EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0196

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-19 ta’ Novembru 2013.
Il‑Kummissjoni Ewropea vs Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni — Aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal oħra tal-Unjoni Ewropea — Regolamenti tal-Persunal — Aġġustament tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni — Deċiżjoni tal-Kunsill — Rifjut li tiġi adottata l-proposta tal-Kummissjoni — Nuqqas li tittieħed azzjoni — Inammissibbiltà.
Kawża C‑196/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:753

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Novembru 2013 ( *1 )

“Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni — Aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal oħra tal-Unjoni Ewropea — Regolamenti tal-Persunal — Aġġustament tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni — Deċiżjoni tal-Kunsill — Rifjut li tiġi adottata l-proposta tal-Kummissjoni — Nuqqas li tittieħed azzjoni — Inammissibbiltà”

Fil-Kawża C‑196/12,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni skont l-Artikolu 265 TFUE, ippreżentat fis-26 ta’ April 2012,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall, D. Martin u J.‑P. Keppenne, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

sostnuta minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn A. Neergaard u S. Seyr, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u J. Herrmann, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad u S. Centeno Huerta, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels u M. Bulterman, bħala aġenti,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn E. Jenkinson u J. Beeko, bħala aġenti, assistiti minn R. Palmer, barrister,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz (Relatur), E. Juhász, M. Safjan, C. G. Fernlund u J. L. da Cruz Vilaça, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, G. Arestis, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Settembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma adottax il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Kunsill li jaġġusta, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011, ir-rimunerazzjoni u l-pensjoni tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea u l-koeffiċjenti korrettivi li japplikaw għalihom [COM(2011) 820 finali, iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ regolament”], il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, u li jwaqqaf miżuri speċjali applikabbli temporanjament għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1080/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010 (ĠU L 311, p. 1), fil-verżjoni li tirriżulta minn rettifika ppubblikata fil-5 ta’ Ġunju 2012 (ĠU L 144, p. 48, iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“1.   Il-Kunsill għandu kull sena jirrevedi r-remunerazzjonijiet ta’ l-uffiċjali u mpjegati oħra tal-Unjoni. Din ir-reviżjoni għandha ssir f’Settembru minħabba r-rapport konġunt tal-Kummissjoni bbażat fuq indiċi konġunt ippreparat mill-Uffiċju ta’ l-Istatistika tal-Unjoni bi ftehim ma’ l-uffiċċji ta’ l-Istatistika nazzjonali ta’ l-Istati Membri; l-indiċi għandu jirrifletti s-sitwazzjoni fl-1 ta’ Lulju ta’ kull wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni.

Matul dan l-eżami, il-Kunsill jistudja jekk huwiex xieraq, fil-kuntest tal-politika ekonomika u soċjali tal-Unjoni, li jsir adattament tar-remunerazzjonijiet. B’mod partikolari għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ż-żieda eventwali tar-remunerazzjonijiet bażi pubbliċi u n-neċessitajiet tar-reklutaġġ.

2.   Fil-każ ta’ bidla sostanzjali fl-għoli tal-ħajja, il-Kunsill għandu jiddeċiedi, fi żmien xahrejn, x’aġġustamenti għandhom isiru għall-peżati u jekk ikun il-każ japplikawhom b’lura.

3.   Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni kif provdut fl-Artikolu 16(4) u (5) [TUE].”

3

Skont l-Artikolu 82(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, meta l-Kunsill jieħu deċiżjoni dwar aġġustament tar-remunerazzjonijiet skont l-Artikolu 65(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-istess aġġustament għandu japplika għall-pensjonijiet miksuba.

4

Skont l-Artikolu 65a tar-Regolamenti tal-Persunal, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 64 u 65 huma ddefiniti fl-Anness XI tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal.

5

L-Artikolu 1 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 1 tal-ewwel kapitolu ta’ dan l-anness, jipprovdi li, għall-finijiet tal-eżami previst fl-Artikolu 65(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Eurostat għandu jistabbilixxi, kull sena qabel tmiem ix-xahar ta’ Ottubru, rapport dwar l-evoluzzjoni tal-għoli tal-ħajja fi Brussell (il-Belġju) (indiċi internazzjonali ta’ Brussell), dwar l-evoluzzjoni tal-għoli tal-ħajja barra minn Brussell (paritajiet ekonomiċi u indiċi impliċiti), kif ukoll l-evoluzzjoni tal-kapaċità tal-akkwist tar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali nazzjonali tal-amministrazzjonijiet ċentrali fi tmien Stati Membri (indikaturi speċifiċi).

