, li jissemma fl-Artikolu 13(1)(h) tar-Regolament Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85, liema vetturi jistgħu jiġu eżentati mill-użu ta’ takografu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi vetturi li jittrasportaw materjal sal-post fejn ikunu qegħdin isiru x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni tat-toroq, sakemm it-trasport ikun marbut kompletament u esklużivament mat-twettiq tal-imsemmija xogħlijiet u jikkostitwixxi attività anċillari għalihom. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti fil-kawża prinċipali. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.