6

Skont il-kliem tal-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, li jinkludi s-sezzjoni 2 tal-ewwel kapitolu ta’ dan l-anness, intitolat “Arranġamenti għall-aġġustamenti ta’ kull sena tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet”:

“1.   Taħt l-Artikolu 65(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni u fuq il-bażi tal-kriterji ppreżentati fl-Ewwel Taqsima ta’ dan l-Anness, għandu jieħu deċiżjoni qabel l-aħħar ta’ kull sena, u jaġġusta r-remunerazzjoni u l-pensjonijiet, b’effett mill-1 ta’ Lulju.

2.   L-ammont ta’ l-aġġustament għandu jinkiseb billi l-Indiċi Internazzjonali ta’ Brussel ikun immoltiplikat bl-indikatur speċifiku. L-aġġustament għandu jkun f’termini netti bħala persentaġġ uniformi fuqhom kollha.

[...]

5.   L-ebda koeffiċjent tal-korrezzjoni m’huwa applikabbli fil-Belġju u fil-Lussemburgu. Il-koeffiċjenti tal-korrezzjoni applikabbli:

a)

għas-salarji ta’ l-uffiċjali tal-Unjoni li jaħdmu fl-Istati Membri l-oħra u f’ċerti postijiet oħra ta’ mpjieg,

b)

[...] għall-pensjonijiet tal-Unjoni mħallsa fl-Istati Membri l-oħra għall-parti li tikkorrospondi mad-drittijiet akwistati qabel l-1 ta’ Mejju 2004,

għandhom ikunu stabbiliti fuq il-bażi tal-proporzjon bejn il-paritajiet ekonomiċi li jikkorrospondu riferuti fl-Artikolu 1 ta’ dan l-Anness u r-rati tal-kambju speċifikati fl-Artikolu 63 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-pajjiżi relevanti.

[...]”

7

Il-Kapitolu 5 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intitolat “Klawżola ta’ eċċezzjoni”. Huwa kompost mill-uniku Artikolu 10 li jipprovdi:

“Jekk ikun hemm deterjorament serju u bla mistenni fis-sitwazzjoni ekonomka u soċjali ġewwa l-Komunità, eżaminata fuq bażi ta’ data oġġettiva pprovduta għl dan l-iskop mill-Kummissjoni, tal-aħħar għandha tibgħat proposti xierqa li fuqhom il-Kunsill jista’ jaġixxi skont il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 336 [TFUE].”

8

Skont l-Artikolu 15(1) tal-imsemmi anness, id-dispożizzjonijiet previsti f’dan l- anness huma applikabbli għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2004 sal-31 ta’ Diċembru 2012.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

9

Peress li qieset li l-kriżi ekonomika u finanzjarja reċenti fl-Unjoni tat lok għal “deterjorament serju u bla mistenni fis-sitwazzjoni ekonomka u soċjali ġewwa l-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kunsill, fix-xahar ta’ Diċembru 2010, talab lill-Kummissjoni tippreżenta, maż-żmien, abbażi tal-Artikolu 10, proposti adatti sabiex il-Parlament Ewropew u huwa stess jeżaminawhom u jadottawhom qabel tmiem is-sena 2011.

10

B’risposta għal din it-talba, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill, fit-13 ta’ Lulju 2011, ir-rapport dwar il-klawżola ta’ eċċezzjoni (Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal) [COM(2011) 440 finali], li fih hija kkonkludiet, billi bbażat ruħha fuq ħmistax-il indikatur u fuq il-previżjonijiet ekonomiċi Ewropej ippubblikati mid-Direttorat Ġenerali tagħha “Affarijiet ekonomiċi u finanzjarji” fit-13 ta’ Mejju 2011, li ma kienx hemm lok li tiġi ppreżenta proposta skont l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal.

11

L-eżami ta’ dan ir-rapport ta lok għal diskussjonijiet fi ħdan il-Kunsill, li rriżultaw f’talba ġdida mill-Kunsill indirizzata lill-Kummissjoni u intiża għall-implementazzjoni tal-imsemmi Artikolu 10 u għall-preżentazzjoni ta’ proposta adatta ta’ aġġustament tar-remunerazzjonijiet.

12

B’risposta għal din it-talba, il-Kummissjoni ppreżentat il-Komunikazzjoni COM(2011) 829 finali, tal-24 ta’ Novembru 2011, li tipprovdi informazzjoni supplimentari għar-Rapport COM(2011) 440 finali, li kien b’mod partikolari bbażat fuq il-previżjonijiet ekonomiċi trażmessi mid-Direttorat Ġenerali tagħha “Affarijiet ekonomiċi u finanzjarji” fl-10 ta’ Novembru 2011. Il-Kummissjoni kkonkludiet mill-ġdid li l-Unjoni ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni straordinarja fis-sens tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal u li għaldaqstant ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti lok għall-klawżola ta’ eċċezzjoni.

13

Fl-istess jum, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha ta’ regolament flimkien ma’ espożizzjoni tal-motivi. L-aġġustament tar-remunerazzjonijiet propost abbażi tal-metodu “normali” previst fl-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal kien ta’ 1.7 %.

14

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/866/UE, tad-19 ta’ Diċembru 2011, li tikkonċerna l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jaġġusta, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011, ir-rimunerazzjoni u l-pensjoni tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea u l-koeffiċjenti korrettivi li japplikaw għalihom (ĠU L 341, p. 54), il-Kunsill iddeċieda “li jopponi l-adozzjoni tal-proposta [ta’ regolament]”, b’mod partikolari għall-motivi segwenti:

“(8)

[...] Il-Kunsill huwa konvint li l-kriżi finanzjarja u ekonomika li hemm bħalissa fl-Unjoni u li tirriżulta f’aġġustamenti fiskali sostanzjali, inter alia aġġustamenti fis-salarji ta’ uffiċjali nazzjonali, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tikkostitwixxi deterjorament serju u ħesrem [bla mistenni] tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni.

[...]

(13)

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kunsill jikkunsidra li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ deterjorament serju u ħesrem [bla mistenni] fis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali u r-rifjut tagħha li tressaq proposta taħt l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal hija bbażata fuq raġunijiet manifestament insuffiċjenti u żbaljati.

(14)

Ladarba l-Qorti [...] ddeċidiet fil-kawża [li tat lok għas-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-40/10, Ġabra p. I-12043)] li, għall-perijodu ta’ applikazzjoni tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10 tiegħu, tikkostitwixxi l-uniku mezz li bih jittieħed kont ta’ kriżi ekonomika fl-aġġustament tar-rimunerazzjoni, il-Kunsill kien dipendenti fuq proposta mill-Kummissjoni li tapplika dak l-Artikolu fi żmenijiet ta’ kriżi.

(15)

Il-Kunsill huwa konvint li fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal u skont id-dmir ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet kif stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) [TUE], il-Kummissjoni kienet obbligata tippreżenta proposta adatta lill-Kunsill. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni u n-nuqqas tagħha li tippreżenta tali proposta jiksru għalhekk dak l-obbligu.

(16)

Ladarba l-Kunsill jista’ jaġixxi biss fuq proposta mill-Kummissjoni, in-nuqqas tal-Kummissjoni li tasal għall-konklużjonijiet korretti mill-evidenza u li tippreżenta proposta taħt l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal impedixxa lill-Kunsill milli jirreaġixxi korrettement għad-deterjorament serju u ħesrem [bla mistenni] fis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali permezz ta’ att taħt l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal”.

15

Filwaqt li ppreżentat rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE kontra d-Deċiżjoni 2011/866, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑63/12), il-Kummissjoni ttrażmettiet lill-President tal-Kunsill ittra fil-25 ta’ Jannar 2012, irreġistrata fis-Segretarjat tal-Kunsill fl-20 ta’ Frar 2012, li biha stiednet lil dan tal-aħħar, skont l-Artikolu 265 TFUE, jadotta proposta ta’ regolament f’xahrejn min-notifika ta’ din l-ittra. Il-Kunsill “ħa nota” tal-imsemmija ittra.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, billi ma adottax il-proposta ta’ regolament, il-Kunsill naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

17

Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Settembru 2012, il-Parlament ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

Fuq ir-rikors

19

Il-Kummissjoni ssostni li dan ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni huwa ppreżentat bħala miżura ta’ prekawzjoni, fil-każ li l-aġir tal-Kunsill jitqies li huwa nuqqas li tittieħed azzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-aġġustament tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni, u fil-każ li, fil-kuntest tar-rikors għal annullament ippreżentat kontra d-Deċiżjoni 2011/866, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li din tal-aħħar ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat.

20

Il-Kummissjoni ssostni li, fil-każ li din id-deċiżjoni ma tkunx tikkostitwixxi rifjut “ġenwin” li tiġi adotta proposta ta’ regolament, il-Kunsill ikun kiser l-obbligu tiegħu li jaġixxi skont l-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri l-obbligu li tiġi adottata proposta ppreżentata mill-Kummissjoni qabel it-tmiem tas-sena pendenti. Fl-assenza ta’ proposta skont l-Artikolu 10 ta’ dan l-anness, ma tkunx ġietx osservata kundizzjoni formali ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, b’mod li, skont is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata, il-Kunsill kien ikun marbut jadotta l-proposta ta’ regolament ibbażata fuq l-imsemmi Artikolu 3.

21

Skont l-Artikolu 265(1) TFUE, istituzzjoni tal-Unjoni tista’ tressaq azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi kkonstatat, skont it-Trattati, li l-Kunsill naqas milli jieħu azzjoni.

22

Dan ir-rimedju legali huwa bbażat fuq il-premessa li l-illegalità tan-nuqqas ta’ azzjoni ta’ istituzzjoni tippermetti, b’mod partikolari, lill-istituzzjonijiet l-oħra, iressqu azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex hija tiddikjara li n-nuqqas li tittieħed azzjoni jmur kontra t-Trattat FUE. L-imsemmi artikolu jikkonċerna n-nuqqas li tittieħed azzjoni minħabba n-nuqqas li tiġi adottata deċiżjoni jew li tittieħed pożizzjoni u mhux l-adozzjoni ta’ att differenti minn dak mixtieq jew meqjus neċessarju mir-rikorrent (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1992, Buckl et vs Il-Kummissjoni, C-15/91 u C-108/91, Ġabra p. I-6061, punt 17, kif ukoll tas-16 ta’ Frar 1993, ENU vs Il-Kummissjoni, C-107/91, Ġabra p. I-599, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Fil-każ ineżami, il-Kunsill ħa pożizzjoni dwar il-proposta ta’ regolament billi adotta d-Deċiżjoni 2011/866 li tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 29 sa 33 tas-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata.

24

Fil-fatt, sabiex jikkomunika l-pożizzjoni tiegħu dwar l-imsemmija proposta, il-Kunsill formalment adotta “deċiżjoni” li ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje L, li jinkludi l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

25

Barra minn hekk, il-Kunsill irrileva, fil-premessi tad-Deċiżjoni 2011/866 li, fir-rigward tal-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali, il-Kummissjoni kienet marbuta tippreżenta proposta adatta skont il-klawżola ta’ eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal.

26

Isegwi li l-Kunsill ma naqasx milli jieħu deċiżjoni fuq proposta ta’ regolament, li kienet ibbażata fuq l-Artikolu 3 ta’ dan l-anness, iżda li, essenzjalment, huwa ċaħad tali proposta.

27

Dan it-teħid ta’ pożizzjoni jikkonċerna l-proposta ta’ regolament fl-intier tagħha, inkluż l-aġġustament tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni, minkejja li l-Kunsill ma spjegax separatament il-motivi li għalihom huwa rrifjuta li jaġġusta l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni.

28

Fil-fatt, minn naħa, it-titolu tad-Deċiżjoni 2011/866 u d-dispożittiv tagħha jirreferu għat-titolu sħiħ tal-proposta ta’ regolament.

29

Min-naħa l-oħra, il-klawżola ta’ eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni 2011/866, ibbażata fuq il-motiv li l-Kummissjoni kellha tippreżenta proposta abbażi tal-Artikolu 10 minflok ma tippreżenta proposta ta’ regolament abbażi tal-Artikolu 3 tal-imsemmi anness, ikopru l-aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet fl-intier tagħhom, jiġifieri kemm l-aġġustament tal-livell ġenerali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet kif ukoll dak tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 90 sa 95 u 100 sa 103 tas-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 265 TFUE ma humiex osservati.

31

Konsegwentement, ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

32

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill. Skont l-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjez rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-Parlament Ewropew għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top